Language of document : ECLI:EU:T:2014:47

Kawża T‑168/13

European Platform Against Windfarms (EPAW)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat – Assenza ta’ prova ta’ eżistenza ġuridika – Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Inammissibbiltà manifesta”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Jannar 2014

Rikors għal annullament – Locus standi – Persuni ġuridiċi – Kunċett – Pussess tal-personalità ġuridika skont id-dritt nazzjonali jew rikonoxximent mill-istituzzjonijiet Komunitarji bħala entità ġuridika indipendenti

(Artikolu 263(4) TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(5)(a); Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-twaqqif ta’ Reġistru tat-Trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE)

L-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, ippreżentat minn entità skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tiddependi qabelxejn mill-kwalità tal-persuna ġuridika ta’ din tal-aħħar.

L-Artikolu 44(5) tar-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi f’dan ir-rigward li, jekk ir-rikorrenti tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, hija għandha tehmeż mar-rikors tagħha l-istatuti tagħha jew estratt reċenti mir-reġistru tal-kumpanniji, jew estratt reċenti mir-reġistru tal-assoċjazzjonijiet jew kull prova oħra li turi l-eżistenza ġuridika tagħha, kif ukoll il-prova li l-mandat mogħti lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop.

Dritt ta’ aġir, skont leġiżlazzjoni settorjali, limitata, u speċifika quddiem istanza waħda, li, barra minn hekk, in-natura ġudizzjarja tagħha ma hijiex stabbilita b’mod sħiħ, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti għandha, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha, personalità ġuridika rregolata taħt id-dritt komuni li tawtorizzaha, fl-assenza ta’ kull prova dokumentali dwar l-eżistenza ġuridika tagħha, li tadixxi l-qrati tal-Unjoni b’rikors abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Il-prova tal-eżistenza ġuridika ma hijiex stabbilita permezz tal-iskrizzjoni tar-rikorrenti fir-reġistru ta’ trasparenza tal-Unjoni stabbilit abbażi tal-Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-twaqqif ta’ Reġistru tat‑Trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE, sa fejn l-iskrizzjoni fl-imsemmi reġistru ma hijiex suġġett għall-eżistenza tal-personalità ġuridika tal-entità inkwistjoni.

Fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, rikorrenti jkollha l-kwalità ta’ persuna ġuridika jekk hija tkun tqieset mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala entità ġuridika indipendenti. F’dan ir-rigward, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk rikorrenti tqisitx minn istituzzjoni bħala entità ġuridika indipendenti huma, l-ewwel nett, ir-rappreżentattività tal-entità inkwistjoni, it-tieni nett, l-awtonomija tagħha, meħtieġa sabiex taġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet legali, kif iggarantiti mill-istruttura interna tagħha skont l-istatuti tagħha, u, it-tielet nett, il-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni rrikonoxxiet l-entità inkwistjoni bħala interlokutriċi. Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni ikkunsidrat lir-rikorrenti bħala entità ġuridika indipendenti fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikun ta’ natura li juri l-kwalità tagħha ta’ persuna ġuridika, sa fejn dan it-trattament ingħata minħabba komunikazzjoni, mibgħuta mir-rikorrent stess, ta’ informazzjoni żbaljata.

(ara l-punti 9, 10, 16, 17, 19, 23-26)