Language of document : ECLI:EU:C:2024:111

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

8 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 5 – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Kuntratti suċċessivi – Projbizzjoni ta’ bdil ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat – Attivitajiet ta’ tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fi ħdan skejjel militari”

Fil-Kawża C‑278/23 [Biltena] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2023, fil-proċedura

M.M., li qiegħed jaġixxi bħala aventi kawża ta’ M.R.,

vs

Ministero della Difesa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M.M., li qiegħed jaġixxi fil-kwalità ta’ aventi kawża ta’ M.R., u l-Ministero della Difesa (il-Ministeru għad-Difiża, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konklużjoni suċċessiva ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat bejn M.R. u dan il-Ministeru matul il-perijodu bejn is-sena 1987 u s-sena 2007.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-preambolu tal-Ftehim qafas jistabbilixxi fit-tieni paragrafu tiegħu li:

“Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema.”

4        Skont it-tielet paragrafu tal-preambolu ta’ dan il-Ftehim qafas:

“Dan il-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.”

5        Il-punti 6 sa 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas huma redatti kif ġej:

“6.      Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ l-impjieg u jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u jtejbu l-atteġġjament;

7.      Billi l-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mod kif jiġi pprevenut l-abbuż;

8.      Billi l-kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss huma fattur ta’ l-impjieg f’ ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema;

[…]

10.      Billi dan il-ftehim jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għall-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali, tal-ħtiġiet minimi u tad-dispożizzjonijiet tiegħu, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u ċ-ċirkostanzi tas-setturi u xogħlijiet partikolari, inklużi l-attivitajiet ta’natura staġjonali”.

6        Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas, intitolata “L-iskop”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha, li:

“1.      Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

7        Il-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas jgħid li:

“1.      Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”.

8        Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tistabbilixxi li:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

9        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70 jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l‑10 ta’ Lulju 2001, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill-inqas, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il-ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni [Ewropea] bihom.”

 Iddritt Taljan

10      L-Artikolu 2(1) tal-legge n. 1023 – Conferimento di incarichi a docenti civili per l’insegnamento di materie non militari presso scuole, Istituti ed enti della Marina e dell’Aeronautica (il-Liġi Nru 1023 dwar l-Għoti ta’ Missjonijiet lil Għalliema Ċivili għat-Tagħlim ta’ Suġġetti Mhux Militari fi Ħdan Skejjel, Istituti u Organi tal-Forza Marittima u tal-Ajrunawtika), tal‑15 ta’ Diċembru 1969 (GURI Nru 6, tat‑8 ta’ Jannar 1970, p. 111), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 1023/1969”), kien jistabbilixxi li:

“It-tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fl-iskejjel, istituti u organi elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 jista’ jiġi żgurat, permezz ta’ kuntratti annwali, minn persunal irreklutat minn fost l-għalliema permanenti jew mhux permanenti tal-istituti u tal-iskejjel tal-Istat, bla ħsara għall-assenza ta’ oġġezzjoni mill-Ministeru għall-Edukazzjoni Pubblika, kif ukoll minn fost il-maġistrati ordinarji, amministrattivi u militari u l-impjegati ċivili tal-amministrazzjoni tal-Istat fis-servizz attiv, jew minn persunal estern għall-amministrazzjoni tal-Istat. L-għalliema permanenti li jipprovdu t-tagħlim imsemmi fl-Artikolu 1 għat-totalità tal-ħin tal-korsijiet jistgħu wkoll jiġu impjegati f’sitwazzjoni ta’ kollokament.”

11      L-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi kien jipprevedi li l-kriterji u l-proċeduri ta’ selezzjoni tal-għalliema u ta’ determinazzjoni tar-remunerazzjoni kellhom jiġu stabbiliti permezz ta’ digriet ministerjali.

