Language of document : ECLI:EU:C:2024:225

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Direttiva 2003/109/KE – Artikoli 12 u 22 – Protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija – Applikabbiltà – Ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li tah l-istatus ta’ resident għal żmien twil – Deċiżjoni ta’ tneħħija lejn l-Istat Membru li tah dan l-istatus meħuda, minn dan l-Istat Membru l-ieħor, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika – Projbizzjoni ta’ dħul temporanja fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru l-ieħor, imposta minnu – Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi ppreżentata, lill-istess Stat Membru l-ieħor, applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109 – Deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu meħuda minn dan l-Istat Membru tal-aħħar għall-istess raġunijiet”

Fil-Kawża C‑752/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura

EP

vs

Maahanmuuttovirasto,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine u H. Leppo, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Katsimerou u T. Sevón, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (3) u tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19,Vol. 6, p. 272), kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 132, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/109”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EP, ċittadin Russu li għandu l-istatus ta’ resident għal żmien twil li ngħatalu mir-Repubblika tal-Estonja, u l-Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, il-Finlandja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar deċiżjoni ta’ tneħħija mill-Finlandja lejn ir-Russja meħuda mill-Uffiċċju fir-rigward tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2003/109

3        Il-premessi 4, 6, 16 u 21 tad-Direttiva 2003/109 jgħidu li:

“(4)      L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat.

[…]

(6)      Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. […]

[…]

(16)      Ir-residenti f’poerjodu twil ta’ żmien jistgħu igawdu minn protezzjoni rinfurzata kontra t-tkeċċija. Din il-protezzjoni hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti bid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni kontra t-tkeċċija l-Istati membri għandhom jipprovdu għal rimedju effettiv legali.

[…]

(21)      L-Istat Membru li fih residenti għat-tul ikollu l-ħsieb li jeżerċita d-dritt tiegħu/tagħha ta’ residenza għandu ikun jista’ jivverifika li l-persuna konċernata tissodisfa l-kondizzjonijiet għar-residenza fit-territorju tiegħu. Huwa għandu ikun jista’ jivverifika li l-persuna konċernata ma tikkostitwixxix theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jistabbilixxi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)      it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; u

(b)      it-termini ta’ residenza fi Stati Membri oħra minbarra dak li kien ikkonferixxa l-istatus għat-tul fuqhom għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu dak l-istatus.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)      ‘residenti għat-tul’ tfisser xi ċittadin ta’ pajjiż terz li ikollu status ta’ residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7;

(ċ)      ‘l-ewwel Stat Membru’ tfisser l-Istat membru li għall-ewwel darba ta’ l-istatus ta’ rewsidenti għal perjodui twil ta’ żmien lil ċittadin ta’ pajjiż terz;

(d)      ‘it-tieni Stat Membru’ tfisser xi Stat Membru minbarra dak li jkun ta’ għall-ewwel darba l-istatus ta’ residenti għat-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz u li fih ir-residenti għat-tul jeżerċita d-dritt ta’ residenza;

[…]”

6        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat membru.”

7        Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/109, li jinkorpora l-Artikoli 4 sa 13 tagħha, jinkludi sensiela ta’ regoli relatati mal-istatus ta’ resident għal żmien twil fi Stat Membru, b’mod partikolari fil-qasam tal-għoti u tat-telf ta’ dan l-istatus.

8        Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Protezzjoni kontra tkeċċija”:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika [ordni pubbliku] jew għas-sigurtà pubblika.

[…]

3.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin:

(a)      it-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom;

(b)      l-età tal-persuna konċernata;

(ċ)      il-konsegwenzi għall-persuna konċernata u l-membri tal-familja;

(d)      ir-rabtiet mal-pajjiż tar-residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

[…]”

9        Il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Residenza fl-Istati Membri l-oħra”, jinkludi l-Artikoli 14 sa 23 tagħha.

