Language of document : ECLI:EU:C:2024:225

Kawża C752/22

EP

vs

Maahanmuuttovirasto

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal14 ta’ Marzu 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Direttiva 2003/109/KE – Artikoli 12 u 22 – Protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija – Applikabbiltà – Ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li tah l-istatus ta’ resident għal żmien twil – Deċiżjoni ta’ tneħħija lejn l-Istat Membru li tah dan l-istatus meħuda, minn dan l-Istat Membru l-ieħor, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika – Projbizzjoni ta’ dħul temporanja fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru l-ieħor, imposta minnu – Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi ppreżentata, lill-istess Stat Membru l-ieħor, applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109 – Deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu meħuda minn dan l-Istat Membru tal-aħħar għall-istess raġunijiet”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Direttiva 2003/109 – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Kamp ta’ applikazzjoni – Tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jirrisjedix legalment fit-territorju ta’ Stat Membru iżda li jgawdi mill-istatus ta’ resident għal żmien twil fi Stat Membru ieħor – Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115; Direttiva tal-Kunsill 2003/109)

(ara l-punt 50)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Direttiva 2003/109 – Protezzjoni kontra t-tneħħija – Kamp ta’ applikazzjoni – Tneħħija mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, mit-tieni Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Ċittadin imneħħi li jirrisjedi fit-territorju tat-tieni Stat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul u li ma ppreżentax hemmhekk applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109 – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2003/109, premessa 16 u Artikoli 2(d), 15 u 22)

(ara l-punti 54 sa 71, u d-dispożittiv 1)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Direttiva 2003/109 – Protezzjoni kontra t-tneħħija – Deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, adottata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil – Dispożizzjonijiet li jipprevedu l-protezzjoni kontra t-tneħħija – Effett dirett

(Direttiva tal-Kunsill 2003/109, Artikoli 2(d), 12(3) u 22(3))

(ara l-punti 73, 74, 76 sa 79, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kwistjoni jekk ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil fi Stat Membru jibbenefikax mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija mit-territorju tal-Unjoni, prevista mid-Direttiva 2003/109 (1), fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu huwa mar bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul.

EP, ċittadin Russu, huwa detentur ta’ permess ta’ residenza tal-UE għal resident għal żmien twil maħruġ mill-Estonja għal perjodu ta’ ħames snin u li jiċċertifika li huwa għandu status ta’ resident għal żmien twil f’dak l-Istat Membru. Qabel l-għoti ta’ dan l-istatus, EP mar diversi drabi fil-Finlandja fejn kien is-suġġett ta’ erba’ deċiżjonijiet ta’ tneħħija lejn l-Estonja, tlieta minnhom akkumpanjati minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju Finlandiż. Dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati wara li EP ġie kkundannat, fil-Finlandja, għal diversi reati.

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Novembru 2019, il-Maahanmuuttovirasto (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, il-Finlandja) iddeċieda li jkeċċi lil EP lejn ir-Russja, minħabba, b’mod partikolari, li kien jipperikola l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika fil-Finlandja. Filwaqt li EP ma opponiex it-tneħħija tiegħu lejn l-Estonja, huwa oppona t-tneħħija lejn ir-Russja. Huwa sostna li huwa kien irrisjeda kważi ħajtu kollha fl-Estonja u ma kellux rabtiet oħra mar-Russja għajr dik tan-nazzjonalità. Wara ċ-ċaħda, fl-ewwel istanza, tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, EP ippreżentat appell quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-qorti tar-rinviju.

Quddiem din il-qorti, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni sostna b’mod partikolari li d-Direttiva 2003/109 ma kinitx applikabbli għat-tneħħija ta’ EP peress li ma kienx jirrisjedi legalment fit-territorju Finlandiż. Fil-fatt, huwa kien suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju Finlandiż u ma kienx talab permess ta’ residenza fil-Finlandja wara li daħal hemmhekk b’permess ta’ residenza tal-UE għal resident għal żmien twil, maħruġ minn Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ ċirkustanzi, hija d-Direttiva 2008/115 (2) li hija applikabbli għat-tneħħija tiegħu. Issa, skont din id-direttiva, deċiżjoni ta’ ritorn jista’ jkollha bħala suġġett biss ritorn lejn pajjiż terz u mhux fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija żewġ ċirkustanzi jipprekludux li EP ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija li jagħti l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 (3).

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109 li jipprevedu l-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi humiex applikabbli f’dan il-każ u jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipproduċux effett dirett b’mod li jkunu jistgħu jiġu invokati kontra l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fl-affermattiv għal dawn iż-żewġ domandi.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, qabelxejn, li, peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109 li jipprevedu protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil huma “iktar favorevoli” għal tali ċittadini mid-dispożizzjonijiet fil-qasam tat-tneħħija previsti mid-Direttiva 2008/115, huma dawn l-ewwel dispożizzjonijiet li japplikaw għal tneħħija mit-territorju tal-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali (4).

