Language of document : ECLI:EU:C:2024:243

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl‑14 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawżi magħquda C639/22 sa C644/22

X (C639/22)

Stichting BPL Pensioen (C643/22)

Stichting Bedrijfstakpensioensfonds voor het levensmiddelenbedrijf (BPFL) (C644/22)

vs

Spettur van de Belastingdienst Utrecht (C639/22, C643/22 u C644/22)

u

Fiskali Eenheid Achmea BV (C640/22)

Y (C641/22)

vs

Inspecteur van de Belastingdienst Amsterdam (C640/22 u C641/22)

u

Stichting Pensioenfonds voor Fysiotherapeuten

vs

Spettur van de Belastingdienst Maastricht (C642/22)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva dwar il-VAT – Eżenzjonijiet – Immaniġġar ta’ assi kapitali – Kunċett – Komparabbiltà ma’ UCITS – Fondi tal-pensjoni – Riskju tal-investiment tal-investitur”






I.      Introduzzjoni

1.        F’diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari Olandiżi tqajmet il-kwistjoni dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet ċerti fondi tal-pensjoni settorjali għandhom jitqiesu bħala fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) (2). Skont din id-dispożizzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-“fondi speċjali ta’ investiment”. Sa issa, il-Pajjiżi l-Baxxi għadhom ma ddefinixxewx il-fondi tal-pensjoni settorjali inkwistjoni bħala fondi speċjali ta’ investiment u għalhekk jikkunsidraw li s-servizzi ta’ mmaniġġar ipprovduti lilhom huma suġġetti għall-VAT.

2.        Il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” li għandu jiġi ddefinit mill-Istati Membri jikkoinċidi parzjalment mad-dritt tal-Unjoni permezz tad-Direttiva UCITS. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat diġà ttrattat il-kwistjoni dwar jekk l-immaniġġar ta’ fondi tal-pensjoni huwiex eżentat mill-VAT jekk u minħabba li dawn il-fondi jkunu komparabbli ma’ UCITS (3). Issa huwa possibbli li tiġi ppreċiżata din il-ġurisprudenza.

3.        Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat f’liema kundizzjonijiet il-persuni taxxabbli jistgħu jinvokaw direttament l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni dwar sa fejn il-prinċipju ta’ newtralità jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fid-definizzjoni ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”. B’mod konkret, għandu jiġi eżaminat jekk eżenzjoni mill-VAT mogħtija lil ċerti fondi tal-pensjoni (taħt it-tielet pilastru tas-sistema nazzjonali tal-pensjonijiet) għandhiex tiġi estiża wkoll għal fondi tal-pensjoni oħra (fil-kawża ineżami, it-tieni pilastru).

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva dwar ilVAT

4.        Skont l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT:

“(1)       L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

(g)       l-imaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”.

2.      IdDirettiva UCITS

5.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (iktar ’il quddiem id-“Direttiva UCITS”) (4) huwa fformulat kif ġej:

“2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u suġġett għall-Artikolu 3, il-UCITS tfisser impriża:

(a)       b’ għan waħdieni ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli jew f’assi likwidi finanzjarji oħrajn imsemmija fl-Artikolu 50(1) ta’ kapital miġbur mill-pubbliku u li joperaw fuq il-prinċipju ta’ tixrid tar-riskju; u

(b)       b’ unitajiet li huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mifdija, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Azzjoni meħuda minn UCITS sabiex jiġi żgurat li l-valur tal-Borża tal-unitajiet tagħha ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-valur nett tagħhom tal-assi għandha titqies bħala ekwivalenti għal dan ix-xiri mill-ġdid jew it-tifdija.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li UCITS ikunu jikkonsistu f’ diversi kompartimenti ta’ investiment.”

B.      Iddritt Olandiż

6.        L-Artikolu 11(1)(i)(3) tal-Wet op de omzetbelasting 1968 (il-Liġi tal-1968 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ) huwa fformulat kif ġej:

“1. Huma eżenti mit-taxxa f’kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolament:

(i)       is-servizzi [...] li ġejjin:

3.       l-immaniġġar ta’ kapital miġbur mill-fondi ta’ investiment jew mill-kumpanniji ta’ investiment għall-finijiet ta’ investiment kollettiv.”

III. Ilfatti tassitt talbiet għal deċiżjoni preliminari

7.        It-talbiet kollha għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw fondi tal-pensjoni settorjali speċifiċi. Fil-Kawżi C‑639/22 (X), C‑641/22 (Y), C‑642/22 (Stichting Pensioenfonds voor Fysiotherapeuten), C‑643/22 (Stichting BPL Pensioen) u C‑644/22 (Stichting Bedrijfstakpensioensfonds voor het levensmiddelenbedrijf), dawn ippreżentaw rikorsi huma stess. Huma użaw servizzi ta’ amministraturi stabbiliti barra mill-pajjiż, li għalihom huma kienu responsabbli għall-ħlas tal-VAT bħala d-destinatarji ta’ dawn is-servizzi. Fil-Kawża C‑640/22 (Fiscale Eenheid Achmea BV), ir-rikorrenti, stabbilita fit-territorju nazzjonali, ipprovdiet hija stess servizzi ta’ mmaniġġar lil fond tal-pensjoni li għalihom hija kellha tħallas il-VAT.

