Language of document : ECLI:EU:T:2014:849

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

2 ta’ Ottubru 2104 (*)

“REACH — Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza — Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju — Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża — Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑177/12,

Spraylat GmbH, stabbilita f’Aix-la-Chapelle (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Fischer, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä, A. Iber u C. Schultheiss, bħala aġenti, assistiti minn M. Kuschewsky, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn D. Düsterhaus u E. Manhaeve, sussegwentement minn B. Eggers u M. Manhaeve, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Fattura Nru 10030371 maħruġa mill-ECHA fil-21 ta’ Frar 2012, li tistabbilixxi l-ammont tal-ispiża amministrattiva imposta fuq ir-rikorrenti u, bħala miżura kawtelatorja, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni SME (2012) 1445 tal-ECHA, tal-15 ta’ Frar 2012, li tikkonstata li r-rikorrenti ma tissodisfax ir-rekwiżiti sabiex tibbenefika mit-tnaqqis fil-ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar u li timponilha ħlasijiet amministrattivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President tal-Awla, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ Novembru 2010, il-kumpannija Spraylat Boya Sanayi ve Ticaret Sirketi (iktar ’il quddiem “Spraylat Boya”), stabbilita fit-Turkija, irreġistrat sustanza skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

2        Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tas-sustanza kkonċernata, Spraylat Boya kienet irrappreżentata mir-rikorrenti, Spraylat GmbH, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1907/2006. Waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ir-rikorrenti indikat li Spraylat Boya kienet impriża “żgħira”, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/CE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, p. 36). Din id-dikjarazzjoni ppermettitilha tibbenefika minn tnaqqis fil-ħlas dovut għal kull talba għal reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont l-Artikolu 74(1) tal-istess regolament, l-imsemmi ħlas ġie ddefinit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 107, p. 6). L-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 jinkludi l-ammonti tal-ħlasijiet dovuti għal talbiet għal reġistrazzjoni mressqa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ukoll it-tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija tal-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija tal-obbligu, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha timponi ħlas sħiħ jew spiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva. F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA adotta, fit-12 ta’ Novembru 2010, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi li fir-rigward tagħhom jinġabru l-ispejjeż. Fl-Artikolu 2 u fit-Tabella 1 ta’ dik id-deċiżjoni hemm indikat li l-ispiża amministrattiva msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 hija ta’ EUR 20 700 għall-impriżi l-kbar, ta’ EUR 14 500 għal impriża ta’ daqs medju, ta’ EUR 8 300 għal impriża żgħira u ta’ EUR 2 070 għal impriża mikro.

3        Fl-1 ta’ Diċembru 2010 ir-rikorrenti ħallset il-Fattura Nru 10024214, maħruġa mill-ECHA li kienet tammonta għal EUR 480. Dan l-ammont kien jikkorrispondi, skont l-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 kif applikabbli fil-mument ta’ meta seħħu l-fatti, għall-ħlas dovut minn impriża żgħira, fil-kuntest ta’ preżentazzjoni konġunta, għas-sustanzi fi kwantità ta’ bejn tunnellata u għaxar tunnellati.

4        Fis-27 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ntgħażlet mill-ECHA sabiex tifforma parti min kampjun ta’ impriżi, sabiex jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet tagħhom bħala impriżi żgħar jew ta’ daqs medju. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ġiet mistiedna tipproduċi numru ta’ dokumenti.

5        Wara skambju ta’ dokumenti u ta’ ittri elettroniċi bejn l-ECHA u r-rikorrenti, din tal-aħħar ammettiet li d-dikjarazzjoni inizjali tagħha bħala impriża żgħira kienet żbaljata u li hija kellha tiddikjara lil Spraylat Boya bħala impriża kbira, fid-dawl tal-kriterji rilevanti li għandhom jiġu applikati u wara verifika min-naħa tagħha. Ir-rikorrenti indikat ukoll li hija kienet lesta li tħallas il-ħlasijiet applikabbli għal impriża kbira.

6        Fil-15 ta’ Frar 2012 l-ECHA bagħtet lir-rikorrenti d-Deċiżjoni SME (2012) 1445 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni l-ECHA informat lir-rikorrenti li Spraylat Boya kellha tiġi kkunsidrata bħala impriża kbira u li kellha tibatilha fattura li tkopri d-differenza bejn il-ħlasijiet magħmula inizjalment u l-ħlasijiet finalment dovuti u fattura għall-ħlas tal-ispiża amministrattiva korrispondenti.

