Language of document : ECLI:EU:C:2008:33

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fil-24 ta’ Jannar 20081(1)

Kawża C‑206/06

Essent Netwerk Noord BV,

sostnuta minn

Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV

vs

Aluminium Delfzijl BV,

Aluminium Delfzijl BV

vs

Staat der Nederlanden

u

Essent Netwerk Noord BV

vs

Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV u Saranne BV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Groningen (l-Olanda)]

“Enerġija elettrika– Regola nazzjonali li timponi fuq il-konsumaturi żieda fit-tariffa għat-trasport ta’ enerġija elettrika – Taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali – Taxxi interni diskriminatorji – Għajnuna mogħtija mill-Istat – Kunċett”





1.        B’deċiżjoni tad-19 ta’ April 2006 ir-Rechtbank Groningen (l-Olanda) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-Artikolu 234 KE, żewġ domandi preliminari, l-ewwel waħda rigward l-interpretazzjoni tal-Artikoli 25 u 90 KE u t-tieni waħda rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

2.        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn Essent Netwerk Noord B.V. (iktar’il quddiem “Essent”) fil-konfront ta’ Aluminium Delfzijl B.V. (iktar’il quddiem “Aldel”) u intiża għall-ksib ta’ ħlas ta’ ammont kkalkulat fuq il-kwantità ta’ enerġija elettrika ttrasportata mir-rikorrenti favur il-konvenuta, li l-ġbir tiegħu huwa impost minn dispożizzjoni tal-liġi u għandha l-għan li tkopri l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati sostnuti mill-impriżi nazzjonali li kienu jipproduċu l-enerġija elettrika fil-perijodu ta’ qabel il-bidu tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fl-Olanda.

I –    Il-kuntest ġuridiku u leġiżlattiv

A –    Id-dritt Komunitarju

3.        L-Artikolu 25 KE jistabbilixxi li ġej:

“Id-dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali”.

4.        Skont l-Artikolu 90 KE:

“Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.

5.        Barra dan, ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra”.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6.        Sad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Awwissu 1998 tal-Elektriciteitswet 1998 (liġi fuq l-enerġija elettrika tal-1998), li tat bidu għall-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku b’eżekuzzjoni tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-enerġija elettriika(2), l-offerta ta’ enerġija elettrika fl-Olanda kienet suġġetta għar-regoli tal-Elektriciteitswet 1989.

7.        Fil-perijodu rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali, bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2000, il-produzzjoni, l-importazzjoni u t-trasferiment ta’ enerġija elettrika kienu pprovduti minn erba’ impriżi ta’ produzzjoni (iktar’il quddiem l-“IPE”)(3) u mill-kumpannija sussidjarja komuni tagħhom, N.V. Samenwerkende Elektriciteitsproductiebedrijven (SEP)(4). Skont dak li ntqal fid-deċiżjoni tar-rinviju, sa l-1999 l-IPE kollha kienu kkontrollati minn awtoritajiet lokali u minn provinċji, filwaqt li fiż-żmien ta’ referenza l-EPZ biss baqgħet indirettament proprjetà pubblika permezz tal-azzjonisti tagħha, Essent u Delta(5). L-IPE u SEP kienu jaħdmu flimkien fuq il-bażi ta’ “Ftehim ta’ kooperazzjoni”(6).

8.        Meta kienet fis-seħħ is-sistema ta’ regoli, SEP, waħedha jew flimkien mal-IPE, għamlet xi investimenti fit-tul imposti mill-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest ta’ għażliet ta’ politika fuq l-enerġija u/jew l-ambjent, fosthom, b’mod partikolari, il-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet fl-ambitu ta’ proġetti ta’ tisħin urban u l-bini ta’ impjant sperimentali għall-ħolqien ta’ gass mill-faħam (Demkolec). Dawn l-investimenti ħolqu spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati f’sistema miftuħa għall-kompetizzjoni (hekk imsejħa “stranded costs” jew “spejjeż mhux irkuprabbli [li ma jistgħux jiġu rkuprati]”; iktar’il quddiem l-“ispejjeż NR”).

9.        Minħabba l-liberalizzazzjoni imminenti, u sabiex is-settur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika jkun jista’ jirkupra l-imsemmija spejjeż , fil-21 ta’ Jannar 1997 SEP u l-IPE kkonkludew mal-impriżi li joperaw fid-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika(7) protokoll ta’ ftehim dwar il-provvista għall-perijodu 1997 sa 2000 (iktar’il quddiem il-“Protokoll”). Bis-saħħa ta’ dan il-Protokoll, l-impriżi ta’ distribuzzjoni impenjaw ruħhom li jħallsu lil SEP, għal kull sena, ammont ta’ 400 miljun fjorin Olandiż (NLG) biex ikopri l-ispejjeż NR, maqsum skont il-kwantità ta’ enerġija li SEP kienet tipprovdi lill-impriżi individwali. Dawn l-ammonti kellhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ żieda fit-tariffi applikati mill-impriżi ta’ distribuzzjoni għal ċerti kategoriji ta’ utenti (“klijenti ordinarji” żgħar, medji u kbar).

10.      L-Artikolu 97 tal-Elektriciteitswet 1998 kien jeżiġi r-rispett tal-Protokoll sa l-1 ta’ Jannar 2001, data meta kellu jiġi konkluż il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fl-Olanda.

11.      Madankollu għas-sena 2000, minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet tariffarji ġodda li kienu jobbligaw lill-impriżi ta’ distribuzzjoni li ssir fattura separata tal-ammonti dovuti għall-provvista ta’ enerġija elettrika u dawk għat-trasport, dawn l-impriżi sabuha impossibbli li jgħaddu fuq il-konsumaturi finali l-ammonti li, bis-saħħa tal-Protokoll, huma kellhom iħallsu lil SEP biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ NR.

12.      Huwa f’dan il-kuntest li, fil-21 ta’ Diċembru 2000, ġiet adottata l-Overgangswet Elektriciteitsproductiesector (liġi tranżitorja fuq is-settur tal-produzzjoni ta’ enerġija elettrika; iktar’il quddiem l-“OEPS”) li l-Artikolu 9 tagħha u li fuqu tagħmel id-domanda l-qorti ta’ rinviju, jistabbilixxi dan li ġej:

“1. Minbarra dak li huwa dovut lill-operatur tan-netwerk tat-territorju fejn huwa stabbilit bis-saħħa tal-ftehim, kull klijent, minbarra l-klijenti protetti, huwa debitur fil-konfront tal-operatur tan-netwerk għall-ammont ta’ 0,0117 NLG għal kull siegħa-kilowatt, ikkalkolat fuq il-kwantità totali ta’ elettriku li operatur tan-netwerk ittrasporta lejn il-post tal-użu tiegħu fil-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2000.

2. Minbarra dak li huwa dovut lill-proprjetarju ta’ permess tat-territorju fejn huwa stabbilit bis-saħħa tal-ftehim, kull klijent protett huwa debitur fil-konfront tal-propjetarju ta’ permess għall-ammont ta’ 0,0117 NLG għal kull siegħa-kilowatt, ikkalkolat fuq il-kwantità totali ta’ elettriku li l-proprjetarju ta’ permess jkun ipprovda fil-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2000.

3. […]

4. L-ammonti li għalihom huma debituri l-klijenti bis-saħħa tal-paragrafi (1) u (2) għandhom jiġu ċeduti rispettivament mill-operatur tan-netwerk jew mill-propjetarju ta’ permess lill-kumpannija nnominata(8) qabel l-1 ta’ Lulju 2001.

5. Il-kumpannija nnominata għandha tinforma lill-Ministru bit-total tad-dħul mit-taxxa msemmi fil-paragrafu 4 u tehmeż dikjarazzjoni ta’ accountant skont l-Artikolu 393(1) tat-Tieni Ktieb tal-Kodiċi Ċivili, li tiċċertifika l-veraċità tal-informazzjoni. Jekk l-ammont totali jaqbeż l-400 miljun NLG, il-kumpannija nnominata għandha tgħaddi l-ammont żejjed lill-Ministru li għandu jallokah għall-iffinanzjar tal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7”.

13.      Skont l-Artikolu 25 tal-OEPS, id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar’il fuq daħlu fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 2000 u ġew applikati retroattivament mill-1 ta’ Awwissu 2000. Skont kif indikat mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 9 tal-OEPS, ma ġiex innotifikat b’mod distint lill-Kummissjoni. Madankollu, b’ittra tat-30 ta’ Awwissu 2000, l-awtoritajiet tal-Olanda bagħtu lill-Kummissjoni t-test sħiħ tal-abbozz ta’ liġi tal-OEPS, inkluż l-Artikolu 9.

14.      Ta’ min wieħed ifakkar ukoll il-ġrajjiet marbutin mat-tfassil tal-Artikoli 6 sa 8 tal-OEPS għalkemm mhumiex rilevanti direttament fil-kwistjoni prinċipali.

15.      Fit-test tal-abbozz ta’ liġi tal-OEPS, dawn l-Artikoli kienu jiddefinixxu l-proċedura ta’ ffinanzjar għall-kopertura tal-ispejjeż NR fil-perijodu ta’ wara l-1 ta’ Jannar 2001. Din il-proċedura kienet tipprovdi għall-istabbiliment mill-Gvern, kull sena, ta’ żieda imposta fuq il-klijenti kollha, bl-eċċezzjoni tal-operaturi tan-netwerk, u rrappreżentata f’perċentwal fuq l-ammont li huwa dovut għat-trasport tal-elettriku u s-servizzi marbuta miegħu. Dawn l-Artikoli ġew innotifikati lill-Kummissjoni l-ewwel darba fl-20 ta’ Frar 1998, abbażi tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 96/92 u t-tieni darba fis-16 ta’ Ottubru 1998 abbażi tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. B’deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni informat lill-Gvern tal-Olanda li d-dispożizzjonijiet innotifikati ma kinux jinkludu miżuri fis-sens tal-Artikolu 24 tal-imsemmija Direttiva iżda li kellhom jiġu eżaminati skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

16.      Fit-30 ta’ Awwissu 2000, l-Olanda informat lill-Kummissjoni li kienu saru xi emendi fil-miżuri inkwistjoni. F’din l-okkażjoni, kif intqal iktar’il fuq, it-test sħiħ tal-OEPS li kien jinkludi l-emendi msemmijin intbgħat lill-Kummissjoni. Suċċessivament, l-Artikoli 6 sa 8 tal-OEPS ġew emendati ulterjorment u l-mekkaniżmu li stabbilew ġie ssostitwit b’sistema ta’ ffinanzjar permezz ta’ fondi pubbliċi (li issa huma l-Artikoli 7 u 8 tal-OEPS). B’deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni awtorizzat il-miżuri l-ġodda skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

II – Il-fatti u d-domandi preliminari

17.      F’Diċembru 1996, bl-użu tal-fakultà li jiġu konklużi kuntratti partikolari ta’ provvista ma’ klijenti kbar industrijali mogħtija lill-kumpannija nnominata mill-Artikolu 32 tal-Elektriciteitswet 1989, SEP, waħda mill-IPE (Epon) u l-kumpannija ta’ distribuzzjoni Edon(9) ikkonkludew ma’ Aldel, konvenuta fil-kawża prinċipali, “kuntratt ta’ disponibbiltà ta’ enerġija elettrika, ta’ provvista ta’ enerġija elettrika, kif ukoll ta’ ‘load management’”. Dan l-kuntratt kien jistabbilixxi prezz uniku għad-diversi servizzi offruti iżda ma kienx jinkludi l-ispejjeż NR.

18.      Mill-1 ta’ Jannar 2000, it-trasport ta’ enerġija elettrika lejn Aldel ġie żgurat, fil-kwalità tagħha bħala operatur tan-netwerk lokali(10), minn Essent, rikorrenti fil-kawża prinċipali, li oriġinat mill-firda tal-attivitajiet tal-kumpannija ta’ distribuzzjoni Edon. Essent mhijiex parti mill-kuntratt ta’ provvista msemmi iktar’il fuq. Kemm Essent kif ukoll Aldel huma stabbiliti fl-Olanda.

19.      Fil-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2000, Essent ittrasportat 717 413 761 siegħa-kilowatt ta’ enerġija elettrika lill-utenti ta’ Aldel. Għas-servizzi mogħtija lil Aldel f’dak il-perijodu Essent bagħtet fatturi għal ammont totali li kien jinkludi ż-żieda skont l-Artikolu 9 tal-OEPS.