8.        Il-fondi tal-pensjoni settorjali inkwistjoni kollha jinvokaw il-fatt li huma jikkostitwixxu “fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT. F’dan il-każ, is-servizzi ta’ mmaniġġar ikunu eżenti mill-VAT. L-amministrazzjoni fiskali Olandiża topponi dan billi tirreferi għall-istruttura tal-iskema Olandiża tal-pensjoni u għall-organizzazzjoni konkreta tal-fondi tal-pensjoni settorjali inkwistjoni.

9.        Il-Kawża C‑644/22 hija eżempju ta’ kif il-fondi tal-pensjoni settorjali speċifikament inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma organizzati. Ir-rikorrenti fil-kawża ineżami hija fond tal-pensjoni settorjali għal settur speċifiku, f’dan il-każ, għas-settur tal-ikel. L-affiljazzjoni tal-impjegati mal-fond tal-pensjoni hija imposta bil-liġi.

10.      L-iskema tal-pensjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq kuntratt ta’ benefiċċju tal-pensjoni fis-sens tal-liġi Olandiża dwar il-pensjonijiet u tipprevedi, b’mod partikolari, pensjoni tal-irtirar għall-ħajja jew għal żmien determinat. Il-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni hija kkostitwita mis-salarju suġġett għall-assigurazzjoni għall-pensjoni, bi tnaqqis stabbilit kull sena. F’dan ir-rigward, l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni u tal-benefiċċji tal-pensjoni jiddependi primarjament mill-ammont tas-salarju u mill-perijodu ta’ impjieg.

11.      Il-finanzjament tal-benefiċċji tal-pensjoni jsir skont il-prinċipju tal-kopertura tal-kapital. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Olandiża timponi ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura strateġika tal-fondi tal-pensjoni, jiġifieri l-proporzjon bejn l-assi tal-fond (attivi) u l-valur preżenti tal-obbligi tal-pensjoni eżistenti (passivi). L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija żgurata permezz ta’ superviżjoni mill-Istat.

12.      Il-ħaddiema assigurati għandhom jiksbu drittijiet għall-pensjoni li jistgħu jiġu aġġustati kull sena fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur (l-hekk imsejjaħ “indiċi”). Żieda fid-drittijiet jew fl-intitolamenti għall-pensjoni (l-hekk imsejħa allowance) tiddependi mir-redittu mill-investiment. Barra minn hekk, l-allowances ma jistgħux jingħataw meta l-livell ta’ kopertura jkun inqas minn ċertu livell. Fil-passat, l-għoti ta’ allowance seħħ biss fl‑2009.

13.      F’każ estrem, għall-kuntrarju, il-fondi tal-pensjoni settorjali jistgħu jkunu obbligati wkoll inaqqsu d-drittijiet jew l-intitolamenti għall-pensjoni. Minħabba livell baxx ta’ kopertura sal‑31 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti ppreżentat pjan ta’ rkupru korrispondenti lid-De Nederlandsche Bank (il-Bank Ċentrali tal-Pajjiżi l-Baxxi). Il-pjan ta’ rkupru kien jipprovdi għal tnaqqis ta’ 0.85 % tal-pensjonijiet akkumulati sal‑31 ta’ Diċembru 2021.

14.      It-talbiet l-oħra għal deċiżjoni preliminari (C‑639/22, C‑641/22, C‑640/22, C‑642/22 u C‑643/22) huma kollha bbażati fuq fatti simili.

15.      Fil-Kawża C‑641/22, kien hemm il-partikolarità supplimentari li, għall-perijodu mill‑2014 sal‑2020, il-persuni li jimpjegaw kienu pprovdew garanzija ta’ EUR 250 000 000 għall-akkumulazzjoni mixtieqa tad-drittijiet għall-pensjoni.

16.      Fil-Kawża C‑640/22, mill‑1 ta’ Jannar 2018, il-fond tal-pensjoni inkwistjoni ma kellux iktar akkumulazzjoni attiva tal-kapital. Barra minn hekk, minħabba l-livell baxx ta’ kopertura strateġika, il-fond tal-pensjoni kien obbligat jittrasferixxi l-kapital kollu tiegħu lil assiguratur jew lil fond tal-pensjoni ieħor.