Sussegwentement, hija rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 ma tistax isservi ta’ bażi għal interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tgħid li l-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija mit-territorju tal-Unjoni li hija tipprevedi ma tapplikax meta, minn naħa, ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu l-istatus ta’ resident għal żmien twil fl-ewwel Stat Membru jirrisjedi fit-territorju tat-tieni Stat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul u, min-naħa l-oħra, dan ma jkunx ippreżenta, f’dan l-aħħar Stat Membru, applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva. Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva tirrigwarda, min-naħa tagħha, espressament dawn iż-żewġ ċirkustanzi bħala raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni, fil-konfront ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru (5). Tali riferiment espliċitu għal dawn iż-żewġ ċirkustanzi bħala motivi li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija jsostni l-konklużjoni diġà misluta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva li tgħid li l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ma għandhiex l-effett li tirrendi din l-aħħar dispożizzjoni inapplikabbli.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raġuni marbuta mal-assenza ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza, huwa minnu li l-kliem użat fl-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri r-riferiment għall-possibbiltà li jirrifjuta li jġedded jew li jirtira permess ta’ residenza mogħti skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, jista’ jagħti x’jifhem li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss sitwazzjoni li tirrigwarda l-irtirar jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ tali permess. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni ssemmi espressament mhux biss miżuri ta’ rifjut ta’ tiġdid jew ta’ rtirar, mit-tieni Stat Membru, ta’ permess ta’ residenza mogħti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu III, iżda wkoll miżuri oħra bħal, preċiżament, deċiżjonijiet ta’ tneħħija mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

Din l-interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 hija sostnuta wkoll mill-iskop ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, sa fejn tirriżulta minn delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/109, skont jekk il-kwistjoni tikkonċernax tneħħija mit-territorju tat-tieni Stat Membru jew tneħħija mit-territorju tal-Unjoni u l-protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija b’ġeometrija varjabbli li tirriżulta minnha, din tippermetti li tiġi evitata l-eżistenza ta’ lakuna fis-sistema ta’ “protezzjoni rinfurzata kontra t-tkeċċija” li huwa intiż li jiżgura l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, li tiġi żgurata l-effettività ta’ din is-sistema.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109 huma ta’ natura li jipproduċu effett dirett għall-benefiċċju taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati, b’tali mod li dawn jistgħu jinvokaw dawn id-dispożizzjonijiet kontra l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża sa fejn, mingħajr ma jipprevedu kundizzjoni u mingħajr ma jagħmlu neċessarja l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali, huma jobbligaw, f’termini inekwivoċi, lit-tieni Stat Membru, meta jieħu, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil, deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, li jiżgura l-osservanza tad-diversi kundizzjonijiet (6) u garanziji (7), previsti favur tali ċittadin ta’ pajjiż terz, li jaqgħu taħt l-għan ta’ protezzjoni msaħħa kontra t-tneħħija mfittex mid-Direttiva 2003/109.


1      Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19,Vol. 6, p. 272).


2       Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


3      Dan jipprovdi li “[s]akemm iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun kiseb status ta’ residenza għat-tul […], [Stat Membru għajr dak li jkun tah għall-ewwel darba l-istatus ta’ resident għal żmien twil u li fih dan ir-resident għal żmien twil jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ residenza (it-‘tieni Stat Membru’)] għandu jadotta deċiżjoni li jneħħi liċ-ċittadin tal-pajjiż terz mit-territorju ta’ l-Unjoni [Ewropea] skond u taħt il-garanziji ta’ l-Artikolu 12, għal raġunijiet serji ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] u sigurtà pubblika. F’dawk il-każi, fejn tiġi adottata l-imsemmija deċiżjoni, it-tieni Stat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-ewwel Stat Membru […].” Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(1) u (3) ta’ din id-direttiva, “1. L-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni li jkeċċu residenti għat-tul unikament fejn hu/i jikkostitwixxi theddiha attwali u suffiċjentement serja għall-politika pubblika [ordni pubbliku] jew għas-sigurtà pubblika. […] 3. Qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jitkeċċa residenti għat-tul, l-Istati membri għandhom jagħtu kont tal-fatturi li ġejjin: (a) it-tul tar-residenza fit-territorju tagħhom; (b) l-età tal-persuna konċernata; (ċ) il-konsegwenzi għall-persuna konċernata u l-membri tal-familja; (d) ir-rabtiet mal-pajjiż tar-residenza jew in-nuqqas ta’ rabtiet mal-pajjiż ta’ oriġini.”


4      Ara l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/115, li jgħid li din id-direttiva “m’għandha tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil.”


5      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 22(1)(b) tad-Direttiva 2003/109 jippermetti l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ tneħħija, b’mod partikolari meta ma jkunx issodisfatt l-obbligu, previst fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, impost fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz residenti għal żmien twil, li jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza fit-tieni Stat Membru fl-iqsar żmien possibbli u mhux iktar tard minn tliet xhur wara d-dħul tiegħu fit-territorju tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 22(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, sa fejn jirreferi għas-sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz “ma ikunx jirrisjedi legalment” ikopri s-sitwazzjoni ta’ residenza f’dan it-territorju bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul.


6      Ara l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2003/109.


7      Ara l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/109.