20.      Quddiem ir-rifjut ta’ Aldel li tħallas l-ammonti relatati ma’ din iż-żieda, Essent ressqet il-kwistjoni quddiem ir-Rechtbank Groningen, fejn Aldel sostniet l-inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-Artikolu 9 tal-OEPS(11).

21.      Il-qorti adita ddeċidiet li kien meħtieġ, sabiex il-kwistjoni tiġi deċiża, li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikoli 25 u 90 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li dispożizzjoni ta’ liġi li tobbliga lill-utenti nazzjonali ta’ enerġija elettrika, matul perijodu tranżitorju (mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2000), li jħallsu lill-operatur tan-netwerk żieda fit-tariffa għall-kwantitajiet ta’ enerġija elettrika li kienu ġew ipprovduti lilhom meta din iż-żieda għandha titħallas mill-operatur tan-netwerk lil kumpannija nnominata għal dan l-għan mil-leġiżlatur sabiex jiġu paċuti l-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq li jirriżultaw mill-impenji assunti jew mill-investimenti magħmulin mill-kumpannija msemmija qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku u meta din il-kumpannija:

–        hija l-kumpannija sussidjarja ta’ erba’ impriżi nazzjonali li jipproduċu l-enerġija elettrika;

–        fil-perijodu kkunsidrat (2000) hija l-unika responsabbli għall-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq relatati mas-sena ta’ referenza,

–        teħtieġ bla dubju ammont ta’ 400 miljun NLG (jiġifieri EUR 181 512 086,40) biex tkopri l-imsemmija spejjeż fis-sena inkwistjoni, u

–        jekk id-dħul mill-imsemmija żieda jaqbeż dan l-ammont, jekk l-ammont żejjed għandux jitħallas lill-Ministru?

22.      Is-sistema msemmija fl-ewwel domanda tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE?”

III – Kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Essent, Aldel, NEA (li qabel kienet l-SEP), il-Gvern tal-Olanda u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u nstemgħu fis-seduta li nżammet fl-10 ta’ Mejju 2007.

24.      Essent, Aldel, NEA, il-Gvern tal-Olanda u l-Kummissjoni ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex iwieġbu xi domandi bil-miktub qabel is-seduta.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet preliminari

25.      Bl-ewwel domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 25 u 90 KE jipprekludux l-applikazzjoni ta’ żieda fit-tariffa bħal dik prevista fl-Artikolu 9 tal-OEPS.

26.      Preliminarjament għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma tirriżultax b’mod evidenti r-rilevanza ta’ din id-domanda għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax jekk u safejn l-enerġija elettrika ttrasportata favur Adel fil-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2000 ġiet ittrasportata minn Stati Membri oħrajn.

27.      Għandu jiġi osservat li dikjarazzjoni eventwali ta’ illegalità taż-żieda fit-tariffa kkontestata għaliex tmur kontra l-Artikoli 25 KE jew 90 KE tirrigwarda biss id-dħul mit-taxxa fuq l-enerġija elettrika importata. Fi kliem ieħor, l-imsemmija dikjarazzjoni tippermetti lil Aldel topponi biss il-ġbir tal-piżijiet li qegħdin fuq dan il-prodott u biss inkwantu tiġi aċċertata l-inkompatibbiltà tagħhom mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

28.      Konsegwentement, jekk jirriżulta li l-enerġija ttrasportata lil Aldel kienet esklużivament ta’ oriġini nazzjonali, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari ma jkollha l-ebda rilevanza għall-finijiet li jintlaqgħu jew jiġu miċħudin it-talbiet magħmulin minn Essent fil-konfront ta’ Aldel fil-kawża prinċipali(12).

29.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita mill-Artikolu 234 KE, huma tal-ewwel li għandhom jevalwaw kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni li tressqet quddiemhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, billi din tal-aħħar tista’ tistħarreġ din l-evalwazzjoni biss jekk jirriżulta manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha l-ebda rabta mal-effettività jew l-għan tal-kawża prinċipali(13).

30.      Ladarba dan mhuwiex il-każ inkwistjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tgħaddi għall-eżami tal-ewwel domanda preliminari, għalkemm l-utilità tar-risposta li tingħata tiddependi mill-eżitu ta’ stħarriġ ulterjuri li għandha tagħmel il-qorti nazzjonali.

2.      Evalwazzjoni

a)      Referenzi qosra għal ġurisprudenza

31.      Fis-sistema tat-Trattat, l-Artikoli 25 KE u 90 KE, li jistabbilixxu rispettivament il-projbizzjoni ta’ dazji doganali u t-taxxi li għandhom effett ekwivalenti u l-projbizzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji, għandhom l-għan, b’funzjonijiet komplimentari, li jipprojbixxu kull dispożizzjoni fiskali nazzjonali li tista’ tiddiskrimina kontra l-prodotti li ġejjin minn jew b’destinazzjoni għal Stati Membri oħrajn u b’hekk jostakolaw il-moviment liberu fi ħdan il-Komunità Ewropea f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

32.      Minkejja li tirrikonoxxi, bħala regola ġenerali, in-natura komplementari tagħhom(14) il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żammet id-distinzjoni formali bejn iż-żewġ projbizzjonijiet mixtieqa mit-Trattat billi ppreċiżat diversi drabi li l-Artikoli 25 KE u 90 KE ma jistgħux jiġu applikati b’mod kumulattiv(15); għaldaqstant il-legalità ta’ sistema fiskali nazzjonali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel projbizzjoni ma tistax tiġi evalwata kontestwalment abbażi tat-tieni waħda(16).

33.      Il-ġurisprudenza ssib id-differenza bejn taxxi li għandhom effett ekwivalenti u taxxi interni fil-fatt li tal-ewwel huma imposti biss fuq il-prodotti importati jew esportati u mhux fuq prodotti nazzjonali simili jew kompetituri filwaqt li tat-tieni jolqtu lit-tnejn.

34.      Abbażi tad-definizzjoni aċċettata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa taxxa li għandha effett ekwivalenti skont l-Artikolu 25 KE kull piż finanzjarju, anki jekk minimu, impost unilateralment, indipendentement mid-denominazzjoni tiegħu jew mill-istruttura tiegħu, li jolqot il-merkanzija nazzjonali jew barranija minħabba l-element transkonfini, anki jekk ma jinġabarx bi profitt tal-Istat, m’għandu l-ebda effett diskriminatorju jew protezzjonista u l-prodott affetwat mhuwiex f’kompetizzjoni ma’ prodott nazzjonali(17). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja piż bħal dan, li huwa impost speċifikament fuq il-prodott importat bl-esklużjoni tal-prodott nazzjonali simili u li jibdillu l-prezz, jipproduċi l-istess effett restrittiv fuq il-moviment tal-merkanzija bħal dazji doganali(18).

35.      It-taxxi li jaqgħu taħt sistema ġenerali ta’ tassazzjoni interna imposti sistematikament fuq prodotti nazzjonali u fuq dawk importati, skont l-istess kriterji, jaqgħu, minflok, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 90 KE(19).

36.      Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni u tal-evalwazzjoni legali tat-taxxi imposti mingħajr distinzjoni fuq prodotti nazzjonali u importati, jista’ jirriżulta neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu intiż tad-dħul tagħhom, għaliex huwa proprju skont dan l-użu li taxxi li huma formalment newtrali fir-rigward tal-istruttura u l-mod ta’ ġbir jista’ jkollhom effett ekonomiku reali differenti fuq iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti.

37.      Fil-fatt, meta d-dħul li jiġi minn piżijiet fiskali miġburin kemm fuq prodotti importati kif ukoll fuq dawk nazzjonali jkun intiż għall-iffinanzjar ta’ attivitajiet li jivvantaġġaw speċifikament lil dawn tal-aħħar, in-nefqa għall-prodott nazzjonali tiġi, ftit jew wisq, kkumpensata mill-vantaġġi mogħtijin, filwaqt li għall-prodott importat tirrappreżenta piż nett(20).

38.      Għalhekk, meta għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ taxxa parafiskali mal-Artikoli 25 u 90 KE, jenħtieġ, skont ġurisprudenza li issa hija stabbilita, li jiġi evalwat f’liema livell il-piżijiet miġburin minn fuq il-prodott nazzjonali huma kkumpensati mill-vantaġġi ffinanzjati mid-dħul tat-taxxa.

39.      Jekk il-kumpens huwa totali, it-taxxa tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti, għaliex hija imposta, fil-fatt, esklużivament fuq il-prodott importat u għandha tiġi kkunsidrata illegali in toto; min-naħa l-oħra, meta l-kumpens huwa parzjali biss, it-taxxa għandha tiġi deskritta bħala taxxa interna diskriminatorja billi għandha effett ikbar fuq il-prodott importat milli fuq dak nazzjonali u għandha konsegwentement titnaqqas b’mod proporzjonat(21).

40.      Huwa stabbilit ukoll fil-ġurisprudenza li din l-evalwazzjoni hija fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali, li hija l-unika li jkollha l-elementi kollha, anki ta’ fatt, meħtieġa biex twettaq l-imsemmija evalwazzjoni(22). Għal dan l-iskop, hija għandha qabel xejn tivverifika jekk hemmx identità bejn il-prodott li jiġi intaxxat u l-prodott nazzjonali vantaġġjat(23). Hija għandha taċċerta wkoll, b’referenza għal perijodu determinat ta’ żmien, jekk hemmx ekwivalenza fi flus bejn l-ammont tal-piż tat-taxxa sostnut mill-produzzjoni nazzjonali u l-vantaġġi li hija gawdiet esklużivament. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan l-aċċertament ma kkunsidrax parametri differenti mill-ekwivalenza fi flus – bħan-natura, l-importanza jew il-karattru indispensabbli ta’ dawn il-vantaġġi – ikkunsidrati bħala mhux oġġettivi biżżejjed biex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali tat-taxxa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat(24).

41.      Għandu jiġi osservat, kif għamlu diġà qabli diversi Avukati Ġenerali, li l-ġurisprudenza li għadha kif issemmiet, peress li teżiġi mill-qrati nazzjonali evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika ta’ spiss kumplessi u riskjużi, tinvolvi diffikultajiet ċerti ta’ applikazzjoni(25) u dan minkejja li tirriżulta li hija ċara fl-elementi essenzjali tagħha(26). Quddiem dawn id-diffikultajiet, wieħed m’għandux jinsa li, meta tiġi kkunsidrata l-legalità abbażi tad-dritt Komunitarju ta’ taxxa parafiskali li d-dħul tagħha jservi biex jiffinanzja sistema fiskali ta’ inċentivi għall-protezzjoni nazzjonali, ir-referenza għall-projbizzjonijiet fl-Artikoli 25 u 90 KE tista’ tiġi kkunsidrata bħala sempliċi alternattiva fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat(27).

b)      Jekk iż-żieda stabbilita fl-Artikolu 9(1) tal-OEPS hijiex taxxa li għandha effett ekwivalenti skont l-Artikolu 25 KE jew taxxa interna diskriminatorja skont l-Artikolu 90 KE.

42.      F’dan ir-rigward ta’ min jeżamina preliminarjament xi argumenti mqajmin minn SEP u mill-Gvern tal-Olanda inkwantu jidhru intiżi sabiex jikkontestaw in-natura nfisha ta’ taxxa taż-żieda inkwistjoni. B’mod partikolari, skont SEP l-Artikolu 9 tal-OEPS mhuwiex għajr strument li permezz tiegħu l-kumpanniji ta’ distribuzzjoni tħallew jgħaddu fuq il-klijenti tagħhom l-ammonti li huma impenjaw ruħhom li jħallsu bis-saħħa tal-Protokoll. Anki l-Olanda tenfasizza li ż-żieda inkwistjoni hija ġġustifikata permezz tal-Protokoll u tinsisti fuq il-fatt li hija tirrappreżenta element ta’ korrispettiv dovut għas-servizzi ta’ trasport.

43.      Ma jidhirlix li dawn l-argumenti jippermettu l-konklużjoni li ż-żieda inkwistjoni, għalkemm għandha karatteristiċi li jiddistingwuha minn taxxa klassika, ma taqax taħt il-kunċett ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti skont l-Artikolu 25 KE jew ta’ taxxa interna skont l-Artikolu 90 KE.

