Language of document : ECLI:EU:C:2006:734

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ Novembru 2006 (*)

“Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn stabbilimenti finanzjarji fuq is-solvenza ta’ klijenti – Talba għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni – Profitt għall-utilizzaturi”

Fil-kawża C-238/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, ippreżentata mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ April 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2005, fil-proċedura

Asnef-Equifax, Servicios de Información sobre Solvencia y Crédito, SL,

Administración del Estado,

vs

Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (Ausbanc),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2006,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Asnef-Equifax, Servicios de Información sobre Solvencia y Crédito, SL, minn A. Creus Carreras u O. Amador Peñate, abogados,

–        għall-Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (Ausbanc), minn L. Pineda Salido u M. Mateos Ferres, abogados, kif ukoll minn M. Rodríguez Teijeiro, procuradora,

–        għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Castillo de la Torre u E. Gippini Fournier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Asnef-Equifax, Servicios de Información sobre Solvencia y Crédito, SL (iktar ’il quddiem “Asnef-Equifax”) kif ukoll l-Administración del Estado u l-Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (iktar ’il quddiem l-“Ausbanc”) fir-rigward ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn stabbilimenti finanzjarji fuq is-solvenza ta’ klijenti (iktar ’il quddiem ir-“reġistru”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skond ir-raba’ premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1), dan ir-Regolament għandu bħala għan b’mod partikolari li jagħti s-saħħa lill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni u lill-qrati ta’ Stati Membri, li japplikaw mhux biss l-Artikolu 81(1), KE, iżda wkoll il-paragrafu (3) ta’ dan l-istess Artikolu.

4        L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“1.      Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 tat-Trattat għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. […]

2.      L-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min[n] assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma li jista jaffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat, jew ma jilħaqx il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat jew li huma koperti minn xi Regolament għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat. Stati Membri mhux taħt dan ir-Regolament jiġu preklużi milli jadottaw u japplikaw fuq it-territorju tagħhom liġijiet nazzjonali aktar stretti li jipprojbixxu jew jissanzjonaw kondotta unilaterali mqabdin biex jaħdmu minn xi impriża”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        Id-dritt Spanjol tal-kompetizzjoni huwa rregolat b’mod ewlieni mil-Liġi 16/1989 dwar id-difiża tal-kompetizzjoni (Ley 16/1989 de Defensa de la Competencia), tas-17 ta’ Lulju 1989 (iktar ’il quddiem l-“LDC”). Kif jirrileva t-Tribunal Supremo, il-kliem ta’ l-Artikoli 1 u 3 ta’ din il-liġi huma, sostanzjalment, prattikament identiċi għal dawk ta’ l-Artikolu 81(1) u (3), KE. Skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-LDC, it-Tribunal de Defensa de la Competencia (tribunal tal-kompetizzjoni) tista’ tawtorizza l-akkordji, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u prattiċi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-istess liġi skond il-każijiet u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tagħha.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Fil-21 ta’ Mejju 1998, Asnef-Equifax, li tagħha tagħmel parti, bħala sħaba, l-Asociación Nacional de Entidades Financieras (Assoċjazzjoni nazzjonali ta’ stabbilimenti finanzjarji), ippreżentat, skond l-Artikolu 4 ta’ l-LDC, talba ta’ awtorizzazzjoni tar-reġistru, peress li l-ġestjoni tiegħu kellu jiġi assigurat minnha stess.

7        Skond ir-regoli stabbiliti biex isir użu mir-reġistru, dan “għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi ta’ informazzjoni fuq is-solvenza u l-kreditu permezz ta’ trattament awtomatizzat ta’ informazzjoni relatata mar-riskji li jidħlu għalihom l-istabbilimenti li joperaw fil-qasam ta’ l-attivitajiet ta’ self u ta’ kreditu”. L-informazzjoni mniżżla fir-reġistru għandha kontenut analogu ma’ dak previst miċ-ċirkolari 3/1995, li tirregola s-Central de Información de Riesgos (reġistru ċentrali ta’ informazzjoni fuq ir-riskji, iktar ’il quddiem iċ-“CIR”) immexxi mill-Bank Ċentrali Spanjol, li diġà huwa aċċessibbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji fi Spanja. L-informazzjoni kkonċernata tinkludi l-identità u l-attività ekonomika tad-debituri, kif ukoll is-sitwazzjonijiet partikolari bħall-falliment u l-insolvenza.

8        Bil-kontra ta’ l-opinjoni negattiva tas-Servicio de Defensa de la Competencia (organu amministrattiv inkarigat mill-protezzjoni tal-kompetizzjoni), it-Tribunal de Defensa de la Competencia, fit-3 ta’ Novembru 1999, awtorizza r-reġistru b’applikazzjoni tal-kriterji ta’ eżenzjoni previsti mill-Artikolu 3 ta’ l-LDC, għal tul ta’ ħames snin, bil-kundizzjoni li, minn naħa, ikun aċċessibbli għall-istabbilimenti finanzjarji kollha b’mod indiskriminat suġġett għall-ħlas ta’ imposta korrispondenti u, min-naħa l-oħra, ma tinħariġx l-informazjoni relatata mal-kredituri li dan jiġbor fih. Id-deċiżjoni ta’ din il-qorti ma titrattax il-kwistjoni ta’ l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81 KE.

