Language of document : ECLI:EU:C:2024:252

Kawża C-90/22

“Gjensidige” ADB

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Marzu 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 45 – Rifjut ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni – Artikolu 71 – Relazzjoni ta’ dan ir-regolament mal-konvenzjonijiet dwar qasam partikolari – Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq (CMR) – Artikolu 31(3) – Lis pendens – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Kunċett ta’ ordni pubbliku”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Relazzjonijiet ma’ konvenzjonijiet marbuta ma’ materji partikolari – Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq – Deċiżjoni dwar azzjoni ppreżentata taħt dan il-kuntratt – Possibbiltà li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ din is-sentenza minħabba l-ksur ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni – Applikabbiltà tar-regolament

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, Artikolu 71(1) u (2)(b))

(ara l-punti 41, 44 sa 47)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi tar-rifjut – Ksur tal-kompetenzi esklużivi – Kamp ta’ applikazzjoni – Sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru bi ksur ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni – Esklużjoni – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat indirizzat – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, Artikoli 25 u 45(1)(a) u (e)(ii) u (3))

(ara l-punti 52, 53, 56, 59, 72 sa 41 u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tar-raġunijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istati Membri, previsti mir-Regolament Brussell Ia (1), fil-każ fejn il-qorti tal-oriġini tkun iddikjarat li jkollha ġurisdizzjoni bi ksur ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li jinsab f’kuntratt ta’ trasport internazzjonali.

ACC Distribution UAB kienet ikkonkludiet ma’ Rhenus Logistics UAB, kumpannija tat-trasport, kuntratt għat-trasport ta’ merkanzija mill-Pajjiżi l-Baxxi sal-Litwanja. Peress li parti mill-merkanzija nsterqet waqt it-trasport, Gjensidige ADB, kumpannija tal-assigurazzjoni, ikkumpensat lil ACC Distribution.

Fi Frar 2017, Rhenus Logistics ippreżentat quddiem qorti Olandiża azzjoni għall-konstatazzjoni tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tagħha. Din il-qorti ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi u qieset li l-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati Litwani inkluż fil-kuntratt iffirmat bejn ACC Distribution u Rhenus Logistics kien null, peress li dan kellu l-effett li jirrestrinġi l-għażla tal-qrati kompetenti prevista mill-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq (iktar ’il quddiem iċ-“CMR”) (2).

F’Settembru 2017, Gjensidige adixxiet qorti Litwana sabiex Rhenus Logistics tiġi kkundannata tħallas lura l-kumpens imħallas lil ACC Distribution. Din il-qorti ssospendiet il-proċeduri sakemm, fl-2019, il-qorti Olandiża adottat deċiżjoni definittiva dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltà ta’ Rhenus Logistics. Sussegwentement, il-qorti Litwana ċaħdet l-azzjoni mressqa minn Gjensidige minħabba s-saħħa ta’ res judicata marbuta mad-deċiżjoni tal-qorti Olandiża. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell.

Adita b’appell ippreżentat minn Gjensidige, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) staqsiet dwar il-kompatibbiltà taċ-CMR mar-Regolament Brussell Ia, sa fejn din il-konvenzjoni kienet tippermetti li jiġu injorati l-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti li, skont dan ir-regolament, kienu bħala prinċipju esklużivi (3). Barra minn hekk, anki jekk hija qieset li dan ir-regolament ma jipprevedix espressament raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija bi ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti, din il-qorti staqsiet jekk il-protezzjoni ta’ dawn il-ftehimiet kellhiex tiġi estiża għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni. Konsegwentement, hija ddeċidiet li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, peress li l-kuntratt ta’ trasport internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm tar-Regolament Brussell Ia kif ukoll taċ-CMR, il-Qorti tal-Ġustizzja eżamina jekk il-kwistjoni ta’ eventwali rifjut ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minkejja l-eżistenza ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat Membru ieħor kellhiex tiġi evalwata fid-dawl tar-Regolament Brussell Ia jew taċ-CMR.

F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-Regolament Brussell Ia (4) jipprevedi li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru minn qorti li tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq konvenzjoni dwar qasam partikolari għandhom jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fl-Istati Membri l-oħra skont dan ir-regolament, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu fi kwalunkwe każ jiġu applikati anki meta din il-konvenzjoni tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi. Fir-rigward taċ-CMR (5), din sempliċement tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għat-twettiq tal-formalitajiet preskritti għal dan l-għan fil-pajjiż ikkonċernat, li madankollu ma jistgħu jinvolvu ebda reviżjoni tal-kawża.

Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ tali konvenzjoni ma tistax tippreġudika l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni. Fir-rigward b’mod speċifiku tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-qorti tal-Istat indirizzat fl-ebda każ ma tkun f’pożizzjoni aħjar mill-qorti tal-oriġini sabiex tagħti deċizjoni dwar il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li r-Regolament Brussell Ia bħala prinċipju ma jawtorizzax l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru minn qorti ta’ Stat Membru ieħor.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni ta’ rifjut eventwali ta’ rikonoxximent għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-Regolament Brussell Ia.

Wara li saret din il-preċiżazzjoni, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-formulazzjoni tal-paragrafu 1(a) (6) u (e) (ii) (7) tal-Artikolu 45 tar-Regolament Brussell Ia li qorti ta’ Stat Membru ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor għar-raġuni li din tal-aħħar tkun iddikjarat li jkollha ġurisdizzjoni bi ksur ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni.

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata mill-kuntest li jagħmlu parti minnu l-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll mill-għanijiet u mill-iskop tar-Regolament Brussell Ia. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament, ir-rikonoxximent reċiproku jikkostitwixxi r-regola, filwaqt li l-motivi li jippermettu li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent huma elenkati b’mod eżawrjenti. Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jinkludix il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni fost dawn il-motivi. Għalhekk, il-protezzjoni tal-konvenzjonijiet li jattribwixxu ġurisdizzjoni, imsemmija minn dan ir-regolament (8), ma għandhiex bħala konsegwenza li l-ksur tagħhom jikkostitwixxi, bħala tali, raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, f’dan il-każ, xejn fil-proċess li hija kellha ma kien jippermetti li jiġi konkluż li r-rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-qorti Olandiża jmur kontra l-ordinament ġuridiku Litwan b’mod inaċċettabbli sa fejn jippreġudika prinċipju fundamentali. B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li azzjoni ma tkunx ġiet deċiża mill-qorti indikata fi ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni u li, konsegwentement, ma tkunx ingħatat deċiżjoni dwar din l-azzjoni skont id-dritt tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din il-qorti ma jistax jitqies li huwa ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ gravità tali li r-rikonoxximent tas-sentenza fuq l-imsemmija azzjoni jkun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat.


1      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).


2      Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq (CMR), iffirmata f’Genève fid-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata bil-protokoll iffirmat f’Genève fil-5 ta’ Lulju 1978.


3      Ara l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia.


4      L-ewwel subparagrafu u t-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) (b) tar-Regolament Brussell Ia.


5      L-Artikolu 31(3) taċ-CMR.


6      Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi r-raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent fil-każ ta’ ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat.


7      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fuq talba ta’ kull parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandu jiġi rrifjutat jekk din tal-aħħar tikser it-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Brussell Ia, dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva.


8      Ara l-premessa 22 tar-Regolament Brussell IIa.