Language of document : ECLI:EU:T:2013:415





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Settembru 2013 —
L‑Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑126/09)

“Sistema lingwistika — Avviżi ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi — Pubblikazzjoni sħiħa fi tliet lingwi uffiċjali — Informazzjoni dwar l-avviżi ta’ kompetizzjonijiet ġenerali — Pubblikazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha — Lingwa tal-eżamijiet — Għażla tat-tieni lingwa fost tliet lingwi uffiċjali”

1.                     Uffiċjali — Kompetizzjonijiet — Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali — Pubblikazzjoni sħiħa fil-Ġurnal Uffiċjali biss f’ċerti lingwi uffiċjali u notifika fil-qosor fil-lingwi kollha — Inammissibbiltà — Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d(1) u (6), Anness III, Artikolu 1(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 5) (ara l-punti 22-28)

2.                     Uffiċjali — Kompetizzjonijiet — Żvolġiment ta’ kompetizzjoni ġenerali — Lingwi ta’ parteċipazzjoni fl-eżamijiet — Ugwaljanza fit-trattament — Rekwiżit ta’ konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi — Motivazzjoni — Ġustifikazzjoni fir-rigward tal-interess tas-servizz — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d(1) u (6), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27 u Artikolu 28(f); Anness III Artikolu 1(1)(f); Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 1) (ara l-punti 33-39)

3.                     Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali — Aspettattivi leġittimi tal-kandidati magħżula — Assenza ta’ kontestazzjoni tar-riżultati tal-kompetizzjoni (Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91) (ara l-punti 48, 49)

Suġġett

Talba għall-annullament tal-avviżi tal-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/144/09, fil-qasam tas-saħħa pubblika, EPSO/AD/145/09, fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel (politika u leġiżlazzjoni), u EPSO/AD/146/09, fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel (kontabbiltà, spezzjoni u evalwazzjoni), għall-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi (AD 5) ta’ ċittadinanza Bulgara, Ċiprijotta, Estonjana, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Rumena, Slovakka, Slovena u Ċeka, ippubblikati fil-verżjoni Ġermaniża, Ingliża u Franċiża ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Jannar 2009 (ĠU C 9 A, p. 1).

Dispożittiv

1)

L-avviżi tal-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/144/09, fil-qasam tas-saħħa pubblika, EPSO/AD/145/09, fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel (politika u leġiżlazzjoni), u EPSO/AD/146/09, fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel (kontabbiltà, spezzjoni u evalwazzjoni), għall-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi (AD 5) ta’ ċittadinanza Bulgara, Ċiprijotta, Estonjana, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Rumena, Slovakka, Slovena u Ċeka, ippubblikati fil-verżjoni Ġermaniża, Ingliża u Franċiża ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Jannar 2009, huma annullati.

2)

Ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibati l-ispejjeż rispettivi tagħhom.