12      Il-Liġi Nru 1023/1969 tħassret bil-punt 629 tal-Artikolu 2268(1) tad-decreto legislativo n. 66 sul Codice dell’ordinamento militare (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 66 dwar il-Kodiċi tad-Dritt Militari), tal‑15 ta’ Marzu 2010 (GURI Nru 106, tat‑8 ta’ Mejju 2010) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 66/2010”).

13      Skont l-Artikolu 1531(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 66/2010, dwar l-għoti ta’ inkarigi lill-għalliema ċivili għat-tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fl-iskejjel, fl-istituti u fl-organi tal-forzi armati, jibqa’ madankollu possibbli li jingħataw inkarigi ta’ tagħlim ta’ suġġetti mhux militari permezz ta’ kuntratti annwali konklużi ma’ persunal estern għall-amministrazzjoni tal-Istat.

14      L-Artikolu 1 tad-Decreto ministeriale – Conferimento di incarichi a docenti civili per l’insegnanmento di materie non militari presso scuole, istituti ed enti della Marina e dell’Aeronautica (id-Digriet Ministerjali dwar l-Għoti lill-Għalliema Ċivili għat-Tagħlim ta’ Suġġetti Mhux Militari fl-Iskejjel, fl-Istituti u fl-Organi tal-Forza Marittima u tal-Ajrunawtika), tal‑20 ta’ Diċembru 1971 (GURI Nru 322, tal‑15 ta’ Diċembru 1973, p. 8211, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali tal‑1971”), adottat skont il-Liġi Nru 1023/1969, jistabbilixxi li:

“It-tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fl-iskejjel, fi-istituti u fl-organi tal-forza marittima u tal-forza tal-ajru, imsemmija fil-Liġi [Nru 1023/1969], jista’ jiġi żgurat, permezz ta’ kuntratti annwali, minn persunal irreklutat minn fost l-għalliema permanenti jew mhux permanenti tal-istituti u tal-iskejjel tal-Istat, bla ħsara għall-assenza ta’ oġġezzjoni mill-Ministeru għall-Edukazzjoni Pubblika, kif ukoll minn fost il-maġistrati ordinarji, amministrattivi u militari u l-impjegati ċivili tal-amministrazzjoni tal-Istat fis-servizz attiv, jew minn persunal estern għall-amministrazzjoni tal-Istat. L-għalliema permanenti, li jipprovdu t-tagħlim previst fil-Liġi [Nru 1023/1969] għat-totalità tal-ħin tal-korsijiet, jistgħu wkoll jiġu impjegati f’sitwazzjoni ta’ kollokament.”

15      Skont l-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet ministerjali, ir-remunerazzjoni prevista għandha titnaqqas b’terz għat-tieni missjoni fdata lil għalliem estern għall-amministrazzjoni tal-Istat.

16      L-Artikolu 6 tal-imsemmi digriet ministerjali kien jipprevedi li:

“Il-persunal, estern għall-amministrazzjoni tal-Istat, li jingħata inkarigu għas-sena skolastika kollha, limitat għall-perijodu ta’ eżekuzzjoni effettiv, għandu dritt għall-allowances supplimentari u għall-pensjonijiet, għas-sigurtà soċjali u għall-assistenza prevista għall-għalliema maħtura fl-istituti u fl-iskejjel li jiddependu mill-Ministeru għall-Edukazzjoni Pubblika.”

17      L-Artikolu 7 tal-istess digriet ministerjali kien jistabbilixxi li:

“L-inkarigi ta’ tagħlim għandhom ikunu previsti għal tul massimu ta’ sena skolastika.”

18      Id-Digriet Ministerjali tal‑1971 tħassar permezz tal-punt 204 tal-Artikolu 2269(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 66/2010.

19      L-Artikolu 1 decreto legislativo n. 368 – Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 368 li Jittrasponi d-Direttiva 1999/70/KE Dwar il-Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP Fuq ix-Xogħol għal Żmien Determinat), tas‑6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235, tad‑9 ta’ Ottubru 2001), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001”), kien jipprevedi, b’mod ġenerali, il-possibbiltà li jiġi ffissat tmiem għat-tul ta’ kuntratt ta’ xogħol bis-salarju għal raġunijiet tekniċi, ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni.

