Language of document : ECLI:EU:C:2024:251

Kawża C61/22

Detlev Sieber

vs

Landeshauptstadt Wiesbaden

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden)

 Sentenza talQorti talĠustizzja (Awla Manja) tal21 ta’ Marzu 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2019/1157 – Tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea – Validità – Bażi legali – Artikolu 21(2) TFUE – Artikolu 77(3) TFUE – Regolament (UE) 2019/1157 – Artikolu 3(5) – Obbligu għall-Istati Membri li jintegraw fil-mezz ta’ ħżin tal-karti tal-identità żewġ marki tas-swaba’ f’formati diġitali interoperabbli – Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 35 – Obbligu li titwettaq valutazzjoni tal-impatt relatata mal-protezzjoni tad-data – Żamma tal-effetti ta’ regolament iddikjarat invalidu ratione temporis”

1.        Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Kriterji – Eżistenza ta’ bażi legali speċifika – Regolament dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tad-dokumenti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-residenza maħruġa lill-imsemmija ċittadini u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu – Adozzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 77(3) TFUE u mhux tal-Artikolu 21(2) TFUE

(Artikoli 21(2) u 77(3) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/1157)

(ara l-punti 46, 49 sa 56, u 61)

2.        Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Obbligu għall-kontrollur responsabbli għal ipproċessar ta’ data personali, li jista’ jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni fiżiċi, li jwettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt – Obbligu mhux intenzjonat li japplika għall-adozzjoni ta’ regolament li min-naħa tiegħu ma jwettaq ebda ipproċessar ta’ data personali – Ksur – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikoli 35(1) u (10), u 2019/1157)

(ara l-punti 66 u 67)

3.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni tad-data personali – Teħid u ħżin tal-marki tas-swaba’ fil-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni – Inklużjoni – Ksur tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/1157, Artikolu 3(5))

(ara l-punti 70, 72 u 73)

4.        Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni tad-data personali – Regolament dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tad-dokumenti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-residenza maħruġa lill-imsemmija ċittadini u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu – Teħid u ħżin tal-marki tas-swaba’ fil-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni – Indħil f’dawn id-drittijiet fundamentali – Limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/1157, Artikolu 3(5))

(ara l-punti 75, 76, 79, 81, 84, 90 sa 92, 98 sa 101, 104, 108 sa 110, 119, 120, 123 u 124)

5.        Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ regolament – Dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-Regolament dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tad-dokumenti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-residenza maħruġa lill-imsemmija ċittadini u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu – Effetti – Limitazzjoni ratione temporis

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/1157)

(ara l-punti 126 sa 128, u d-dispożittiv 1 u 2)

Sunt

Adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, iddikjarat invalidu r-Regolament 2019/1157 (1), dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni, sa fejn dan kien ġie adottat fuq bażi legali żbaljata. Hija kkonstatat madankollu li l-inklużjoni obbligatorja fil-karti tal-identità ta’ żewġ marki tas-swaba’ diġitali, prevista minn dan ir-regolament, kienet kompatibbli b’mod partikolari mad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk żammet l-effetti tiegħu sad-dħul fis-seħħ ta’ regolament ġdid, ibbażat fuq il-bażi legali speċifika xierqa u intiż li jissostitwixxih.

F’Novembru 2021, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lill-belt ta’ Wiesbaden (2) toħroġlu karta tal-identità ġdida u talab li din ma tinkludix il-marki tas-swaba’ tiegħu. Il-belt ta’ Wiesbaden ċaħdet l-imsemmija talba għar-raġuni, b’mod partikolari, li, mit‑2 ta’ Awwissu 2021, l-integrazzjoni ta’ żewġ marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħżina tal-karti tal-identità hija obbligatorja skont id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tittrasponi, essenzjalment, l-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157.

Fl‑21 ta’ Diċembru 2021, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal-belt ta’ Wiesbaden sabiex din tal-aħħar tiġi ordnata toħroġlu karta tal-identità mingħajr ma jinġabru l-marki tas-swaba’ tiegħu.