44.      Fl-ewwel lok, kif rajna diġà, il-kunċett ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti huwa ddefinit mill-ġurisprudenza f’termini partikolarment wiesgħa. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-essenza tal-kunċett ġuridiku inkwistjoni qiegħda fl-effett li għandu piż finanzjarju speċifiku fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-aspetti formali bħall-isem, l-ammont, l-istruttura, il-metodi ta’ ġbir, l-allokazzjoni, il-benefiċjarju tad-dħul mit-taxxa u l-għanijiet segwiti ma għandhom, min-naħa l-oħra, l-ebda importanza għall-klassifikazzjoni tat-taxxa li għandha effett ekwivalenti, dejjem jekk il-piż inkwistjoni jkollu karattru ġuridikament vinkolanti (“impost unilaterlament”)(28). Issa f’dan il-każ partikolari, in-natura vinkolanti tat-taxxa, dovuta minn kull utent li jissodisfa l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 9(1) tal-OEPS mhijiex ikkontestata, l-istess kif hija aċċettata n-natura vinkolanti tal-użu tas-servizzi tal-operatur tan-netwerk tal-post fejn huwa stabbilit l-utent.

45.      Il-kunċett ta’ tassazzjoni interna fis-sens tal-Artikolu 90 KE (29) jirriżulta daqstant wiesgħa.

46.      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tikkunsidra abbażi tal-Artikoli 25 u 90 KE piżijiet finanzjarji li kienu jidhru bħala elementi ta’ tariffa jew ta’ prezz irregolat bil-liġi(30).

47.      Dejjem b’mod preliminari għandu jiġi eżaminat l-argument imressaq minn SEP li l-Artikolu 25 KE ma japplikax għaliex iż-żieda kkontestata tikkonċerna t-tariffa għas-servizz ta’ trasport u mhux il-prezz tal-enerġija elettrika. SEP tosserva wkoll li dan is-servizz huwa pprovdut mill-operaturi tan-netwerk Olandiżi fit-territorju tal-Olanda.

48.      Kif huwa magħruf, l-Artikolu 25 KE jikkonċerna biss il-piżijiet imposti fuq il-merkanzija. Jekk wieħed jaqbel mal-argument ta’ SEP, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun b’dan il-mod eskluża għas-sempliċi raġuni li ma jkunx hemm prodott b’piż impost fuqu.

49.      F’dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tafferma li l-enerġija elettrika hija merkanzija għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija(31). F’deċiżjoni tagħha dwar rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bi ksur tal-Artikolu 31 KE, hija ppreċiżat ukoll li “s-servizzi meħtieġa għall-importazzjoni jew għall-esportazzjoni ta’ enerġija elettrika kif ukoll għat-trasport tagħha u għad-distribuzzjoni tagħha ma huma xejn għajr l-istrumenti ta’ provvista lill-utent ta’ oġġett skont it-Trattat”(32), u b’hekk irrikonoxxiet il-karattru aċċessorju ta’ dawn is-servizzi fir-rigward tal-oġġett tal-provvista.

50.      Imbagħad għandu jiġi mfakkar li jista’ jidħol taħt il-kunċett ta’ taxxa li għandha effett ekwivalenti kull piż li jolqot il-merkanzija nazzjonali jew barranija minħabba l-element transkonfini, indipendentement mill-metodu ta’ ġbir. Tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet anki taxxa ġġenerata mhux mill-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġett, iżda mill-provvista ta’ servizz meħtieġ jew marbut mat-twettiq ta’ din l-operazzjoni(33), fejn tista’ taffettwa l-moviment tal-oġġett inkwistjoni fi ħdan il-Komunità. Jidhirli li huwa evidenti li piż miġbur mill-provvista ta’ servizzi ta’ trasport u stabbilit skont il-kwantità tal-oġġett ittrasportat, li huwa impost indirettament fuq dan tal-aħħar, bħala regola ġenerali, jista’ jkollu dan l-effett.

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tiddeċiedi fuq kwistjoni analoga għal dik preżenti, minkejja li biss b’referenza għall-Artikolu 90 KE. Fis-sentenza Schöttle(34), li rriferiet għaliha l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha xi kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 90 KE dwar taxxa fuq it-trasport stradali ta’ merkanzija fis-seħħ fil-Ġermanja. Waqt li ma qablitx mal-argumenti tal-Gvern Ġermaniż, li sostna li t-taxxa inkwistjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 90 KE, għaliex ma kinitx taffettwa l-prodott bħala tali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taxxa bħal din “miġbura fuq it-trasport internazzjonali stradali ta’ oġġetti skont id-distanza koperta fit-territorju nazzjonali u skont il-piż tal-merkanzija ttrasportata”(35), għandha tiġi kklassifikata “bħala tassazzjoni interna li tolqot, anki jekk indirettament, il-prodotti ttrasportati”(36). Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “billi taxxa ta’ dan it-tip taffettwa immedjatament il-prezz tal-prodott nazzjonali u ta’ dak importat, l-Artikolu 9[0] jeżiġi li hija tiġi applikata b’tali mod li ma tiddiskriminax kontra l-prodotti importati”(37).

52.      Għar-raġunijiet imsemmijin iktar’il fuq ma nikkunsidrax li għandha tiġi eskluża evalwazzjoni tal-legalità tal-piż ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25 KE għas-sempliċi raġuni li l-fatt li ta lok għal dan il-piż ġie individwat f’servizz (dak ta’ trasport) meħtieġ għall-kummerċjalizzazzjoni tal-oġġett inkwistjoni.

53.      Wara din il-kjarifikazzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-karatteristiċi taż-żieda fit-tariffa kkontestata sabiex jiġi evalwat jekk din taqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 25 KE jew dik tal-Artikolu 90 KE.

54.      Huwa stabbilit li l-piż inkwistjoni huwa impost bla distinzjoni fuq l-elettriku prodott fl-Olanda u fuq dak importat skont l-istess metodi ta’ ġbir. In-natura apparentement newtrali tiegħu tidher li teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 KE u tissuġġerixxi evalwazzjoni skont l-Artikolu 90 KE.

55.      Madankollu, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar’il fuq(38), qabel ma wieħed jasal għal din il-konklużjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din in-newtralità hijiex nieqsa fid-dawl tal-allokazzjoni tad-dħul miġbur. Fil-fatt meta l-piż impost fuq il-prodott nazzjonali jkun ikkumpensat b’mod sħiħ mill-vantaġġi li minnhom igawdi dan tal-aħħar minħabba l-allokazzjoni tad-dħul prodott mill-applikazzjoni taż-żieda kkontestata, huwa l-Artikolu 25 KE u mhux l-Artikolu 90 KE li japplika, billi, bil-kontra ta’ dak li jista’ jidher, din iż-żieda fil-fatt tolqot biss il-prodott importat.

56.      Minkejja li skont ġurisprudenza kostanti din il-verifika għandha ssir mill-qorti nazzjonali, nemmen madankollu li huwa rilevanti li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-limiti tal-kompetenza tagħha, tagħti xi indikazzjonijiet fil-mertu billi tqis b’mod partikolari l-argumenti mqajmin mill-partijiet fil-proċediment nazzjonali.

57.      Huwa minn dan l-aspett li ser isiru l-osservazzjonijiet li ġejjin.

58.      Jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u mid-digriet tar-rinviju li l-ammonti miġburin mill-operaturi tan-netwerk b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-OEPS kellhom jitħallsu minn dawn tal-aħħar lil SEP. Dawn l-ammonti, flimkien ma’ dawk miġburin skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, kellhom iservu, fil-limitu ta’ total ta’ 400 miljun NLG, biex ikopru l-ispejjeż NR għas-sena 2000, filwaqt li l-ammont żejjed eventwali kellu jitħallas minn SEP lill-Ministru tal-Ekonomija u kien intiż biex ikopri l-ispejjeż NR skont l-Artikolu 7 tal-OEPS għas-snin ta’ wara l-2000 (Artikolu 9(5), fl-aħħar).

59.      B’dan il-mekkaniżmu l-ammont totali tad-dħul kien marbut mal-kopertura tal-ispejjeż NR u kellu jitħallas lil SEP b’applikazzjoni rispettivament tal-Artikolu 9(4) tal-OEPS jew, għall-ammonti li jaqbżu l-400 miljun ta’ NLG, tal-Artikolu 7 tal-OEPS.

60.      Għaldaqstant, meta jirriżulta li l-ħlasijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-fatt seħħew u li l-ammonti relattivi ntużaw b’mod effettiv u sħiħ favur il-produtturi nazzjonali tal-enerġija elettrika – b’tali mod li jkun hemm ekwivalenza fi flus bejn il-piżijiet u l-vantaġġi – ikun loġiku li wieħed jikkonkludi(39), kif tagħmel il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li l-effett ekonomiku taż-żieda kkontestata fuq l-enerġija elettrika nazzjonali jkun ġie nnewtralizzat għal kollox.

61.      Madankollu, biex wieħed jasal għal din il-konklużjoni l-qorti ta’ rinviju għandha preliminarjament tistabbilixxi jekk (i) l-ammonti ġejjin mill-ġbir taż-żieda kkontestata humiex effettivament intiżi għal użu li jkun ta’ vantaġġ speċifiku għall-prodott nazzjonali u (ii) ikun hemm “identità bejn prodott intaxxat u prodott nazzjonali vantaġġjat”.

62.      Fir-rigward tad-domanda (i), il-qorti tar-rinviju għandha taċċerta ruħha jekk u b’liema mod, fin-nuqqas ta’ kopertura żgurata mid-dħul taż-żieda fit-tariffa kkontestata jew ta’ kull intervent pubbliku ieħor, l-ispejjeż NR inkwistjoni kienu imposti, direttament jew indirettament, fuq il-bilanċ tal-IPE.

63.      Peress li jidher li l-qorti ta’ rinviju tassumi li r-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż hija esklużivament ta’ SEP(40), dan l-aċċertament jimplika essenzjalment il-kunsiderazzjoni tal-mekkaniżmi finanzjarji li permezz tagħhom kienet qed titwettaq, permezz ta’ SEP, il-kooperazzjoni rregolata bejn l-erba’ IPE fil-perijodu ta’ meta saru l-ispejjeż inkwistjoni(41).

64.      Barra minn hekk, mhuwiex eskluż li, fl-evalwazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-Protokoll, sabiex tivverifika b’liema mod ġie previst it-trasferiment sostanzjali tal-ispejjeż NR fuq il-kumpanniji ta’ distribuzzjoni (jew fuq il-partijiet li kellhom jiġbru ż-żieda kkontestata)(42). F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skont dak li sostniet SEP, Essent kienet ħallset dak li kien dovut lilha abbażi tal-Protokoll għas-sena 2000 qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 9 tal-OEPS. Iż-żieda prevista mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu tidher għalhekk li tibbenefika l-ewwel nett lis-settur tad-distribuzzjoni(43), billi l-kumpanniji individwali jkunu jistgħu jirkupraw mill-konsumaturi dak li tħallas diġà jew dak dovut lil SEP; għalhekk hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tevalwa jekk, fl-impossibbilità ta’ rkupru bħal dan, jibqax impost fuq dawn il-kumpanniji l-obbligu ta’ ħlas previst mill-Protokoll.

65.      Jekk minn dan l-eżami li, jekk wieħed jara t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet bil-miktub li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li huwa faċli, jirriżulta li, fil-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru 2000, l-IPE kienu, direttament jew permezz tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom f’SEP, prinċipalment jew sussidjarjament, responsabbli għall-ispejjeż NR inkwistjoni, jista’ jiġi kkunsidrat sodisfatt ir-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku għall-produzzjoni nazzjonali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-kumpens. Bil-kontra, ma jidhirlix li s-sempliċi fatt li l-ħlasijiet previsti mill-Artikoli 9(4) u 7 tal-OEPS saru favur SEP u mhux l-IPE huwa tali li jeskludi b’mod kategoriku, kif sostnew il-Gvern tal-Olanda u SEP, l-eżistenża ta’ vantaġġ bħal dan, meta madankollu huwa possibbli li jiġi aċċertat li l-ammonti mħallsin ġew effettivament użati b’mod sħiħ għall-ħlas tal-ispejjeż li b’mod dirett jew indirett huma imposti fuq dawn tal-aħħar.

66.      Il-Gvern tal-Olanda jikkontesta wkoll l-eżistenza ta’ vantaġġ favur il-prodott domestiku billi jistrieħ fuq l-argument li l-ħlasijiet previsti favur SEP mill-Artikolu 9(4) tal-OEPS mhumiex riflessi fi tnaqqis tal-prezz tal-enerġija elettrika ta’ produzzjoni nazzjonali.

