Language of document : ECLI:EU:F:2007:31

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawżi magħquda C146/23 u C374/23

XL

vs

Sąd Rejonowy w Białymstoku

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Polonja))

u

SR,

RB

vs

Lietuvos Respublika

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Litwanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Obbligu fuq l-Istati Membri biex jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Remunerazzjoni tal-imħallfin”






 Introduzzjoni

1.        Matul l-eżistenza ta’ sistemi ta’ Stati bbażati fuq it-tqassim tal-kompetenzi, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin kienet kwistjoni ta’ tħassib meħtieġ. Kif bassar Alexander Hamilton f’The Federalist, “ĦDEJN il-permanenza fil-kariga, xejn ma jista’ jikkontribwixxi iktar għall-indipendenza tal-imħallfin mir-remunerazzjoni fissa għall-għajxien tagħhom. […] Fil-kors ġenerali tan-natura umana, IS-SETGĦA FUQ FUQ L-GĦAJXIEN TA’ PERSUNA TAMMONTA GĦAS-SETGĦA FUQ IR-RIEDA TIEGĦU. U qatt ma nistgħu nittamaw li naraw, fil-prattika, is-separazzjoni sħiħa tas-setgħa ġudizzjarja minn dik leġiżlattiva, f’sistema li tħalli lil dik tal-ewwel tiddependi għar-riżorsi pekunjarji fuq l-għotjiet okkażjonali ta’ din tal-aħħar” (2).

2.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jippreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja b’opportunità li tirrevedi u tespandi l-ġurisprudenza eżistenti tagħha dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (3) fil-kuntest tal-prinċipji ta’ indipendenza tal-imħallfin u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (4).

3.        Fis-sentenzi tagħha tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (5) u tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel (6), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-perċezzjoni, mill-membri tal-ġudikatura, ta’ ta’ livell ta’ remunerazzjoni adegwata meta mqabbla mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw tikkostitwixxi garanzija essenzjali għall-indipendenza tal-imħallfin. Sabiex tissodisfa dan ir-rekwiżit, il-qorti (7) trid teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe korp ieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn xi ħadd ikun min ikun, u li hija tkun għalhekk protetta minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tagħha u li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom (8). Il-Qorti tal-Ġustizzja poġġiet dan ir-rekwiżit fuq l-istess stoffa bħall-impossibbiltà tat-tneħħija mill-kariga tal-membri tal-ġudikatura, u għaldaqstant tagħmel konnessjoni diretta bejn is-sigurtà tal-kariga tal-imħallfin u s-sigurtà finanzjarja tagħhom (9).

4.        L-istess bħad-detenturi ta’ karigi pubbliċi u impjegati fis-settur pubbliku, l-imħallfin ma humiex eżentati mit-tnaqqis fir-remunerazzjoni tagħhom (10). Fis-sentenza tal-imħallfin Portugiżi u fis-sentenza Escribano Vindel, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri biex inaqqsu r-remunerazzjoni tal-imħallfin f’ċerti ċirkustanzi. Sabiex jeliminaw dawk li kienu kkunsidrati bħala defiċits baġitarji eċċessivi, ir-Repubblika tal-Portugall u r-Renju ta’ Spanja (11) naqqsu s-salarji tad-detenturi ta’ karigi pubbliċi u tal-impjegati fis-settur pubbliku, inklużi dawk li jaħdmu fil-fergħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat (12). Dawn il-miżuri ma kinux immirati u lanqas ma kienu jindividwaw membri tal-ġudikatura biex dawn jingħataw trattament speċjali. Kienu wkoll ta’ natura temporanja u limitata (13).

5.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari qamu fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ miżuri applikabbli b’mod ġenerali li jirregolaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin fil-Polonja u fil-Litwanja u ma jikkonċernawx tnaqqis fir-remunerazzjoni ta’ mħallfin individwali, bħalma jiġri wara proċeduri dixxiplinarji. Il-miżuri għandhom ukoll portata iktar wiesgħa minn dawk li ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-imħallfin Portugiżi u fis-sentenza Escribano Vindel. Il-qrati tar-rinviju jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tevalwa r-rwol tal-leġiżlatur u tal-eżekuttiv fil-proċess tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u kwalunkwe tnaqqis possibbli minnha. Huma jixtiequ wkoll jaċċertaw jekk mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jistgħux jittieħdu xi kriterji rilevanti li jiggwidaw dan il-proċess.

 Ilkuntest ġuridiku – Iddritt nazzjonali

 Iddritt Pollakk

6.        L-Artikolu 178 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja) jipprovdi:

“1.      Fl-eżerċizzju tal-kariga tagħhom, l-imħallfin għandhom ikunu indipendenti u suġġetti biss għall-Kostituzzjoni u l-Istatuti.

2.      L-imħallfin għandhom jingħataw kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa u għandhom jingħataw remunerazzjoni li tixraq lid-dinjità tal-kariga tagħhom u lill-portata tad-dmirijiet tagħhom.

[…]”

7.        L-Artikolu 91 tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (14) jipprovdi:

“[…]

Paragrafu 1c. Il-bażi biex jiġi stabbilit is-salarju bażiku tal-imħallfin għal sena partikolari għandha tkun is-salarju medju matul it-tieni kwart tas-sena preċedenti ppubblikat fil-“Monitor Polski” l-Ġurnal tal-Liġijiet mill-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika […], u dan bla ħsara għall-paragrafu 1d.

Paragrafu 1d. Jekk is-salarju medju msemmi fil-paragrafu 1c ikun inqas mis-salarju medju ppubblikat għat-tieni kwart tas-sena preċedenti, dan għandu jiġi adottat bħala l-bażi biex jiġi stabbilit is-salarju bażiku ta’ mħallef bir-rata preċedenti.

Paragrafu 2. Is-salarju bażiku għal imħallef għandu jkun espress fi gradi, li l-livell tagħhom għandu jkun stabbilit permezz tal-applikazzjoni ta’ multiplikaturi għall-bażi biex jiġi stabbilit is-salarju bażiku msemmi fil-paragrafu 1c. Il-gradi tas-salarju bażiku għal karigi ġudizzjarji individwali u l-multiplikaturi użati biex jiġi ddeterminat il-livell tas-salarju bażiku għall-imħallfin fi gradi individwali huma stabbiliti fl-anness għal din il-liġi.

[…]

Paragrafu 7. Barra minn hekk, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin għandha tkun iddifferenzjata b’allowance tal-anzjanità fis-servizz li jammonta, b’effett mis-sitt sena ta’ servizz, għal 5 % tas-salarju bażiku u jiżdied kull sena b’1 % sakemm jilħaq 20 % tas-salarju bażiku.”

8.        Fis‑17 ta’ Diċembru 2021, il-Leġiżlatur Pollakk adotta l-ustawa o szczególnych rozwiązaniach służących realizacji ustawy budżetowej na rok 2022 (il-Liġi tas‑17 ta’ Diċembru 2021 dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġi Baġitarja għall-2022) (15).  Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2022. Skont l-Artikolu 8 tagħha:

“1. Għas-sena 2022, il-bażi ta’ kalkolu tas-salarju bażiku tal-imħallfin imsemmija fl-Artikolu 91(1c) tal-Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji (Dz. U. tal‑2020, punt 2072, u tal-2021, punti 1080 u 1236) hija r-remunerazzjoni medja tat-tieni trimestru tas-sena 2020, ippubblikata fl-Avviż tal-President tal-Główny Urząd Statystyczny (l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, il-Polonja).

2. Il-bażi msemmija fil-paragrafu 1 tiżdied b’ammont ta’ PLN 26.

3. Meta dispożizzjonijiet differenti jagħmlu riferiment għall-bażi ta’ kalkolu tas-salarju bażiku tal-imħallfin imsemmija fl-Artikolu 91(1c) tal-Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, din tikkorrispondi, għas-sena 2022, għar-remunerazzjoni medja tat-tieni trimestru tas-sena 2020, ippubblikata fl-Avviż tal-President tal-Główny Urząd Statystyczny (l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika), miżjuda b’PLN 26.

4. Meta dispożizzjonijiet differenti jagħmlu riferiment għar-remunerazzjoni tal-imħallfin, din ir-remunerazzjoni tikkorrispondi, għas-sena 2022, għar-remunerazzjoni kkalkolata skont il-paragrafi 1 u 2”.

9.        Fl‑1 ta’ Diċembru 2022, il-leġiżlatur Pollakk adotta l-ustawa o szczególnych rozwiązaniach służących realizacji ustawy budżetowej na rok 2023 (il-Liġi tal‑1 ta’ Diċembru 2022 dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġi Baġitarja għall-2023) (16).  Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2023. Skont l-Artikolu 8 tagħha:

“1. Għas-sena 2023, il-bażi tal-kalkolu tas-salarju bażiku tal-imħallfin, imsemmija fl-Artikolu 91(1c) tal-Ustawa z dnia 27 lipca 2001 r. – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) (Dz. U. tal‑2020, punt 2072, kif emendata) tammonta għal PLN 5 444.42.