10      L-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva jipprevedi li:

“Residenti għat-tul għandu jikseb id-dritt li jirrisjedu fit-territorju ta’ l-Istati Membri minbarra dak li ikun tah l-istatus ta’ residenti għat-tul, għal perjodu li jisboq it-tlett xhur, kemm-il darba l-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-kapitolu jitħarsu.”

11      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Kondizzjonijiet għar-residenza f’tieni Stat Membru”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Mill-aktar fis u mhux aktar tard minn tlett xhur wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, ir-residenti għat-tul jista’ japplika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għal permess ta’ residenza.

[…]”

12      L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Politka pubblika [ordni pubbliku] u sigurtà pubblika”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjonijiet għar-residenza minn residenti għat-tul jew membri tal-familja tagħhom fejn il-persuna konċernata tkun tikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika [ordni pubbliku] jew għas-sigurtà pubblika.

Meta tittieħed id-deċiżjoni relevanti, l-Istat Membru għandu jikkonsidra s-severità jew it-tip ta’ reat kontra l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika kommess mir-resident għat-tul jew il-membru/i tal-familja tiegħu/tagħha, jew il-perikolu li tippreżenta l-persuna konċernata.”

13      L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Irtirar tal-permess ta’ residenza u obbligu għal dħul lura”, jipprevedi li:

“1.      Sakemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta’ residenti għat-tul, it-tiini [tieni] Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jirrifjuta li jġedded jew li jirtira l-permess tar-residenza u li jobbliga lill-persuna konċernata u lill-membri tal-familja tiegħu/tagħha, skond il-proċeduri li hemm provvidiment dwarhom fil-liġi nazzjonali, inklużi proċeduri ta’ tneħħija, li jħallu t-territorju tiegħu fil-każi li ġejjin:

(a)      għal raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika kif definit fl-Artikolu 17;

(b)      fejn il-kondizzjonijiet li hemm provvidiment dwarhom fl-Artikoli 14, 15 u 16 ma jkunux aktar imħarsa;

(ċ)      fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma ikunx jirrisjedi legalment fl-Istat Membru konċernat.

2.      Jekk it-tieni Stat Membru jadotta xi waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel Stat Membru għandu minnufih idaħħal lura mingħajr formalitajiet ir-resident għat-tul u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha. It-tieni Stat Membru għandu jinnotifika lill-ewwel Stat Membru bid-deċiżjoni tiegħu.

3.      Sakemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta’ residenza għat-tul u mingħajr preġudizzju għall-obbligu tad-dħul lura imsemmi fil-paragrafu 2, it-tieni Stat Membru għandu jadotta deċiżjoni li jneħħi liċ-ċittadin tal-pajjiż terz mit-territorju ta’ l-Unjoni skond u taħt il-garanziji ta’ l-Artikolu 12, għal raġunijiet serji ta’ politika pubblika u sigurtà pubblika.

F’dawk il-każi, fejn tiġi adottata l-imsemmija deċiżjoni, it-tieni Stat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-ewwel Stat Membru.

Fejn it-tieni Stat Membru jadotta deċiżjoni li jneħħi ċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat, dan għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jimplimentha. F’dawk il-każi, t-tieni Stat Membru għandu jipprovdi lill-ewwel Stat Membru l-informazzjoni xierqa fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-tneħħija.

[…]

4.      Id-deċiżjonijiet tat-tneħħija ma għandhomx ikunu akkumpanjati bi projbizzjoni permanenti dwar residenza fil-każi msemmija fil-paragrafu 1(b) u (ċ).

5.      L-obbligi tad-dħul lura msemmi fil-paragrafu 2 għandu ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li r-resident għat-tul u/jew il-membri tal-familja tiegħu/tagħha imorru lejn Stat Membru terz.”

 IdDirettiva 2008/115/KE

14      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

15      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa […] kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

(3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat – għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[…]”

16      L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet aktar favorevoli”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva m’għandha tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil.”

