Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2014 – Post Bank Iran vs Il-Kunsill

(Kawża T-68/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Post Bank Iran (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: D. Luff, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla l-paragrafu 1 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 18);

tannulla l-paragrafu 1 tal-Anness għar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 3);

tiddikjara li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK 1 , kif emendat permezz tal-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK 2 tat-23 ta’ Jannar 2012, u l-Artikoli 23(2)(d) u 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012 3 tat-23 ta’ Marzu 2012 ma japplikawx għar-rikorrent;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tistħarreġ kemm il-paragrafu 1 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK u l-paragrafu 1 tal-Anness għar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, kif ukoll il-konformità tagħhom mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, kif emendata bl-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK tat-23 ta’ Jannar 2012 u bir-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012, tikser il-liġi tal-UE u għandha tiġi ddikjarata li ma tapplikax għar-rikorrent, fejn b’hekk tiġi annullata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013 li huma bbażati fuqhom, għar-raġunijiet li ġejjin:

L-Artikolu 46(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 jikser l-Artikolu 215 TFUE, inkwantu jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi sanzjonijiet kontra r-rikorrent mingħajr ma jsegwi l-proċedura pprovduta fl-Artikolu 215 TFUE.

L-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, kif emendat bl-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem hekk kif inhuma protetti fl-Artikoli 2, 21 u 23 tat-TUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE sa fejn jipprovdu għal setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill sabiex jiddeċiedi liema persuna u entità l-Kunsill jixtieq jissanzjona meta l-Kunsill jiddetermina li tali persuna jew entità tipprovdi sostenn lill-Gvern tal-Iran.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi u ta’ fatt meta adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013 inkwantu jikkonċerna lir-rikorrent, għar-raġunijiet li ġejjin:

Ir-raġuni speċifika għall-elenkar ta’ Post Bank Iran ma hijiex issostanzjata. Ir-rikorrent b’mod ċar ċaħad li pprovda sostenn finanzjarju lill-Gvern tal-Iran. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma pprovdietx sostenn nukleari lill-Iran. Għalhekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK (hekk kif ġie emendat sussegwentement permezz tal-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, tal-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012 u tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012), u r-rekwiżiti tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (hekk kif ġie emendat sussegwentement permezz tal-Artikolu 1(11) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1263/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012) ma ġewx sodisfatti.

Billi ssanzjona lil Post Bank Iran abbażi tas-sempliċi raġuni li hija kumpannija proprjetà ta’ Gvern, il-Kunsill iddiskrimina kontra r-rikorrent meta mqabbel ma’ kumpanniji oħra proprjetà pubblika fl-Iran li ma ġewx issanzjonati. Waqt li għamel hekk, il-Kunsill kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba.

Il-Kunsill ma mmotivax b’mod adegwat id-deċiżjoni tiegħu li jżomm lir-rikorrent fil-lista ta’ entitajiet issanzjonati. Filwaqt li rrefera għall-“impatt tal-miżuri fil-kuntest tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni”, huwa naqas milli jispeċifika t-tip ta’ impatt li għalih jagħmel riferiment u kif il-miżuri jindirizzaw tali impatt.

Billi żamm lir-rikorrent fil-lista ta’ kumpanniji ssanzjonati, il-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter. Il-Kunsill irrifjuta fil-prattika li jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-13/11. Il-Kunsill xekkel il-bażi istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt tar-rikorrent għal rimedju ġudizzjarju effettiv u għall-implementazzjoni ta’ dan ir-rimedju. Barra minn hekk, il-Kunsill evita r-responsabbiltajiet u l-obbligi tiegħu stess taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, inkwantu dawn ġew speċifikati b’mod ċar lill-Kunsill mill-Qorti Ġenerali fid-deċiżjoni tagħha msemmija iktar ’il fuq.

Il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi billi ma kkonformax ruħu mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha l-Kunsill kien parti kontra r-rikorrent u li l-Kunsill tilef, billi naqas saħansitra milli jikkonforma ruħu mal-ħsieb u mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni, billi wettaq żball fattwali fir-rigward tan-negozju tar-rikorrent u r-rwol preżunt tiegħu lejn il-Gvern tal-Iran, billi naqas milli jwettaq l-iċken investigazzjoni fir-rwol u fin-negozju attwali tar-rikorrent fl-Iran, filwaqt li dan ġie indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala aspett importanti tas-sistema ta’ sanzjonijiet tal-UE kontra l-Iran, u billi żamm is-sanzjonijiet wara l-20 ta’ Jannar 2014, data li fiha l-UE ftehmet dwar attivitajiet li jiġġeneraw il-flus għall-Iran, ġaladarba l-Iran ma għadhiex meqjusa li twettaq attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

Il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Is-sanzjonijiet huma intiżi kontra attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari fl-Iran. Il-Kunsill ma stabbilixxiex u ma jistax jistabbilixxi li r-rikorrent direttament jew indirettament ipprovda sostenn għal proliferazzjoni nukleari fl-Iran. Barra minn hekk, lanqas ma għadu jallega li qed jikkontribwixxi speċifikament għall-proliferazzjoni nukleari fl-Iran. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ impatt tas-sanzjonijiet fuq il-proliferazzjoni nukleari, l-għan tas-sanzjonijiet ma jiġġustifikax l-annullament tal-benefiċċji li minnhom igawdi r-rikorrent mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-piż li jimponu fuq is-sistema sħiħa ta’ protezzjoni ġudizzjarja fl-UE, jew saħansitra l-ksur tad-dritt tar-rikorrent għal proprjetà u għal kummerċ. Din il-konklużjoni hija għalhekk imsaħħa bl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill fl-20 ta’ Jannar 2014 li jneħħi ċerti sanzjonijiet abbażi tar-rikonoxximent tal-fatt li l-Iran attwalment ma hijiex qed twettaq attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

2 Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 19, 22).

3 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).