Peress li kellha dubji dwar il-legalità tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, peress li b’mod partikolari kellha dubji dwar jekk il-validità tar-Regolament 2019/1157 setgħetx hija stess tiġi kkontestata, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dan ir-regolament kienx invalidu minħabba li, l-ewwel nett, huwa kien ġie adottat b’mod żbaljat abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE minflok l-Artikolu 77(3) TFUE, it-tieni nett, kien jikser ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (3), u, it-tielet nett, kien jikser l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4).

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq lewwel motiv ta’ invalidità, ibbażat fuq lużu ta’ bażi legali żbaljata

Fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 21(2) TFUE u tal-Artikolu 77(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kompetenza mogħtija lill-Unjoni mill-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet sabiex tadotta d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (5), hija suġġetta għas-setgħat ta’ azzjoni previsti għal dan l-għan mit-Trattati. Issa, l-Artikolu 77(3) TFUE (6) jipprevedi espliċitament tali setgħat ta’ azzjoni f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-passaporti, il-karti tal-identità, il-permessi ta’ residenza jew kull dokument simili ieħor maħruġ liċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza.

Ċertament, din it-tieni dispożizzjoni taqa’ taħt it-titolu tat-Trattat FUE ddedikat għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u taħt il-kapitolu intitolat “Politika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni”. Madankollu, mill-Artikolu 77(1) TFUE jirriżulta li l-Unjoni għandha tiżviluppa politika intiża li tiżgura kemm l-assenza ta’ kwalunkwe kontroll fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni, kif ukoll il-kontroll tal-persuni u s-sorveljanza effettiva tal-qsim tal-fruntieri esterni, kif ukoll li tistabbilixxi progressivament sistema integrata ta’ ġestjoni ta’ dawn il-fruntieri. Issa, id-dispożizzjonijiet (7) imsemmija fl-Artikolu 77(3) TFUE jifformaw parti integrali minn tali politika tal-Unjoni. Fil-fatt, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, dawn id-dokumenti jippermettulhom b’mod partikolari li jikkonfermaw il-kwalità tagħhom ta’ benefiċjarji tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza, u b’dan il-mod li jeżerċitaw dan id-dritt. Għaldaqstant, l-Artikolu 77(3) TFUE jista’ jservi ta’ bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri relatati mal-imsemmija dokumenti jekk tali azzjoni tidher neċessarja sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza.

Din l-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 77(3) TFUE la hija invalidata mill-iżvilupp storiku tat-Trattati fil-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta miżuri dwar, b’mod partikolari, il-passaporti u l-karti tal-identità, u lanqas mill-fatt li din id-dispożizzjoni tipprevedi li hija tapplika “biss jekk it-Trattati jkunu pprovdew is-setgħat meħtieġa”.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, minn naħa, li, ċertament, it-Trattat ta’ Lisbona ħassar id-dispożizzjoni (8) li kienet teskludi espressament il-possibbiltà għal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża l-Artikolu 18(2) KE (li sar l-Artikolu 21(2) TFUE) bħala bażi legali għall-adozzjoni, b’mod partikolari, tad-“dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-passaporti [u] il- karti ta’ l-identità”. Madankollu, fl-istess ħin, dan it-Trattat ta espressament lill-Unjoni setgħa ta’ azzjoni f’dan il-qasam, fl-Artikolu 77(3) TFUE, li jissuġġetta l-adozzjoni tal-miżuri fl-imsemmi qasam għal proċedura leġiżlattiva speċjali u b’mod partikolari għal vot unanimu fil-Kunsill.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija tneħħija ma setgħetx timplika li minn dak il-mument ’il quddiem kien ser ikun possibbli li jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar il-passaporti u l-karti tal-identità abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE. Għall-kuntrarju, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-evoluzzjoni storika jirriżulta li, permezz tal-Artikolu 77(3) TFUE, l-awturi tat-Trattati riedu jagħtu lill-Unjoni, għall-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza, kompetenza iktar speċifika mill-kompetenza iktar ġenerali prevista fl-Artikolu 21(2) TFUE.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-indikazzjoni li l-Artikolu 77(3) TFUE japplika “biss jekk it-Trattati jkunu pprovdew is-setgħat meħtieġa”, fis-sens li s-setgħat ta’ azzjoni msemmija ma humiex mogħtija minn dispożizzjoni ta’ portata iktar ġenerali, bħall-Artikolu 21(2) TFUE, iżda minn dispożizzjoni saħansitra iktar speċifika.