 Iddritt Finlandiż

17      L-Ulkomaalaislaki (301/2004) (il-Liġi dwar il-Barranin (301/2004)), tat‑30 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), tipprevedi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tagħha, li d-dħul ta’ barrani huwa suġġett għall-kundizzjoni, fost oħrajn, li projbizzjoni fuq id-dħul ma tkunx ġiet imposta fuqu u li ma jitqiesx li jipperikola l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika.

18      Skont l-Artikolu 146 ta’ din il-liġi, “ritorn” tfisser, fis-sens ta’ din il-liġi, proċedura ta’ tneħħija li matulha ċittadin ta’ pajjiż terz, li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul, ta’ tneħħija jew ta’ tkeċċija, jitlaq volontarjament mill-pajjiż jew jitneħħa minnu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, lejn pajjiż ta’ tranżitu konformement ma’ ftehim jew ma’ arranġamenti oħra ta’ riammissjoni bejn l-Unjoni jew il-Finlandja u pajjiż terz ieħor jew lejn pajjiż terz ieħor li fih iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jiddeċiedi li jirritorna volontarjament u li fit-territorju tiegħu huwa ser jiġi ammess.

19      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 148 tal-imsemmija liġi, barrani jista’ jitneħħa, b’mod partikolari, meta ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dħul fit-territorju previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-istess liġi jew meta jkun possibbli li jiġi ssuspettat, abbażi ta’ kundanna għal piena ta’ priġunerija jew ta’ raġunijiet oħra ġġustifikati, li ser iwettaq reat punibbli fil-Finlandja b’piena ta’ priġunerija jew li ser iwettaq reati repetuti.

20      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 148 tal-Liġi dwar il-Barranin, barrani li jkun daħal fit-territorju mingħajr permess ta’ residenza jista’ wkoll jitneħħa, meta r-residenza tiegħu fil-Finlandja tkun teħtieġ viża jew permess ta’ residenza, iżda ma jkunx talabhom jew kisibhom.

21      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 149 ta’ din il-liġi jipprovdi li barrani li jkollu permess ta’ residenza tal-UE għal resident għal żmien twil li jkun inħareġ fil-Finlandja jista’ jitkeċċa mill-pajjiż biss meta jirrappreżenta theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika.

22      L-Artikolu 149b tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju jew li l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza tkun ġiet miċħuda u li jkollu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni għandu l-obbligu li jmur immedjatament fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. F’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu miċ-ċittadin ikkonċernat jew fejn it-tluq immedjat tiegħu jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, għandha tinħareġ deċiżjoni dwar it-tneħħija tiegħu.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

23      EP, ċittadin Russu, huwa detentur ta’ permess ta’ residenza tal-UE għal resident għal żmien twil maħruġ mir-Repubblika tal-Estonja, għall-perijodu mit‑12 ta’ Lulju 2019 sat‑12 ta’ Lulju 2024, u jiċċertifika li huwa jibbenefika mill-istatus ta’ resident għal żmien twil f’dan l-Istat Membru. Huwa għandu wkoll passaport Russu validu sas‑26 ta’ Diċembru 2024.

24      Fid‑9 ta’ Frar 2017, EP tneħħa għall-ewwel darba mill-Finlandja lejn l-Estonja. Fid-deċiżjoni ta’ tneħħija, kienet ġiet imposta fuqu projbizzjoni ta’ dħul fil-Finlandja għal perijodu ta’ sentejn.

25      Huwa reġa’ tneħħa mill-Finlandja lejn l-Estonja fis‑16 ta’ Marzu 2017, imbagħad fis‑26 ta’ Novembru 2018. F’din l-aħħar data, ġiet imposta fuqu projbizzjoni ta’ dħul fil-Finlandja mill-Uffiċċju għal perijodu ġdid ta’ sentejn.

26      Huwa tneħħa r-raba’ darba mill-Finlandja lejn l-Estonja b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju tat‑8 ta’ Lulju 2019, li kienet akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fil-Finlandja għal perijodu ta’ erba’ snin.