20      L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv kien jistabbilixxi li:

“1.      It-tul ta’ kuntratt għal żmien determinat jista’ jiġi estiż, bil-kunsens tal-ħaddiem, biss meta t-tul inizjali tal-kuntratt ikun ta’ inqas minn tliet snin. F’każ bħal dan, l-estensjoni hija awtorizzata darba biss u bil-kundizzjoni li din tkun meħtieġa għal raġunijiet oġġettivi u li hija tikkonċerna l-istess xogħol bħal dak li għalih il-kuntratt għal żmien determinat ġie konkluż. Fir-rigward esklużivament ta’ din is-sitwazzjoni, it-tul totali tar-relazzjoni għal żmien determinat ma jistax jeċċedi tliet snin.

2.      L-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw estensjoni eventwali tat-tul jaqa’ fuq il-persuna li timpjega.”

21      Skont l-Artikolu 5(4) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv:

“Fil-każ fejn żewġ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu suċċessivi, jiġifieri konklużi mingħajr interruzzjoni bejniethom, ir-relazzjoni ta’ xogħol għandha titqies li hija għal żmien indeterminat b’effett mid-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt.”

22      Skont l-Artikolu 36 tad-decreto legislativo n. 165 – Norme generali sull’ordinamento del lavoro alle dipendenze delle amministrazioni pubbliche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 li Jirrigwarda Regoli Ġenerali Dwar l-Organizzazzjoni tax-Xogħol fl-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tat‑30 ta’ Marzu 2001 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 106, tad 9 ta’ Mejju 2001), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali:

“1.      Għar-rekwiżiti marbuta mal-bżonnijiet ordinarji tagħhom, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jirreklutaw esklużivament permezz ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat […]

2.      Sabiex jissodisfaw rekwiżiti ta’ natura esklużivament temporanja u eċċezzjonali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jirrikorru għall-forom kuntrattwali flessibbli ta’ reklutaġġ u ta’ impjieg tal-persunal, previsti mill-Kodiċi Ċivili u mil-liġijiet dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol fl-impriża […]

[…]

5.      Fi kwalunkwe każ, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi fil-qasam tar-reklutaġġ jew tal-impjieg ta’ ħaddiema mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistax iwassal għall-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, bla ħsara għar-responsabbiltà u għas-sanzjonijiet li dawn jistgħu jinkorru. Il-ħaddiem ikkonċernat għandu dritt għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta mix-xogħol imwettaq bi ksur ta’ dispożizzjonijiet mandatorji […]

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

23      Mis-sena 1987 sas-sena 2007, M.R. għallem l-elettronika u t-telekomunikazzjoni, li huma suġġetti mhux militari, fi ħdan l-Aeronautica Militare (il-Forza tal-Ajru, l-Italja) bis-saħħa ta’ kuntratti għal żmien determinat, imġedda, inizjalment, minn sena għal sena u, mill‑2004, minn semestru għal semestru.

24      Fi tmiem l-aħħar kuntratt għal żmien determinat tiegħu, huwa ppreżenta rikors kontra l-Ministeru, quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja), intiż sabiex il-konklużjoni tal-imsemmija kuntratti għal żmien determinat tiġi ddikjarata illegali u sabiex jingħatawlu danni.

25      Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors u ddikjarat l-illegalità tal-kuntratti għal żmien determinat konklużi wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, għar-raġuni li dawn il-kuntratti ma kinux jispeċifikaw raġunijiet tekniċi, organizzattivi, ta’ sostituzzjoni jew ta’ produzzjoni li jistgħu jiġġustifikaw it-tul determinat ta’ dawn il-kuntratti. Barra minn hekk, hija kkundannat lill-Ministeru jħallas lil M.R. danni f’ammont ekwivalenti għal ħmistax-il xahar salarju.

