Rikors ippreżentat fis-26 ta' April 2012 - HTTS vs Il-Kunsill
(Kawża T-182/12)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Kienzle u M. Schlingmann, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta' Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010, sa fejn huwa jikkonċernaha;
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
L-ewwel motiv: ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, b'mod partikolari, l-obbligu ta' motivazzjoni, sa fejn huwa ma mmotivax suffiċjentement l-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrenti fil-lista tal-persuni, korpi u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi skont l-Artikolu 23 tar-regolament ikkontestat.
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kunsill kiser id-dritt għal smigħ tagħha, sa fejn hija ma kellhiex l-okkażjoni tesprimi l-fehma tagħha qabel ma ġiet inkluża mill-ġdid fil-listi ta' sanzjoni u għalhekk ma setgħetx tinċita lill-Kunsill sabiex dan jirrevedi l-lista.
It-tieni motiv: inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrenti fil-listi ta' sanzjoni infondata
Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi mressqa mill-Kunsill ma jiġġustifikawx l-inklużjoni tagħha mill-ġdid fil-listi ta' sanzjoni, u huma, fil-kontenut tagħhom, foloz. Ir-rikorrenti tgħid, b'mod partikolari, li ma hijiex taħt il-kontroll ta' IRISL.
Skont ir-rikorrenti, l-inklużjoni tagħha fil-listi ta' sanzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata, magħmula mill-Kunsill, tas-sitwazzjoni u tal-attivitajiet tagħha.
It-tielet motiv: ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għar-rispett ta' proprjetà
Ir-rikorrenti ssostni li l-inklużjoni tagħha mill-ġdid fil-listi ta' sanzjoni tikser mingħajr ġustifikazzjoni d-dritt fundamentali tagħha għall-proprjetà, peress li hija ma tistax tifhem, minħabba l-motivazzjoni insuffiċjenti tal-Kunsill, għal liema raġunijiet hija ġiet inkluża mill-ġdid fil-lista tal-persuni ssanzjonati.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-inklużjoni tagħha fil-listi ta' sanzjoni tikser mingħajr ġustifikazzjoni d-drittijiet tagħha ta' proprjetà u li ma hijiex, manifestament, xierqa sabiex tilħaq l-għanijiet tar-regolament ikkontestat. F'kull każ, ir-rikorrenti tqis li l-inklużjoni tagħha tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.
____________