27      Fil-Finlandja, EP ġie kkundannat għal multi għal żewġ istanzi ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-barranin, għal piena ta’ priġunerija sospiża ta’ 80 jum minħabba sewqan taħt l-effett tal-alkoħol aggravat u sewqan ta’ vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan, kif ukoll għal multa għal ksur tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju. Huwa ssuspettat ukoll li wettaq reati oħra.

28      Fit‑18 ta’ Novembru 2019, waqt seduta, EP iddikjara quddiem l-Uffiċċju li huwa kien qiegħed jopponi t-tneħħija tiegħu lejn il-Federazzjoni Russa, pajjiż li miegħu huwa ma kellux rabtiet oħra ħlief dik tan-nazzjonalità, iżda li ma kienx qiegħed jopponi t-tneħħija tiegħu lejn il-pajjiż ta’ residenza tiegħu, l-Estonja, li fih huwa rrisjeda kważi ħajtu kollha. Huwa indika li kien qiegħed jgħix temporanjament fil-Finlandja u li kien qiegħed jaħdem hemmhekk f’żewġ impriżi. Skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu, huwa ma kellux rabtiet oħra mal-Finlandja. Huwa indika li l-wild minuri tiegħu kien jgħix mal-ex konjuġi tiegħu fl-Estonja.

29      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2019, l-Uffiċċju ddeċieda li jkeċċi EP lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, il-Federazzjoni Russa, minħabba, b’mod partikolari, li kien jipperikola l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika fil-Finlandja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, ġiet imposta fuqu wkoll projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen għal perijodu ta’ erba’ snin. Skont il-motivi tal-imsemmija deċiżjoni, EP ma kienx ippreżenta dokumenti li jistabbilixxu l-allegati relazzjonijiet familjali tiegħu fl-Estonja u ma kellux permess ta’ residenza li jagħtuh id-dritt li jaħdem fil-Finlandja.

30      F’din l-istess data, l-Uffiċċju talab lill-awtoritajiet Estonjani jekk huma setgħux jipprevedu l-irtirar tal-permess ta’ residenza tal-UE għal resident għal żmien twil li huma kienu taw lil EP.

31      Fid‑9 ta’ Diċembru 2019, peress li r-Repubblika tal-Estonja indikat li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tirtira dan il-permess ta’ residenza, l-Uffiċċju emenda d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi llimita l-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju Finlandiż.

32      It-tneħħija ta’ EP lejn ir-Russja skont din id-deċiżjoni seħħet fl‑24 ta’ Marzu 2020.

33      Sussegwentement, peress li EP reġa’ daħal fit-territorju Finlandiż, huwa tkeċċa lejn l-Estonja fit‑8 ta’ Awwissu 2020 u fis‑16 ta’ Novembru 2020.

34      Wara li r-rikors tiegħu ppreżentat kontra d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), EP ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), li hija l-qorti tar-rinviju.

35      Din il-qorti tal-aħħar tirrileva li l-Uffiċċju sostna b’mod partikolari quddiemha li, f’dan il-każ, id-Direttiva 2003/109, b’mod partikolari l-Artikolu 17 u l-Artikolu 22(3) tagħha, ma hijiex applikabbli peress li EP ma kienx jirrisjedi legalment fit-territorju Finlandiż, kif jeżiġi l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, EP kien suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju Finlandiż u ma kienx talab permess ta’ residenza fil-Finlandja wara li daħal hemmhekk b’permess ta’ residenza tal-UE għal resident għal żmien twil maħruġ minn Stat Membru ieħor.

36      Għaldaqstant, id-Direttiva 2008/115 hija applikabbli. Peress li t-tluq immedjat ta’ EP kien meħtieġ għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika, ittieħdet deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu skont din id-direttiva. Issa, skont din tal-aħħar, tali deċiżjoni ta’ ritorn jista’ jkollha bħala suġġett biss ritorn lejn pajjiż terz u mhux lejn Stat Membru ieħor.

37      Fid-dawl ta’ l-argument tal-Uffiċċju, il-qorti tar-rinviju tqis, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109 ma jippermettux li jiġi ddeterminat b’mod inekwivoku liema interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva għandha tiġi adottata f’ipoteżi bħal dik inkwistjoni fit-tilwima li biha hija ġiet adita.