IV.    Ilproċedura għal deċiżjoni preliminari

17.      Ir-rikorrenti kkontestaw il-likwidazzjoni tal-VAT quddiem il-qorti kompetenti, ir-Rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, l-ewwel domanda li ġejja fil-proċeduri kollha, kif ukoll it-tieni domanda fil-Kawża C‑644/22:

“1)       L-Artikolu 135(1)(g) tad-[Direttiva dwar il-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuni affiljati f’fond tal-pensjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiesu li jġorru r-riskju ta’ investiment, u dan jimplika li l-fond tal-pensjoni jikkostitwixxi ‘fond speċjali ta’ investiment’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni? Huwa rilevanti, f’dan ir-rigward:

–      jekk il-persuni affiljati jġorrux riskju individwali ta’ investiment jew huwa suffiċjenti li l-persuni affiljati fil-kollettività tagħhom, u ħadd iktar, iġorru l-konsegwenzi tar-riżultati tal-investimenti?

–      x’inhi l-portata tar-riskju kollettiv jew tar-riskju individwali?

–      sa fejn l-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar jiddependi wkoll minn fatturi oħra, bħalma huma n-numru ta’ snin ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni, il-livell tas-salarju u l-interessi stmati?”

Il-Kawża C‑641/22 iżżid ukoll:

–      “li għall-perijodu  2014 sa 2020, il-persuna li timpjega tat garanzija għal ammont ta’ EUR 250 000 000 għat-twettiq tal-akkumulazzjoni mmirata tad-drittijiet għal pensjoni?”

Minflok, il-Kawża C‑640/22 iżżid:

–      “li, sa mill‑1 ta’ Jannar 2018, ma għadx hemm akkumulazzjoni attiva ta’ drittijiet għall-pensjoni fil-fond tal-pensjoni u li dan, minħabba r-rata strateġika ta’ kopertura baxxa, għandu jwettaq trasferiment ta’ valur kollettiv lil assiguratur jew lil fond ieħor tal-pensjoni?

2)       Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jimplika li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, f’dak li jirrigwarda l-fondi li ma jikkostitwixxux [UCITS], għandu jiġi evalwat mhux biss jekk humiex komparabbli għal [UCITS]iżda wkoll jekk, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, humiex komparabbli għal fondi oħra li, mingħajr ma huma [UCITS], huma madankollu effettivament meqjusa mill-Istat Membru bħala fondi komuni [speċjali] ta’ investiment?”

18.      Is-sitt talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub jew orali komuni u tad-deċiżjoni komuni skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura.

19.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitt rikorrenti (X, Y, Stichting BPL Pensioen, Stichting Bedrijfstakpensioensfonds voor het levensmiddelenbedrijf, Fiscale Eenheid Achmea BV, Stichting Pensioenfonds voor Fysiotherapeuten), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tad-Danimarka u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2023.

V.      Lanaliżi legali

20.      Ir-rikorrenti jinvokaw l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT “l-imaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”.

21.      L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” sa fejn dan jikkoinċidi mad-dritt tal-Unjoni (5) (ara f’dan ir-rigward taħt A). It-tieni domanda preliminari tirrigwarda, għall-kuntrarju, is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT li jiddefinixxu l-“fondi speċjali ta’ investiment” u l-kwistjoni dwar għal liema restrizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma suġġetti f’dan ir-rigward (ara f’dan ir-rigward taħt B).

A.      Fuq lewwel domanda preliminari

22.      L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-karatteristiċi li fond tal-pensjoni għandu jissodisfa u, b’mod partikolari, ir-riskju ta’ investiment li l-affiljati tiegħu jkollhom isostnu sabiex jitqies bħala “fond speċjali ta’ investiment” (ara f’dan ir-rigward taħt 1). Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni – tal-inqas b’mod sussidjarju – dwar jekk id-dispożizzjoni tistax tiġi applikata direttament favur persuni taxxabbli (ara f’dan ir-rigward taħt 2).

1.      Fuq ilkunċett ta’ fond speċjali ta’ investiment

23.      L-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT hija intiża li tittratta bl-istess mod, għall-finijiet tal-VAT, l-investiment dirett f’titoli u dak imwettaq permezz ta’ fond speċjali ta’ investiment immaniġġat minn terz. Għall-investitur privat, l-investiment f’fond speċjali ta’ investiment ma għandux ikun inqas favorevoli, mill-perspettiva tal-VAT, milli fil-każ ta’ investiment dirett (6). Fil-każ tal-aħħar, fil-fatt, ma jkun hemm l-ebda servizz amministrattiv suġġett għall-VAT, li jnaqqas ir-redditu tal-investiment. Il-kwistjoni hija, għaldaqstant, li tiġi żgurata n-newtralità skont il-leġiżlazzjoni tal-VAT għal forom differenti ta’ investiment.

24.      Konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-fondi speċjali ta’ investiment li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni tas-servizzi ta’ mmaniġġar. Madankollu, wara li l-Unjoni bdiet tarmonizza s-superviżjoni tal-assi kapitali permezz tad-Direttiva UCITS, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat is-setgħa ta’ definizzjoni tal-Istati Membri. Dawn issa kellhom neċessarjament jikklassifikaw bħala fondi speċjali ta’ investiment assi rregolati skont il-verżjoni l-qadima tad-Direttiva UCITS (7). Is-setgħa ta’ definizzjoni mogħtija lill-Istati Membri mid-dritt dwar il-VAT b’hekk ġiet parzjalment sovrapposta mill-armonizzazzjoni tad-dritt dwar is-superviżjoni (8).