2. Meta dispożizzjonijiet differenti jagħmlu riferiment għall-bażi ta’ kalkolu tas-salarju tal-imħallfin imsemmija fl-Artikolu 91(1c) tal‑Ustawa z dnia 27 lipca 2001 r. – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), għas-sena 2023, l-ammont tagħha jkun PLN 5 444.42”.

 Iddritt Litwan

10.      L-Artikolu 3 tal-Lietuvos Respublikos teisėjų darbo apmokėjimo įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar ir-Remunerazzjoni tal-Imħallfin; iktar ’il quddiem il-“LRI”) fil-verżjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023 (17), jipprovdi li r-rata bażika għas-salarju (remunerazzjoni) tal-politiċi tal-Istat, tal-impjegati tal-Istat, u tal-impjegati ta’ istituzzjonijiet iffinanzjati mill-Istat u mill-muniċipalitajiet tar-Repubblika tal-Litwanja għal sena partikolari mil-Lietuvos Respublikos Seimas (il-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja) hija applikata għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-imħallfin. Ir-rata bażika għas-sena finanzjarja li tkun ġejja għandha tiġi stabbilita bi ftehim kollettiv nazzjonali li jieħu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ inflazzjoni annwali medja għas-sena preċedenti (kif ikkalkolata bl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur nazzjonali), il-livell tas-salarju mensili minimu u l-impatt tal-fatturi l-oħra li jaffettwaw il-livell u l-evoluzzjoni tas-salarju medju fis-settur pubbliku. Il-Lietuvos Respublikos Seimas (il-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja) japprova r-rata bażika fil-ftehim kollettiv nazzjonali. Jekk il-ftehim kollettiv nazzjonali ma jiġix konkluż jew ma jiġix emendat sal-1 ta’ Ġunju tas-sena kurrenti, ir-rata bażika għas-sena finanzjarja li tkun ġejja tiġi adottata mis-Seimas fuq proposta mil-Lietuvos Respublikos Vyriausybė (il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja), wara li jkun evalwa u ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-artikolu. Ir-rata bażika ġdida li tiġi approvata ma tistax tkun inqas mir-rata bażika eżistenti, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġu stabbiliti u ddikjarati skont il-proċedura prevista mil-Lietuvos Respublikos fiskalinės sutarties įgyvendinimo konstitucinis įstatymas Nr XII-1289 (il-Liġi Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja fuq l-Implimentazzjoni tat-Trattat Fiskali) tas‑6 ta’ Novembru 2014 (TAR, 2014, Nru 17028).

11.      Skont l-Artikolu 4(2) tal-LRI, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin (18) kienet tikkonsisti (19) f’: (i) salarju; (ii) żieda minħabba l-anzjanità fis-servizz tal-Istat Litwan; (iii) ħlas għal xogħol u biex joqogħdu tal-għassa fi ġranet ta’ mistrieħ u f’vaganzi pubbliċi, u għas-sostituzzjoni; u (iv) bonus għal żieda fil-volum ta’ xogħol. Skont il-Kapitolu II tal-Anness għal-LRI, is-salarju tal-imħallfin (20) jiġi kkalkolat bil-multiplikazzjoni tal-koeffiċjent tas-salarju stabbilit fl-Anness għal-LRI bir-rata bażika. Ir-rata bażika kienet EUR 181 fl-2022 u EUR 186 fl-2023. Il-koeffiċjent tas-salarju għal imħallef tal-qorti reġjonali kien 17.2 (21).

12.      L-Artikolu 3 tal-Lietuvos Respublikos pareiginės algos (atlyginimo) bazinio dydžio nustatymo ir asignavimų darbo užmokesčiui perskaičiavimo įstatymas Nr. XIV-2011 (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru XIV-2011 li tiffissa r-rata bażika tas-salarju (tar-remunerazzjoni) u li temenda l-approprjazzjonijiet tas-salarji), tal‑25 ta’ Mejju 2023 (TAR, 2023, Nru 11589) jipprovdi:

“Ir-rata bażika tas-salarju (tar-remunerazzjoni)

1. Għall-kalkolu tas-salarju (remunerazzjoni) tal-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, ir-rata bażika tas-salarju (remunerazzjoni) hija daqs is-salarju mensili medju tal-pajjiż (inklużi impriżi individwali) għas-sena 2022, kif ippubblikat mill-Valstybės duomenų agentūra (l-Aġenzija Nazzjonali tad-Data, il-Litwanja), u hija ffissata fis-somma ta’ EUR 1 785.40.

2. Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tar-rata bażika tas-salarju (remunerazzjoni) prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, is-salarju kkalkolat mill-ġdid ma jistax ikun inqas mis-salarju (remunerazzjoni) ta’ qabel dan il-kalkolu ġdid”.

13.      Is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin tal-qrati ta’ ġurisdizzjoni ġenerali u tal-qrati speċjalizzati tar-Repubblika tal-Litwanja daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2023. Id-Digriet Nru 1R-85 tal-Lietuvos Respublikos teisingumo ministras (il-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja) tat‑2 ta’ April 2004 u r-riżoluzzjoni tal-Lietuvos advokatų taryba (l-Assoċjazzjoni tal-Avukati Litwana) tas‑26 ta’ Marzu 2004 approvaw ir-rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet massimi li għandhom jingħataw għal servizzi legali pprovduti minn avukat f’kawżi ċivili.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari magħmula

 Kawża C146/23

14.      XL kien assenjat mas-Sąd Rejonowy w Suwałkach (il-Qorti Distrettwali, Suwałki, il-Polonja) fl‑4 ta’ Diċembru 2003. Fit‑3 ta’ April 2007, huwa kien ikkollokat mas-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali, Białystok, il-Polonja) fejn għadu sedenti llum. B’effett mill‑5 ta’ Awwissu 2021, XL ġie impjegat fuq skala tas-salarju “ħamsa”. Ir-remunerazzjoni mensili ta’ XL tiġi kkalkolata billi jiġi mmultiplikat is-salarju bażiku ta’ 5 050.48 zlote Pollakki (PLN) fl-2022 u PLN 5 444.42 f’Jannar 2023 b’koeffiċjent ta’ 2.5, li miegħu jiżdied suppliment ta’ 20 % tas-salarju bażiku għas-snin ta’ servizz (22). XL ressaq kawża kontra min jimpjegah, is-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali, Białystok), fejn talab ħlas ta’ PLN 10 000 għal xogħol li huwa wettaq mill‑1 ta’ Lulju 2022 sal‑31 ta’ Jannar 2023 u għal interessi moratorji statutorji fuq din is-somma. Din tammonta għad-differenza bejn is-salarju li XL irċieva mill‑1 ta’ Lulju 2022 sal‑31 ta’ Jannar 2023 u s-salarju dovut lilu skont il-mekkaniżmu fl-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Skont XL, din id-differenza hija PLN 1 362.12 fix-xahar għax-xhur ta’ Lulju sa Novembru 2022, PLN 1 053.90 għax-xahar ta’ Diċembru 2022 (23) u PLN 2 135.50 għax-xahar ta’ Jannar 2023.

15.      Il-bażi għat-talba ta’ XL hija li l-Liġijiet dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġijiet Baġitarji għall‑2021, 2022 u 2023 ma humiex konformi mal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u mad-dritt tal-Unjoni peress li, meta titnaqqas ir-remunerazzjoni tiegħu, dawn jippreġudikaw il-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin u joħolqu kundizzjonijiet li jippermettu lis-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva jinfluwenzaw il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Il-persuna li timpjega lil XL ssostni li hija ħallsitu skont il-liġi u li hija ma tistax tiddetermina r-remunerazzjoni tal-imħallfin fuq inizjattiva tagħha.

16.      Iż-żewġ partijiet jirreferu għad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Gvern għall-abbozzi tal-liġijiet dwar arranġamenti speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-liġijiet baġitarji għall‑2021, 2022 u 2023 imma minnha jiddeduċu konklużjonijiet dijametrikament opposti. XL jenfasizza l-“iffriżar” tas-salarji tal-imħallfin meta pparagunati maż-żieda fir-remunerazzjoni tad-diretturi ta’ ċerti entitajiet pubbliċi (ta’ bejn 40 % sa 60 %). Il-persuna li timpjega lil XL tirreferi għall-assenza ta’ riżorsi disponibbli għajr għal dawk ipprovduti fil-baġit tagħha.