26      Il-Ministeru appella mis-sentenza tat-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja), billi sostna li bejn il-partijiet kienet teżisti relazzjoni ta’ xogħol bħala persuna li taħdem għal rasha, u mhux relazzjoni ta’ xogħol bħala persuna impjegata, b’tali mod li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 ma kienx japplika. Skont dan il-Ministeru, il-kawża prinċipali hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 1023/1969 u tad-Digriet Ministerjali tal‑1971, li jippermettu li għalliema esterni għall-amministrazzjoni tal-Istat jiġu fdati missjonijiet ta’ tagħlim annwali.

27      Il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza fir-rigward tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol bħala persuna impjegata bejn M.R. u l-Ministeru, minħabba, b’mod partikolari, l-istipulazzjonijiet kuntrattwali dwar l-għoti tat-tlettax-il xahar ta’ salarju, il-leave mħallas, l-allowances ta’ tkeċċija, l-allowances tal-familja kif ukoll il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Madankollu, hija annullat il-kumplament ta’ din is-sentenza, billi ddeċidiet li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet irregolata minn regoli speċjali, ibbażati fuq in-natura partikolari tal-iskejjel tal-forza marittima u tal-forza tal-ajru kif ukoll fuq il-kompetenzi speċifiċi tal-għalliema esterni għall-amministrazzjoni tal-Istat li huma impjegati f’dawn l-iskejjel.

28      M.R. ippreżenta appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), il-qorti tar-rinviju.

29      Din l-aħħar qorti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, ir-relazzjoni ta’ xogħol li tiġi stabbilita ma’ persunal estern għall-amministrazzjoni tal-Istat, abbażi ta’ kuntratti annwali, għandha n-natura ta’ relazzjoni ta’ xogħol bħala persuna impjegata.

30      Fir-rigward tal-konklużjoni illegali ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, l-impjegat għandu dritt biss għall-kumpens għad-dannu mġarrab skont l-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165, tat‑30 ta’ Marzu 2001, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, peress li l-bdil tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni, li kienet tqieset konformi mad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166).

31      Minkejja l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat diversi sentenzi fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat fl-amministrazzjoni pubblika, fosthom b’mod partikolari s-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443), tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517), tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557), tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto (C‑331/17, EU:C:2018:859), il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja peress li, fil-fehma tagħha, jeżisti dubju dwar l-interpretazzjoni tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas fir-rigward tal-iskejjel, tal-istituti u tal-organi militari.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-klawżola 5 […] tal-Ftehim qafas […] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Taljana msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-[Liġi Nru 1023/1969] u fl-Artikolu 1 tad-[Digriet Ministerjali tal‑1971], li jipprevedi l-għoti ta’ ħatriet annwali (skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Ministerjali [tal‑1971] “għal tul massimu ta’ sena skolastika”) ta’ tagħlim f’suġġetti mhux militari fi skejjel, Istituti u korpi tal-Forza Marittima u tal-Forza tal-Ajru, lil persunal ċivili mhux relatat mal-amministrazzjoni tal-Istat, mingħajr ma tipprevedi l-indikazzjoni ta’ raġunijiet oġġettivi sabiex jiġġustifikaw it-tiġdid tal-istess (espressament previst fl-Artikolu 4 tal-istess digriet ministerjali, li jipprevedi tnaqqis fir-remunerazzjoni għat-tieni ħatra), it-tul massimu totali ta’ kuntratti għal żmien determinat u n-numru massimu ta’ tiġdid, u mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà li dawn l-għalliema jiksbu l-kumpens għad-dannu li possibbilment sofrew minħabba tali tiġdid, fl-assenza, barra minn hekk, ta’ rwol għall-għalliema ta’ dawn l-iskejjel, li jista’ jkollhom aċċess għalih?