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li r-Regolament 2019/1157 seta’ jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE biss bil-kundizzjoni li l-għan jew il-komponent prinċipali jew predominanti ta’ dan ir-regolament ikun jinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-Artikolu 77(3) TFUE, li jikkonċerna, sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza, il-ħruġ ta’ passaporti, ta’ karti tal-identità, ta’ permessi ta’ residenza jew ta’ kwalunkwe dokument simili ieħor.

Issa, mill-għan u mill-komponenti prinċipali tar-Regolament 2019/1157 jirriżulta li dan kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-Artikolu 77(3) TFUE. Għaldaqstant, billi adotta dan ir-regolament abbażi tal-Artikolu 21(2) TFUE, u b’applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-leġiżlatur tal-Unjoni uża bażi legali żbaljata, u dan kien ta’ natura li jwassal għall-invalidità tal-imsemmi regolament.

Fuq ittieni motiv ta’ invalidità, ibbażat fuq ksur talArtikolu 35(10) tal-GDPR

Filwaqt li rrilevat li r-Regolament 2019/1157 ma jwettaq ebda operazzjoni applikata għal data personali, iżda sempliċement jipprevedi t-twettiq mill-Istati Membri ta’ ċertu pproċessar fil-każ ta’ talba għal karta tal-identità, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 35(1) tal-GDPR (9) ma kienx intiż li japplika waqt l-adozzjoni tar-Regolament 2019/1157. Peress li l-Artikolu 35(10) tal-GDPR jistabbilixxi deroga minn din l-aħħar dispożizzjoni, l-adozzjoni tar-Regolament 2019/1157 għalhekk ma setgħetx tikser l-imsemmi Artikolu 35(10).

Fuq ittielet motiv ta’ invalidità, ibbażat fuq ksur talArtikoli 7 u 8 talKarta

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-obbligu li jiġu integrati żewġ marki tas-swaba’ kompleti fil-mezz ta’ ħżin tal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri, previst fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament 2019/1157, kien jikkostitwixxi limitazzjoni kemm tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (10). Barra minn hekk, dan l-obbligu kien jimplika t-twettiq minn qabel ta’ żewġ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali suċċessivi, jiġifieri l-ġbir tal-imsemmija marki tas-swaba’ mingħand il-persuna kkonċernata kif ukoll il-ħżin provviżorja tagħhom għall-finijiet tal-personalizzazzjoni tal-karti tal-identità, li jikkostitwixxu wkoll limitazzjonijiet għad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-limitazzjonijiet inkwistjoni kinux iġġustifikati u proporzjonati.

F’dan ir-rigward, hija qieset, minn naħa, li l-limitazzjonijiet inkwistjoni kienu jissodisfaw il-prinċipju ta’ legalità u ma kinux jippreġudikaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, l-ewwel nett, li l-miżura inkwistjoni kienet issegwi diversi għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, jiġifieri l-ġlieda kontra l-produzzjoni ta’ karti tal-identità foloz u s-serq tal-identità, kif ukoll l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika, u li kienet adatta sabiex tilħaq dawn l-għanijiet. Fil-fatt, l-integrazzjoni tal-marki tas-swaba’ fil-karti tal-identità kienet tirrendi iktar diffiċli l-produzzjoni ta’ karti tal-identità foloz. Hija kienet tippermetti wkoll li tiġi vverifikata, b’mod affidabbli, l-awtentiċità tal-karta tal-identità u l-identità tad-detentur tal-karta, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ frodi. Fir-rigward tal-għan tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tal-karti tal-identità, l-użu tal-marki tas-swaba’ kompleti kien jippermetti li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mas-sistemi awtomatizzati kollha ta’ identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ użati mill-Istati Membri, minkejja li tali sistemi ma jużawx neċessarjament l-istess mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-limitazzjonijiet inkwistjoni kienu josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