25.      Il-fondi tal-pensjoni settorjali inkwistjoni għandhom għalhekk jiġu kklassifikati bħala “fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT fil-każ li dawn ikunu UCITS. Il-partijiet jaqblu madankollu li l-fondi tal-pensjoni settorjali ma humiex UCITS (9).

26.      Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ugwaljanza kompetittiva, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-fondi li, minkejja li ma jikkostitwixxux UCITS, ikollhom karatteristiċi identiċi għal dawn tal-aħħar u għaldaqstant iwettqu l-istess tranżazzjonijiet jew, minn tal-inqas, ikollhom karatteristiċi komparabbli sal-punt li jinsabu f’kompetizzjoni magħhom, għandhom neċessarjament jitqiesu bħala fondi speċjali ta’ investiment (10).

27.      Dawn il-karatteristiċi konkreti għadhom ma jistgħux jiġu ddeterminati b’ċertezza mill-ġurisprudenza preċedenti. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttratat, fil-kawżi Wheels Common Investment Fund Trustees (iktar ’il quddiem “Wheels”) (11) u ATP PensionService (iktar ’il quddiem “ATP”) (12), il-klassifikazzjoni ta’ fond tal-pensjoni bħala fond speċjali ta’ investiment. Madankollu, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu bbażati fuq il-partikolaritajiet ta’ kull każ. Għalhekk, huma ma jipprovdux soluzzjoni għall-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-fondi tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawżi ineżami.

28.      Minn dan isegwi li, għal darba oħra, anki fil-kawżi ineżami, huwa fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva UCITS li għandu jiġi evalwat jekk fondi tal-pensjoni bħal dawk inkwistjoni humiex paragunabbli ma’ UCITS.

a)      Ġenerazzjoni ta' kapital bl-involviment tal-pubbliku

29.      Skont il-punt (a) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva UCITS, il-ġenerazzjoni ta’ kapital għandu neċessarjament isir bl-involviment tal-pubbliku. Għalhekk, il-fond għandu jkun miftuħ għal numru illimitat ta’ investituri.

30.      Il-fondi tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża ineżami ma humiex preċiżament miftuħa għall-pubbliku, iżda biss għal ċirku limitat ta’ investituri, jiġifieri l-impjegati f’settur, fi professjoni jew f’impriża partikolari. Prima facie, dan jeskludi l-komparabbiltà tal-fondi tal-pensjoni mal-UCITS.

31.      Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss dawk il-fondi “li jinsabu f’kompetizzjoni magħhom” li huma paragunabbli mal-UCITS (13). Tali kompetizzjoni tista’, bħala prinċipju, teżisti biss bejn assi kapitali li jkunu mmirati lejn l-istess grupp ta’ investituri (14). Dan ma huwiex il-każ tal-fondi tal-pensjoni u tal-UCITS għar-raġunijiet esposti fil-punt 30. Dan japplika iktar u iktar meta l-affiljazzjoni ma’ fond tal-pensjoni settorjali tkun imposta mil-liġi. L-affiljazzjoni obbligatorja teskludi, bħala prinċipju, kull kompetizzjoni għall-investituri.

b)      Investiment skont il-prinċipju tat-tixrid tar-riskju

32.      Karatteristika essenzjali oħra ta’ UCITS hija li l-fondi miġbura jridu jiġu investiti f’titoli u/jew assi finanzjarji likwidi oħra msemmija fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva UCITS skont il-prinċipju tat-tixrid tar-riskju (il-punt (a) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva UCITS).

33.      Il-partijiet jaqblu fuq tali tixrid tar-riskji. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan ir-rekwiżit ġiex effettivament osservat.

c)      Obbligu ta’ xiri mill-ġdid jew tifdija

34.      Barra minn hekk, il-punt (b) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva UCITS jipprovdi li, fuq talba tad-detenturi ta’ unitajiet, l-unitajiet tal-UCITS għandhom jinxtraw mill-ġdid jew jiġu mifdija, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawn l-impriżi. L-eżenzjoni fiskali tippreżumi għalhekk obbligu ta’ xiri mill-ġdid jew ta’ tifdija paragunabbli.

35.      F’dan ir-rigward ukoll, il-fondi tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex paragunabbli ma’ UCITS bħala strument ta’ investiment. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, sostituzzjoni hija possibbli biss eċċezzjonalment. A fortiori, fil-każ ta’ affiljazzjoni obbligatorja, il-persuni assigurati ma għandhomx ikunu intitolati għax-xiri mill-ġdid jew għat-tifdija fil-konfront tal-fond tal-pensjoni.

d)      Superviżjoni speċifika millIstat

36.      Bħall-UCITS imsemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva UCITS, il-fondi tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom, barra minn hekk, ikunu suġġetti għal superviżjoni speċifika mill-Istat fil-Pajjiżi l-Baxxi (15).