2)      Jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 [tal-Ftehim qafas], ir-rekwiżiti organizzattivi tas-sistema ta’ Istituti, skejjel u korpi tal-Forza Marittima u tal-Forza tal-Ajru, li jrendu leġiżlazzjoni bħal dik Taljana msemmija iktar ’il fuq kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li għall-għoti ta’ ħatriet ta’ tagħlim lil persunal mhux relatat ma’ dawn l-Istituti, skejjel u entitajiet militari, ma tipprevedix kundizzjonijiet sabiex wieħed jirrikorri għal xogħol għal żmien determinat skont id-Direttiva [999/70] u l-Ftehim Qafas anness, u ma tipprevedix id-dritt għal kumpens għad-dannu?”

 Fuq iddomandi preliminari

33      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta risposta għal domanda preliminari tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

34      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

35      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-persunal ċivili, inkarigat bit-tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fi skejjel militari, mill-applikazzjoni tar-regoli intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat u, min-naħa l-oħra, jekk ir-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni ta’ dawn l-iskejjel jistgħux jiġu kklassifikati bħala “raġunijiet oġġettivi” li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti, fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

36      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mill-formulazzjoni stess tal-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għandu jinftiehem b’mod wiesa’, peress li jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru”. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “ħaddiema għal żmien determinat” skont il-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjegahom (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Sa fejn il-Ftehim qafas ma jeskludi ebda settur partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, dan japplika wkoll għall-persunal irreklutat fis-settur tat-tagħlim mogħti fi ħdan stabbilimenti pubbliċi (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat b’mod espliċitu li r-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti mal-persunal ċivili rreklutat għat-tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fl-iskejjel, fl-istituti u fl-organi tal-forza marittima u tal-forza tal-ajru huma ta’ natura ta’ attività bħala persuna impjegata. Minn dan isegwi li ħaddiem bħal M.R. jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas.

39      Fir-rigward tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li din il-klawżola għandha l-għan li timplimenta wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-imsemmi ftehim, jiġifieri li jiġi rregolat l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, meqjusa bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi tipprovdi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni intiżi sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tal-impjegati ssir iktar prekarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas kif ukoll mill-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim qafas, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa kkonċepit bħala element ewlieni tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw kemm il-bżonnijiet tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas timponi lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li hija telenka, meta d-dritt intern tagħhom ma jkunx jinkludi miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, li jammontaw għal tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet tax-xogħol, mat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u man-numru ta’ tiġdid tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      L-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni, peress li għandhom l-għażla li jużaw waħda jew iktar mill-miżuri stabbiliti fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jew miżuri legali eżistenti ekwivalenti. B’dan il-mod, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jagħti għan ġenerali lill-Istati Membri, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbużi, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, bil-kundizzjoni li huma ma jikkompromettux l-għan jew l-effett utli ta’ dan il-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Hekk kif jirriżulta mill-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas u konformement mat-tielet paragrafu tal-preambolu kif ukoll mal-punti 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas, huwa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim qafas li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, sa fejn dan ikun oġġettivament iġġustifikat, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet partikolari relatati mas-setturi ta’ attivitajiet speċifiċi u/jew mal-kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Barra minn hekk, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tistabbilixxix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ fejn ikunu ġew ikkonstatati abbużi. F’tali każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu ta’ natura mhux biss proporzjonali, iżda wkoll biżżejjed effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Ċertament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, essenzjalment, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi regola imperattiva li tipprovdi li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, dawn tal-aħħar jinbidlu f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tista’ tinkludi miżura li tissanzjona effettivament tali użu abbużiv (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Madankollu, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tistabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jipprevedu l-bdil ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat. Fil-fatt, il-punt 2 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas tħalli bħala prinċipju lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jitqiesu li huma konklużi għal żmien indeterminat. Minn dan jirriżulta li l-Ftehim qafas ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jintużaw il-kuntratti għal żmien indeterminat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għalhekk, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-bdil ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat, tkun tista’ titqies li hija konformi mal-Ftehim qafas, l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat għandu jinkludi miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, ma huwiex impost fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, kumulu ta’ miżuri fis-sens li dritt għal kumpens jiżdied mal-bdil tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punti 41 u 45).

