Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba Awla) tat-8 ta’ Jannar 2024 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte suprema di cassazione - l-Italja) – M.M., bħala aventi kawża ta’ M.R. vs Ministero della Difesa

(Kawża C-278/23 1 , Biltena 2 )

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 5 – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Kuntratti suċċessivi – Projbizzjoni ta’ bdil ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat – Attivitajiet ta’ tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fi ħdan skejjel militari)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: M.M., bħala aventi kawża ta’ M.R.

Konvenut: Ministero della Difesa

Dispożittiv

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-persunal ċivili, inkarigat bit-tagħlim ta’ suġġetti mhux militari fl-iskejjel militari, mill-applikazzjoni tar-regoli intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tinkludix miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. Raġunijiet relatati mar-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni ta’ dawn l-iskejjel ma jistgħux jikkostitwixxu “raġunijiet oġġettivi” li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti ma’ tali persunal inkarigat bit-tagħlim ta’ tali suġġetti, fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas.

____________

1     ĠU C 261, 24.7.2023.

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.