67.      F’dan ir-rigward, biżżejjed li wieħed josserva li, skont il-ġurisprudenza, mhuwiex meħtieġ li d-dħul mit-taxxa jintuża biex ikopri l-ispejjeż tal-produzzjoni, peress li l-piżijiet finanzjarji għall-prodott nazzjonali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan it-taxxa jistgħu jiġu kkumpensati permezz tal-iffinanzjar, pereżempju ta’ attivitajiet promozzjonali jew ta’ riċerka li, minkejja li jqiegħdu f’vantaġġ lill-prodott nazzjonali, ma jinvolvux benefiċċji li jistgħu jaffettwaw direttament il-prezz tal-bejgħ.

68.      Rigward il-kwistjoni msemmija iktar’il fuq fil-punt 59(ii), hija l-ewwel nett il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk l-identità meħtieġa bejn il-prodott intaxxat u l-prodott nazzjonali benefiċjarju hijiex eskluża permezz tal-metodi ta’ ġbir taż-żieda kkontestata u, b’mod partikolari, permezz tal-fatt li hija ma titħallasx mill-produtturi ta’ enerġija elettrika, iżda titħallas mill-konsumaturi finali. Skont Essent u l-Gvern tal-Olanda dan il-fatt jeskludi l-possibbiltà ta’ kumpens fis-sens meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

69.      Dan l-argument ma jidhirx kompletament infondat.

70.      Fil-fatt, huwa minnu li żieda fit-tariffa jew żieda fil-prezz li l-konsumatur finali huwa mitlub iħallas tista’, f’sistema miftuħa għall-kompetizzjoni, tirriżulta f’piż għall-prodott direttament jew indirettament affettwat, inkwantu din taffettwa l-prezz tiegħu fis-suq. Minkejja dan, wieħed jista’ jistaqsi jekk piż bħal dan jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix kumpens fis-sens tal-ġurisprudenza imsemmija iktar’il fuq, billi, kif rajna, din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq paragun bejn l-ispejjeż u l-vantaġġi f’termini esklużivament finanzjarji.

71.      Huwa wkoll leġittimu li wieħed jistaqsi jekk, fid-dawl tal-fatt li ż-żieda kkontestata hija intiża bħala piż fuq il-konsumatur, hija integrata fit-tariffa ta’ trasport u mhux fil-prezz tal-elettriku u hija applikata skont metodi mhux diskriminatorji, huwiex possibbli li wieħed isostni li l-prodott importat huwa tassew affettwat b’xi piż finanzjarju jew li l-moviment ta’ dan il-prodott huwa b’xi mod mibdul jew li huwa jbati, permezz tal-applikazzjoni ta’ din iż-żieda, minn żvantaġġ konkret kompetittiv, differenti minn dak li jirriżulta mill-allokazzjoni tad-dħul tal-istess żieda għall-iffinanzjar ta’ interventi favur produtturi nazzjonali (kontestabbli abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat).

72.      Madankollu l-argument ta’ Essent u tal-Gvern tal-Olanda ma jidhirx li huwa fondat fid-dawl tal-ġurisprudenza, li teżiġi identità mhux bejn partijiet obbligati li jħallsu t-taxxa u partijiet li jibbenefikaw mill-attivitajiet iffinanzjati mid-dħul tagħha, iżda biss bejn prodott (nazzjonali) li huwa affettwat mill-piż finanzjarju u prodott vantaġġjat, b’tali mod li huwa eskluż li jista’ jkun hemm kumpens jekk id-dħul mill-ġbir jintuża għall-vantaġġ ta’ attività produttiva differenti minn dik li hija affettwata mill-piż. Fejn teżisti din l-identità ta’ prodotti, jidher li mhux importanti li l-ġbir inkwistjoni jsir fuq il-produzzjoni (u fuq il-importazzjoni) jew fuq il-konsum ta’ oġġett.

73.      Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fejn il-konsumatur huwa suġġett passiv ta’ taxxa u dik fejn huwa l-parti li fuqha t-taxxa, miġbura minn fuq il-produttur u l-importatur, tiġi ttrasferita permezz ta’ żieda fil-prezz tal-bejgħ tal-oġġett milqut, ma jidhirlix li huma differenti ħafna mil-lat ekonomiku, għaliex fiż-żewġ każijiet il-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-impożizzjoni huma sostnuti minn partijiet li mhumiex il-produttur jew l-importatur. Madankollu fit-tieni każ, il-ġurisprudenza tammetti li jista’ jkun hemm kumpens(44).

74.      Jekk, fit-tmiem tal-eżami tagħha, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li d-dħul miż-żieda kkontestata kien intiż konkretament għall-iffinanzjar ta’ spejjeż imposti direttament jew indirettament fuq l-enerġija elettrika nazzjonali u li dan ippermetta lill-produtturi tagħha li jikkumpensaw għall-piżijiet effettivament sostnuti b’applikazzjoni tal-imsemmija żieda, hija għandha tevalwa jekk il-kumpens kienx sħiħ, kif jidher mill-kontenut tal-Artikolu 9 tal-OEPS, jew parzjali biss. Fl-ewwel każ iż-żieda inkwistjoni tista’ tiġi deskritta bħala taxxa li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 25 KE, fit-tieni każ bħala taxxa interna diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 90 KE.

75.      Jekk, minflok, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm kumpens, l-ebda artikolu minn dawk ma jkun applikabbli, billi ż-żieda kkontestata tiġi applikata mingħajr distinzjoni fuq il-prodott nazzjonali u fuq dak importat skont metodi mhux diskriminatorji.

c)      ċ)     Konklużjonijiet fuq l-ewwel domanda preliminari

76.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li twieġeb kif ġej għall-ewwel domanda preliminari:

“Żieda fit-tariffa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miġbura mingħajr distinzjoni u bl-istess kundizzjonijiet fuq it-trasport tal-enerġija elettrika kemm nazzjonali kif ukoll importata tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazji doganali, ipprojbita mill-Artikolu 25 KE, meta d-dħul tagħha jkun intiż biex jiffinanzja attivitajiet li minnhom jibbenefika biss il-prodott nazzjonali u meta l-vantaġġi li jirriżultaw jikkumpensaw għal kollox il-piż impost fuq l-imsemmi prodott; jekk dawn il-vantaġġi jikkumpensaw biss parzjalment il-piż impost fuq il-prodott nazzjonali, din iż-żieda tikkostitwixxi taxxa interna diskriminatorja, ipprojbita mill-Artikolu 95 tat-Trattat KE.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq il-verifiki meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni ġuridika tat-taxxa inkwistjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk u b’liema mod l-ispejjeż, li d-dħul miż-żieda fit-tariffa inkwistjoni huwa intiż li jkopri, jaqgħux direttament jew indirettament fuq il-produtturi nazzjonali ta’ enerġija elettrika”.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet preliminari

77.      Bit-tieni domanda preliminari, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk is-sistema stabbilita fl-Artikolu 9(1) tal-OEPS tikkostitwixxix għajnuna mogħtija minn Stat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

78.      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-qorti nazzjonali tista’ tiġi mġiegħla tinterpreta l-kunċett ta’ għajnuna fl-Artikolu 87(1) KE bis-saħħa tal-effett dirett rikonoxxut mill-ġurisprudenza fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE(45). Skont ġurisprudenza kostanti huma, fil-fatt, il-qrati nazzjonali li għandhom iħarsu d-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-projbizzjoni li tingħata l-għajnuna msemmija f’din id-dispożizzjoni(46).

79.      Rigward il-miżuri li jistgħu u għandhom jiġu adottati biex jiġi ggarantit dan il-ħarsien ġurisdizzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-qorti nazzjonali għandha tiġbed il-konsegwenzi kollha minn dan in-nuqqas ta’ osservanza, invokat mill-individwi, skont ir-rimedji ġurisdizzjonali nazzjonali tagħhom, kemm għal dak li għandu x’jaqsam mal-validità tal-atti involuti fl-implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna, kif ukoll għal dak li għandu x’jaqsam mal-ġbir tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE”(47).

80.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma għamlet l-ebda domanda f’dan is-sens, ta’ min ifakkar madankollu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna ma tistax tiġi mifruda mill-evalwazzjoni tal-effetti tal-metodi ta’ ffinanzjar tagħha meta dawn tal-aħħar ikunu parti integrali minn din il-miżura(48). Il-metodi ta’ ffinanzjar ta’ għajnuna jistgħu fil-fatt irendu din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u dan anki meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, partikolarment mill-Artikoli 25 u 90 KE(49).

81.      Fis-sentenza Van Calster, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll li, f’każ simili, “biex jiġi żgurat l-effett utli tal-obbligu ta’ notifika kif ukoll eżami xieraq u komplet min-naħa tal-Kummissjoni ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, l-Istat Membru huwa obbligat, biex jirrispetta dan l-obbligu, li jinnotifika mhux biss il-proġett relatat mal-għajnuna effettiv, iżda anki l-metodi ta’ ffinanzjar tiegħu billi dawn huma parti integrali mill-miżura prevista”(50). Minbarra dan , skont il-Qorti tal-Ġustizzja “billi l-obbligu ta’ notifika huwa estiż anki għall-metodi tal-iffinanzjar tal-għajnuna, il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur imwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-Artikolu [88(3), l-aħħar sentenza KE] għandhom jiġu applikati anki fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-miżura ta’ għajnuna”(51). Konsegwentement “meta miżura ta’ għajnuna, li l-metodi ta’ ffinanzjar tagħha jikkostitwixxu parti integrali minnha, tkun ġiet eżegwita bi ksur tal-obbligu ta’ notifika, il-qrati nazzjonali huma obbligati, bħala regola ġenerali, li jordnaw ir-rimbors tat-taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet applikati speċifikament sabiex jiffinanzjaw din l-għajnuna”(52).

82.      Fis-sentenza Streekgewest il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, “sabiex taxxa tkun tista’ tiġi kkunsidrata parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu neċessarjament ikun hemm rabta ta’ allokazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa huwa essenzjalment allokat għall-iffinanzjar tal-għajnuna” u jaffettwa direttament l-ammont u għalhekk l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-istess għajnuna mas-suq komuni(53).

83.      F’dan il-każ, iż-żieda tinġabar speċifikament u esklużivament biex SEP u/jew l-IPE jkunu jistgħu jkopru l-ispejjeż NR imposti fuqhom. Jidhirli li teżisti r-rabta ta’ allokazzjoni meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn id-dħul mit-taxxa u l-iffinanzjar tal-miżura pubblika. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk din tal-aħħar hijiex għajnuna mogħtija mill-Istat.

84.      Skont il-ġurisprudenza msemmija iktar’il fuq, it-talbiet li għamlet Essent fil-konfront ta’ Aldel bis-saħħa tal-Artikolu 9(1) ta’ OEPS jistgħu għalhekk jiġu miċħudin jekk jiġi aċċertat li s-sistema stabbilita minn dan l-artikolu tinvolvi miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u li din il-miżura ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni.

85.      Għalhekk ser ngħaddi biex neżamina suċċessivament dawn iż-żewġ aspetti.

2.      Jekk dak li jipprovdu l-paragrafi (1) u (4) tal-Artikolu 9 tal-OEPS jikkostitwix miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

86.      Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex jiġi evalwat jekk miżura pubblika tikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat, għandu jiġi vverifikat li jkunu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-eżistenza ta’ vantaġġ għal impriża, in-natura selettiva tal-miżura, l-iffinanzjar ta’ din tal-aħħar mill-Istat jew b’riżorsi statali, kif ukoll l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jirriżulta minn dan(54).

87.      Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni kundizzjonijiet, jidhirli li huwa ċar li l-miżura kkontestata tinvolvi vantaġġ għal SEP u/jew għall-IPE u li dan il-vantaġġ, billi huwa limitat għas-settur tal-produzzjoni tal-elettriku, huwa ta’ natura selettiva.

88.      Il-fatt, imsemmi mill-Gvern tal-Olanda, li l-operaturi tan-netwerk kienu xorta waħda obbligati li jikkontribwixxu għall-kopertura tal-ispejjeż NR bis-saħħa tal-Protokoll ta’ ftehim ma jidhirlix li huwa ta’ importanza deċiżiva. Fil-fatt, l-Artikolu 9 tal-OEPS jimponi fuq il-partijiet li huma marbutin li jiġbru ż-żieda obbligu ġuridiku li jħallsu lil SEP id-dħul relatat, li huwa awtonomu u indipendenti minn dak li eventwalment huwa impost fuq l-istess partijiet bis-saħħa tal-Protokoll ta’ ftehim(55). Barra minn dan, il-mekkaniżmu previst mill-Artikolu 9 tal-OEPS jippermetti lil SEP li jkollha sigurtà ikbar tal-ħlasijiet, fejn il-fondi tagħhom jiġu mill-ġbir ta’ piżijiet parafiskali, u li jitnaqqas jew jiġi eskluż ir-riskju ta’ eventwali nuqqas ta’ twettiq jew tal-impossibbiltà ta’ twettiq min-naħa tal-persuni marbutin bil-Protokoll(56).