Fil-fatt, fir-rigward tal-prinċipju stess li jiġu integrati marki tas-swaba’ fil-mezz ta’ ħżin tal-karti tal-identità, dan huwa mezz affidabbli u effikaċi sabiex tiġi stabbilita b’ċertezza l-identità ta’ persuna. B’mod partikolari, is-sempliċi inklużjoni ta’ immaġni tal-wiċċ tikkostitwixxi mezz ta’ identifikazzjoni inqas effikaċi mill-inklużjoni, minbarra din l-immaġni, ta’ żewġ marki tas-swaba’, peress li fatturi differenti jistgħu jbiddlu l-karatteristiċi anatomiċi tal-wiċċ. Il-proċess użat għall-ġbir ta’ dawn il-marki tas-swaba’ huwa, barra minn hekk, sempliċi biex jiġi implimentat.

Fir-rigward tal-integrazzjoni ta’ żewġ marki tas-swaba’ kompleti pjuttost milli ta’ wħud mill-punti karatteristiċi ta’ dawn il-marki tas-swaba’, minbarra li din it-tieni għażla ma għandhiex l-istess garanziji bħal marka kompleta, l-integrazzjoni ta’ marka kompleta hija wkoll neċessarja għall-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ verifika tad-dokumenti ta’ identifikazzjoni. Fil-fatt, l-Istati Membri jużaw teknoloġiji differenti għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’. Il-fatt li fil-mezz ta’ ħżin tal-karta tal-identità jiġu inklużi biss uħud mill-karatteristiċi ta’ marka tas-swaba’ għalhekk jikkomprometti t-twettiq tal-għan tal-interoperabbiltà.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tan-natura tad-data inkwistjoni, tan-natura u tal-modalitajiet tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar kif ukoll tal-mekkaniżmi ta’ salvagwardja previsti, il-limitazzjonijiet hekk maħluqa għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ma kinux ta’ gravità li hija sproporzjonata meta mqabbla mal-importanza tal-għanijiet imfittxija, iżda li, għall-kuntrarju, il-miżura inkwistjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, l-għanijiet imfittxija minnha u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali inkwistjoni.


1      Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (ĠU 2019, L 188, p. 67).


2      Landeshauptstadt Wiesbaden (il-belt ta’ Wiesbaden, il-kapitali tal-Land, il-Ġermanja).


3      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).


4      Iktar ’il quddiem il-“Karta”. Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw, rispettivament, ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali.


5      Dritt imsemmi fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE. Iktar ’il quddiem id-“dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza”.


6      Skont din id-dispożizzjoni, “[j]ekk jidher li tkun meħtieġa azzjoni mill-Unjoni sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt, previst fl-Artikolu 20(2)(a) u biss jekk it-Trattati jkunu pprovdew is-setgħat meħtieġa, il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, jista’ jadotta dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-passaporti, il-karti ta’ l-identità, il-permessi ta’ residenza jew kwalunkwe dokument ieħor relatat. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew”.


7      Jiġifieri, id-dispożizzjonijiet dwar il-passaporti u l-karti tal-identità, il-permessi ta’ residenza jew kwalunkwe dokument simili ieħor (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet dwar il-passaporti u l-karti tal-identità”).


8      Preċedentement stabbilita fl-Artikolu 18(3)KE.


9      Din id-dispożizzjoni tipprevedi l-obbligu, tal-persuna responsabbli għall-ipproċessar ta’ data personali li jista’ jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni fiżiċi, li jwettaq, qabel l-ipproċessar, valutazzjoni tal-impatt tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali.


10      Dawn il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, minn naħa, u l-obbligu li jiġu integrati żewġ marki tas-swaba’ kompleti fil-mezz ta’ ħżin tal-karti tal-identità, min-naħa l-oħra, ser jiġu indikati iktar ’il quddiem, rispettivament, bħala “l-limitazzjonijiet inkwistjoni” u “l-miżura inkwistjoni”.