37.      Il-partijiet jaqblu li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta fil-każ tal-fondi tal-pensjoni Olandiżi kkonċernati fil-kawżi ineżami. Dan huwa wkoll konformi mad-Direttiva (UE) 2016/2341 (16) dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali, li tipprovdi li l-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali għandhom, bħala prinċipju, ikunu suġġetti għal superviżjoni mill-Istat (17).

e)      L-azzjonisti jġorru r-riskju tal-investiment

38.      L-aħħar karatteristika essenzjali hija l-eżistenza ta’ riskju ta’ investiment għall-investitur. Id-Direttiva UCITS għandha l-għan li tiżgura protezzjoni effettiva u uniformi tad-detenturi ta’ unitajiet madwar l-Unjoni (18). Madankollu, din il-protezzjoni hija meħtieġa biss jekk ikun hemm riskju ta’ investiment (19). Huwa fuq dan l-element li jiffokaw l-osservazzjonijiet tal-partijiet kollha.

39.      Bl-istess mod, fil-kawża Wheels, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrifjutat li tassimila l-fond tal-pensjoni ma’ UCITS minħabba li l-pensjoni “bl-ebda mod ma tiddependi mill-valur tal-attiv tal-iskema u mill-prestazzjoni tal-investimenti magħmula mill-amministraturi tal-iskema, iżda hija ddefinita minn qabel abbażi tat-tul tal-karriera mal-persuna li timpjega u l-ammont tas-salarju” (20). Fil-kawża ATP, il-kundizzjoni kienet ukoll li l-assigurati jsostnu riskju ta’ investiment (21).

40.      Fil-kawżi ineażmi, il-mudelli ta’ pensjoni huma kkaratterizzati mill-fatt li l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni u tal-benefiċċji tal-pensjoni huwa bbażat, minn naħa, fuq l-ammont tas-salarju u tal-perijodu ta’ impjieg. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ indiċjar tad-drittijiet u tal-benefiċċji jew, għall-kuntrarju, tat-tnaqqis tagħhom tista’ tiddependi mir-redditu tal-investimenti. Għalhekk, ir-redditu tal-investimenti għandu influwenza indiretta fuq l-ammont tal-pensjoni.

41.      Il-kwistjoni li tqum hija jekk hemmx riskju ta’ investiment komparabbli. Sabiex jiġi evalwat dan il-punt, għandha ssir distinzjoni skont in-natura tal-impenn tal-pensjoni.

42.      Jekk mill-kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni jirriżulta impenn ta’ pensjoni ggarantita, li jiddependi b’mod partikolari fuq it-tul tal-impjieg u l-ammont tas-salarju, il-benefiċjarji ma jsostnu ebda riskju paragunabbli fil-qasam tal-investimenti. Kif sostnew il-Pajjiżi l-Baxxi, il-fatt li l-ammont tal-benefiċċji tal-pensjoni jew tad-drittijiet għall-pensjoni jiddependi indirettament mir-redditu tal-investimenti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li jeżisti riskju ta’ investiment paragunabbli. L-aġġustament possibbli tal-ammont tal-pensjoni (’il fuq jew ’l isfel) huwa suġġett għar-riżerva ta’ livell ta’ kopertura korrispondenti sabiex tiġi żgurata kemm jista’ jkun, fl-interess tal-benefiċjarji kollha, il-pensjoni ppjanata. Għall-kuntrarju, l-investitur f’UCITS ma jibbenefikax minn garanzija minima fir-rigward tax-xiri mill-ġdid tal-kapital investit minnu.

43.      B’kuntrast ma’ dan, jekk, skont il-kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni, dan ikun impenn ta’ pensjoni essenzjalment ibbażat fuq l-evoluzzjoni tal-valur tal-kapital investit, il-benefiċjarju ma jistax jistenna ammont iggarantit ta’ pensjoni. Pjuttost, huwa jipparteċipa direttament fil-varjazzjonijiet fil-valur tal-kapital investit minnu. Għalhekk, bħal fil-każ ta’ UCITS, ir-riskju tal-investiment jinġarr mill-benefiċjarju.

44.      Abbażi ta’ din id-distinzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, jekk il-kuntratti ta’ tfaddil għall-pensjoni konklużi fil-kawżi prinċipali, meħuda fit-totalità tagħhom, jinkludux impenji ta’ pensjoni li huma prinċipalment iggarantiti jew li jiddependu mill-evoluzzjoni tal-valur tal-kapital investit. Dak li huwa importanti f’dan ir-rigward huwa l-enfasi ta’ kull kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni u, għaldaqstant, ir-relazzjoni bejn id-drittijiet għall-pensjoni ggarantiti u varjabbli.