7        Fil-21 ta’ Frar 2012, l-ECHA ħarġet il-Fattura Nru 10030371, li kienet tammonta għal EUR 20 700, għall-ħlas tal-ispiża amministrattiva (iktar ’il quddiem il-“fattura kkontestata”).

8        Fis-7 ta’ Marzu 2012, l-ECHA ħarġet il-Fattura Nru 10030369, li kienet tammonta għal EUR 720, li tkopri d-differenza bejn il-ħlasijiet magħmula inizjalment u l-ħlasijiet finalment dovuti, jiġifieri EUR 1 200.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Mejju 2012, din il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla.

11      B’digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Settembru 2012, u wara li nstemgħu l-partijiet, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ECHA.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2013, din il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lit-Tieni Awla u lil Imħallef relatur ġdid.

13      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil dik l-Awla.

14      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

15      Fit-2 ta’ April 2014, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ECHA ġiet mistiedna tirrispondi għal ċerti argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-replika. L-ECHA rrispondiet fit-termini mogħtija.

16      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-14 ta’ Mejju 2014.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-fattura kkontestata;

–        bħala miżura kawtelatorja, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

18      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

20      Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-Regolamenti Nru 1907/2006 u Nru 340/2008. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz tat-tielet motiv tagħha r-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Permezz tar-raba’ motiv tagħha r-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq delaga illegali ta’ kompetenzi favur l-ECHA.

21      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tal-fattura kkontestata. Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix l-elementi essenzjali kollha tal-obbligi tar-rikorrenti, b’mod partikolari l-ammont tal-ispiża amministrattiva, il-fattura kkontestata f’dan il-każ tikkostitwixxi d-dokument li permezz tiegħu l-ECHA stabbiliet fid-dettall l-ammont tal-krediti dovuti mir-rikorrenti. Għalhekk, il-fattura kkontestata hija att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti u jista’ għalhekk ukoll ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-8 ta’ Marzu 2012, Octapharma Pharmazeutika vs EMA, T‑573/10, EU:T:2012:114, punt 45).

22      Ukoll b’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-motivi wieħed sa erba’, ir-rikorrenti fir-realtà teċċepixxi l-illegalità tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010, kif hija kkonfermat matul is-seduta. Barra minn hekk, waqt is-seduta l-ECHA u l-Kummissjoni indikaw li huma kienu fehmu l-argumenti tar-rikorrenti f’dan is-sens, fatt li ttieħed nota tiegħu. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-ECHA jirriżulta, barra minn hekk, li hija ħadet pożizzjoni fuq l-argumenti magħmula mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

23      Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 277 TFUE “kwalunkwe parti tista’, fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu ta’ l-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dak l-att quddiem il-[Qorti tal-Unjoni]”.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura d-dritt ta’ kull parti li tikkontesta, bil-għan li tikseb l-annullament ta’ att li jikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi legali tal-att ikkontestat, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li tagħhom hija għalhekk tbati l-konsegwenzi mingħajr ma tkun f’pożizzjoni li titlob li jiġu annullati (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Sina Bank vs Il‑Kunsill, T‑15/11, Ġabra, EU:T:2012:661, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      L-eċċezzjoni ta’ illegalità prevista fl-Artikolu 277 TFUE għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ fis-sens li din tinkludi l-atti kollha ta’ portata ġenerali (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il‑Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, Ġabra, EU:T:1993:89, punt 56). Din għandha wkoll tiġi interpretata bħala li testendi għal atti li, għalkemm ma jikkostitwixxux formalment il-bażi legali tal-att ikkontestat, għandhom rabta legali diretta miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra, EU:T:2006:391, punt 250 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’din il-kawża, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 hija att ta’ portata ġenerali sa fejn din tapplika għal sitwazzjonijiet oġġettivament iddeterminati u li jinvolvu effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2012, Eurofer vs Il-Kummissjoni, T‑381/11, Ġabra, EU:T:2012:273, punt 29), fatt li dwaru l-partijiet qablu waqt is-seduta.

27      Barra minn hekk, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 għandha rabta legali diretta mad-deċiżjoni kkontestata u mal-fattura kkontestata sa fejn din tiffissa, fl-Anness 1 tagħha, il-livell ta’ spejjeż amministrattivi applikabbli skont id-daqs tal-impriżi.