38      Fil-fatt, jekk ir-residenza ta’ EP fl-Estonja hija regolari, abbażi tal-istatus ta’ resident għal żmien twil li ngħatalu minn dan l-Istat Membru, dan ma huwiex il-każ tar-residenza tiegħu fil-Finlandja, peress li huwa ma talabx permess ta’ residenza f’dan l-aħħar Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109 u ġiet imposta fuqu projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju Finlandiż.

39      Fit-tieni lok, din il-qorti tqis li l-Liġi dwar il-Barranin ma tinkludix dispożizzjonijiet li jittrasponu espressament l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 għal dak li jirrigwarda t-tneħħija mit-territorju tal-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu Stat Membru ieħor ikun ħareġ permess ta’ residenza tal-UE għal resident għal żmien twil.

40      B’hekk, skont il-kliem tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 149 tal-Liġi dwar il-Barranin, din tapplika biss għal barrani li jkun inħariġlu tali permess ta’ residenza fil-Finlandja.

41      Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 12(1) u (3) u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 humiex inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi fir-rigward tal-kontenut tagħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jinvokahom kontra Stat Membru.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-[Direttiva 2003/109] hija applikabbli għat-tneħħija, mit-territorju tal-Unjoni, ta’ persuna li daħlet fit-territorju ta’ Stat Membru filwaqt li kienet is-suġġett ta’ projbizzjoni nazzjonali li tidħol fit-territorju, li r-residenza tagħha f’dan l-Istat Membru kienet għaldaqstant mhux regolari skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li ma kinitx talbet permess ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru, meta permess ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil inħareġ għal din il-persuna fi Stat Membru ieħor?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

2)      L-Artikolu 12(1) u (3) u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi fir-rigward tal-kontenut tagħhom sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz ikun jista’ jinvokahom kontra Stat Membru?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

43      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija li jibbenefikaw minnha, skont din id-dispożizzjoni, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil hija applikabbli fil-kuntest tal-adozzjoni, mit-tieni Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni meħuda, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, fil-konfront ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz, meta dan, minn naħa, ikun qiegħed jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju u, min-naħa l-oħra, ma jkunx ippreżenta, quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru, applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva.

44      Preliminarjament, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-dritt ta’ residenza fit-“tieni Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2003/109, huwa dritt idderivat mill-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-“ewwel Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Stadt Frankfurt am Main u Stadt Offenbach am Main (Tiġdid ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru), C‑829/21 u C‑129/22, EU:C:2023:525, punt 44).

45      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, kif tiddikjara l-premessa 16 tad-Direttiva 2003/109, ir-residenti għal żmien twil għandhom jibbenefikaw minn “protezzjoni rinfurzata kontra t-tkeċċija” bbażata fuq il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

46      Fit-tielet lok, huwa ċertament minnu, kif sostna b’mod partikolari l-Uffiċċju quddiem il-qorti tar-rinviju, li, peress li, f’dan il-każ, EP kien is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju Finlandiż u ma kienx applika għal permess ta’ residenza fil-Finlandja wara li daħal fih b’permess ta’ residenza tal-UE għal resident għal żmien twil maħruġ minn Stat Membru ieħor, ir-residenza tiegħu f’dan it-territorju kienet illegali skont id-dritt Finlandiż.

47      Madankollu, minn dan ma jirriżultax li, f’dan il-każ, id-Direttiva 2003/109 ma tapplikax għar-raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni ma jirrisjedix legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, kif jeżiġi l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, u li, għaldaqstant, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

48      Fil-fatt, peress li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni jibbenefika mill-istatus ta’ resident għal żmien twil fir-Repubblika tal-Estonja, dan għandu d-dritt li jirrisjedi fit-“territorju ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1), jiġifieri t-territorju Estonjan.

49      Fir-raba’ lok, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 37 sa 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tneħħija mit-territorju tal-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz resident għal żmien twil bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 u mhux f’dak tad-Direttiva 2008/115.