45.      Ammont iggarantit ta’ pensjoni jista’ wkoll jiġi ggarantit, jekk ikun il-każ, mill-fatt li, bħal fil-Kawża C‑641/22, il-persuna li timpjega tkun ipprovdiet garanzija għall-akkumulazzjoni mixtieqa tad-drittijiet għall-pensjoni. Madankollu, għal darba oħra, għandha ssir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha fil-kawża ineżami.

46.      B’kuntrast ma’ dan, ma huwiex rilevanti jekk il-fond tal-pensjoni – bħal fil-Kawża C‑640/22 – ikunx għadu jakkumula b’mod attiv il-kapital. Hija rilevanti biss l-organizzazzjoni tal-kuntratt ta’ tfaddil għall-pensjoni sottostanti u mhux is-sitwazzjoni finanzjarja reali tal-fond tal-pensjoni.

47.      Kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-qorti Olandiża, il-parti l-kbira tal-mudelli inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jidhru li huma prinċipalment impenji ta’ pensjoni ggarantiti. Il-benefiċjarji tad-drittijiet għall-pensjoni u tal-benefiċċji tal-pensjoni, għalhekk, ma għandhom ebda riskju ta’ investiment paragunabbli ma’ dak sostnut fil-każ ta’ UCITS.

f)      Konklużjoni intermedja

48.      Il-fondi tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex UCITS. Madankollu, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, għandha tiġi eskluża wkoll komparabbiltà bejn dawn l-assigurazzjonijiet għall-pensjoni marbuta ma’ fondi ta’ investiment u UCITS. B’mod partikolari, il-fondi tal-pensjoni obbligatorji inkwistjoni ma humiex miftuħa għal numru illimitat ta’ investituri, b’tali mod li lanqas ma teżisti sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ UCITS. Barra minn hekk, ma jidhirx li hemm obbligu ta’ tifdija bħal fil-każ tal-UCITS.

49.      F’dak li jirrigwarda l-karatteristika tar-riskju ta’ investiment, għandha ssir distinzjoni skont jekk dawn humiex, prinċipalment, impenji tal-pensjoni ggarantiti jew impenji tal-pensjoni dipendenti fuq l-evoluzzjoni tal-valur tal-kapital investit. Huwa biss fil-każ ta’ dawn tal-aħħar li l-benefiċjarju tad-drittijiet u tal-benefiċċji għall-pensjoni jsostni riskju ta’ investiment paragunabbli mal-investitur f’UCITS.

50.      Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-eżenzjoni fiskali għal fondi tal-pensjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Madankollu, ma jeżistix obbligu fid-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

2.      Sussidjarjament: fuq lapplikazzjoni diretta talArtikolu 135(1)(g) tadDirettiva dwar ilVAT

51.      Huwa biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-fondi tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom jiġu kklassifikati bħala fondi speċjali ta’ investiment li tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti jistgħux jinvokaw l-eżenzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, sakemm id-dritt nazzjonali ma jkunx jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

52.      Għal dan l-għan, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva għandhom ikunu suffiċjentement preċiżi u inkundizzjonati mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom (22). L-implimentazzjoni jew l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni ma għandhom ikunu jeħtieġu l-intervent ta’ ebda att ieħor min-naħa tal-Istati Membri (23).

53.      F’dan id-dawl, f’deċiżjonijiet iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni fiskali skont l-Artikolu 132(1) tad-Direttiva dwar il-VAT meta l-Istati Membri jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-karatteristiċi individwali (24).

54.      Madankollu, minkejja s-setgħa ta’ definizzjoni tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT bħala direttament applikabbli (25). Dan huwa spjegat mill-fatt li l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” huwa kunċett li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tas-setgħa ta’ definizzjoni tagħhom huwa mnaqqas “għal żero” sa fejn id-Direttiva UCITS tarmonizza l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”.

55.      B’kuntrast ma’ dan, l-applikabbiltà diretta hija eskluża sa fejn l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex jikklassifikaw assi kapitali bħala fond speċjali ta’ investiment fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ definizzjoni korrispondenti min-naħa tal-Istat Membru, mid-Direttiva ma jirriżultax liema fondi speċjali ta’ investiment, li ma jkunux UCITS, għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni fiskali.

56.      Bħala konklużjoni, ir-rikorrenti għalhekk jistgħu jinvokaw direttament l-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT biss sa fejn il-fondi tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jkunu komparabbli ma’ UCITS (u sa fejn ma tkunx possibbli interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni).

B.      Fuq ittieni domanda preliminari

57.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandux bħala konsegwenza li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk il-fondi tal-pensjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali humiex paragunabbli ma’ fondi oħra li l-Istat Membru jqis bħala fondi speċjali ta’ investiment. Essenzjalment, il-kwistjoni hija dwar għal liema limiti tad-dritt tal-Unjoni huma suġġetti l-Istati Membri fil-kuntest tas-setgħa ta’ definizzjoni mogħtija lilhom u sa fejn għandhom jintaxxaw servizzi simili bl-istess mod.