28      Fl-aħħar nett, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kellha d-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra d-Deċiżjoni MB/D/29/2010, fatt li barra minn hekk ma ġiex sostnut mill-partijiet.

29      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti tista’ tikkontesta b’mod inċidentali l-legalità tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010 fil-kuntest ta’ din il-kawża.

30      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel jiġi eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn dan iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-Deċiżjoni MB/D/29/2010.

31      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ispiża amministrattiva ta’ EUR 20 700 ma tikkorrispondix mas-servizz mogħti mill-ECHA. Għalhekk, l-iffissar ta’ din l-ispiża jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti osservat ukoll li l-evalwazzjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kellha ssir fid-dawl tas-sitwazzjoni tagħha u tal-fatt li hemm differenza kbira bejn ammont ta’ ħlas ta’ EUR 1 000, jew ta’ EUR 2 000, u ammont ta’ iktar minn EUR 20 000 bħala spiża amministrattiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti essenzjalment indikat li hija ma kellha ebda interess li tibgħat informazzjoni falza lill-ECHA għal qliegħ potenzjali ta’ ftit mijiet ta’ Ewro fuq l-ammont tal-ħlas.

32      L-ECHA, filwaqt li tosserva li r-rikorrenti tikkunsidra li l-ispiża amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 2 u fit-tabella 1 tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010 tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, issostni li l-imsemmija spiża amministrattiva hija ta’ natura li tilħaq, mingħajr ma tmur lil hinn minnu, l-għan li jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti matul il-kontroll tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, matul is-seduta, l-ECHA indikat li l-ammont tal-ħlas kien, medjament, ta’ EUR 20 000. Għalhekk, id-differenza mal-ammont tal-ispiża amministrattiva ma hijiex daqshekk kbira. L-ECHA ppreċiżat ukoll li l-effett intenzjonat tal-ispiża amministrattiva huwa li l-impriżi li jirreġistraw sustanza jipprovdu informazzjoni eżatta. L-impriżi jkunu skoraġġuti, minħabba l-ammont tal-ispiża amministrattiva, milli jipprovdu informazzjoni falza.

33      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u jeżiġi li l‑miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxa mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, Ġabra, EU:C:2010:321, punt 51). Barra minn hekk, meta l-awtur tal-att ikkontestat għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata, meta mqabbla mal-għan imfittex, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Usha Martin vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑119/06, Ġabra, EU:T:2010:369, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-kawża preżenti, il-premessa 11 tar-Regolament Nru 340/2008 tippreċiża li “[i]t-tressiq ta’ informazzjoni falza għandu jiġi skoraġġut bl-impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva mill-[ECHA] u multa dissważiva mill-Istati Membri, jekk ikun xieraq”. Minn din il-premessa jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva tikkontribwixxi għall-għan li l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jittrażmetti informazzjoni falza. Min-naħa l-oħra, minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-ispiża amministrattiva ma għandiex tiġi ekwiparata għal multa.

35      Din l-interpretazzjoni tal-għanijiet tar-Regolament Nru 340/2008 hija konformi max-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010. Għalhekk, fir-raġunijiet tal-abbozz ta’ deċiżjoni mibgħut lill-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA għal-laqgħa tiegħu tat-22 u tat-23 ta’ Ġunju 2010 hemm indikat li l-ispiża amministrattiva “ma għandiex in-natura ta’ multa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-impożizzjoni tal-multa taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri u tista’ tkun “kunsiderevolment għola mill-vantaġġ finanzjarju miksub bit-trażmissjoni ta’ informazzjoni falza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

36      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u mingħajr ma jkun meħtieġ li fil-kuntest ta’ din il-kawża jiġi ddeterminat jekk l-ECHA setgħetx tgħaddi l-ispiża kollha tal-verifika biss fuq l-impriżi li kienu pprovdew informazzjoni żbaljata dwar id-daqs tagħhom jew jekk l-ECHA kellhiex setgħa diskrezzjonali fil-kuntest tal-iffissar tal-ispiża amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-ispiża amministrattiva imposta fuq ir-rikorrenti huwa, f’dan il-każ, manifestament sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni.

37      Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fid-dawl tal-fattura addizzjonali Nru 10030369, mibgħuta lir-rikorrenti fis-7 ta’ Marzu 2012, il-ħlas finalment dovut minn din tal-aħħar kien ta’ EUR 1 200. Minn din il-fattura addizzjonali jirriżulta wkoll li d-dikjarazzjoni żbaljata tad-daqs tagħha ppermetta li r-rikorrenti tevita li tħallas is-somma ta’ EUR 720 bħala ħlas dovut lill-ECHA.