50      Fil-fatt, peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109 li jipprevedu protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil huma, mingħajr ebda dubju, “iktar favorevoli” għal tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi mid-dispożizzjonijiet fil-qasam tat-tneħħija previsti mid-Direttiva 2008/115, huma dawn l-ewwel dispożizzjonijiet li japplikaw, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/115, għal tneħħija mit-territorju tal-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

51      Wara li saru dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li minnu hija tagħmel parti (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Karta tal-identità diplomatika), C‑568/21, EU:C:2023:683, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fir-rigward, qabelxejn, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109, minn din jirriżulta li din id-dispożizzjoni timponi erba’ kundizzjonijiet fuq it-tieni Stat Membru meta jkollu l-intenzjoni jadotta deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus ta’ resident għal żmien twil fi Stat Membru ieħor.

53      Fl-ewwel lok, dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux ikun kiseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil fit-tieni Stat Membru. Fil-fatt, li kieku kellu jkollu dan l-istatus f’dan l-Istat Membru, kienu jkunu applikabbli d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/109, b’mod partikolari fil-qasam tat-tneħħija. Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru huwa obbligat jikkonforma ruħu “skond u taħt il-garanziji ta’ l-Artikolu 12 [ta’ din id-direttiva]”. Fit-tielet lok, tali deċiżjoni ta’ tneħħija tista’ tittieħed biss għal “raġunijiet serji ta’ politika pubblika u sigurtà pubblika”. Fir-raba’ u l-aħħar lok, meta jieħu tali deċiżjoni ta’ tneħħija, it-tieni Stat Membru huwa obbligat jikkonsulta lill-ewwel Stat Membru u jieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-deċiżjoni u li jipprovdi lil dan l-ewwel Stat Membru bl-informazzjoni xierqa dwar din l-implimentazzjoni.

54      Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 ma tistax tkun il-bażi ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tgħid li l-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija li hija tipprevedi ma tapplikax meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu l-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru jkun jirrisjedi fit-territorju tat-tieni Stat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul u meta dan ma jkunx ippreżenta, quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru, applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva.

55      F’dan ir-rigward, huwa minnu li t-titolu tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/109, jiġifieri “Irtirar tal-permess ta’ residenza u obbligu għal dħul lura”, u r-riferiment, li jinsab f’dan l-Artikolu 22(1), għall-possibbiltà, għat-tieni Stat Membru, li jirrifjuta li jġedded jew li jirtira permess ta’ residenza mogħti skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, jistgħu jagħtu x’jifhem li l-imsemmi Artikolu 22 jikkonċerna biss sitwazzjoni li fiha jiġi rtirat jew ma jiġġeddidx tali permess ta’ residenza.

56      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 ma tirreferix għall-kisba ta’ permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru u li hija wiesgħa biżżejjed sabiex tkopri sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha t-tieni Stat Membru jadotta deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil, minkejja li dan ma jkunx talab permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva u għalhekk ma jkollux tali permess ta’ residenza.

57      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fid-dawl tas-sistema ta’ protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija li jibbenefikaw minnha, skont dan l-Artikolu 22, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil.

58      Din is-sistema ta’ protezzjoni msaħħa hija kkostitwita, fl-ewwel lok, mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/109, li jipprevedi regoli, b’mod partikolari, fil-qasam tat-tneħħija mit-territorju tat-tieni Stat Membru ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu l-istatus ta’ resident għal żmien twil għar-raġunijiet elenkati fih.

59      Dan huwa kkostitwit, fit-tieni lok, mill-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva li, kif ġie rrilevat fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, jimponi erba’ kundizzjonijiet li, jekk ikunu ssodisfatti, jippermettu lil dan l-Istat Membru jadotta deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz.