9        L-Ausbanc ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ l-imsemmija qorti quddiem l-Audiencia Nacional. Permezz tas-sentenza kkontestata fil-kawża prinċipali, laqgħet l-imsemmi rikors. Din il-qorti qieset li r-reġistru, safejn jirrestrinġi l-kompetizzjoni libera, jidħol taħt il-provvedimenti ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-LDC u ma jistax jiġi awtorizzat skond l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, peress li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu m’humiex soddisfatti. Jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-vot ta’ maġġoranza tal-membri ta’ l-Audiencia Nacional li din il-qorti rriferiet mhux biss għad-dritt Spanjol, iżda wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni (C-7/95 P, Ġabra p. I-3111), u b’mod partikolari għall-punti 5, 10, 88 u 123 tagħha.

10      Meta ġie rriferut b’appell fuq elementi tad-dritt magħmul minn Asnef-Equifax u l-Administración del Estado, it-Tribunal Supremo kkunsidra li jeżisti dubju raġonevoli fuq il-kwistjoni jekk, f’ipoteżi ta’ suq maqsum, l-akkordji konklużi fid-dawl tal-ħolqien ta’ reġistri ta’ informazzjoni fuq il-kreditu huma potenzjalment ta’ restrizzjoni għall-kompetizzjoni fil-każ fejn huma ta’ natura li jippromwovu jew li jiffaċilitaw il-kollużjoni u jekk, skond il-każ, jistgħu madankollu jiġi awtorizzati minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ deroga previsti fl-Artikolu 81(3), KE huma soddisfatti.

11      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Jirriżulta minn interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] li huma inkumpattibbli mas-suq komuni akkordji ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn stabbilimenti finanzjarji, liema akkordji jikkonċernaw is-sitwazzjoni ta’ solvenza u ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-klijenti tagħhom, safejn tali akkordji jkollhom effett fuq il-politika ekonomika ta’ l-Unjoni u fuq is-suq komuni ta’ kreditu u għanhom bħala effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-settur ta’ stabbilimenti finanzjarji u ta’ kreditu?

2)      Jirriżulta minn interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) [KE] li Stat Membru jista’ jawtorizza, permezz ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tiegħu, akkordji ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn stabbilimenti finanzjarji, permezz tat-tfassil ta’ reġistru ta’ informazzjoni fuq il-kreditu li jikkonċerna l-klijenti tagħhom, għar-raġuni li l-konsumaturi u min juża dawn is-servizzi finanzjarji jibbenefikaw mit-tfassil ta’ tali reġistru?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

12      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, filwaqt li tosserva li d-deċiżjoni tat-Tribunal de Defensa de la Competencia hija fondata mhux fuq l-Artikolu 81 KE, iżda fuq l-Artikoli 1 u 3 ta’ l-LDC, tqajjem il-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija tqajjem dubju dwar jekk it-Tribunal Supremo bħala qorti li tiddeċiedi fuq elementi ta’ dritt, tistax tapplika dispożizzjonijiet legali oħra li mhumiex dawk li fuqhom ibbażaw rwieħhom il-qrati inferjuri. Minkejja li l-qorti tar-rinviju tafferma li l-Artikolu 81 KE huwa applikabbli fil-kawża prinċipali, hija ma tispjegax il-motiv li fuqu tistrieħ tali affermazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-imsemmija deċiżjoni, li l-legalità hija kkontestata fil-kawża prinċipali, ġiet adottata fl-2001, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003.

13      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni ta’ rinviju ma tipprovdix informazzjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk ir-reġistru jistax jeffettwa b’mod sensibbli l-kummerċ bejn Stati Membri, għalkemm, sabiex l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003 jew mis-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969 Wilhelm et (14/68, Ġabra p. 1), jiġu applikati, l-Artikolu 81 KE għandu jkun materjalment applikabbli.

14      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE, mhijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejnha u l-qrati nazzjonali, li tivverifika jekk id-deċiżjoni li titressaq quddiemha kienet ittieħdet skond ir-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġuridiċi tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi ta’ l-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi, C-10/92, Ġabra p. I-5105, punti 16 u 17, kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 33).

15      Għandu jiġi sussegwentement imfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 234 KE, huwa biss l-imħallef nazzjonali, li quddiemu titressaq il-kawża u li jrid jieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandu jevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikun f’pożizzjoni li jagħti d-deċiżjoni tiegħu kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huwa jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi preliminari magħmula huma dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26).