38      F’dan il-każ l-ammont ta’ EUR 20 700 bħala spiża amministrattiva impost fuq ir-rikorrenti kien, għalhekk, iktar minn sbatax il-darba ikbar mill-ammont tal-ħlas dovut minnha sabiex tirreġistra s-sustanza inkwistjoni. Dan l-ammont kien ukoll tmienja u għoxrin darba ikbar mill-ammont tal-fattura addizzjonali msemmija iktar il-fuq u, għalhekk, tmienja u għoxrin darba ikbar mill-ammont tal-ħlas li seta’ jiġi evitat minħabba d-dikjarazzjoni żbaljata magħmula mir-rikorrenti. Konsegwentement, l-ammont tal-ispiża amministrattiva kien, f’dan il-każ u skont il-kriterji stabbiliti mill-ECHA stess fil-kuntest tax-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq) “kunsiderevolment għola” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mill-vantaġġ finanzjarju li r-rikorrenti setgħet kisbet minħabba d-dikjarazzjoni żbaljata tagħha.

39      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni ma jiġġustifikawx il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi fuq ir-rikorrenti, fil-proporzjonijiet indikati preċedentement. Konsegwentement, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010, kif applikata fil-konfront tar-rikorrenti u f’tali proporzjon, tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-ispiża amministrattiva mfittex mil-leġiżlazzjoni applikabbli, jiġifieri li tiġi skoraġġita t-trażmissjoni ta’ informazzjoni falza mingħajr ma din l-ispiża tikseb in-natura ta’ multa.

40      L-argumenti l-oħra mressqa mill-ECHA ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni.

41      L-argument li f’ċerti każijiet dikjarazzjoni żbaljata ta’ impriża fir-rigward tad-daqs tagħha tista’ tippermettilha li tevita ħlas li l-ammont tiegħu jkun ħafna ikbar minn dak tal-każ inkwistjoni huwa partikolarment ineffettiv għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti.

42      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-ECHA għamlet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta li jgħid li, essenzjalment, hija għandha l-obbligu li tgħaddi l-ispiża kollha tal-verifika inkwistjoni fuq l-impriżi, dan ma jistax jiġġustifika l-ammont manifestament sproporzjonat tal-ispiża amministrattiva imposta fuq ir-rikorrenti. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ammont tal-ispiża amministrattiva imposta fuq ir-rikorrenti f’dan il-każ huwa r-riżultat tal-metodu speċifiku magħżul mill-ECHA sabiex tikkalkola l-imsemmija spiża. B’mod partikolari, l-ECHA ddeċidiet li tgħaddi l-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest ta’ verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ kampjun ikbar ta’ impriżi biss fuq dawk l-impriżi li jkunu għamlu dikjarazzjoni żbaljata, u skont id-daqs effettiv tagħhom. Issa, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ ma teżistix soluzzjoni oħra li ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tar-rikorrenti u li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni. It-tieni nett, l-argument tal-ECHA jikkuntrasta max-xogħlijiet preparatorji għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq), li fil-kuntest tagħhom ġie speċifikat li, jekk l-ECHA ma ssib l-ebda dikjarazzjoni falza hija għandha tbati “l-ispejjeż kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-verifika. It-tielet nett, barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 96(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li d-dħul tal-ECHA ma għandux ikun jikkonsisti biss minn ħlasijiet mill-impriżi iżda wkoll minn sussidju mill-Unjoni, li jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni (taqsima tal-Kummissjoni) u minn kull konribut volontarju mill-Istati Membri.

43      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti għandu jiġi milqugħ sa fejn dan jeċċepixxi l-illegalità tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010. Għalhekk, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli u, konsegwentement, it-talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu milqugħa u d-deċiżjoni kkontestata u l-fattura kkontestata għandhom jiġu annullati mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-motivi l-oħra tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

44      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l‑ECHA tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

45      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l‑istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni li interveniet insostenn tat-talbiet tal-ECHA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SME (2012) 1445 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tal-15 ta’ Frar 2012, u l-Fattura Nru 10030371, maħruġa mill-ECHA fil-21 ta’ Frar 2012, huma annullati.

2)      L-ECHA hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti minn Spraylat GmbH.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Ottubru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.