60      Fit-tielet lok, l-imsemmija sistema ta’ protezzjoni msaħħa tinkludi dispożizzjonijiet trażversali, jiġifieri, minn naħa, l-Artikolu 22(2) u (5) tal-imsemmija direttiva, li, fil-każ ta’ tneħħija, mit-tieni Stat Membru, tar-resident għal żmien twil ikkonċernat u tal-membri tal-familja tiegħu, jimponi fuq l-ewwel Stat Membru l-obbligu li jaċċettahom mill-ġdid “minnufih […] mingħajr formalitajiet”, filwaqt li jippermettilhom jistabbilixxu ruħhom fit-“tielet Stat Membru”, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 22(4) tal-istess direttiva, li jipprojbixxi li d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija msemmija fl-Artikolu 22(1)(b) u (ċ) tagħha jkunu akkumpanjati minn “projbizzjoni permanenti dwar residenza”.

61      Issa, ċertament, kif ġie osservat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 ma tistax isservi ta’ bażi għal interpretazzjoni li tgħid li l-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija li huwa jipprevedi ma tapplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, dan ma japplikax għall-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva, peress li ssemmi espressament dawn iż-żewġ ċirkustanzi bħala raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni, fir-rigward ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

62      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109, sa fejn jirrigwarda, b’mod partikolari, ksur tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, jippermetti l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ tneħħija meta ma jkunx issodisfatt l-obbligu previst f’dan l-Artikolu 15(1), jiġifieri dak impost fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil li jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza quddiem l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru fl-iqsar żmien possibbli u mhux iktar tard minn tliet xhur wara d-dħul tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

63      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 22(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, sa fejn jirreferi għas-sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz “ma ikunx jirrisjedi legalment” fit-tieni Stat Membru bħala raġuni li tippermetti li jiġi ġġustifikat li dan l-Istat Membru jadotta, fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tiegħu, ikopri s-sitwazzjoni ta’ residenza f’dan it-territorju bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul fih.

64      Barra minn hekk, ir-riferiment espliċitu, li jinsab fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/109, għal dawn iż-żewġ ċirkustanzi msemmija f’dan l-Artikolu 22(1)(b) u (ċ), bħala raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil, ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tat-tieni Stat Membru jsostni l-konklużjoni diġà misluta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva li l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ma għandhiex l-effett li tirrendi din l-aħħar dispożizzjoni inapplikabbli.

65      Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raġuni marbuta mal-fatt li, bi ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/109, resident għal żmien twil ma jkunx ippreżenta, quddiem l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru, applikazzjoni għal permess ta’ residenza, huwa minnu, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, li l-kliem użat fl-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri r-riferiment, li jinsab f’din l-aħħar dispożizzjoni, għall-possibbiltà, għal dan l-Istat Membru, li jirrifjuta li jġedded jew li jirtira permess ta’ residenza mogħti skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, jista’ jagħti x’jifhem li dan l-Artikolu 22(1) jikkonċerna biss sitwazzjoni li tirrigwarda l-irtirar jew it-tiġdid ta’ tali permess.

66      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi Artikolu 22(1) jipprevedi espressament mhux biss miżuri ta’ rifjut ta’ tiġdid jew ta’ rtirar, mit-tieni Stat Membru, ta’ permess ta’ residenza mogħti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu III, iżda wkoll miżuri oħra bħal, preċiżament, deċiżjonijiet ta’ tneħħija mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

67      Dawn id-diversi elementi kuntestwali jikkonfermaw il-konklużjoni, diġà misluta mill-eżami tal-formulazzjoni tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109, li l-applikabbiltà tal-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija mit-territorju tal-Unjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex eskluża minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun tirrisjedi fit-territorju tat-tieni Stat Membru minkejja li tkun is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju u li hija ma tkunx ippreżentat, quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva fit-termini stabbiliti.