16      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, f’każijiet eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom tiġi rriferuta mill-imħallef [qorti] nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (sentenza Manfredi et, iċċitata ’il fuq, punt 27). Fil-fatt, l-ispirtu ta' kollaborazzjoni li għandu jkun hemm f'rinviju preliminari jinvolvi li, min-naħa tagħha, l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 36).

17      Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li ċ-ċaħda ta' domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali mhix possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m'għandhiex x'taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella meta l-problema hija ta' natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta' fatt u ta' dritt neċessarji sabiex twieġeb b'mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61 u ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 24).

18      Issa, f’din il-kawża, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE m’għandha l-ebda rabta mar-realtà [fatti] jew mas-suġġett tal-kawża li ġiet irriferuta lill-qorti tar-rinviju, li f’dan il-każ mhijiex ta’ natura ipotetika.

19      Fil-fatt, kontra dak lil-Kummissjoni tat x’tifhem fis-seduta, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-Tribunal Supremo jikkunsidra li “s-sentenza [ta’ l-Audiencia Nacional] hija bbażata fuq il-prinċipji stabbiliti mill-Artikoli 1 u 3 ta’ l-[LDC] u fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-ex-Artikolu 85 tat-Trattat [li jistabbilixxi] l-Komunità Ekonomika Ewropea, skond l-interpretazzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […]”.

20      Issa, mhuwiex eskluż li l-istess sitwazzjoni ta’ fatt tista tirriżulta kemm mid-dritt Komunitarju u mid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni, anki jekk huma jikkunsidraw il-prattiċi miftiehma taħt aspetti differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C -7/97, Ġabra p. I-7791, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Barra minn hekk, it-Tribunal Supremo immotiva espressament it-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari permezz tal-ħtieġa li jiġu evitati interpretazzjonijiet kuntraddittorji jew diverġenti, billi ddikkjara b’mod partikolari li din it-talba “tikkostitwixxi l-espressjoni tad-dmirijiet ta’ kollaborazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u Komunitarji”. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju hija intima fis-sustanza li tiggarantixxi r-rispett tar-regola tas-supremazija tad-dritt Komunitarju.

22      Minbarra dan, l-argumenti ta’ l-Ausbanc, li jgħidu li r-reġistru m’għandhux effett sinjifikanti fuq l-iskambji bejn Stati Membri, li huma tali li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari, tikkonċerna l-mertu tad-domandi magħmula. Peress illi l-verifika ta’ l-eżistenza tat-tali effett taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, l-imsemmija argumenti huma, fi prinċipju, mingħajr rilevanza għall-ivverifikar ta’ l-ammissibbiltà ta’ l-imsemmija talba.

23      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-medda ta’ l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju relatati ma’ effett eventwali fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, għandu jiġi mfakkar li l-ħtieġa ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv japplika b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (ara s-sentenza tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C-176/96, Ġabra p. I-2681, punt 22, kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Ottubru 2002, Viacom, C-190/02, Ġabra p. I-8287, punt 22).

24      Żgur li f’din il-kawża, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdix informazzjoni preċiża u ddettaljata dwar tali effett. Madankollu, din id-deċiżjoni pprovdiet biżżejjed informazzjonji lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ tagħti risposta effettiva lill-qorti tar-rinviju, billi tinterpreta r-regoli tad-dritt Komunitarju fir-rigward tas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali.

25      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

26      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju fis-sustanza tistaqsi jekk l-Artikolu 81 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-kreditu, bħal fil-każ tar-reġistru, taqa’ taħt il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-imsemmi Artikolu u, jekk dan huwa l-każ, jekk tali sistema tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista mill-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu, minħabba b’mod partikolari l-eżistenza eventwali ta’ profitt għall-utilizzaturi li jirriżulta mill-implementazzjoni ta’ din is-sistema.

27      L-Ausbanc issostni li r-reġistru jirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-każ fejn jippreżupponi skambju ta’ informazzjoni li hija normalment ikkunsidrata bħala sigrieti kummerċjali bejn kompetituri, li għaldaqstant jelimina l-fatturi ta’ riskju li tikkomporta kull deċiżjoni ta’ impriża u jiffaċilita reazzjoni omoġenja ta’ l-istabbilimenti finanzjarji fir-rigward ta’ min qed jitlob kreditu. Asnef-Equifax, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jsostnu, essenzjalment, li reġistru bħal dak fil-kawża prinċipali ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni.

28      Skond l-Artikolu 81(1) KE, huma inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

29      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-kundizzjonijiet jistgħux jiġu soddisfatti fil-kawża prinċipali.