89.      Madankollu, jekk jirriżulta li, fil-mument li fih saru l-ħlasijiet previsti mill-Artikolu 9(4) tal-OEPS, SEP kienet diġà rċeviet totalment jew parzjalment, ineżekuzzjoni tal-Protokoll ta’ ftehim, l-400 miljun ta’ NLG stabbiliti mill-paragrafu (5) tal-istess artikolu(57), il-vantaġġ għal SEP u/jew l-IPE tas-sistema kkunsidrata jonqos b’mod korrispondenti, sakemm jiġi eventwalment limitat biss għall-ammont żejjed(58).

90.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel l-verifiki korrispondenti.

91.      Jidhirli li wieħed jista’ jikkunsidra wkoll li ġiet sodisfatta r-raba’ kundizzjoni dwar l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-miżura inkwistjoni u fuq l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, sempliċement nosserva li l-metodu tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-aspett huwa partikolarment wiesa’. Fil-fatt, skont ġurisprudenza kostanti “mhux meħtieġ li jintwera effett dirett tal-għajnuna mogħtija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biżżejjed li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna hijiex tali li taffettwa l-kummerċ jew toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni”(59). B’mod partikolari, meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn kompetituri fil-kuntest tal-kummerċ interkomunitarju, dawn għandhom jitqiesu bħala affettwati minn din l-għajnuna(60).

92.      Għalkemm mhux direttament involuta fl-attività ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika, SEP kienet tipprovdi, bħala sussidjarja komuni ta’ erba’ IPE, għall-kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija prodotta minnhom u ta’ dik importata. Hija kienet taġixxi, almenu formalment, fil-kuntest ta’ sistema kompetittiva fis-suq tal-importazzjoni ta’ enerġija elettrika mhux għall-użu pubbliku(61), kienet tħaddem l-impjant għall-ħolqien ta’ gass mill-faħam ta’ Demkolec u kienet attiva fis-settur tat-tisħin urban. Dwar l-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il-kummerċ intrakomunitarju, jirriżulta minn dak li għadu kif ġie osservat li l-attività ta’ SEP ma kinitx limitata għall-kuntest nazzjonali biss, iżda li hija pparteċipat fil-kummerċ transkonfini.

93.      Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel l-aċċertamenti korrispondenti(62).

94.      Iżda l-kwistjoni dwar l-eżistenza tat-tielet kundizzjoni, rigward l-iffinanzjar tal-miżura permezz ta’ riżorsi pubbliċi hija iktar kumplessa. Din ġiet diskussa b’mod abbundanti kemm quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk ser ngħaddi biex nara jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta.

95.      F’dan l-eżami mhijiex l-intenzjoni tiegħi li nidħol fil-mertu tad-diskussjoni, imqajma fost l-oħrajn minn ċerti deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja(63), dwar il-ħtieġa tal-iffinanzjar pubbliku biex miżura statali tiġi deskritta bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Jiena sempliċement nosserva li sa mis-sentenza Sloman Neptun(64) il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament u mingħajr eżitazzjoni, affermat il-prinċipju li għajnuna għandha tiġi ffinanzjata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi Statali(65), u b’hekk uriet li kkunsidrat din il-ħtieġa bħala wieħed mill-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ għajnuna.

96.      L-imsemmi prinċipju jirriżulta kkonfermat mill-ġdid(66) fis-sentenza Preussen Elektra(67) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li kienet tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE leġiżlazzjoni statali li, minn naħa, kienet timponi fuq l-impriżi privati ta’ provvista ta’ enerġija elettrika obbligu ta’ akkwist ta’ enerġija elettrika prodotta minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu bi prezzijiet minimi ogħla mill-valur ekonomiku ta’ danit-tip ta’ enerġija u min-naħa l-oħra, qasmet il-piż finanzjarju li jirriżulta minn dan l-obbligu bejn l-impriżi ta’ provvista u l-operaturi privati tan-netwerks tal-enerġija elettrika li jinsabu vertikalment’il fuq fis-suq. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi Statali, il-fatt li din il-leġiżlazzjoni kienet tagħti vantaġġ ekonomiku ċert lill-impriżi ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika miksuba minn sorsi li jiġġeddu u li dan il-vantaġġ kien il-konsegwenza tal-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi ma kienx biżżejjed sabiex il-miżura inkwistjoni tiġi deskritta bħala għajnuna(68).

97.      Iktar riċentement, fis-sentenza Pearle(69), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kinux jikkostitwixxu miżuri ta’ għajnuna r-regolamenti maħruġin minn organizzazzjoni ta’ kategorija ta’ dritt pubbliku bil-ħsieb li jiffinanzjaw, permezz ta’ riżorsi miġbura minn fost l-istess membri u allokati b’mod obbligatorju għal dak l-iskop, kampanja pubbliċitarja kollettiva deċiża mill-istess membri, jekk jirriżulta stabbilit li dan l-iffinanzjar kien sar permezz ta’ riżorsi li l-organizzazzjoni qatt ma kellha s-setgħa li tiddisponi minnhom liberament. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza lill-fatt li l-ispejjeż sostnuti mill-awtorità pubblika għall-finijiet tal-kampanja pubbliċitarja kienu tħallsu għal kollox mill-kontribuzzjonijiet imposti fuq l-impriżi benefiċjarji. Għalhekk skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-intervent tal-imsemmija awtorità “ma kienx intiż biex joħloq vantaġġ li jammonta għal piż addizzjonali fuq l-Istat jew fuq din l-awtorità”(70), li kellha biss ir-rwol ta’ “sempliċi strument biex jinġabru u jiġu allokati riżorsi ġġenerati favur għan purament kummerċjali stabbilit minn qabel mis-settur ikkonċernat u li bl-ebda mod ma kien jidħol fil-kuntest ta’ politika stabbilita mill-awtoritajiet Olandiżi”(71).

98.      Huwa l-ewwel nett b’referenza għall-prinċipji stabbiliti u għas-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn iż-żewġ sentenzi preċedenti li għandu jiġi evalwat jekk il-miżura favur SEP tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tissodisfax il-kundizzjoni tal-iffinanzjar permezz ta’ riżorsi statali. B’mod partikolari, l-Olanda ssostni li din l-evalwazzjoni tista’ tagħti biss eżitu negattiv proprju fid-dawl ta’ dak li affermat il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi.

99.      Preliminarjament nosserva f’dan ir-rigward li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Preussen Elektra jista’ jkollha impatt partikolarment importanti fis-swieq li jinsabu fi stadju ta’ tneħħija ta’ regolamenti fejn, u dan huwa speċjalment il-każ fis-suq tal-elettriku, l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati ġġenerati mil-liberalizzazzjoni huma partikolarment konsiderevoli. F’dan l-ambitu, is-setgħat ta’ kontroll tal-Kummissjoni fuq il-miżuri nazzjonali ta’ sostenn għall-impriżi li fuqhom huma imposti tali spejjeż jirriżultaw mnaqqsa sew b’applikazzjoni stretta tal-kundizzjoni rigward l-iffinanzjar permezz ta’ riżorsi Statali, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li tali miżuri huma ta’ spiss maħsuba b’tali mod li jgħaddu fuq il-konsumaturi finali l-piż ekonomiku tal-irkupru tal-imsemmija spejjeż, spiss permezz tal-istabbiliment ta’ piżijiet parafiskali(72). Ir-riskju huwa għalhekk li miżuri Statali li jistgħu jaffettwaw anki konsiderevolment ir-riżultati tal-proċessi ta’ liberalizzazzjoni għaddejjin fl-Istati Membri fil-fatt jiġu eżenti minn kull kontroll skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar l-għajnuna u jaħarabu mill-klassifikazzjoni riġida li miżuri li jitqiegħdu taħt dan il-kontroll ikunu suġġetti għalih meta jiġu applikati l-linji ta’ gwida għall-eżami tal-għajnuna marbuta mal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati maħruġin mill-Kummissjoni(73).

100. Huwa primarjament għal din ir-raġuni li nqis li s-soluzzjoni segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PreussenElektra m’għandhiex tiġi estiża lil hinn mill-fatti li ġġustifikaw l-adozzjoni tagħha.

101. Wieħed mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien essenzjali għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-kawża Preussen Elektra kien in-natura privata tal-partijiet li fuqhom ġew imposti l-piżijiet mis-Stromeinspeisungsgesetz. Ir-rilevanza ta’ dan il-fatt tirriżulta biċ-ċar, minbarra mill-parti dispożittiva, mill-punti 55 u 56 tas-sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, quddiem l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Ġermaniż dwar il-kompożizzjoni tal-grupp li kellu l-ishma tal-impriżi involuti (PreussenElektra u Schleswag), ifformulat mill-ġdid id-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht ta’ Kiel bħala waħda essenzjalment intiża biex taċċerta jekk jikkostitwux għajnuna mogħtija mill-Istat il-piżijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża (obbligu ta’ akkwist bi prezz iffissat minn qabel u tqassim tal-piżijiet relattivi) lil impriżi privati ta’ provvista ta’ enerġija elettrika u lill-amministraturi privati tan-netwerks li jinsabu vertikalment’il fuq fis-suq(74). Barra minn dan, il-mekkaniżmu tas-Stromeinspeisungsgesetz ma kienx jipprovdi għall-intervent ta’ intermedjarji, sabiex jiġbru u/jew jieħdu ħsieb il-ġestjoni tas-somom li għandhom jiġu allokati għas-sussidju; billi l-vantaġġ li gawdew l-impriżi benefiċjarji kien jikkonsisti fil-garanzija ta’ bejgħ tal-enerġija prodotta minnhom u fid-differenza bejn il-valur ekonomiku tagħha u l-prezz, li huwa ogħla minn dan il-valur, stabbilit bil-liġi, dan il-vantaġġ kien jingħata awtomatikament fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ provvista u tal-ħlas tal-korrispettiv.

102. Jekk wieħed jistrieħ fuq dawn l-elementi huwa għalhekk possibbli li jiġi kkunsidrat li l-portata tas-sentenza PreussenElektra hija llimitata għall-każijiet fejn sussidju mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi lil impriżi speċifiċi huwa ffinanzjat esklużivament permezz tal-impożizzjoni ta’ piżijiet fuq operaturi privati u jitħallas lil benefiċjarji direttament minn dawn l-operaturi.

103. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkonċernax (i) il-każ fejn is-sussidju jiġi ffinanzjat permezz tal-impożizzjoni ta’ piżijiet fuq impriżi pubbliċi jew permezz ta’ fondi fid-dispożizzjoni ta’ dawn l-impriżi u (ii) il-każ fejn ir-riżorsi allokati għall-iffinanzjar tas-sussidju, li jiġu mill-piżijiet imposti fuq impriżi privati (pereżempju kontribuzzjonijiet parafiskali), jgħaddu minn impriżi jew korpi li jintervjenu inkwantu intermedjarji qabel ma jingħataw lis-suġġetti benefiċjarji.

104. F’dawn il-każijiet, is-sussidju inkwistjoni jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE meta jkun iffinanzjat permezz ta’ riżorsi Statali. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja din il-kundizzjoni teżisti meta r-riżorsi użati huma direttament jew indirettament suġġetti għall-kontroll tal-Istat. Fis-sentenza Ladbroke Racing(75) u, iktar riċentement fis-sentenza Stardust(76), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat espliċitament li l-kunċett ta’ riżorsi Statali fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE “jinkludi l-istrumenti finanzjarji kollha li s-settur pubbliku jista’ realment juża biex isostni l-impriżi, indipendentement mill-fatt li dawn l-istrumenti huma jew mhumiex parti, b’mod permanenti, mill-patrimonju tas-settur imsemmi hawn fuq”. Għaldaqstant, “anki jekk is-somom korrispondenti għall-miżura inkwistjoni mhumiex fil-pussess permanenti tat-[teżor pubbliku], il-fatt li jibqgħu b’mod kostanti taħt il-kontroll pubbliku, u għalhekk fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed biex jiġu kklassifikati bħala riżorsi Statali”(77).