17.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jistabbilixxi l-mekkaniżmu biex jiġi kkalkolat is-salarju bażiku tal-imħallfin għal sena partikolari b’riferiment għas-salarju medju għat-tieni kwart tas-sena preċedenti. Dan il-mekkaniżmu, li kien introdott fit‑22 ta’ April 2009, huwa intiż li jiżgura li s-sistema ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin tilħaq l-istandard meħtieġ mill-Artikolu 178(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja. L-emenda tal-2009 kienet immirata li tiżgura li l-kalkolu tas-salarji tal-imħallfin ikun iktar oġġettiv u naqqset l-influwenza ta’ awtoritajiet oħra fl-iffissar tal-livell tas-salarji bażiċi tal-imħallfin. Qabel din il-bidla, is-sistema biex jiġu kkalkolati s-salarji tal-imħallfin kienet ibbażata, inter alia, fuq ammont bażiku stabbilit fil-baġit tal-Istat annwali.

18.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li “fuq inizjattiva tal-eżekuttiv, il-mekkaniżmu biex jiġi kkalkolat is-salarju bażiku tal-imħallfin kien emendat tliet darbiet mil-Liġijiet li Jistabbilixxu Dispożizzjonijiet Speċjali għall-Implimentazzjoni tal-Liġijiet Baġitarji għall‑2021, 2022 u 2023” (24). Fl-2021, is-salarji tal-imħallfin kienu “ffriżati” u s-salarju bażiku tagħhom kien ikkalkolat b’riferiment għas-salarju medju għat-tieni kwart tal-2019, iktar milli b’riferiment għas-salarju medju tat-tieni kwart tal-2020. Fl-2022, is-salarji bażiċi tal-imħallfin kienu kkalkolati b’riferiment għas-salarju medju għat-tieni kwart tal-2020. Dan irriżulta f’żieda meta mqabbel mas-salarju medju tat-tieni kwart tal-2021. Fl-2023, is-salarji tal-imħallfin ġew ikkalkolati fuq il-bażi ta’ ammont bażiku fiss (25), iktar milli fuq il-bażi tas-salarju medju għat-tieni kwart tal-2022.

19.      L-emendi għall-baġit tal-Istat tal-2021 saru minħabba s-sitwazzjoni ekonomika fil-Polonja wara li faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-baġit tal-Istat tal-2022 ma semmewx xi ċirkustanzi partikolari, filwaqt li dawk li jirrigwardaw il-baġit tal-Istat tal-2023 jirreferu għall-impatt baġitarju sinjifikattiv tal-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni Russa fl-Ukraina.

20.      F’Diċembru 2022, l-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (26), il-President tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja) (27) u l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura; iktar ’il quddiem il-“KRS”) (28) ressqu azzjonijiet separati quddiem it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) biex jikkontestaw il-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet baġitarji għas-salarji tal-imħallfin fl-2023. Il-qorti tar-rinviju taqbel mar-riżervi li esprimew ir-rikorrenti f’dawk il-proċeduri. Hija tikkunsidra li l-“iffriżar” għal tliet snin tas-sistema ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni ġudizzjarja b’riferiment għal parametru oġġettiv, jiġifieri, is-salarju medju fit-tieni kwart tas-sena preċedenti, jippreġudika l-indipendenza tal-ġudikatura. Dan jammonta għal theddida ta’ tnaqqis permanenti, repetut u konsistenti tar-remunerazzjoni tal-imħallfin bil-għan li l-ġudikatura tkun subordinata għas-setgħa eżekuttiva u għas-setgħa leġiżlattiva. Din it-theddida hija evidenti partikolarment fid-dawl tal-kriżi tal-Istat tad-dritt fil-Polonja. Barra minn hekk, din hija kompletament inkomprensibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja stabbli tal-Istat Pollakk. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll li l-alterazzjoni tar-regoli biex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni tal-imħallfin għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar – partikolarment meta pparagunati maż-żieda fl-għoli tal-ħajja – tista’ tikkawża impatt negattiv fuq inizjattivi għat-titjib tal-funzjonament tal-qrati (29). Hemm riskju sinjifikattiv li l-imħallfin iressqu numru kbir ta’ kawżi biex jikkontestaw il-livell tas-salarji li huma rċevew fl‑2021, 2022 u fl‑2023.

21.      Is-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali, Białystok) iddeċidiet għaldaqstant li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li, billi jistabbilixxi l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ossservanza tal-Istat tad-dritt, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li skonthom l-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva bbażata fuq id-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bil-għan li tillimita l-ispejjeż baġitarji, tidderoga mill-mekkaniżmu li r-remunerazzjoni tal-imħallfin tiġi stabbilita abbażi ta’ kriterji oġġettivi, indipendenti mill-indħil arbitrarju tas-setgħa eżekuttiva u dik leġiżlattiva u li twassal għal tnaqqis permanenti tal-livell ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin, bi ksur tal-garanziji kostituzzjonali li jiżguraw lill-imħallfin remunerazzjoni li tikkorrispondi mad-dinjità tal-funzjoni tagħhom u mal-portata tad-dmirijiet tagħhom u li jiggarantixxu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja minn qrati indipendenti u mħallfin indipendenti?”

 Kawża C374/23

22.      Ir-rikorrenti, SR u RB, huma mħallfin fil-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius, il-Litwanja). Huma ressqu azzjoni għad-danni kontra l-Lietuvos Respublika (ir-Repubblika tal-Litwanja) għan-nuqqas ta’ din li tieħu azzjoni  (30). SR talab EUR 74 286.09 bħala danni filwaqt li t-talba ta’ RB hija għal EUR 95 620.17 (31). Id-digriet tar-rinviju ma jindikax kif ir-rikorrenti waslu għal dawn l-ammonti.

23.      SR u RB jsostnu li l-livell tar-remunerazzjoni tagħhom jiddependi fuq ir-rieda politika tas-setgħa eżekuttiva u leġiżlattiva. Dan huwa inkompatibbli mal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin, sanċit fl-Artikolu 109 tal-Lietuvos Respublikos Konstitucija (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja) u mal-obbligi internazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja.

24.      Ir-Repubblika tal-Litwanja titlob li l-azzjoni ta’ SR u RB tiġi miċħuda. Hija tosserva, inter alia, li r-rata bażika għar-remunerazzjoni tal-impjegati fis-settur pubbliku hija stabbilita annwalment fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji u impenji tal-Istat. Mill‑2018 sal‑2023, ir-rata bażika żdiedet b’mod konsistenti fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, l-impenji tal-Istat u d-disponibbiltà ta’ riżorsi finanzjarji disponibbli. Ir-rata bażika għandha “impatt ekonomiku dirett fuq is-settur privat u s-salarju nazzjonali medju”. Ir-Repubblika tal-Litwanja ssostni wkoll li s-sistema għar-remunerazzjoni tal-imħallfin taqa’ fid-diskrezzjoni kostituzzjonali tal-Istat u l-istituzzjonijiet tiegħu.

25.      Skont il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius), ir-remunerazzjoni grossa mensili tal-imħallfin tal-qorti reġjonali kienet EUR 2 440.85 fl-2008 u EUR 2 362 fl-2021 (32). Filwaqt li r-remunerazzjoni tal-imħallfin tidher li żdiedet b’madwar 8 % matul il-perijodu ta’ 13-il sena bejn l‑2008 u l‑2021, fir-realtà, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin naqset bi 3.2 % f’termini nominali minħabba l-impatt tat-tibdiliet fit-taxxa biss. Il-qorti tar-rinviju indikat li, sa minn tmiem l‑2021, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin qiegħda tavviċina l-livell tas-salarju medju nazzjonali. Fl‑ewwel trimestru tal-2022, is-salarju mensili medju nazzjonali kien EUR 1 729.90 filwaqt li s-salarju mensili medju ta’ mħallef kien EUR 3 113.20 (33).

26.      Il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius) tosserva li filwaqt li l-onorarju fis-siegħa rrakkomandat għal servizzi ta’ avukat huwa EUR 179.90 (34), is-salarju gross fis-siegħa ta’ mħallef ta’ qorti reġjonali (35) huwa madwar EUR 20. Permezz, inter alia, tal-validazzjoni tal-ammont massimu tad-drittijiet tal-avukati, ir-Repubblika tal-Litwanja tiddiskrimina bejn avukati u mħallfin għal dak li jirrigwarda l-qligħ rispettiv, u għaldaqstant tikser l-Artikolu 29 u 48 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja dwar in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (36) u l-Artikolu 2 TUE. Il-Gvern Litwan jirrikonoxxi impliċitament li r-rata bażika għar-remunerazzjoni tal-imħallfin ma għandhiex tiddependi fuq ir-rieda politika tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, imma fuq l-indikaturi ekonomiċi nazzjonali (37). F’dan il-kuntest, il-Gvern Litwan beda r-riforma tar-remunerazzjoni fis-servizz pubbliku bil-għan li jiżgura li r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Istat tiġi kkalkolata b’riferiment għal tali indikaturi ekonomiċi.

27.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-valuri tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu lill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi tal-Istati Membri s-setgħa diskrezzjonali illimitata u esklużiva li jiffissaw, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin f’livell li jiddependi biss mir-rieda tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi?