30      L-ewwel nett, hemm lok biex jiġi rrilevat, minn naħa, li jirriżulta mill-proċess li l-Asociación Nacional de Entidades Financieras tagħmel parti, inkwantu membru, ta’ Asnef-Equifax, li lilha ngħatat il-ġestjoni tar-reġistru, u, min-naħa l-oħra, li l-parteċipazzjoni neċessarja ta’ l-istabbilimenti ta’ kreditu għal dan ir-reġistru jimplika inevitabbilment ċertu kooperazzjoni bejn kompetituri taħt il-forma ta’ skambju indirett ta’ l-informazzjoni li tikkonċerna l-kreditu.

31      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 81(1) KE jista’ japplika għall-ħsieb u l-implementazzjoni tar-reġistru, mingħajr ma jkun neċessarju li jikkwalifika b’mod preċiż il-forma ta’ kooperazzjoni kif stabbilita bejn l-imsemmija stabbilimenti.

32      Fil-fatt, jekk l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “prattika miftehma”, u dak ta’ “akkordji bejn impriżi” jew dak ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi”, hija l-intenzjoni li, skond il-projbizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jiġu identifikati diversi forom ta’ koordinazzjoni u ta’ kollużjoni bejn impriżi (sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 112). Għalhekk, f’din il-kawża, deskrizzjoni preċiża tat-tip ta’ kooperazzjoni kkonċernata fil-kawża prinċipali ma tistax tbiddel l-analiżi ġuridika li hija imposta skond l-Artikolu 81 KE.

 Fuq l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

33      L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 81(1) KE, dwar l-effetti ta’ l-akkordji fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għandhom jieħdu bħala punt ta’ tluq l-iskop ta’ din il-kundizzjoni, li huwa li jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju b’relazzjoni għal dak ta’ l-Istati Membri. Huwa għalhekk li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju kull akkordju jew prattika miftiehma li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jkun ta’ dannu għat-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi modifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (ara s-sentenza Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

34      Sabiex ikunu jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri, deċiżjoni, akkordju jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ elementi oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħti x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twaqqif ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 22, u tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 48). Barra minn dan, din l-influwenza m’għandhiex tkun insinjifikanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1971, Béguelin Import, 22/71, Ġabra p. 949, punt 16; tat-28 ta’ April 1998, Javico, C-306/96, Ġabra p. I-1983, punt 16, kif ukoll Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

35      Għalhekk, ġeneralment l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju jirriżulta mill-għaqda ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, mhumiex neċessarjament determinanti (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C-215/96 u C-216/96, Ġabra p. I-135, punt 47, kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni, C-359/01 P, Ġabra p. I-4933, punt 27). Biex jiġi vverifikat jekk akkordju jolqotx partikolarment il-kummerċ bejn Stati Membri, dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 1994, Almelo, C-393/92, Ġabra p. I-1477, punt 37).

36      F’dan ir-rigward, minn naħa, is-sempliċi fatt li fost dawk li jkunu ħadu sehem f’akkordju [ftehim] nazzjonali wieħed isib ukoll operaturi minn Stati Membri oħra huwa element importanti fl-evalwazzjoni li għandha ssir, iżda fih innifsu mhuwiex determinanti sabiex iwassal għall-konklużjoni li ġiet soddisfatta l-kundizzjoni relatata ma’ l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

37      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li akkordju jkollu biss bħala skop il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fi Stat Membru wieħed mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jintlaqat (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il-Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. I-2117, punt 33). Fil-fatt, akkordju [ftehim] li jkun mifrux fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat KE (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 29, kif ukoll Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

38      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li akkordju jew prattika jiffavorixxu żieda fil-volum ta’ kummerċ bejn Stati Membri ma teskludix li dan l-akkordju jew din il-prattika jistgħu jaffettwaw dan il-kummerċ fis-sens ippreċiżat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 495).

39      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fir-rigward tal-karatteristiċi tas-suq nazzjonali in kwistjoni, jeżistix livell suffiċjenti ta’ probabbiltà li l-implementazzjoni tar-reġistru jkollu influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq l-offerta ta’ kreditu fi Spanja minn operaturi minn Stati Membri oħra u li din l-influwenza mhijiex insinjifikanti.

40      Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et , C-79/01, Ġabra p. I‑8923, punt 29, kif ukoll Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

41      F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess li r-reġistru huwa fil-prinċipju miftuħ għal kull stabbiliment li jopera fil-qasam ta’ l-attivitajiet ta’ self u ta’ kreditu, jiġifieri medda kbira ta’ impriżi li għandhom profili differenti. B’differenza taċ-CIR, immexxija mill-Bank Ċentrali Spanjol, mhumiex previsti livelli minimi, b’mod li l-informazzjonijiet fuq il-kreditu li jinsabu f’dan ir-reġistru jikkonċernaw numru ikbar ta’ operazzjonijiet ta’ kreditu minn dawk li jinsabu fiċ-CIR. Barra minn hekk, l-informazzjoni li toħroġ mill-imsemmi reġistru hija trażmessa b’mezzi informatiċi u għaldaqstant b’mod iżjed effikaċi minn dawk ipprovduti miċ-CIR.