105. Għal dak li jirrigwarda iktar speċifikament il-każ, imsemmi iktar’il fuq fil-punt 103(i), ta’ miżura ssussidjata permezz tal-impożizzjoni ta’ piżijiet fuq impriżi pubbliċi jew permezz tal-użu ta’ fondi ġejjin minn dawn l-impriżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza Stardust imsemmija iktar’il fuq, li dawn il-fondi għandhom jiġu kkunsidrati bħala riżorsi Statali meta l-Istat ikun fil-pożizzjoni li “jeżerċita l-influ[w]enza dominanti tiegħu fuq dawk l-impriżi, li jikkontrolla l-użu tar-riżorsi ta’ dawn tal-aħħar biex jiffinanzja, jekk ikun il-każ, vantaġġi speċifiċi favur impriżi oħrajn”(78). Għal dan l-iskop mhuwiex meħtieġ li jintwera li sar it-trasferiment min-naħa tal-Istat lil dawn l-impriżi ta’ għotjiet speċifiċi fid-dawl tal-iffinanzjar tal-miżura ta’ għajnuna.

106. Madankollu, in-natura pubblika ta’ korp ma timplikax li r-riżorsi fid-dispożizzjoni tiegħu jistgħu jiġu deskritti awtomatikament bħala “Statali” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Kif rajna iktar’il fuq(79) din il-klassifikazzjoni tista’ pereżempju tiġi eskluża fejn dan il-korp jaġixxi bħala “sempliċi strument biex jinġabru u jiġu allokati riżorsi ġġenerati” u l-intervent tiegħu ma jkunx intiż “għall-ħolqien ta’ vantaġġi li huma piż addizzjonali għall-Istat”.

107. Barra minn dan, biex miżura implementata minn impriża pubblika tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE huwa meħtieġ li hija tkun attribwibbli lill-Istat, fis-sens li hija r-riżultat ta’ azzjoni tas-setgħat pubbliċi(80).

108. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ipoteżi msemmija iktar’il fuq fil-punt 103(ii), fejn il-fondi meħtieġa għall-iffinanzjar tas-sussidju jinġabru minn partijiet privati u jingħataw lill-benefiċjarji tagħha permezz ta’ impriżi jew korpi intermedjarji, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li skont ġurisprudenza kostanti jirriżulta li mhuwiex neċessarju li wieħed jiddistingwi bejn il-każijiet fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u dawk fejn tingħata permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit mill-istess Stat(81).

109. Imbagħad għandha ssir referenza iktar speċifika għall-ġurisprudenza dwar il-miżuri ta’ għajnuna ffinanzjati permezz ta’ taxxi parafiskali jew kontribuzzjonijiet obbligatorji. Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, il-“fondi li jingħataw permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-liġi u li jiġu amministrati u mqassma [...] skont il-leġiżlazzjoni Statali [...] għandhom jitqiesu bħala “riżorsi Statali” fis-sens tal-Artikolu [87(1) KE] anki jekk jiġu amministrati minn korpi differenti mill-korpi Statali" (82).

110. Huwa ċertament possibbli li jiġi oġġezzjonat li din il-ġurisprudenza twarrbet impliċitament mis-sentenza PreussenElektra, almenu fil-każ fejn ir-rwol tal-intermedjarju huwa esklużivament dak ta’ wieħed li jiġbor il-kontribuzzjoni jew ikun limitat għal kontroll purament ta’ kontabbiltà tal-fondi miġburin u għalhekk jiġi eskluż l-eżerċizzju ta’ kull marġini ta’ diskrezzjoni fl-użu u fl-allokazzjoni tal-fondi. Fil-fatt, oġġettivament, huwa diffiċli li din is-sitwazzjoni tiġi distinta, mil-lat ekonomiku, minn dik fejn is-somom allokati għall-iffinanzjar tal-miżura ta’ sostenn jiġu ttrasferiti direttament mill-partijiet li fuqhom jaqa’ l-obbligu ta’ kontribuzzjoni lill-impriżi benefiċjarji tal-miżura(83).

111. Madankollu jidhirli li din l-oġġezzjoni tista’ titwarrab meta jiġi kkunsidrat li l-intervent ta’ intermedjarju nnominat mill-Istat, anki jekk sempliċiment inkarigat mill-ġbir jew minn verifika purament ta’ kontabbiltà, huwa xieraq biex jinterrompi l-fluss dirett tal-fondi mill-qasam tas-suġġetti passivi għal dak tal-benefiċjarji, biex b’hekk ikun jista’ jiġi individwat mument li fih dawn il-fondi huma, almenu indirettament, taħt il-kontroll tal-Istat, minkejja li huma marbutin mal-allokazzjoni, u jakkwistaw b’dak il-mod in-natura ta’ riżorsi pubbliċi. B’mod partikolari, interpretazzjoni bħal din jidhirli li hija possibbli f’mhux anqas minn żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri meta l-intermedjarju huwa pubbliku u meta l-kontribuzzjonijiet obbligatorji miġburin mingħand l-impriżi jew mingħand individwi jitħallsu f’fond, pubbliku jew privat, stabbilit jew innominat mill-Istat bl-iskop li l-għajnuna tingħata skont il-liġi, indipendentement mil-livell ta’ awtonomija ta’ dan il-fond fl-amministrazzjoni u fit-tqassim tas-somom irċevuti.

112. Ma jidhirlix li s-sentenza Pearle imsemmija iktar’il fuq għandha tiġi kkunsidrata bħala ostakolu għal dak li għadu kif intqal. Kif rajna, f’dik l-okkażjoni l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet in-natura ta’ riżorsi tal-Istat ta’ fondi li jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsin lil korp professjonali mill-membri tiegħu, li l-impożizzjoni tagħhom kienet possibbli minħabba s-sistema legali applikabbli għall-imsemmi korp u li l-ġbir tagħhom kien intiż għall-iffinanzjar ta’ kampanja pubbliċitarja kollettiva favur l-istess membri. Fost id-diversi elementi adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex timmotiva din il-konklużjoni (l-indisponibbiltà tal-fondi min-naħa tal-korp, ir-rwol ta’ dan tal-aħħar limitat għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet, l-attribuzzjoni ta’ vantaġġ mingħajr il-piż relattiv għall-Istat jew għall-korp pubbliku involut) il-fatt li l-inizjattiva tal-promozzjoni ta’ kampanja pubbliċitarja inkwistjoni u l-proposta dwar il-metodu ta’ tqassim tal-piżijiet relattivi kienu ġejjin mis-settur kummerċjali kkonċernat u mhux mill-awtoritajiet pubbliċi jidhirli, fl-istruttura tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jassumi karattru deċiżiv billi jista’ jeskludi l-fatt li l-miżura tiġi attribwita lill-Istat(84).

113. Fid-dawl ta’ dak li ntqal sa issa għandu jiġi stabbilit jekk il-ħlasijiet favur SEP effettwati b’applikazzjoni ta’ dak li jipprovdu l-Artikolu 9(1) u (4) tal-OEPS jimplikawx l-użu ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

114. Kif rajna, il-mekkaniżmu stabbilit mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni kien jistabbilixxi l-impożizzjoni ta’ żieda għas-servizz ta’ trasport fuq il-konsumaturi ta’ enerġija elettrika, il-ġbir ta’ din iż-żieda min-naħa tal-operaturi tan-netwerk u t-trasferiment tad-dħul tagħhom lill-“kumpannija nnominata”, inkarigata b’verifika ta’ kontabbiltà fuq il-fondi ttrasferiti u obbligata li tħallas lill-Ministru tal-Ekonomija s-somom li eventwalment jaqbżu 400 miljun ta’ NLG. Il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda iktar speċifikament is-somom dovuti minn utent privat, Aldel, b’applikazzjoni ta’ din iż-żieda, lill-operatur tan-netwerk tat-territorju fejn hija stabbilita, Essent.

115. L-ewwel nett għandu jiġi osservat li, b’risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, Essent ippreċiżat li, fil-perijodu ta’ referenza, jiġifieri mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2000, il-kapital tagħha kien ikkontrollat 100 % minn Essent NV, li l-kapital tagħha, min-naħa l-oħra, kien ikkontrollat 100 % mill-awtoritajiet lokali u mill-provinċji u għalhekk kien totalment f’idejn pubbliċi. Kif qalet tajjeb il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, jirriżulta li Essent kienet, f’dak il-perijodu, impriża pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 80/723/KEE tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 1980 fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (85).

116. Bis-saħħa tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-riżorsi fid-dispożizzjoni ta’ Essent(86) għandhom għaldaqstant jitqiesu, bħala regola ġenerali, bħala riżorsi pubbliċi. Dwar l-oġġezzjoni mqajma mill-Gvern tal-Olanda dwar ir-rwol ta’ sempliċi kollettur ta’ taxxi ta’ Essent, nirreferi għal dak li diġà ntqal fil-punti 110 sa 112 iktar’il fuq(87).

117. Fit-tieni lok, jidhirli li huwa rilevanti l-fatt li SEP kienet obbligata li jkollha verifika ta’ kontabbiltà tas-somom ġejjin mid-dħul taż-żieda inkwistjoni, li kellha tagħti rendikont tiegħu lill-Ministru tal-Ekonomija. Wieħed jippreżumi li huwa biss fit-tmiem ta’ dan il-kontroll li s-somom inkwistjoni tqiegħdu fid-dispożizzjoni ta’ SEP li kienet marbuta li tużahom għal finijiet speċifiċi, jiġifieri għall-kopertura ta’ investimenti magħmulin fuq l-istanza tas-setgħat pubbliċi.

118. Fl-aħħar nett, daqstant rilevanti huwa l-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 9(5) tal-OEPS, is-somom li jaqbżu 400 miljun NLG kellhom jitħallsu minn SEP lill-Ministeru tal-Ekonomija.

119. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li huwa possibbli li nikkonkludi li l-ħlasijiet magħmulin favur SEP bis-saħħa ta’ dak li jipprovdu l-Artikolu 9(1) u (4) tal-OEPS jinvolvu l-użu ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb kif ġej għat-tieni domanda preliminari:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dħul ta’ żieda fit-tariffa, imposta b’mod tranżitorju fuq il-konsum ta’ enerġija elettrika u miġbura mill-operaturi tan-netwerk, huwa mħallas minn dawn tal-aħħar lil kumpannija li hija s-sussidjarja komuni tal-produtturi nazzjonali ta’ enerġija elettrika u li hija marbuta, bis-saħħa tal-imsemmija leġiżlazzjoni, li żżomm parti mid-dħul biex tkopri l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati li jirriżultaw minn investimenti magħmulin mill-istess kumpannija jew mill-impriżi ta’ produzzjoni qabel il-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni, kif ukoll biex jitħallas lill-Istat l-eventwali ammont żejjed, intiż bl-istess mod biex ikopri l-ispejjeż imsemmijin iktar’il fuq, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 (1) KE.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk jeżistux il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu”.

3.      Fuq ir-rispett tal-obbligu ta’ notifika

121. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 88(3) KE, billi kkunsidrat li l-obbligu ta’ notifika stabbilit minn din id-dispożizzjoni ma ġiex osservat mill-Olanda, jidhirli li huwa madankollu utli li jsiru xi riflessjonijiet fil-qosor fil-mertu tal-argumenti mqajmin mill-Gvern Olandiż biex jikkontesta l-inosservanza li ġiet allegata fil-konfront tiegħu.

122. L-Olanda ssostni li “għarrfet” lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura tal-għajnuna N 597/1998, bit-test integrali tal-abbozz ta’ liġi tal-OEPS. Din il-komunikazzjoni saret b’ittra tat-30 ta’ Awwissu 2000 fejn l-Olanda speċifikament ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għat-test tal-Artikolu 9 ta’ dak l-abbozz. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-abbozz sħiħ tal-liġi kien jinsab fl-anness tal-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2000, Minbarra dan, jirriżulta mit-test ta’ din l-ittra, ippreżentata mill-Gvern tal-Olanda wara talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dan il-Gvern jirriferi espliċitament għall-Artikolu 9 tal-OEPS, għalkemm biss fil-paragrafu intitolat “informazzjoni komplementari fuq il-Protokoll għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/96”.

123. Għandu jiġi osservat li l-proċedura N 597/1998 ġiet konkluża bid-Deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2001.

124. Is-sistema tal-Artikolu 9 tal-OEPS daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 2000 u kienet tipprovdi li d-dħul taż-żieda miġbura skont (1) ta’ dan l-Artikolu kellu jitħallas mill-operaturi tan-netwerk SEP sa’ l-1 ta’ Lulju 2001 (Artikolu 9(4)). L-Olanda għaldaqstant implementat din is-sistema mingħajr ma stenniet id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni għalqet il-proċedura li fil-kuntest tagħha d-dispożizzjoni li kienet tistabbiliha ġiet ikkomunikata lil din l-istituzzjoni.