(2)      Id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll dawk tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jirrigwarda, inter alia, l-indipendenza tal-imħallfin, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri jintroduċu, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, leġiżlazzjoni li tistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-imħallfin inqas mir-remunerazzjoni jew mill-onorarji ffissati mill-Istat għall-membri ta’ professjonijiet legali oħra?”

 Proċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

28.      Fil-Kawża C‑146/23, XL, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

29.      Fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2023, K 1/23, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, inter alia, li l-Artikoli 8 u 9 tal-ustawa z dnia 1 grudnia 2022 r. o szczególnych rozwiązaniach służących realizacji ustawy budżetowej na rok 2023 (il-Liġi dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġi Baġitarja għall‑2023) tal‑1 ta’ Diċembru 2022 huma “inkonsistenti mal-”Artikolu 178(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.

30.      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja talab lis-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali, Białystok), l-ewwel, biex tindika jekk xtaqitx iżżomm il-parti mit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha li tirrigwarda l-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2023 sal‑31 ta’ Jannar 2023 u, it-tieni, biex tindika l-impatt possibbli tas-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fuq il-legalità tal-Artikolu 8(1) u (2) tal-ustawa o szczególnych rozwiązaniach służących realizacji ustawy budżetowej na rok 2022 (il-Liġi dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġi Baġitarja għall‑2022).

31.      Fir-risposta tagħha tat‑30 ta’ Novembru 2023, is-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali, Białystok) ikkonfermat li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat li l-Artikoli 8 u 9 tal-ustawa z dnia 1 grudnia 2022 r. o szczególnych rozwiązaniach służących realizacji ustawy budżetowej na rok 2023 (38) (il-Liġi dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġi Baġitarja għall‑2023) huma “inkonsistenti ma’”, inter alia, l-Artikolu 178(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u li, għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma għadhomx fis-seħħ (39).

32.      Is-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali, Białystok) indikat ukoll ix-xewqa tagħha li żżomm fit-totalità tagħha t-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, inkluża l-parti li tirrigwarda l-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2023 sal‑31 ta’ Jannar 2023. Skont is-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali, Białystok), is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) hija limitata għal deċiżjoni dwar il-kostituzzjonalità tal-Artikoli 8 u 9 tal-ustawa z dnia 1 grudnia 2022 r. o szczególnych rozwiązaniach służących realizacji ustawy budżetowej na rok 2023 (il-Liġi dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġi Baġitarja għall‑2023) fid-dawl tal-Artikolu 178(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u d-dinjità tal-kariga ta’ mħallef b’rabta mal-portata tad-dmirijiet tal-imħallfin. Din is-sentenza ma eżaminatx il-prinċipju tal-indipendenza u l-libertà tal-imħallfin mill-interferenza fuqhom mil-leġiżlatur u/jew mill-eżekuttiv. Barra minn hekk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma eżaminatx l-ustawa o szczególnych rozwiązaniach służących realizacji ustawy budżetowej na rok 2022 (il-Liġi dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġi Baġitarja għall‑2022).

33.      Fil-Kawża C‑374/23, il-Gvern Litwan u dak Pollakk u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

34.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja għaqqdet il-Kawża C‑146/23 u l-Kawża C‑374/23 għall-iskopijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

35.      Waqt is-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2024, il-Gvern Litwan u dak Pollakk, u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Evalwazzjoni

 Ġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja filKawża C374/23

36.      Il-Gvern Litwan (40) josserva li l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva biex jirregolaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin u ta’ detenturi ta’ kariga pubblika u impjegati tas-settur pubbliku skont id-dritt nazzjonali. Id-dritt tal-Unjoni, għaldaqstant, ma għandu ebda rwol f’dan ir-rigward. Meta jifformula l-liġijiet baġitarji, il-Gvern Litwan għandu jieħu inkunsiderazzjoni, inter alia, is-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-Litwanja, il-bżonnijiet u r-riżorsi tal-Istat u l-impenji finanzjarji. Id-domandi magħmula mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius) jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi fuq il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li s-setgħa leġiżlattiva u eżekuttiva Litwana jgawdu skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja u kif interpretat mil-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tagħmel dan.

37.      Hija ġurisprudenza stabbilita li għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (41). Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-qrati jew tribunali li jistgħu jagħtu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (42), jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (43). Din id-dispożizzjoni tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja li jkunu ta’ natura li jirrappreżentaw rigress fir-rigward tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt (44). Għaldaqstant, l-Istati Membru huma meħtieġa li jippjanaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja b’mod li tiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-indipendenza tal-imħallfin mitluba jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva lid-drittijiet tal-individwi misluta minnu (45).

38.      Mill-ġurisprudenza, u b’mod partikolari mis-sentenza tal-Imħallfin Portugiżi u mis-sentenza Escribano Vindel, isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tinterpreta d-dritt tal-Unjoni f’każijiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru, inkluż ir-remunerazzjoni tal-imħallfin.

 Lammissibbiltà taddomandi magħmula filKawża C374/23

39.      Il-Gvern Litwan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑374/23 hija inammissibbli peress li d-domandi magħmula mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius) ma humiex relatati mal-fatti u mat-tilwima quddiem dik il-qorti. Għaldaqstant, ma hijiex meħtieġa risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula biex tkun riżolta t-tilwima fil-kawża prinċipali.

40.      L-Artikolu 267 TFUE jipprovdi li d-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li qorti nazzjonali ma tistax tressaq talba għal deċiżjoni preliminari sakemm ma jkunx hemm kawża li hija effettivament pendenti quddiemha, li fil-kuntest tagħha hija għandha tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (46).

41.      Il-kawża prinċipali fil-Kawża C‑374/23 tikkonċerna talba għad-danni kontra r-Repubblika tal-Litwanja mressqa minn żewġ imħallfin, SR u RB, fejn huma jitolbu li s-setgħa tal-leġiżlatur u dik tal-eżekuttiv li jiddeterminaw ir-remunerazzjoni tagħhom hija inkompatibbli mal-indipendenza tal-ġudikatura. Dan jikkostitwixxi fattur ta’ konnessjoni bejn it-tilwima quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius) u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tixtieq dik il-qorti. Għaldaqstant, nipproponi li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija “meħtieġa” biex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi t-tilwima li biha tinsab adita (47).

 Rilevanza talArtikolu 2 TUE u talArtikolu 47 talKarta filKawżi magħquda C146/23 u C374/23

42.      Skont il-Gvern Litwan, peress li l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva biex jirregolaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin, dawn ma jkunux qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni meta huma jiddeterminaw din ir-remunerazzjoni. Isegwi li, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, il-Karta ma tapplikax għall-kawża prinċipali.

43.      L-Artikolu 51(1) tal-Karta jindirizza d-dispożizzjonijiet tiegħu lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss. Ma huwiex ċar mid-digrieti tar-rinviju fil-Kawżi C‑146/23 u C‑374/23 li XL jew SR u RB qegħdin jinvokaw xi dritt li tagħtihom xi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li huma s-suġġett ta’ proċeduri li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Id-digrieti tar-rinviju lanqas ma jindikaw li huma jqajmu xi kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni. Xejn fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma juri li xi persuna invokat id-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk jidher li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jistax jiġi invokat fil-kuntest tal-kawża prinċipali (48).

44.      L-Artikolu 19 TUE jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt affermat fl-Artikolu 2 TUE. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u proċeduri legali li tiżgura lill-individwi r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (49) u li l-Artikolu 47 tal-Karta jafferma mill-ġdid (50). F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma huwiex meħtieġ li l-Artikolu 2 TUE jiġi interpretat separatament mill-Artikolu 19 TUE (51).

 Sustanza

45.      Permezz tad-domandi tagħhom, is-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali, Białystok) u l-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius) jitolbu interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fir-rigward ta’ żewġ kwistjonijiet. L-ewwel, dwar jekk din id-dispożizzjoni tinkludix li l-fatt li l-leġiżlatur u/jew l-eżekuttiv jgħaddu liġijiet li jiddeterminaw, jew inaqqsu r-remunerazzjoni tal-imħallfin. It-tieni, meta l-Istati Membri jadottaw tali liġijiet, liema kriterji għandhom josservaw sabiex ikunu konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

46.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-Istati Membri mudell kostituzzjonali preċiż li jirregola r-relazzjonijiet u l-interazzjoni bejn is-setgħat statali differenti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u d-delimitazzjoni tal-kompetenzi tagħhom. Fl-għażla tal-mudelli kostituzzjonali tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati jikkonformaw, inter alia, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE billi ma jippreġudikawx l-indipendenza tal-qrati u ma jinterferixxux mal-funzjoni ġudizzjarja (52). Fid-dawl tal-istrutturi politiċi u kostituzzjonali differenti tal-Istati Membri, ir-rwoli li jgawdu l-atturi involuti fid-determinazzjoni tal-livell u elementi tar-remunerazzjoni tal-imħallfin jistgħu jvarjaw kunsiderevolment (53). F’demokrazija, il-prinċipji tat-tqassim tal-kompetenzi u l-bżonn li l-ġudikatura tkun iżolata minn influwenza esterna indebita, inter alia, mil-leġiżlatur u/jew mill-eżekuttiv ma jeskludux lil dan tal-aħħar milli jiddetermina ħafna aspetti tal-istruttura ġudizzjarja tal-Istat, inkluż ir-remunerazzjoni tal-imħallfin.