42      B’hekk, il-possibbiltà li jkollhom aċċess għar-reġistru kif ukoll il-kundizzjonijiet imposti f’dan il-kuntest jidhru li jista jkollhom importanza mhux żgħira fl-għażla ta’ l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Renju ta’ Spanja jekk jeżerċitawx jew le l-attivitajiet tagħhom f’dan l-Istat.

43      Skond ġurisprudenza stabbilita u kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 81(1) KE ma jitlobx li l-ftehim intiżi f’din id-dispożizzjoni jkunu effetwaw sensibbilment l-iskambji intrakomunitarji, iżda jitlob li jiġi stabbilit li dawn il-ftehim huma ta’ natura li jkollhom dan l-effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-1 ta’ Frar 1978, Miller vs Il-Kummissjoni, 19/77, Ġabra p. 131, punt 51; tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 19, kif ukoll Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

44      Għaldaqstant, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni prevedibbli tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-fluss ta’ l-iskambji bejn Stati Membri. Fuq dan il-punt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu in kunsiderazzjoni, per eżempju, l-iżvilupp eventwali ta’ attivitajiet bejn il-fruntieri u l-effett prevedibbli ta’ eventuali inizjattivi politiċi jew leġiżlattivi intiżi sabiex inaqqsu l-ostakli ġuridiċi jew tekniċi tal-kummerċ.

45      Jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-reġistru jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens ippreċiżat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, hija r-responsabbiltà tagħha li teżamina jekk dan għandu bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81(1) KE.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni

46      Huwa stabbilit li l-għan essenzjali tas-sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-kreditu, bħal fil-każ tar-reġistru, huwa li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ min jipprovdi kreditu, informazzjoni rilevanti fuq selliefa eżistenti jew potenzjali, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-metodu li bih dawn ta’ l-aħħar kienu preċedentement ħallsu d-djun tagħhom. In-natura ta’ l-informazzjoni disponibbli tista’ tvarja skond it-tip ta’ sistema implementata. Fil-kawża prinċipali, ir-reġistru jinkludi, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, elementi negattivi, bħal nuqqas ta’ ħlas, u elementi pożittivi, bħall-bilanċji ta’ kreditu, l-impennji ta’ ħlas fis-settur kummerċjali f’każ li d-debitur ma jħallasx id-dejn tiegħu, il-pleġġijiet u l-garanziji, it-tranżazzjonijiet ta’ leasing jew id-dispożizzjoni temporanja ta’ assi.

47      It-tali reġistri li, kif jindika l-Gvern Pollakk, jeżistu f’bosta Stati Membri, iżidu l-kwantità ta’ informazzjoni disponibbli għall-istabbillimenti ta’ kreditu fuq is-selliefa potenzjali, billi jnaqqsu d-differenza li teżisti bejn il-kreditur u d-debitur f’dak li jikkonċerna ż-żamma ta’ informazzjoni, li tiffaċilita għaldaqstant previdibbiltà akbar tal-probabbiltà ta’ rimborż. B’danakollu dawn ir-reġistri huma fi prinċipju tali li jistgħu jnaqqsu r-rata ta’ selliefa li ma jħallsux lura u, b’hekk, li jtejbu l-ħidma ta’ l-offerta ta’ kreditu.

48      Ir-reġistri bħal dak fil-kawża prinċipali m’għandhomx bħala għan, min-natura tagħhom stess, li jkunu ta’ prevenzjoni, ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq komuni skond l-Artikolu 81(1) KE, hija għaldaqstant ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dawn għandhomx l-effett li jagħmlu dan.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’l-akkordji jew tal-prattiċi fir-rigward ta’ l-Artikolu 81 KE jimplika n-neċessità li jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih dawn jinsabu, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-proprjetà jew servizzi milquta, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u ta’ l-istruttura tas-suq jew tas-swieq in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG, C-250/92, Ġabra p. I-5641, punt 31; tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et, C-399/93, Ġabra p. I-4515, punt 10, kif ukoll Javico, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

50      Issa, jekk l-Artikolu 81(1) KE ma jillimitax tali evalwazzjoni biss għall-effetti attwali, dan għandu wkoll jieħu in kunsiderazzjoni l-effetti potenzjali ta’ l-akkordju jew tal-prattika in kwistjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni, akkordju madankollu jaħrab mill-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE meta jaffetwa s-suq b’mod insinjifikanti biss (sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk, 5/69, Ġabra p. 295, punt 7; Deere vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, kif ukoll Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

51      Skond il-ġurisprudenza fil-qasam ta’ l-akkordji fuq l-iskambju ta’ informazzjonijiet, dawn imorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta huma jnaqqsu jew neħħu l-livell ta’ ċertezza fuq il-funzjonament tas-suq ikkonċernat b’konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi (sentenzi Deere vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, put 90, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 81).