49      Fir-rigward tal-kumpens għad-dannu mġarrab bħala miżura li tissanzjona effettivament l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, il-prinċipju ta’ tali kumpens u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu kumpens adegwat, li jmur lil hinn minn kumpens purament simboliku, mingħajr madankollu ma dan il-kumpens jeċċedi kumpens sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punti 42 u 43).

50      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, ma tissanzjonax l-użu abbużiv, minn persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku, ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat permezz tal-ħlas, lill-ħaddiem ikkonċernat, ta’ kumpens intiż li jikkumpensa l-assenza ta’ bdil tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, iżda li, min-naħa l-oħra, tipprevedi l-għoti ta’ kumpens ta’ bejn 2.5 u 12‑il ħlas mensili tal-aħħar remunerazzjoni tal-imsemmi ħaddiem, flimkien mal-possibbiltà li jinkiseb kumpens sħiħ għad-dannu billi jintwera t-telf ta’ opportunitajiet li jinsab impjieg, sakemm tali leġiżlazzjoni tkun akkumpanjata minn mekkaniżmu ta’ sanzjoni effettiva u dissważiva, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 54).

51      Għaldaqstant, jekk, f’dan il-każ, jirriżulta li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma teżisti ebda miżura effettiva oħra sabiex jiġu evitati jew issanzjonati l-abbużi eventwalment ikkonstatati fir-rigward tal-għalliema kkonċernati, tali sitwazzjoni tkun ta’ natura li tippreġudika l-għan u l-effettività tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 85).

52      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, peress li dan il-kompitu jaqa’ esklużivament fuq il-qrati nazzjonali kompetenti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar ir-rinviju, tista’ tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas humiex issodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punti 50 u 52).

53      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti r-reklutaġġ, fl-iskejjel tal-forza marittima u tal-ajrunawtika militari, tal-persunal ċivili li jgħallem suġġetti mhux militari permezz ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, mingħajr ma tipprevedi ebda waħda mil-limiti msemmija fil-punt 1(b) u (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas fir-rigward tat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew tan-numru ta’ tiġdidiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi fis-settur tat-tagħlim huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu r-riklassifikazzjoni ta’ tali kuntratti konklużi b’mod suċċessiv lil hinn minn ċertu perijodu f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-assenza ta’ tali riklassifikazzjoni.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk l-użu, fis-settur tat-tagħlim mill-persunal ċivili ta’ suġġetti mhux militari fl-iskejjel tal-forza marittima u tal-ajrunawtika militari, ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat jistax jiġi ġġustifikat mill-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ raġunijiet oġġettivi, fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, u, b’mod iktar partikolari, jekk in-natura partikolari tal-iskejjel tal-forza marittima u tal-ajrunawtika militari kif ukoll il-kompetenzi speċifiċi tal-għalliema impjegati f’dawn l-iskejjel jistgħux jikkostitwixxu tali raġuni oġġettiva.

55      Fil-fatt, kif jindika l-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas, il-partijiet firmatarji tiegħu kkunsidraw li l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ibbażat fuq “raġunijiet oġġettivi” huwa mezz ta’ prevenzjoni tal-abbużi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, dan għandu jinftiehem bħala li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività partikolari u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt, permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ma tkunx konformi mar-rekwiżiti kif ippreċiżati fil-punt preċedenti. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissodisfax effettivament bżonn reali, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop. Din il-leġiżlazzjoni tinvolvi għalhekk riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u għalhekk ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-Ftehim qafas (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tas-settur tat-tagħlim, huwa possibbli li l-istabbiliment ta’ programm annwali ta’ korsijiet jinvolvi bżonnijiet provviżorji fil-qasam tar-reklutaġġ, b’tali mod li r-reklutaġġ temporanju ta’ ħaddiem sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet provviżorji u speċifiċi tal-persuna li timpjega f’termini ta’ persunal jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi aċċettat li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu jistgħu jiġġeddu għall-finijiet tat-twettiq, b’mod permanenti u fit-tul, ta’ kompiti fl-iskejjel ikkonċernati li jifformaw parti mill-attività normali tas-settur inkwistjoni.