47.      Sabiex jiżguraw it-trasparenza, l-oġġettività u ċ-ċertezza legali (54), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas legali sabiex tiġi ffaċilitata d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin, inkluż li jiġu individwati l-atturi involuti f’dan il-proċess u r-rwoli attribwiti lilhom (55). Dan il-qafas għandu jfittex il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja billi jiżgura li l-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin ikun jirrifletti l-importanza tal-funzjonijiet tagħhom. Il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin għandhom joperaw abbażi ta’ kriterji rilevanti, oġġettivi u verifikabbli li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn dan isegwi li r-remunerazzjoni tal-imħallfin ma tistax tiġi ddeterminata jew imnaqqsa fuq bażi diskrezzjonali jew b’riferiment għaċ-ċirkustanzi individwali. Liġi nazzjonali maħsuba sabiex tnaqqas il-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin għandha tipprovdi, f’termini ċari, il-ġustifikazzjoni għaliha. Dan it-tnaqqis fir-remunerazzjoni ġudizzjarja li jista’ jirriżulta minnha għandu jkun temporanju u l-ammont tiegħu u t-tul tiegħu għandhom jiġu mfassla, u jevolvu, skont il-gravità u l-persistenza tal-kundizzjonijiet li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ dan it-tnaqqis. Taħt l-ebda ċirkustanzi ma jista’ dan it-tnaqqis tar-remunerazzjoni ikun immirat lejn il-ġudikatura għal trattament sfavorevoli. (56) Biex jiġi evalwat jekk hijiex qiegħda tiġi milquta l-ġudikatura, dan it-tnaqqis għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u ta’ detenturi ta’ kariga pubblika paragunabbli, filwaqt li titqies, b’mod partikolari, kwalunkwe żieda reċenti tagħha (57). Biex jiġi żgurat li dawn il-prinċipji jiġu osservati, u biex tiġi msaħħa l-istabbiltà tagħhom, ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin jew kwalunkwe tnaqqis fiha għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll ġudizzjarju (58).

48.      It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jagħmlu riferiment għal-livell ta’ remunerazzjoni bażika tal-imħallfin fil-Polonja u fil-Litwanja (59). Fid-dawl tad-definizzjoni ta’ “paga” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 157(2) TFUE, kwalunkwe remunerazzjoni, sew jekk fi flus jew in natura, kemm jekk immedjata jew fil-futur, li l-imħallfin jirċievu direttament jew indirettament, għall-impjieg tagħhom għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk ir-remunerazzjoni tagħhom hijiex proporzjonata għall-importanza tal-kariga tagħhom (60). Iż-żidiet jew l-allowances li jirċievu biex jeżerċitaw ċerti funzjonijiet jew kompiti jew responsabbiltajiet addizzjonali (61), l-anzjanità fis-servizz, it-tul tas-servizz jew tal-esperjenza, il-pensjonijiet tax-xogħol mhux kontributorji jew issussidjati (62) u l-kura tas-saħħa li hija addizzjonali għal dik ipprovduta lill-ħaddiema b’mod ġenerali taħt skema ta’ assistenza nazzjonali, l-akkomodazzjoni u l-użu ta’ vettura jew telefon għal skopijiet privati huma eżempji ta’ remunerazzjoni fi flus jew in natura li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (63). Il-limitazzjonijiet jew l-impedimenti fuq it-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi oħra mill-imħallfin (64) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tar-remunerazzjoni tagħhom (65).

49.      Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni, fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi li jvarjaw fl-Unjoni Ewropea, u l-limitazzjonijiet baġitarji differenti li jiffaċċjaw l-Istati Membri individwali, l-Istat Membri huma normalment fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Bla ħsara għall-obbligi imperattivi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) UE, l-Istati Membri jgawdu għaldaqstant minn marġni ta’ diskrezzjoni meta jiġu biex jiddeterminaw il-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma huwiex illimitat. L-elementi oġġettivi, bħalma huwa s-salarju medju jew minimu nazzjonali – immultiplikat b’koeffiċjent – jew is-salarji ta’ detenturi oħra ta’ kariga pubblika nazzjonali jew ta’ impjegati fis-settur pubbliku b’responsabbiltajiet ekwivalenti, huma eżempji ta’ standards aċċettabbli li l-Istati Membri jistgħu jistrieħu fuqhom, flimkien ma’ parametri oħra bħalma huwa l-għoli tal-ħajja (l-indiċi tal-prezz tal-konsumatur fi Stat Membru), ir-rata tal-inflazzjoni, eċċ., biex jikkalkolaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin (66). Peress li l-livelli tas-salarji, inkluż il-livelli ta’ salarji minimi, ma humiex armonizzati fl-Unjoni Ewropea (67) u jvarjaw ħafna fid-dawl tad-differenzi sinjifikattivi fil-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi li jipprevalu fid-diversi Stati Membri (68), is-sempliċi paragun tar-remunerazzjoni f’termini sempliċement monetarji ma huwiex adegwat. Għaldaqstant, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin għandha tiġi evalwata fil-kuntest soċjoekonomiku nazzjonali preċiż ta’ kull Stat Membru (69).

50.      L-evalwazzjoni tal-adegwatezza tar-remunerazzjoni tal-imħallfin għandha tivverifika jekk, f’kuntest soċjoekonomiku nazzjonali, din hijiex f’livell li huwa suffiċjenti li tattira, iżżomm u timmotiva persuni ta’ integrità morali għolja minn backgrounds differenti li għandhom il-kwalifiki u/jew l-esperjenza professjonali neċessarji (70). Remunerazzjoni li ma tkunx adegwata tista’ tippreġudika l-moral, tnaqqas il-produttività u finalment ixxekkel ir-reklutaġġ billi tiskoraġġixxi kandidati kkwalifikati milli jidħlu fil-professjoni. Iż-żamma ta’ mħallfin tista’ tkun affettwata wkoll peress li s-salarji baxxi jistgħu jħajru lill-individwi jitilqu l-professjoni u jirtiraw qabel tmiem il-mandat tagħhom jew qabel l-età tal-irtirar mandatorja, u għaldaqstant inaqqsu l-livell ġenerali tal-esperjenza ġudizzjarja (71).

51.      Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni li r-remunerazzjoni tal-imħallfin hija ntaxxata illegalment jew b’mod sproporzjonat (72), il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex ta’ ostaklu għat-taxxi u oneri oħra – bħalma huma l-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali – li Stat Membru jitlob legalment fuq ir-remunerazzjoni tal-imħallfin b’riferiment għal kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Għaldaqstant, il-piż ta’ tali oneri ġenerali ma jinkwadrax bħala parti mill-analiżi dwar il-kompatibbiltà ta’ sistema ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

52.      Il-paragun tar-remunerazzjoni tal-imħallfin mal-livell ta’ drittijiet li l-avukati jitolbu jew jingħataw meta jagħtu parir lil jew jitqabbdu mill-Istat huwa eskluż ukoll, anki fejn il-liġi tistipula skala għal dawn id-drittijiet. Filwaqt li l-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin ma jistax jiġi mifrud mid-dħul fis-settur privat (73) f’kampi simili, il-funzjoni ġudizzjarja għandha min-natura ta’ servizz pubbliku, mhux funzjoni kummerċjali (74). Hija tinvolvi għażla konxja ta’ karriera li wieħed jaħdem fl-isfera pubblika inkambju, inter alia, għas-sigurtà tal-kariga tal-imħallef u għall-kumpens monetarju stabbli (75). Filwaqt li dan jista’ jwassal għal livell iktar baxx ta’ remunerazzjoni minn dak li l-avukati li jipprattikaw b’mod privat jistgħu jitolbu f’ċerti ċirkustanzi, l-imħallfin ma humiex esposti għar-riskji kummerċjali (76), ma għandhomx iħallsu spejjeż (77), ma humiex suġġetti għall-VAT u, fil-prinċipju, jitħallsu indipendentement mill-eżitu tal-proċeduri, il-prestazzjoni jew il-produttività tagħhom (78). Finalment, nista’ nżid ngħid li filwaqt l-imħallfin jitħallsu f’intervalli regolari prevedibbli, iż-żmien li fih il-klijenti jħallsu d-drittijiet tal-avukati jista’ jkun kemm twil u kif ukoll imprevedibbli ħafna (79).