52      Fil-fatt, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu, il-politika li għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq komuni. Għaldaqstant, skond l-imsemmija ġurisprudenza, tali eżiġenza ta’ awtonomija tipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li huwa tali jew li jinfluwenza l-imġieba fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lit-tali kompetitur l-imġieba li wieħed iddeċieda li japplika huwa stess fis-suq jew li għandu l-intenzjoni li jaddotta fis-suq, ladarba dawn il-kuntatti għandhom bħala għan jew bħala effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet normali tas-suq in kwistjoni, b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi mogħtija, ta’ l-importanza u tan-numru ta’ impriżi, kif ukoll tal-volum ta’ l-imsemmi suq (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 116 kif ukoll 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Madankollu, l-imsemmija eżiġenza ta’ awtonomija ma teskludix id-dritt ta’ l-operaturi ekonomiċi li jadattaw rwieħhom bi ħsieb għall-imġieba kkonstatata jew li jantiċipaw il-kompetituri tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Deere vs Il-Kummissjoni, punt 87; Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 117, u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 83).

54      B’hekk, kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-kumpatibbiltà ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni, bħar-reġistru, mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni ma jistgħax jiġi evalwat b’mod astratt. Hija suġġetta għall-kundizzjonijiet ekonomiċi fis-swieq ikkonċernati u għall-karatteristiċi relatati mas-sistema in kwistjoni, bħal, b’mod partikolari, l-għanijiet tagħha, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ parteċipazzjoni fl-iskambju, kif ukoll in-natura ta’ l-informazzjoni skambjata – dawn jistgħu, per eżempju, ikunu pubbliċi jew kunfidenzjali, miġbura jew iddettaljati, storiċi jew attwali – il-perjodiċità tagħhom u l-importanza tagħhom għall-iffisar tal-prezzijiet, tal-volumi jew tal-kundizzjonijiet tal-provvista tas-servizzi.

55      Kif inhu indikat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, ir-reġistri bħal dak fil-kawża prinċipali, billi jnaqqsu r-rata ta’ selliefa li ma jħallsux lura, bħala prinċipju huma tali li jtejbu l-funzjonament ta’ l-offerta ta’ kreditu. Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali, sostanzjalment, fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-istabbilimenti finanzjarji, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni fuq il-riskju li selliefa li ma jħallsux lura, ma jistgħux jiddistingwu, fost dawn ta’ l-aħħar, dawk li l-probabbiltà li ma jħallsux lura hija iżjed importanti, ir-riskju li dawn l-istabbililmenti qed jiffaċċjaw jiżdied u dawn ikollhom tendenza li jiġu integrati fil-kalkolu ta’ l-ispejjeż tal-kreditu għas-selliefa kollha, inklużi dawk li jippreżentaw riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas żgħir, b’hekk dawn ta’ l-aħħar ikollhom iħallsu spejjeż aktar għoljin milli kieku l-imsemmija stabbilimenti kienu f’pożizzjoni li jevalwaw b’mod iżjed preċiż il-probabbiltà ta’ rimborż. Bħala prinċipju, ir-reġistri bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq huma tali li jnaqqsu t-tali tendenza.

56      Barra minn hekk, tali reġistri, billi jnaqqsu l-importanza ta’ l-informazzjoni miżmuma mill-istabbilimenti finanzjarji fuq il-klijenti tagħhom stess, jidhru, bħala prinċipju, li jistgħu jżidu l-mobilità tal-konsumaturi ta’ kreditu. Barra minn hekk, dawn ir-reġistri jistgħu jiffaċilitaw id-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-suq.

57      Madankollu, l-eżistenza jew le f’dan il-każ ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE tiddependi mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jinsab dan ir-reġistru, u b’mod partikolari mill-kundizzjonijiet ekonomiċi tas-suq kif ukoll il-karatteristiċi proprji ta’ l-imsemmi reġistru.

58      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, jekk l-offerta fuq is-suq hija kkonċentrata b’mod qawwi, l-iskambju ta’ ċerti informazzjoni jista’ jkun, b’mod partikolari skond it-tip ta’ informazzjoni skambjata, tali li jippermetti lill-impriżi li jsiru jafu l-pożizzjoni u l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri tagħhom fis-suq, li joħloq distorsjoni tar-rivalità fuq dan is-suq u jżid il-probabbiltà ta’ kollużjoni, li tiġi faċilitata. Min-naħa l-oħra, jekk l-offerta hija maqsuma, it-tixrid u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri tista’ tkun newtra, saħansitra pożittiva, għan-natura kompetittiva tas-suq (ara, f’dan is-sens, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 86). F’din il-kawża, huwa stabbilit, kif jirriżulta wkoll mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, li l-qorti tar-rinviju ressqet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari “f’ipoteżi ta’ suq maqsum”, li hija r-responsabbiltà tagħha li tivverifika.