68      Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 hija sostnuta wkoll mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

69      Fil-fatt, din l-interpretazzjoni, sa fejn tirriżulta minn delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/109, skont jekk il-kwistjoni tikkonċernax tneħħija mit-territorju tat-tieni Stat Membru jew tneħħija mit-territorju tal-Unjoni u l-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija b’ġeometrija varjabbli li tirriżulta minnha, tippermetti li tiġi evitata l-eżistenza ta’ lakuna fis-sistema ta’ “protezzjoni rinfurzata kontra t-tkeċċija” li huwa intiż li jiżgura l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, kif jirriżulta mill-premessa 16 tagħha, u, għaldaqstant, li tiġi żgurata l-effettività ta’ din is-sistema.

70      L-imsemmija interpretazzjoni tiggarantixxi għalhekk li ċittadin ta’ pajjiż terz jibbenefika mill-imsemmija sistema ta’ protezzjoni msaħħa anki jekk ikun jirrisjedi fit-territorju tat-tieni Stat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju u ma jkunx ippreżenta, quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-imsemmi Stat Membru, applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija li jibbenefikaw minnha, skont din id-dispożizzjoni, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil hija applikabbli fil-kuntest tal-adozzjoni, mit-tieni Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni meħuda, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, fil-konfront ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz, meta dan, minn naħa, ikun qiegħed jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju u, min-naħa l-oħra, ma jkunx ippreżenta, quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru, applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva.

 Fuq ittieni domanda

72      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet kontra t-tieni Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, meta dan ikollu l-intenzjoni li jieħu, fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom kontra Stat Membru meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Commune de Ginosa), C‑348/22, EU:C:2023:301, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ xi att mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri, minbarra l-att li jittrasponiha fid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, suffiċjentement preċiż sabiex jiġi invokat minn individwu u applikat mill-qorti meta din tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Commune de Ginosa), C‑348/22, EU:C:2023:301, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 ma ġewx espressament trasposti fid-dritt Finlandiż.

76      Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 73 u 74 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li jistgħu jipproduċu effett dirett għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża sa fejn, mingħajr ma jipprevedu kundizzjoni u mingħajr ma jagħmlu neċessarja l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali, huma jobbligaw, f’termini inekwivoċi, lit-tieni Stat Membru, meta jieħu, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil, deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, li jiżgura l-osservanza tad-diversi kundizzjonijiet u garanziji li jipprevedu l-istess dispożizzjonijiet favur tali ċittadin ta’ pajjiż terz u li jaqgħu taħt l-għan ta’ protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija mfittex mid-Direttiva 2003/109.

77      Dan japplika kemm għall-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109, li, kif tfakkar fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, jimponi, essenzjalment, erba’ kundizzjonijiet partikolari fuq it-tieni Stat Membru meta jadotta deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil, kif ukoll għall-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, peress li din l-aħħar dispożizzjoni telenka erba’ elementi li dan l-Artikolu 22(3) jikkwalifika bħala “garanziji” u li l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ tneħħija, jiġifieri t-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom, l-età tal-persuna kkonċernata, il-konsegwenzi għaliha u għall-membri tal-familja tagħha kif ukoll ir-rabtiet mal-pajjiż ta’ residenza jew l-assenza ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.

78      Għaldaqstant, peress li dawn id-diversi kundizzjonijiet u garanziji huma preskritti minn dispożizzjonijiet li għandhom jitqiesu li huma, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, minn dan isegwi li, konformement mal-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, l-individwi jistgħu jinvokawhom kontra Stat Membru.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet kontra t-tieni Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, meta dan ikollu l-intenzjoni li jieħu, fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

 Fuq lispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 22(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, kif emendata bid-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Mejju 2011,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija li jibbenefikaw minnha, skont din id-dispożizzjoni, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil hija applikabbli fil-kuntest tal-adozzjoni, mit-tieni Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni meħuda, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, fil-konfront ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz, meta dan, minn naħa, ikun qiegħed jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju u, min-naħa l-oħra, ma jkunx ippreżenta, quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru, applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva.

2)      L-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109, kif emendata bid-Direttiva 2011/51,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jippermettu lil ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil jinvoka dawn id-dispożizzjonijiet kontra t-tieni Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, meta dan ikollu l-intenzjoni li jieħu, fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni Ewropea għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.