53.      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tar-remunerazzjoni tal-imħallfin teħtieġ kemm perspettiva ħolistika, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi soċjoekonomiċi kollha, u kif ukoll aspett dinamiku jew ratione temporis, li jirreferi għall-evoluzzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni matul iż-żmien. Filwaqt li jista’ ma jkunx obbligatorju għall-Istati Membri li jaġġornaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin awtomatikament biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-inflazzjoni u/jew żidiet fl-għoli tal-ħajja jew li jirrevedu l-livelli tas-salarji f’intervalli speċifiċi, in-nuqqas persistenti li jagħmlu dan jista’ jwassal għal deprezzament tal-valur ta’ din ir-remunerazzjoni. Kwalunkwe erożjoni sinjifikattiva tal-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin matul iż-żmien hija ta’ preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u għad-dinjità tal-kariga ġudizzjarja. Sakemm ma jkunx hemm tnaqqis kbir fil-valur f’daqqa, l-eżami tal-evoluzzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin għandu jsir b’riferiment għal perijodu rappreżentattiv ta’ mill-inqas għaxar snin.

54.      Għal dak li jikkonċerna dawn il-kawżi magħquda, id-dritt Pollakk u dak Litwan jistabbilixxu qafas biex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni tal-imħallfin (80). Ma hemm xejn fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jtendi li jindika li, b’dan il-mod, il-leġiżlatur Pollakk jew dak Litwan u/jew l-eżekuttiv użurpaw ir-rwol u l-poteri ta’ xi attur leġittimu ieħor (81). Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari juru wkoll li, f’dawn l-Istati Membri, ir-regoli li jirregolaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin, u kwalunkwe tnaqqis minnha, huma suġġetti għall-kontroll ġudizzjarju.

55.      Il-Kawża C‑146/23 tressqet minħabba l-liġijiet dwar arranġamenti speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-liġijiet baġitarji għall‑2021, 2022 u 2023 (82) li emendaw l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u naqqsu r-remunerazzjoni tal-imħallfin. Ma ġiex allegat li l-leġiżlatur Pollakk u/jew l-eżekuttiv ma kellhomx setgħa, taħt id-dritt Pollakk, jemendaw l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji permezz tal-Liġijiet dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġijiet Baġitarji għall‑2021, 2022 u 2023. Il-firxa sħiħa tal-impatt tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2023, K 1/23, tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) (83) fuq dawn il-liġijiet baġitarji tibqa’ xi ftit mhux ċara. Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk ikkonferma, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li r-remunerazzjoni dovuta lill-imħallfin wara din is-sentenza kienet tħallset. Fil-Kawża C‑374/23, SR u RB ressqu azzjoni għad-danni kontra r-Repubblika tal-Litwanja minħabba n-nuqqas tagħha li tieħu azzjoni peress li ebda proċeduri legali oħra ma huma disponibbli biex jeżiġu li l-leġiżlatur u l-eżekuttiv iħallsu remunerazzjoni lill-imħallfin li tkun proporzjonata mad-dinjità tal-kariga tagħhom. Mis-sentenza Savickas (84) huwa ċar li t-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-imħallfin jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qrati Litwani u li hemm rimedji finanzjarji biex tiġi rkuprata remunerazzjoni illegalment mhux imħallsa.

56.      Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑146/23 tikkunsidra li l-emendi għall-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji fl-2022 u 2023 imorru kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Għall-kuntrarju tas-sentenza tal-Imħallfin Portugiżi (85), l-emendi Pollakki ma humiex ta’ natura ġenerali imma huma intiżi speċifikament għall-imħallfin, u jistabbilixxu deroga dejjiema mill-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 91(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

57.      Ma huwiex ikkontestat li r-remunerazzjoni tal-imħallfin (86) fil-Polonja fl-2022 u 2023 kienet iktar baxxa milli kieku ġiet ikkalkolata skont l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Dan it-tnaqqis ikkoinċida wkoll ma’ żieda sinjifikattiva fl-għoli tal-ħajja f’dan l-Istat Membru. Madankollu, jista’ jiġi osservat li matul dan l-istess perijodu ir-remunerazzjoni tal-imħallfin kienet iktar baxxa milli kienet fis-snin preċedenti imma fil-fatt tidher li żdiedet b’4.37 % fl‑2022 meta pparagunata mal‑2021, u b’7.8 % fl‑2023 meta pparagunata fl‑2022. Il-Gvern Pollakk isostni li l-emendi inkwistjoni ma “ffriżawx” ir-remunerazzjoni tal-imħallfin imma sempliċiment battew ir-rata taż-żieda tagħha. Filwaqt li XL jirreferi għal lista twila ta’ impjegati fis-settur pubbliku li rċevew żidiet ogħla fis-salarju mill-imħallfin fl‑2022, waqt is-seduta l-Gvern Pollakk enfasizza li l-impjegati ordinarji fis-settur pubbliku f’dan l-Istat Membru jaqalgħu ħafna inqas mill-imħallfin u, b’kuntrast mal-imħallfin, ma rċevewx żieda reċenti fis-salarju.

58.      Għal dak li jirrigwarda l-allegata natura permanenti tal-emendi fil-Polonja, filwaqt li l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jidher li ġie emendat għal tliet snin konsekuttivi (87), jidher li din baqgħet fis-seħħ. Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk ikkonferma li kull waħda mill-emendi għal din id-dispożizzjoni introdotti permezz tal-Liġijiet dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġijiet Baġitarji għall‑2021, 2022 u 2023 kienet tirrigwarda sena baġitarja waħda u kienet valida għal sena waħda biss. Barra minn hekk, ma hemmx indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li huma proposti emendi simili għall-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji fl-2024 (88). Għalhekk, jidher li l-effetti tal-emendi għall-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u fuq ir-remunerazzjoni tal-imħallfin huma limitati kemm fiż-żmien u kif ukoll fid-daqs.

59.      Mad-daqqa t’għajn, dawn l-emendi inkwistjoni jistgħu jidhru li kienu mmirati jew maħsuba sabiex jindividwaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-prosekuturi peress li s-salarji ta’ detenturi ta’ kariga pubblika oħra jew impjegati fis-settur pubbliku ma kinux suġġetti għal miżuri simili. Il-Gvern Pollakk indika, kemm fl-iskritturi tiegħu u waqt is-seduta li, preċedentement, l-imħallfin u l-prosekuturi kienu rċevew trattament preferenzjali taħt il-politika ta’ remunerazzjoni ta’ dan l-Istat għad-detenturi ta’ kariga pubblika u l-impjegati fis-settur pubbliku. Il-Gvern Pollakk sostna wkoll li l-imħallfin u prosekuturi kienu eżentati mill-iffriżar tas-salarju tas-settur pubbliku mill‑2013 sal‑2018. Dawn l-elementi jindikaw li, mill‑2013 sal‑2023, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin setgħet ma ġietx affettwata b’mod negattiv jew b’mod sproporzjonat meta pparagunata ma’ dik li detenturi ta’ kariga pubblika jew ta’ impjegati fis-settur pubbliku rċevew (89). Jirriżulta wkoll li, matul dan il-perijodu, ma kienx hemm tnaqqis sostanzjali fir-remunerazzjoni tagħhom matul dan il-perijodu (90).

60.      Il-Gvern Pollakk iġġustifika l-emendi tal‑2022 u tal‑2023 b’riferiment għall-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni Russa fl-Ukraina fi Frar 2022. Fil-fehma tiegħi, dawn huma ċirkustanzi rilevanti, oġġettivi, verifikabbli u straordinarji li bla dubju imponew limitazzjonijiet baġitarji kunsiderevoli fuq l-Istati Membri kollha, inkluż fuq ir-Repubblika tal-Polonja, u setgħu jiġġustifikaw tnaqqis fir-remunerazzjoni tad-detenturi ta’ kariga pubblika u tal-impjegati fis-settur pubbliku, inkluża dik tal-imħallfin. It-tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-imħallfin konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jeżiġix l-eżistenza ta’ kriżi baġitarja nazzjonali jew il-ftuħ tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv skont l-Artikolu 126(2) TFUE u l-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (91). It-tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-imħallfin u tnaqqis baġitarju ieħor jista’ jkun iġġustifikat fi sforz li jiġi evitat li Stat Membru jippreċipita f’defiċit eċċessiv (92). Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri adottati b’risposta għal dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑146/23 tindika li r-remunerazzjoni ta’ XL fl‑2022 u fl‑2023 kienet ħafna ogħla minn darbtejn is-salarju medju fil-Polonja (93).

61.      Filwaqt li finalment din hija kwistjoni li l-qorti tar-rinviju trid tieħu deċiżjoni fuqha, il-kwistjonijiet li għalihom jirreferu l-punti 56 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet itendu li jindikaw li r-remunerazzjoni tal-imħallfin fil-Polonja fl‑2022 u fl‑2023 kienet proporzjonata mal-indipendenza u l-importanza tal-kariga tagħhom.