59      Fit-tieni lok, sabiex ir-reġistri bħal dak fil-kawża prinċipali ma jkunux tali li jiżvelaw il-pożizzjoni fis-suq jew l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri, jeħtieġ li l-identità tal-kredituri ma tiġix żvelata, direttament jew indirettament. F’din il-kawża, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-Tribunal de Defensa de la Competencia tat lil Asnef-Equifax, li aċċettatha, kundizzjoni skond liema l-informazzjoni relatati mal-kredituri li jinsabu fir-reġistru m’għandhiex tiġi mxerrda.

60      Fit-tielet lok, jeħtieġ ukoll li tali reġistri jkunu aċċessibbli mingħajr diskriminazzjoni, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, lill-operaturi kollha attivi fil-qasam rilevanti. Fil-fatt, fil-każ fejn tali aċċessibbiltà ma tiġix żgurata, wħud minn dawn l-aħħar jiġu żvantaġġjati, peress li jkollhom inqas informazzjonijiet sabiex jevalwaw ir-riskju li qed jgħaddu minnu, li ma jiffaċilitax id-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda.

61      Isegwi li, safejn is-swieq ikkonċernati mhumiex ikkonċentrati b’mod qawwi, li s-sistema ma tippermettix identifikazzjoni tal-kredituri u li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ użu għall-istabbilimenti finanzjarji mhumiex diskriminatorji, sistema ta’ skambju ta’ informazzjonijiet bħar-reġistru ma tistax, bħala prinċipju, jkollha bħala effett restrizzjoni tal-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81(1) KE.

62      Fil-fatt, jekk, f’dawn il-kundizzjonijiet, tali sistemi huma ta’ natura li jnaqqsu l-inċertezza relatata mar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ min jitlob il-kreditu, dawn mhumiex madankollu tali li jnaqqsu l-inċertezza relatati mar-riskji tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, kull operatur normalment jaġixxi b’mod indipendenti u awtonomu meta jaddotta mġieba determinata, fil-kunsiderazzjoni tar-riskji li jippreżentaw l-imsemmija applikanti għall-kreditu. Kontra dak li ssostni l-Ausbanc, ma jistax jiġi awtomatikament implikat mis-sempliċi eżistenza ta’ tali skambju ta’ informazzjonijiet fuq il-kreditu li dan iwassal għal eventwali mġieba kollettiva anti-kompetittiva, bħall-boycott ta’ ċerti selliefa potenzjali.

63      Barra minn hekk, kif għaldaqstant irrileva l-Avukat Ġenerali, sostanzjalment, fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi l-kwistjonijiet eventwali relatati ma’ l-aspett sensittiv ta’ l-informazzjoni ta’ natura personali ma jaqgħux, bħala tali, taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, dawn jistgħu jiġu riżolti abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-qasam tal-protezzjoni tat-tali informazzjonijiet. Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess li, skond ir-regoli applikabbli għar-reġistru, il-konsumaturi interessati jistgħu, b’konformità mal-leġiżlazzjoni Spanjola, jivverifikaw u, skond il-każ, jikkoreġu, saħansitra jħassru, l-informazzjoni li tikkonċernahom.

 Fuq l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81(3) KE

64      Huwa biss fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 58 sa 62 ta’ din is-sentenza, li f’dan il-każ teżisti ċertament restrizzjoni tal-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81(1) KE, li analiżi minn din il-qorti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (3) ta’ dan l-Artikolu tirriżulta neċessarja sabiex solvuta l-kawża prinċipali.

65      L-applikabbiltà ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE taqa’ taħt erba’ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-istess dispożizzjoni. L-ewwel nett, jeħtieġ li l-akkordju kkonċernat jikkontribwixxi biex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew servizzi kkonċernati, jew li jippromwovu l-progress tekniku jew ekonomiku, it-tieni nett li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom, it-tielet nett, li hija ma timponi l-ebda restrizzjoni fuq l-impriżi interessati li ma tkunx indispensabbli u, ir-raba’ nett, li hija ma tagħtihomx il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 61, kif ukoll Remia et, vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

66      Jirriżulta mill-proċess, u b’mod partikolari mit-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li hija għandha l-intenzjoni li tikseb risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, it-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li tipprovdi li l-utilizzaturi jkollhom sehem ġust mill-profitt li jirriżulta mill-akkordju, mid-deċiżjoni jew mill-prattika in kwistjoni. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tistaqsi, sostanzjalment, fuq il-kwistjoni jekk, fl-ipoteżi fejn l-utilizzaturi kollha ma jieħdux benefiċċju mir-reġistru, dan xorta waħda jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE.