58.      Madankollu, din il-kwistjoni tkun rilevanti biss jekk la l-fondi tal-pensjoni inkwistjoni u lanqas il-fondi kklassifikati mill-Istat Membru bħala fondi speċjali ta’ investiment ma jkunu komparabbli ma’ UCITS. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jibbenefikaw minn komparabbiltà biss jekk id-dritt nazzjonali seta’ jiġi interpretat skont id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT ma hijiex possibbli fil-qasam tas-setgħa ta’ definizzjoni mogħtija lill-Istati Membri.

59.      Fil-kuntest tas-setgħa ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” li hija rrikonoxxuta lilhom, l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (26). Dan jipprekludi li provvisti ta’ servizzi simili, li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (27).

60.      Madankollu, fid-dawl tal-prinċipju tad-demokrazija, li huwa wieħed mill-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE li fuqu hija bbażata l-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ newtralità mil-leġiżlatur nazzjonali fil-każ biss li dan ikun manifestament eċċeda l-marġni ta’ evalwazzjoni leġiżlattiva tiegħu. Dan ikun il-każ biss meta, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, is-servizzi ntaxxati b’mod differenti jkunu kważi identiċi, b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu ssostitwiti faċilment minflok xulxin (28).

61.      Il-kwistjoni tal-assimilazzjoni tqum biss fil-kawżi ineżami għaliex l-hekk imsejħa skema ta’ pensjoni kontributorja individwali (it-tielet pilastru tas-sistema Olandiża tal-pensjonijiet) tikkostitwixxi, skont id-direttivi tal-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) tad‑19 ta’ Settembru 2014, “fond speċjali ta’ investiment” li l-immaniġġar tiegħu huwa eżentat mit-taxxa.

62.      L-iskema ta’ pensjoni kontributorja individwali tat-tielet pilastru tidher li għandha l-għan li tippermetti lill-impjegati jikkomplementaw il-benefiċċji l-oħra tal-pensjoni fuq bażi volontarja. Affiljazzjoni obbligatorja f’fond tal-pensjoni settorjali, għall-kuntrarju, għandha l-għan li tipprovdi protezzjoni obbligatorja għall-impjegati kollha (li tmur lil hinn mill-garanzija ta’ benefiċċji bażiċi (l-ewwel pilastru)). Minħabba l-għanijiet differenti segwiti minn affiljazzjoni (obbligatorja) f’fond tal-pensjoni settorjali (it-tieni pilastru) u s-sistema tal-pensjoni volontarja individwali (it-tielet pilastru), għandi dubji dwar il-komparabbiltà tagħhom. Il-kompetizzjoni bejn pilastri differenti ta’ sistema tal-pensjonijiet tidher li hija wkoll limitata.

63.      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-linji gwida tal-amministrazzjoni fiskali Olandiża huma bbażati fuq l-ipoteżi li d-detenturi ta’ unitajiet affiljati fi skema ta’ pensjoni kontributorja individwali jsostnu riskju ta’ investiment. Kif diġà indikajt, l-investituri fi ħdan it-tieni pilastru ma għandhomx tali riskju ta’ investiment jekk dawn ikunu prinċipalment impenji tal-pensjoni ggarantiti (ara l-punt 42 iktar ’il fuq). Dan għandu jipprekludi wkoll il-komparabbiltà.

64.      Għalhekk, hemm differenzi sinjifikattivi li jindikaw l-assenza ta’ komparabbiltà. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa din il-kwistjoni b’mod definittiv fid-dawl tal-kriterji esposti.

65.      Bħala konklużjoni, huwa minnu li l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali meta jiddefinixxu l-“fondi speċjali ta’ investiment” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT. Madankollu, dan il-prinċipju ma jipprekludix li Stat Membru jagħmel distinzjoni bejn pilastri strutturati b’mod differenti tal-iskema tal-pensjoni tiegħu u, b’mod partikolari, bejn, minn naħa, impenji fil-qasam tal-pensjonijiet iggarantiti u, min-naħa l-oħra, impenji li jiddependu mill-evoluzzjoni tal-valur tal-kapital investit.

VI.    Konklużjoni

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

“1)       L-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu assi kapitali komparabbli ma’ UCITS u, għaldaqstant, “fondi speċjali ta’ investiment” dawk il-fondi li jissodisfaw bejn wieħed u ieħor il-kriterji stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli. Dan jimplika b’mod partikolari li l-assi kapitali jkunu miftuħa għall-pubbliku, li jeżisti obbligu ta’ tifdija simili għal dak ta’ UCITS u li l-investituri jġorru riskju ta’ investiment komparabbli. Dan l-aħħar element jiddependi essenzjalment mill-kwistjoni dwar jekk l-impenn tal-pensjoni jipprevedix benefiċċji prinċipalment iggarantiti jew benefiċċji li jiddependu mill-evoluzzjoni tal-valur tal-kapital investit.