62.      Fil-Kawża C‑374/23, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius) qalet li matul it-13-il sena bejn l‑2008 u l‑2021, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin naqset bi 3.2 % f’termini nominali minħabba bidliet fit-taxxa biss. Il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx dettalji fuq ir-riforma tat-taxxa fil-Litwanja tal‑2019. Fi kwalunkwe każ, kif jindika l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tassazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin hija, bħala regola ġenerali, irrilevanti għall-evalwazzjoni li ssir fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

63.      Il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni jsostnu li, skont l-Artikolu 3 tal-LRI, ir-rata bażika biex jiġi kkalkolat is-salarju tal-imħallfin u ta’ detenturi ta’ kariga pubblika jew ta’ impjegati fis-settur pubbliku hija bbażata fuq parametri ċari u oġġettivi marbutin mal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi li jipprevalu fir-Repubblika tal-Litwanja (94). Fil-prinċipju, din tiġi aġġornata kull sena u ma tistax tkun inqas mis-sena preċedenti. Il-Kawża C‑374/23 ma tissuġġerixxi bl-ebda mod li r-remunerazzjoni tal-imħallfin fil-Litwanja kienet fil-mira, jew kienet affettwata b’mod sproporzjonat meta pparagunata ma’ dik ta’ detenturi ta’ kariga pubblika jew impjegati fis-settur pubbliku oħra. Mill-Artikolu 3 tal-LRI, huwa ċar, inter alia, li r-remunerazzjoni tagħhom hija stabbilita b’mod parallel ma’ dik ta’ detenturi ta’ kariga pubblika jew impjegati fis-settur pubbliku oħra. Dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tar-riforma tar-remunerazzjoni tas-servizz pubbliku adottata fil‑25 ta’ Mejju 2023 (95). Il-fatt li r-riforma żiedet (sostanzjalment) ir-remunerazzjoni tal-imħallfin u dik ta’ detenturi ta’ kariga pubblika jew impjegati fis-settur pubbliku ma jqegħidx f’dubju, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-legalità tal-ammonti mħallsa preċedentement lill-imħallfin.

64.      Il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius) indikat li l-livell relattiv tar-remunerazzjoni tal-imħallfin fil-Litwanja ġie mnaqqar matul iż-żmien u li, sa minn tmiem l‑2021, iqarreb il-livell tas-salarju medju nazzjonali. Il-Gvern Litwan sostna waqt is-seduta li ċ-ċifri li ressqet il-qorti tar-rinviju ma humiex korretti peress li ma jirriflettux l-arretrati mħallsa lill-imħallfin bejn l-2016 u l-2019 wara s-sentenza tal-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja) li ddikjarat it-tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-imħallfin bħala antikostituzzjonali (96).

65.      Filwaqt li l-adegwatezza tar-remunerazzjoni tal-imħallfin fil-kawża prinċipali hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata finalment mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius), it-Tabella 3.36 tar-Rapport CEPEJ tal‑2020 (97) u t-Tabella 3.46 tar-Rapport CEPEJ tal‑2022 (98) jindikaw li s-salarju gross medju tal-imħallfin tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema, il-Litwanja) kien 2.2 (2018) jew 2.1 (2020) ’il darba ogħla mis-salarju gross medju nazzjonali (99). Il-paragun tad-data minn Stati Membri oħra jtendi li juri li, fl‑2018, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin Litwani (100) fil-bidu tal-karriera tagħhom mal-Qorti Suprema ta’ dan l-Istat tinsab fil-livell nofsani u hija ogħla, f’termini relattivi, minn dik tal-imħallfin paragunabbli Awstrijaċi (1.5), Belġjani (1.6), Finlandiżi (1.5), Franċiżi (1.3), Kroati (1.7), Olandiżi (1.3), Ġermaniżi (0.9), Ungeriżi (1.8), Taljani (1.9), Lusssemburgiżi (1.4), Latvjani (1.9), Sloveni (1.6), Svediżi (1.8) u Spanjoli (2.1) (101).

 Konklużjoni

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi mressqa mis-Sąd Rejonowy w Białymstoku (il-Qorti Distrettwali, Białystok, il-Polonja) u mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius, il-Litwanja) kif ġej:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat:

fis-sens li ma jipprekludix lil-leġiżlatur u/jew lill-eżekuttiv tal-Istati Membri milli jadottaw liġijiet li jistabbilixxu u/jew inaqqsu r-remunerazzjoni tal-imħallfin, inkluż permezz ta’ ftehimiet kollettivi magħmula skont id-dritt nazzjonali;

fis-sens li jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu qafas legali biex jiffaċilita d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin li jfittex li tipproteġi l-indipendenza ġudizzjarja billi jiżgura li l-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin ikun jirrifletti l-importanza tal-funzjonijiet tagħhom. Il-liġijiet li jirregolaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin għandhom joperaw fuq il-bażi ta’ kriterji rilevanti, oġġettivi u verifikabbli li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità;

fis-sens li jeħtieġ li kwalunkwe evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi soċjoekonomiċi rilevanti kollha u tirreferi għall-evoluzzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni matul iż-żmien;

fis-sens li jeħtieġ li kwalunkwe liġi nazzjonali maħsuba sabiex tnaqqas il-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin tistipula, f’termini ċari, il-ġustifikazzjoni għaliha. Tali tnaqqis fir-remunerazzjoni ġudizzjarja li jista’ jirriżulta minnha għandu jkun temporanju u l-ammont u t-tul tiegħu għandhom jiġu mfassla, u jevolvu, skont il-gravità u l-persistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ dan it-tnaqqis. Taħt l-ebda ċirkustanzi ma jista’ dan it-tnaqqis tar-remunerazzjoni ikun immirat lejn il-ġudikatura għal trattament sfavorevoli;

fis-sens li r-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin jew kwalunkwe tnaqqis tagħha jkunu suġġetti għal kontroll ġudizzjarju.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Nru 79, l-ewwel paragrafu. The Federalist, komunement magħrufin bħala l-Federalist Papers, huma sensiela ta’ 85 kitba miktubin minn Alexander Hamilton, John Jay, u James Madison bejn Ottubru 1787 u Mejju 1788. Il-kitbiet kienu ppubblikati anonimament, taħt il-psewdonimu “Publius”, f’diversi gazzetti tal-Istat ta’ New York (l-Istati Uniti tal-Amerika) ta’ dak iż-żmien. Il-verżjoni li minnha ttieħdet din is-silta tinsab fil-Library of Congress (United States of America) Research Guides: https://guides.loc.gov/federalist-papers/introduction. L-approċċ li Hamilton iddefenda kien li “s-salarji ta’ uffiċjali ġudizzjarji jistgħu jinbidlu minn żmien għal żmien, skont ma jkun hemm bżonn, madankollu b’mod li qatt ma titnaqqas l-allowance li tkun marbuta ma’ xi mħallef partikolari, fir-rigward tiegħu”. (The Federalist, Nru 79, it-tieni paragrafu), kien adottat fil-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika. Is-subartikolu 1 tal-Artikolu III ta’ dik il-kostituzzjoni jipprovdi li l-imħallfin, kemm tal-qrati supremi u dawk inferjuri, għandhom “jirċievu, għas-Servizzi tagħhom, Kumpens, li ma għandux jitnaqqas matul il-permanenza tagħhom fil-kariga”. Il-kostituzzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri jirriflettu approċċ simili: ara l-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru, Art. 133.12, u l-Kostituzzjoni tal-Irlanda, Art. 35.5, emendat bid-29 Att ta’ Emenda tal-Kostituzzjoni, 2011.


3      Interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Il-prinċipji imperattivi minsuġin flimkien tal-indipendenza tal-imħallfin u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huma biss ftit mill-ħafna fatturi li jistgħu jinfluwenzaw leġittimament ir-remunerazzjoni tal-imħallfin. Ir-remunerazzjoni tad-detenturi ta’ kariga pubblika jew impjegati fis-settur pubbliku, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta u taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 79). Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel (C‑49/18, EU:C:2019:106, punti 38 sa 60) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Escribano Vindel”).


4      Ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-missjoni ta’ ġudikant, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li min-naħa tiegħu huwa parti mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 48 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5      (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 45), (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Imħallfin Portugiżi”).


6      Ara l-punt 66.


7      U b’implikazzjoni diretta, il-membri tal-ġudikatura.


8      Ara s-sentenza tal-Imħallfin Portugiżi, punt 44.


9      Ara s-sentenza tal-Imħallfin Portugiżi, punt 45 u s-sentenza Escribano Vindel, punt 66. Il-prinċipju tal-impossibbiltà tat-tneħħija mill-kariga jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-imħallfin ikunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu speċifiku. Mingħajr ma dan ikollu natura totalment assoluta, l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet sakemm ikun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikaw dan, u dan fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk huwa normalment aċċettat li l-imħallfin ikunu jistgħu jitkeċċew jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew nuqqas serju, sakemm jiġu osservati l-proċeduri xierqa. Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 113). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (L-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 115 u 116) li tidentifika l-impatt li ċerti deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajjiet u l-karrieri ta’ mħallfin individwali jista’ jkollhom fuq l-indipendenza tal-imħallfin.