125. Barra minn dan, fil-kuntest ta’ din l-implementazzjoni ġie previst il-ġbir taż-żieda li jinsab fl-Artikolu 9(1) tal-OEPS b’effett retroattiv għall-1 ta’ Awwissu 2000, jiġifieri f’data preċedenti għall-istess ittra li biha ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni l-miżuri stabbiliti mill-imsemmi Artikolu. F’dan ir-rigward jista’ jkun utli li jiġi mfakkar li fis-sentenza Van Calster, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala illegali taxxi parafiskali intiżi għall-iffinanzjar ta’ miżuri ta’ sostenn favur ċerti setturi agrikoli li kienu nġabru b’effett retroattiv waqt perijodu qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet iddeċidiet fuq il-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-effett retroattiv tal-impożizzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, l-Istat ikkonċernat kien diġà aġixxa bi ksur tal-obbligu ta’ notifika preliminari fl-implementazzjoni tal-għajnuna.

126. Konsegwentement, anki jekk il-komunikazzjoni li tinsab fl-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2000 titqies bħala notifika fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, dan ma jkunx biżżejjed biex jitqies li ġie sodisfatt l-obbligu previst minn din id-dispożizzjoni.

V –    Konklużjonijiet

127. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li:

“1) Żieda fit-tariffa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miġbura mingħajr distinzjoni u bl-istess kundizzjonijiet fuq it-trasport tal-enerġija elettrika kemm nazzjonali kif ukoll importata tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazji doganali, ipprojbita mill-Artikolu 25 KE, meta d-dħul tagħha jkun intiż biex jiffinanzja attivitajiet li minnhom jibbenefika biss il-prodott nazzjonali u meta l-vantaġġi li jirriżultaw jikkumpensaw għal kollox il-piż impost fuq l-imsemmi prodott; jekk dawn il-vantaġġi jikkumpensaw biss parzjalment il-piż impost fuq il-prodott nazzjonali, din iż-żieda tikkostitwixxi taxxa interna diskriminatorja, ipprojbita mill-Artikolu 95 tat-Trattat KE.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq il-verifiki meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni ġuridika tat-taxxa inkwistjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk u b’liema mod l-ispejjeż, li d-dħul miż-żieda fit-tariffa inkwistjoni huwa intiż li jkopri, jaqgħux direttament jew indirettament fuq il-produtturi nazzjonali ta’ enerġija elettrika.

2) Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dħul ta’ żieda fit-tariffa, imposta b’mod tranżitorju fuq il-konsum ta’ enerġija elettrika u miġbura mill-operaturi tan-netwerk, huwa mħallas minn dawn tal-aħħar lil kumpannija li hija s-sussidjarja komuni tal-produtturi nazzjonali ta’ enerġija elettrika u li hija marbuta, bis-saħħa tal-imsemmija leġiżlazzjoni, li żżomm parti mid-dħul biex tkopri l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati li jirriżultaw minn investimenti magħmulin mill-istess kumpannija jew mill-impriżi ta’ produzzjoni qabel il-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni, kif ukoll biex jitħallas lill-Istat l-eventwali ammont żejjed, intiż bl-istess mod biex ikopri l-ispejjeż imsemmijin iktar’il fuq, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 (1) KE.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk jeżistux il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu”.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – ĠU L 27, p. 20.


3 – L-erba’ IPE kienu: N.V. Elektriciteits-Produktiemaatschappij Oost-en Noord-Nederland (EPON), N.V. Elektriciteits-Produktiemaatschappij Zuid-Nederland (EPZ), N.V. Elektriciteitsproduktiemaatschappij Zuid-Nederland (EZH) u N.V. Energieproductiebedrijf UNA (UNA).


4 – Stabbilita f’Ġunju tal-1949, SEP kienet kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li fil-bidu kienet inkarigata bl-organizzazzjoni tal-assistenza reċiproka bejn il-produtturi fil-każ ta’ ħsarat permezz tal-aħjar użu ta’ netwerk ta’ interkonnessjonijiet nazzjonali u internazzjonali (ara d-Deċiżjoni 91/50/KEE tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Jannar 1991, dwar proċediment skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE). Fid-29 ta’ Diċembru 2000 SEP saret B.V. Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor (NEA).


5 – F’Novembru 1999, EPON ittieħdet mill-grupp Belġjan Electrabel u EZH mill-kumpannija Ġermaniża Preussen Elektra. Dejjem fl-1999, UNA ġiet akkwistata mill-kumpannija Amerikana Reliant u fl-2002 hija għaddiet għand NUON, li hija kkontrollata minn provinċi u minn awtoritajiet lokali.


6 – Bis-saħħa tal-Artikolu 2 ta’ Elektriciteitswet 1989, SEP, fil-kwalità tagħha ta’ “kumpannija nnominata”, kienet, flimkien ma’ l-IPE, inkarigata b’missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali, jiġifieri li tassigura l-provvista pubblika nazzjonali ta’ enerġija elettrika bl-orħos prezz possibbli (ara l-kawża C-157/94).


7 – Madankollu Essent tiċħad li l-kumpanniji ta’ distribuzzjoni, bħala tali, kienu parti mill-ftehim.


8 –      F’dan il-każ SEP.


9 – NEA, Elektrabel Groep BV u Edon Groep BV daħlu minflok SEP, Epon u Edon rispettivament fil-kuntratt.


10 – Skont l-Artikolu 1(1)(k) tal-Elektriciteitswet 1998.


11 – Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, Essent sejħet fil-kawża bħala garanti lil SEP u Saranne filwaqt li Aldel sejħet bħala garanti lill-Istat.


12 – Meta kienet fis-seħħ l-Elektriciteitswet 1998, SEP, inkwantu kumpannija nnominata, kienet tgawdi monopolju għall-importazzjoni tal-enerġija elettrika intiża għall-użu pubbliku u ta’ vultaġġ ogħla minn 500 V [ara s-sentenza tas-27 ta’ April 1994, C‑393/92, Almelo (Ġabra p. I‑1477)]. Utent privat bħal Aldel kien għalhekk iġġustifikat diġà abbażi ta’ din il-liġi li jimporta enerġija elettrika għall-użu tiegħu. Barra minn hekk, fl-1 ta’ Jannar 2000, ġie konkluż l-ewwel stadju tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku Olandiż ineżekuzzjoni tad-Direttiva 92/96, bil-ftuħ fis-suq tal-parti li tinkludi l-konsumaturi l-kbar. Il-kwistjoni jekk, fil-perijodu ta’ applikazzjoni taż-żieda kkontestata, għal din il-fakultà kinitx tikkorrispondi possibbiltà effettiva għal Aldel li timporta l-elettriku tiddependi kemm mir-relazzjonijiet kuntrattwali li kienu jorbtuha f’dak iż-żmien mal-impriżi nazzjonali ta’ produzzjoni kif ukoll mill-aġir fis-suq ta’ dawn tal-aħħar u ta’ SEP (ara, f’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/0/KEE, imsemmija iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1999, Tarantik (C-421/97, Ġabra p. I‑3633, punt 33); tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra p. I‑607, punt 19), u tal-15 ta’ Ġunju 2006, kawżi magħquda C-393/04 u C-41/05, Air Liquide Industrie Belgium (Ġabra p. I‑5293, punt 24).


14 – F’dan is-sens ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1982, Schul Douane Expéditeur (15/81, Ġabra p. 1409, punt 26), ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1962, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu u Il-Belġju (kawżi magħquda 2/62 u 3/62, Ġabra p. 813, b’mod partikolari p. 827).


15 – F’dan is-sens ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1965, Deutschmann (10/65 Ġabra p. 601) u tas-16 ta’ Ġunju 1966, Lütticke (57/65, Ġabra p. 293), li ġew segwiti b’diversi sentenzi oħrajn.


16 – Prattikament fil-każijiet kollha fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta dawn l-artikoli b’riferiment għal dispożizzjoni partikolari tal-liġi fiskali nazzjonali, jiġifieri sabiex tevalwa l-legalità tagħha abbażi tad-dispożizzjonijiet inklużi fiha, hija ddeċidiet li kien meħtieġ li tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq it-traċċabbiltà tat-taxxa fil-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ artikolu wieħed jew l-ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi approċċ inqas dikotomiku fis-sentenza tat-3 ta’ Frar 2000, Dounias (C‑228/98, Ġabra p. I‑577, punt 50).


17 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1969, Il-Kummissjoni vs L-Italja (24/68, Ġabra p. 193, punt 9); tad-9 ta’ Novembru 1983, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (Ġabra p. 3573, punt 18), u tas-17 ta’ Settembru 1997, UCAL (C‑347/95, Ġabra p. I‑4911, punt 18).


18 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu u Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 14, p. 828; tat-18 ta’ Ġunju 1975, IGAV (94/74, Ġabra p. 699, punt 10), u tal-25 ta’ Mejju 1977, Cucchi (77/76, Ġabra p. 987, punt 13).


19 – Ara, inter alia, is-sentenza UCAL, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 19


20 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja (73/79, Ġabra p. 1533, punt 15); tal-11 ta’ Marzu 1992, Compagnie commerciale de l’Ouest et (kawżi magħquda minn C‑78/90 sa C‑83/90 Ġabra p. I‑1847, punt 26), u UCAL iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 21.


21 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et (C‑17/91, Ġabra p. I‑6523, punt 21); tas-27 ta’ Ottubru 1993, Scharbatke (C‑72/92, Ġabra p. I‑5509, punt 10); Compagnie commerciale de l’Ouest et, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 27, u UCAL, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 22.


22 – Ara, inter alia, is-sentenzi Compagnie commerciale de l’Ouest et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u Lornoy et, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 22.


23 – Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1977, Interzuccheri (105/76, Ġabra p. 1029, punt 12), u Cucchi, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 19.


24 – Ara s-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, CELBI (C‑266/91, Ġabra p. I‑4337, punt 18).


25 – Xhieda ta’ dawn id-diffikultajiet huwa n-numru ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mqajmin fuq dan il-punt, minkejja ġurisprudenza li m’hijiex ambigwa.


26 – L-Avukat Ġenerali Roemer kien diġà esprima d-diffikultajiet marbutin mal-kumplessità tal-evalwazzjonijiet meħtieġa għall-verifika tal-ammont tal-kumpens fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Capolongo (77/72, Ġabra p. 611, b’mod partikolari p. 632), li s-sentenza tagħha tinkludi l-ewwel affermazzjoni fil-ġurisprudenza tal-kriterju tal-kumpens. Xi snin wara, l-Avukat Ġenerali Trabucchi fil-konklużjonijiet fil-kawża IGAV (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), u l-Avukat Ġenerali Reischl fil-kawża Cucchi (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18) pproponew applikazzjoni restrittiva ta’ dan il-kriterju, billi kkunsidraw li l-ġurisprudenza Capolongo kienet tirriferi biss għall-każijiet ta’ “frodi sostanzjali tal-liġi”. Jidher li saru osservazzjonijiet ta’ kritika mill-Avukati Ġenerali Mayras (222/78, ICAP, Ġabra 1979, p. 1163) u Gulmann (CELBI, iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 15). Fl-aħħar nett, l-Avukat Ġenerali Tesauro enfasizza diversi drabi d-diffikultajiet ta’ applikazzjoni tal-kriterju tal-kumpens għall-każijiet speċifiċi (ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża UCAL, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 17).


27 – F’dan is-sens ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gulmann fil-kawża CELBI, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 15, u, qablu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras fil-kawża ICAP, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 24.


28 – Pereżempju, fil-kuntest ta’ azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-fatt li tariffa stabbilita minn klassi professjonali u imposta bil-liġi kienet taxxa li għandha effett ekwivalenti, peress li l-użu ta’ servizzi suġġetti għal din it-tariffa ma kienx vinkolanti, ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 1994, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/92, Ġabra p. I‑393, punti 46 sa 47).


29 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 1977, Schöttle (20/76, Ġabra p. 247, punti 12 u 13).


30 – Ara, inter alia, il-kawża Interzuccheri, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 23, fejn sar riferiment għal żewġ żidiet differenti fil-prezz stabbiliti mill-Kumitat Interministerjali tal-Prezzijiet biex jiġi ffinanzjat fond ta’ aġġustament għaz-zokkor. F’dan il-każ partikolari, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn SEP li, fil-perijodu ta’ applikazzjoni taż-żieda kkontestata, it-tariffa għat-trasport ta’ enerġija elettrika kienet stabbilita minn korp pubbliku.