2)       Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva 2006/112 fil-kuntest ta’ fondi li ma humiex UCITS, għandu jiġi evalwat mhux biss jekk dawn humiex komparabbli ma’ UCITS, iżda wkoll jekk humiex paragunabbli ma’ fondi oħra li, minkejja li ma humiex UCITS, huma kkunsidrati mill-Istat Membru bħala fondi speċjali ta’ investiment. L-Istat Membru jista’ jeżenta l-immaniġġar ta’ tali fondi speċjali ta’ investiment filwaqt li josserva l-prinċipju ta’ newtralità. Madankollu, dan ma jipprekludix distinzjoni komprensibbli bejn il-pilastri strutturati b’mod differenti tal-iskema tal-pensjoni kkonċernata u, b’mod partikolari, bejn l-impenji tal-pensjoni ggarantiti, minn naħa, u l-impenji tal-pensjoni li jiddependu mill-evoluzzjoni tal-valur tal-kapital investit, min-naħa l-oħra.”


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), fil-verżjoni tagħha applikabbli għas-sena kontenzjuża (2009); f’dan ir-rigward, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2022/890/UE tat‑3 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT (ĠU 2022, L 155, p. 1).


3      Sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C‑464/12, EU:C:2014:139) kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C‑424/11, EU:C:2013:144).


4      Direttiva tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 (ĠU 2009, L 302, p. 32), fil-verżjoni tagħha applikabbli għas-sena kontenzjuża; f’dan ir-rigward, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva (UE) 2021/2261 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tal-użu ta’ dokumenti bl-informazzjoni ewlenija mill-kumpaniji maniġerjali tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2021, L 455, p. 15).


5      Ara, fir-rigward tad-dispożizzjoni preċedenti tal-Artikolu 13(B)(d)(6) tad-Direttiva 77/388/KE, li kien ifformulat essenzjalment fl-istess termini bħall-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva dwar il-VAT, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:801, punt 46).


6      F’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:801, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 46) u tas‑7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 23).


8      Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:801, punt 46); ara wkoll preċedentement il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:327, punt 23); JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C‑363/05, EU:C:2007:125, punt 32); kif ukoll Abbey National (C-‑169/04, EU:C:2005:523, punt 38).


9      Kif ġie affermat dwar fondi tal-pensjoni settorjali oħra fis-sentenzi preċedenti tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 48) u tas‑7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 25); ir-raġuni ewlenija hija li l-fondi tal-pensjoni huma miftuħa biss għall-impjegati f’settur, fi professjoni jew f’impriża partikolari.


10      Sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 47) u tas‑7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C‑424/11, EU:C:2013:144), punt 24); ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C‑363/05, EU:C:2007:391, punti 48 et seq.).


11      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C‑424/11, EU:C:2013:144).


12      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C‑464/12, EU:C:2014:139).


13      Sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:801, punt 37); tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 48); kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 24).


14      Ara wkoll, preċedentement, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:327, punt 27) kif ukoll is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:801, punt 48).


15      Ara wkoll, preċedentement, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:327, punt 27) kif ukoll is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:801, punt 48).


16      Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 37).


17      Ara wkoll, preċedentement, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:327, punt 28), għalkemm b’riferiment għad-direttiva preċedenti, jiġifieri d-Direttiva 2003/41/KE.


18      Ara l-premessa 3 tad-Direttiva UCITS.


19      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża ATP PensionService (C‑464/12, EU:C:2013:840, punt 64).


20      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 27).


21      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C‑464/12, EU:C:2014:139, punti 51 et seq.).


22      Sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Golfclub Schloss Igling (C‑488/18, EU:C:2020:1013, punt 26) kif ukoll tal‑15 ta’ Frar 2017, British Film Institute (C‑592/15, EU:C:2017:117, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Golfclub Schloss Igling (C‑488/18, EU:C:2020:1013, punt 27) u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Larentia + Minerva (C‑108/14 u C‑109/14, EU:C:2015:496, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Dwar il-kunċett tas-servizzi kulturali fl-Artikolu 132(1)(n) tad-Direttiva dwar il-VAT ara s-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2017, British Film Institute (C‑592/15, EU:C:2017:117, punti 14, 16, 23 et seq.), kif ukoll, dwar l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva dwar il-VAT, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Golfclub Schloss Igling (C‑488/18, EU:C:2020:1013, punti 31 u 42).


25      Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies (C‑363/05, EU:C:2007:391, punt 59) dwar is-sistema preċedenti kważi identika prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 13(B)(d) tad-Direttiva 77/388/KE.


26      Sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2015, Fiscale Eenheid X (C‑595/13, EU:C:2015:801, punt 33); tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService (C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 42); kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2013, Wheels Common Investment Fund Trustees et (C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 18).


27      Ara biss is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2023, Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (VAT fuq xarbiet tal-ħalib sħan) (C‑146/22, EU:C:2023:739, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara l-konklużjonijiet preċedenti tiegħi fil-kawża HPA - Construções (C‑433/22, EU:C:2023:655, punti 50 et seq.).