60      F’dan ir-rigward, l-osservanza tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas tirrikjedi li jkun jista’ jiġi vverifikat konkretament li t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat huwa intiż li jkopri bżonnijiet provviżorji u li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tintużax, fil-fatt, sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet permanenti u fit-tul tal-persuna li timpjega fil-qasam tal-persunal (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 50, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Obras y Servicios Públicos u Acciona Agua, C‑550/19, EU:C:2021:514, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Għal dak li jirrigwarda l-argument dwar in-natura partikolari tal-iskejjel tal-forza marittima u tal-ajrunawtika militari, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm it-tagħlim ta’ suġġetti relatati ma’ data militari sensittiva jista’ jitqies bħala għan li jistħoqqlu protezzjoni kostituzzjonali, madankollu mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax kif it-tfittxija ta’ dan l-għan teżiġi li l-persuni li jimpjegaw fis-settur tat-tagħlim militari jimpjegaw biss persunal għal żmien determinat. Fil-fatt, minn naħa, dan huwa persunal ċivili li huwa msejjaħ sabiex jgħallem suġġetti mhux militari u, min-naħa l-oħra, jidher li fi kwalunkwe każ huwa iktar adattat, f’termini ta’ protezzjoni ta’ data sensittiva, li persunal jinżamm permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

62      Fir-rigward tar-rekwiżiti fil-qasam tal-kompetenza tal-persunal inkwistjoni, li r-reklutaġġ tiegħu huwa suġġett għal għarfien li ħafna drabi jinbidel u huwa ddiversifikat u huwa suġġett għal aġġornament kontinwu minħabba l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji u tat-tagħmir militari adottati fil-qasam speċifiku, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li s-suġġetti mgħallma minn M.R. kienu speċifiċi u lanqas għal liema raġuni l-għarfien meħtieġ kien ta lok għal ħtieġa provviżorja biss f’termini ta’ persunal.

63      Għall-kuntrarju, jidher li d-diversi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, li permezz tagħhom M.R. ġie rreklutat, taw lok għat-twettiq ta’ kompiti simili matul snin twal, b’tali mod li din ir-relazzjoni ta’ xogħol tista’ tkun issodisfat ħtieġa li ma kinitx provviżorja, iżda, għall-kuntrarju, fit-tul, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

64      F’dan ir-rigward, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jekk kumpens għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol jingħata, fis-settur tat-tagħlim militari, lill-ħaddiema għal żmien determinat, jekk, skont il-każ, tali kumpens huwiex adegwat sabiex jipprevjeni, u, jekk ikun meħtieġ, jissanzjona l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, u jekk dan jistax jiġi kklassifikat bħala “miżuri legali ekwivalenti”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-persunal ċivili, inkarigat bit-tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fl-iskejjel militari, mill-applikazzjoni tar-regoli intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tinkludix miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. Raġunijiet relatati mar-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni ta’ dawn l-iskejjel ma jistgħux jikkostitwixxu “raġunijiet oġġettivi” li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti ma’ tali persunal inkarigat bit-tagħlim ta’ tali suġġetti, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas.

 Fuq lispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-persunal ċivili, inkarigat bit-tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fl-iskejjel militari, mill-applikazzjoni tar-regoli intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tinkludix miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. Raġunijiet relatati mar-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni ta’ dawn l-iskejjel ma jistgħux jikkostitwixxu “raġunijiet oġġettivi” li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti ma’ tali persunal inkarigat bit-tagħlim ta’ tali suġġetti, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.