67      Minbarra l-effetti potenzjali esposti fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, ir-reġistri bħal dak ikkonċernat fil-kawża prinċipali huma tali li jgħinu sabiex jipprevjenu s-sitwazzjonijiet ta’ dejn eċċessiv għall-konsumaturi ta’ kreditu, kif ukoll, bħala prinċipju, li jwasslu globalment għal disponibbiltà ikbar ta’ kreditu. Dawn il-vantaġġi ekonomiċi oġġettivi jistgħu, fl-ipoteżi fejn ir-reġistru jirrestrinġi l-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81(1) KE, jkunu ta’ natura li jikkumpensaw għall-inkonvenjenzi ta’ tali restrizzjoni eventwali, li f’dan il-każ, hija responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

68      Żgur li, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi eskluż li, kif tagħti x’tifhem l-Ausbanc, ċerti applikanti għal kreditu, minħabba l-eżistenza tat-tali reġistri, li jkollhom żidiet fir-rati ta’ interessi, jew li saħansitra ma jingħatawx is-self.

69      Madankollu, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk it-tali applikanti jibbenefikawx madankollu minn effett ta’ dixxiplina eventwali fil-qasam tal-kreditu jew minn protezzjoni kontra l-indebitament żejjed, din iċ-ċirkustanza ma tistax, fiha nnifisha, tmur kontra l-kundizzjoni skond liema sehem ġust tal-profitt għandu jiġi assigurat lill-konsumatur, tiġi soddisfatta.

70      Fil-fatt, fir-rigward ta’ l-Artikolu 81(3) KE, hija n-natura favorevoli ta’ l-effett fuq il-konsumaturi kollha fis-swieq rilevanti li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni u mhux l-effett fuq kull membru ta’ din il-kategorija ta’ konsumaturi.

71      Barra minn hekk, hemm lok biex jiġi rrilevat li, kif jirriżulta wkoll mill-punti 55 u 67 ta’ din is-sentenza, ir-reġistri bħal dak fil-kawża prinċipali huma, fil-kundizzjonijiet favorevoli, ta’ natura li jwasslu għal disponibbiltà akbar ta’ kreditu, inkluż għall-applikanti fil-konfront ta’ liema r-rata ta’ interessi tista’ tkun eċċessiva fin-nuqqas ta’ għarfien approprjat tas-sitwazzjoni personali tagħhom min-naħa tal-kredituri.

72      Fir-rigward ta’ kull ma jippreċedi, hemm lok biex id-domandi magħmula jiġu risposti kif ġej:

–        L-Artikolu 81(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-kreditu bħal fil-każ tar-reġistru, m’għandhiex, bħala prinċipju, l-effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, safejn is-suq jew is-swieq ikkonċernati mhumiex ikkonċentrati ż-żejjed, li din is-sistema ma tippermettix identifikazzjoni tal-kredituri u li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ użu għall-istabbilimenti finanzjarji mhumiex diskriminatorji, fid-dritt kif ukoll fil-fatt.

–        Fil-każ fejn sistema ta’ skambju ta’ informazzjonijiet fuq il-kreditu, bħall-imsemmi reġistru, tirrestrinġi l-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81(1) KE, l-applikabbiltà ta’ l-eżenzjoni prevista fis-subartikolu 3 ta’ dan l-Artikolu hija suġġetata għal erba’ kundizzjonijet kumulattivi msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni. Hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li jivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex soddisfatti. Sabiex tiġi soddisfatta l-kundizzjoni relatata mal-fatt li sehem ġust mill-profitt għandu jiġi riżervat lill-utilizzaturi, mhuwiex neċessarju, bħala prinċipju, li kull konsumatur jagħmel profitt individwali minn akkordju, minn deċiżjoni jew minn prattika miftehma. Min-naħa l-oħra, huwa meħtieġ li l-effett globali fuq il-konsumaturi fis-swieq in kwistjoni jkun favorevoli.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)       L-Artikolu 81(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-kreditu bejn stabbilimenti finanzjarji, bħal fil-każ tar-reġistru, m’għandhiex, bħala prinċipju, l-effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, safejn is-suq jew is-swieq ikkonċernati mhumiex ikkonċentrati ż-żejjed, li din is-sistema ma tippermettix identifikazzjoni tal-kredituri u li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ użu għall-istabbilimenti finanzjarji mhumiex diskriminatorji, fid-dritt kif ukoll fil-fatt.

2)      Fil-każ fejn sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-kreditu, bħall-imsemmi reġistru, tirrestrinġi l-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81(1) KE, l-applikabbiltà ta’ l-eżenzjoni prevista fis-subartikolu 3 ta’ dan l-Artikolu hija suġġetata għal erba’ kundizzjonijet kumulattivi msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni. Hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li jivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex soddisfatti. Sabiex tiġi soddisfatta l-kundizzjoni relatata mal-fatt li sehem ġust mill-profitt għandu jiġi riżervat lill-utilizzaturi, mhuwiex neċessarju, bħala prinċipju, li kull konsumatur jagħmel profitt individwali minn akkordju, minn deċiżjoni jew minn prattika miftehma. Min-naħa l-oħra, huwa meħtieġ li l-effett globali fuq il-konsumaturi fis-swieq in kwistjoni jkun favorevoli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.