31 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141), fejn jingħad li l-enerġija elettrika tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 31 KE fil-każ ta’ monopolji nazzjonali ta’ natura kummerċjali, u s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑158/94, Ġabra 1997 p. I‑5789, punt 17), u Almelo, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 28, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa stabbilit li l-enerġija elettrika hija merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 KE. Fis-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu (C‑213/96, Ġabra p. I‑1777), il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-kompatibbiltà mal-Artikoli 25 KE u 90 KE ta’ taxxa ta’ manifattura fuq l-enerġija elettrika.


32 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-158/94, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18.


33 – Bħal pereżempju fil-każ meta l-piż jikkonsisti minn korrispettiv għall-ħruġ ta’ liċenzji ta’ importazzjoni jew għal verifiki tas-sanità.


34 – Sentenza Schöttle, iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.


35 – Punt 16.


36 – Parti dispożittiva.


37 – Punt 15.


38 – Ara iktar ’il fuq, punti 34 sa 37.


39 – Jidher possibbli li wieħed jasal għal din il-konklużjoni anki fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-ammonti totali li jirriżultaw mill-applikazzjoni taż-żieda inkwistjoni u dwar il-perċentwali ta’ enerġija elettrika importata minn Stati Membri oħrajn u pprovduta – kemm direttament kif ukoll indirettament permezz ta’ SEP – fil-perijodu meta kienet fis-seħħ iż-żieda lill-partijiet responsabbli għall-ħlas tagħha.


40 – Mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2001 kif ukoll mill-kliem qabel it-test tal-OEPS jirriżulta, madankollu, li l-obbligi li jqumu mill-kuntratti ta’ tisħin urban jibqgħu jaqgħu fuq l-impriża li kkonkludiethom. Mir-risposti għad-domandi bil-miktub magħmulin mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta minflok li r-responsabbiltà għall-ispejjeż kollha ta’ NR, sat-tmiem tal-2000, kienet taqa’ fuq SEP. Mill-1 ta’ Jannar 2001, ir-responsabbiltà għall-obbligi ġejjin minn kuntratti ta’ tisħin urban ġiet ittrasferita lill-IPE, abbażi ta’ perċentwali speċifiċi, filwaqt li dik relatata mal-ispejjeż li oriġinat minn Demkolec baqgħet fuq SEP (permezz ta’ NV Demkolec, kumpannija sussidjarja f’100 % ta’ SEP), proprjetarja taċ-ċentrali elettrika, sad-data tat-trasferiment ta’ din tal-aħħar lil NUON.


41 – Mill-qari tat-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmulin mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li huwa kkontestat il-fatt li, fil-perijodu ta’ referenza, l-erba’ IPE komplew joperaw abbażi ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni tal-1986, li kien jagħti lil SEP il-kompitu li tikkummerċjalizza l-enerġija elettrika kollha prodotta mill-IPE u dan kien jimplika, fost affarijiet oħra, li l-ispejjeż ta’ produzzjoni nġabru flimkien kif ukoll li t-tqassim tagħhom bejn l-IPE skont perċentwali kienu jirriflettu l-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom fil-kapital ta’ SEP. Jirriżulta wkoll li r-rwol attiv ta’ SEP fis-settur tal-provvista tal-enerġija elettrika spiċċa bit-trasformazzjoni tagħha, fl-1 ta’ Jannar 2001, f’NEA, li weħedha għandha l-kompitu li tikkonkludi l-operazzjonijiet li nbdew qabel l-2001.


42 – Fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, Essent tenfasizza li bis-saħħa tal-Protokoll, is-settur tal-produzzjoni għandu dritt jitlob lil dak tad-distribuzzjoni s-somma ta’ 400 miljun NLG għas-sena 2000, wieħed jippreżumi anki jekk ma jkunx possibbli għall-impriżi ta’ distribuzzjoni li jirkupraw dawn is-somom permezz tat-tariffi ta’ trasport jew ta’ provvista.


43 – Madankollu għandu jiġi osservat li jirriżulta mit-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja li Essent saret, wara għaqda, waħda mill-erba’ azzjonisti ta’ NEA (li qabel kienet SEP) u hija attiva anki fis-settur tal-produzzjoni.


44 – Ara s-sentenza Interzuccheri, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 15.


45 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, Ġabra p. 595, punt 14); tat-30 ta’ Novembru 1993, Kirsammer-Hack (C‑189/91, Ġabra p. I‑6185 punt 14); tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02).


46 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires e Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, (C‑354/90, Ġabra p. I‑5505, punt 12), u tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et, (C‑17/91, Ġabra p. I‑6523, punt 30).


47 – Ara s-sentenza Air Liquide, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 42. Ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 12, u u tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, Ġabra p. I-85, punt 17).


48 – Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, Van Calster et (kawżi magħquda C‑261/01 u C‑262/01, Ġabra p. I‑12249, punt 49); tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse (kawżi magħquda minn C‑34/01 sa C‑38/01, Ġabra p. I‑14243, punt 44).


49 – Ara s-sentenza Van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 47; f’dan is-sens ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il-Kummissjoni (47/69, Ġabra p. 487, punt 13).


50 – Ara s-sentenza Van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 51.


51 – Ibidem, punt 52.


52 – Ibidem, punt 54.


53 – Ara s-sentenza Streekgewest, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punt 26; fl-istess sens ara wkoll is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Casino Francia et (kawżi magħquda minn C‑266/04 sa C‑270/04, C-276/04 u minn C-321/04 sa C-325/04, Ġabra p. I‑9481, punt 40), u Air Liquide, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 46.


54 – Ara, inter alia, is-sentenza Air Liquide Industries Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 28.


55 – Dan minkejja li, kif josserva l-Gvern Olandiż u kif jirriżulta mill-istess deċiżjoni tar-rinviju, l-impożizzjoni ta’ obbligu bħal dan tippreżupponi li l-eżistenza tal-Protokoll ta’ ftehim u l-ġbir taż-żieda hija intiża sabiex tippermetti l-eżekuzzjoni tiegħu, billi tippermetti lis-settur tad-distribuzzjoni jiġbor minn fuq il-konsumaturi l-piżijiet li jirriżultaw minnha. Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tal-OEPS ma jistabbilixxi espliċitament l-ebda mekkaniżmu ta’ kumpens fil-każ fejn SEP tkun irċeviet għal kollox jew parzjalment il-ħlasijiet li l-operaturi tan-netwerk (jew il-fornituri) huma obbligati jwettqu abbażi tal-Protokoll.


56 – Nosserva inċidentalment li l-Artikolu 97 tal-Elektriciteitweg madankollu għamel l-eżekuzzjoni tal-Protokoll ta’ ftehim obbligatorju bil-liġi. Minkejja li ma ġietx ikkunsidrata direttament mill-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni, li ma jidhirx li ġiet nnotifikata lill-Kummissjoni, tista’ minnha nnfisha tinkludi element ta’ għajnuna li l-metodi ta’ ffinanzjar tagħha huma stabbiliti mill-Artikolu 9 tal-OEPS.


57 – Mhuwiex magħruf jekk l-operaturi tan-netwerk u/jew il-fornituri, fil-każ li jkunu diġà qiegħdu fis-seħħ il-Protokoll, kinux eżentati mill-ħlasijiet skont l-Artikolu 9(4) tal-OEPS għas-somom li jikkorrispondu mal-parteċipazzjoni tagħhom fl-ispejjeż NR jew jekk kinux madankollu obbligati li jagħmlu dan bil-kundizzjoni li jiksbu dawn is-somom minn SEP.


58 – Abbażi tal-Artikolu 9(5) tal-OEPS, dan l-ammont żejjed huwa intiż għall-kopertura tal-ispejjeż NR.


59 – Ara, inter alia, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-372/97, Ġabra p. I‑3679, punt 44) u Air Liquide Industries Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 34.


60 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C‑148/04, Ġabra 2005 p. I‑11137, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk), u Air Liquide Industries Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35.


61 – Abbażi tal-Elekriciteitswet 1989, ara s-sentenza Almelo, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 13 et seq.


62 – Ara s-sentenza Air Liquide Industries Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37.


63 – Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1985, Il-Kummissjoni vs Franza (290/83, Ġabra p. 439, punti 13 u 14); tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Kummissjoni, (kawżi magħquda 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 32 sa 38), u tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (57/86, Ġabra p. 2855, punt 12), u l-Konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali VerLoren van Themaat, f’Norddeutsches Vieh- und Fleischkontor Will et (kawżi magħquda 213/81 sa 215/81, sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1982, Ġabra 1982 p. 3583); Slynn f’Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, u Darmon f’Sloman Neptun (kawżi magħquda C‑72/91 u C‑73/91, sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Ġabra p. I‑887).


64 – Iċċitata iktar ’il fuq.


65 – Din il-formulazzjoni diġà kienet ġiet użata fis-sentenza tal-24 ta’ Jannar 1978, van Tiggele (82/77, Ġabra p. 25, punt 25).


66 – F’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna bil-miftuħ mill-Kummissjoni biex tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari fid-dawl ta’ żviluppi reċenti fid-dritt Komunitarju.


67 – Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, Preussen Elektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099).


68 – Punti 59 u 61.


69 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02, Ġabra p. I‑7139).


70 – Punt 36.


71 – Punt 37.


72 – B’hekk, pereżempju, filwaqt li ċċitat is-sentenza Preussen Elektra, il-Kummissjoni ma evalwatx abbażi tal-Artikolu 87(1) KE l-impożizzjoni fir-Renju Unit ta’ taxxa parafiskali (il-Competitive Transition Charge) miġbura fil-konfront tal-konsumaturi finali u mħallsa direttament lill-fornituri ta’ enerġija elettrika (Deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2002 fil-proċedura N 661/99).


73 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodu għall-analiżi tal-għajnuna mogħtija mill-Istat marbuta ma’ xi spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, adottata fis-26 ta’ Lulju 2001.


74 – Din il-formulazzjoni mill-ġdid ippermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimta l-portata tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju – li kienet testendi għall-evalwazzjoni tas-sistema sħiħa ta’ miżuri ta’ sostenn għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu kif previst mil-leġiżlazzjoni kkontestata − għall-eżami tal-obbligi biss imposti fuq il-partijiet fil-kawża a quo b’applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni.


75 – Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u l-Kummissjoni (C-83/98 P, Ġabra p. I‑3271) li kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni (T-67/94, Ġabra p. II‑1).


76 – Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, Ġabra p. I‑4397). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs.


77 – Punt 50 tas-sentenza Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u l-punt 37 tas-sentenza Stardust, iċċitata iktar ’il fuq. Dan il-prinċipju kien ġie affermat qabel mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑358/94, Ġabra p. II‑2109, punt 67).


78 – Punt 38.


79 – Punt 95.


80 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-kriterji li abbażi tagħhom din l-attribuzzjoni għandha tiġi aċċertata fis-sentenza Stardust, iċċitata iktar ’il fuq. C-482/99, nota ta’ qiegħ il-paġna 76.


81 – Ara s-sentenza Preussen Elektra, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


82 – Sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, Ġabra p. 709, punt 35). Ara wkoll is-sentenza Steinike & Weinlig, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 45.


83 – F’dan is-sens ara d-Deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2001, tal-Kummissjoni fil-proċedura N/6/A/2001.


84 – Ara f’dan is-sens ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer.


85 – ĠU L 195, p. 35.


86 – Is-sitwazzjoni ma tidhirx li hija differenti għall-operaturi l-oħra tan-netwerk, li huma wkoll miżmumin minn korpi pubbliċi.


87 – Nosserva wkoll li, jekk huwa minnu li bis-saħħa tal-Artikolu 9(1) u (4) tal-OEPS Essent kienet inkarigata biss mill-ġbir taż-żieda inkwistjoni u mill-ħlas tagħha lil SEP, hija kienet marbuta bil-liġi, bis-saħħa tal-Artikolu 97 tal-Elektriciteitswet 1998, li kienet tirrendi obbligatorju l-eżekuzzjoni tal-Protokoll ta’ ftehim, li tagħmel il-ħlasijiet fil-konfront ta’ SEP li kienu imposti fuqha b’applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tirriferixxix għall-possibbiltà li l-Artikolu 97 tal-Elektriciteitwet jinvolvi miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għalhekk mhuwiex meħtieġ li jsir dan l-eżami.