10      Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2017:395, punt 78), l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe osserva li “għalkemm l-ammont tar-remunerazzjoni tal-imħallfin għandu jkun kompatibbli mal-importanza tal-funzjonijiet pubbliċi tagħhom, dan l-ammont, minkejja dan, ma għandux ikun maqtugħ mir-realtajiet ekonomiċi u soċjali, u b’mod partikolari mil-livell tal-għajxien medju, li jkun jeżisti fl-Istat fejn il-persuni kkonċernati jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, stabbiltà raġonevoli tad-dħul tagħhom tassumi li dan ma jvarjax maż-żmien b’mod li jkun jippreġudika l-indipendenza tal-ġudizzju, iżda mhux li jibqa’ ma jinbidilx”.


11      Il-leġiżlatur Portugiż adotta l-miżuri li kienu s-suġġett tas-sentenza tal-Imħallfin Portugiżi fil-kuntest ta’ programm tal-Unjoni għal assistenza finanzjarja. Il-leġiżlatur u l-eżekuttiv Spanjol adottaw il-miżuri kkunsidrati fis-sentenza Escribano Vindel.


12      Fil-każ tal-Portugall, id-detenturi ta’ kariga pubblika u impjegati fis-settur pubbliku affettwati kienu jinkludu lill-President tar-Repubblika; lill-President tal-Assembleia da República (l-Assemblea Nazzjonali); lill-Prim Ministru; lid-Deputati tal-Assembleia da República; lill-Membri tal-Gvern; lill-Imħallfin tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali); lill-Imħallfin tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri); lill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika; lill-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi; lill-imħallfin tat-tribunali amministrattivi u tat-taxxa u lill-imħallfin tad-distrett.


13      Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) tal‑15 ta’ Ottubru 2013, fil-kawża Savickas et vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2013:1015DEC006636509, § 90 sa 94) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Savickas”). Dik il-qorti ċaħdet bħala manifestament infondata fis-sens tal-Artikolu 35(3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u għaldaqstant inammissibbli taħt l-Artikolu 35(4) tal-KEDB, ilment mill-imħallfin sedenti jew ex imħallfin jew l-eredi tagħhom li huma kienu ġew imċaħħda mill-proprjetà tagħhom bi ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. L-ilment kien jikkonċerna tnaqqis tas-salarji tar-rikorrenti b’madwar 30 %. It-tnaqqis kien iġġustifikat mis-“sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja partikolarment diffiċli fil-Litwanja” fl‑1999 u l-“bżonn li tkun iffinanzjata l-edukazzjoni, is-saħħa, l-assistenza soċjali u bżonnijiet oħra tas-soċjetà”. Il-QEDB iddeċidiet li, fl-implimentazzjoni tal-politiki soċjali u ekonomiċi, il-leġiżlaturi nazzjonali jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’.


14      Dz. U. tal‑2001, Nru 98, punt 1070. Test ikkonsolidat tal‑14 ta’ Diċembru 2022, Dz. U. tal-2023, punt 217.


15      Dz. U. tal-2021, punt 2445.


16      Dz. U. tal‑2022, punt 2666.


17      Artikolu 3 tal-liġi 2008 m. lapkričio 6 d. Lietuvos Respublikos teisėjų atlyginimų įstatymas Nr. X-1771 (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru X-1771 dwar ir-Remunerazzjoni tal-Imħallfin) tas-6 ta’ Novembru 2008 (Žin., 2008, Nr. 131-5022), emendata bil-liġi 2021 m. lapkričio 25 d. Lietuvos Respublikos teisėjų atlyginimų įstatymo Nr. X-1771 pakeitimo įstatymas Nr. XIV-708 (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru XIV-708 li Temenda l-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru X-1771 dwar ir-Remunerazzjoni tal-Imħallfin) tal-25 ta’ Novembru 2021 (TAR, 2021, Nru 25134).


18      Ta’ “qrati ta’ ġurisdizzjoni ġenerali u qrati speċjalizzati”.


19      Fil-verżjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023.


20      Ta’ “qrati ta’ ġurisdizzjoni ġenerali u qrati reġjonali speċjalizzati”.


21      Il-Lietuvos Respublikos teisėjų atlyginimų įstatymo priedėlio pakeitimo įstatymas Nr. XI-235 (il-Liġi Nru XI-235 li Temenda l-Anness għal-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar ir-Remunerazzjoni tal-Imħallfin) tat‑28 ta’ April 2009 (Žin., 2009, No 49-1940) (li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2013) stabbilixxiet il-koeffiċjent tas-salarju. Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, Lietuvos Respublikos teisėjų darbo apmokėjimo įstatymo Nr. X-1771 pakeitimo įstatymas Nr. XIV-2015 (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru XIV-2015 li Temenda l-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru X-1771 dwar ir-Remunerazzjoni tal-Imħallfin, tal‑25 ta’ Mejju 2023 (TAR, 2023, No 11594), emendat is-sistema ta’ koeffiċjenti tas-salarji tal-imħallfin tal-qrati ta’ natura ġudizzjarja u tal-qrati speċjalizzati li jinsabu fil-Kapitolu II tal-Anness, u tipprovdi li s-salarju uffiċjali ta’ mħallef ta’ qorti reġjonali jammonta għal “3.6” (bħala rata bażika).


22      XL tħallas PLN 15 151.44 fix-xahar minn Lulju sa Novembru 2022; PLN 15 033.51 għal Diċembru 2022 u PLN 16 333.26 għal Jannar 2023.


23      Wara li jiġi kkunsidrat il-leave tal-mard.


24      Ara l-punt 5.6 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑146/23.


25      Stabbilit fl-arranġamenti speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-liġi baġitarja għas-sena 2023.


26      L-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sostniet, inter alia, li l-Liġi dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġijiet Baġitarji għall-2023 kienet tikser il-garanzija li r-remunerazzjoni tal-imħallfin għandha tikkorrispondi għad-dinjità tal-kariga tagħhom u l-portata tad-dmirijiet tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet jiksru, inter alia, l-indipendenza tal-imħallfin, il-prinċipju tad-drittijiet kweżiti u l-fiduċja fl-Istat u fid-dritt stabbilit. Hija enfasizzat li l-metodi introdotti biex tiġi kkalkolata r-remunerazzjoni tal-imħallfin “evitaw” il-prinċipji legali applikabbli. Ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tkun ibbażata fuq evalwazzjoni annwali, u xi ftit imprevedibbli, tal-leġiżlatur. Dan ikun jiżgura li l-mudell aċċettat biex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni tal-imħallfin ma jkunx iktar awtomatiku u bbażat fuq kriterji oġġettivi.


27      Il-President tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) sostna li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu “regolament episodiku” u kienu jirrappreżentaw tluq mill-prinċipji statutorji stabbiliti għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin. Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja tirreferi għall-kundizzjonijiet u salarju ta’ grupp wieħed ta’ impjegati tal-Istat: l-imħallfin. Dan ir-riferiment kien jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ sistema biex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni tal-imħallfin separatament minn dik applikabbli għal impjegati oħra fis-settur pubbliku. Din is-sistema separata għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn li tkun protetta l-indipendenza tal-imħallfin, id-dinjità tal-kariga u l-piż tar-responsabbiltà li jġorru l-imħallfin. It-tnaqqis fid-dħul reali tal-imħallfin fil-perijodu 2021‑2023 huwa madwar 23.6 %, differenza sinjifikattiva miż-żieda fis-salarji grossi medji fis-settur pubbliku ta’ 6.74 % fis-snin 2020‑2021.


28      Il-KRS sostna li l-Artikolu 178(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, li jillimita l-interferenzi leġiżlattivi fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin, għandu rwol sinjifikattiv biex jiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin. Ir-remunerazzjoni tal-imħallfin għandha tkun ikkalkolata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u kwantifikabbli u tista’ tkun suġġetta għal indiċjar awtomatiku.


29      Fid-dawl tan-numru dejjem jikber ta’ kawżi, l-ammont dejjem jikber ta’ kawżi b’lura u ż-żieda de facto fid-dewmien tal-proċeduri.


30      Skont ir-rikorrenti, ma hemm ebda mekkaniżmu legali disponibbli għal xi qorti jew imħallef biex jeżiġu li l-eżekuttiv u l-leġiżlatur jiżguraw li r-remunerazzjoni tal-imħallfin tkun proporzjonata mad-dinjità u r-responsabbiltà tal-kariga ġudizzjarja jew il-limitazzjonijiet stretti, inter alia, fuq it-twettiq ta’ xogħol ieħor, marbutin magħha.


31      Is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni josservaw li t-talbiet jirrigwardaw il-perijodu minn Marzu 2020 sa Marzu 2023.


32      Il-qorti tar-rinviju pprovdiet dawn iċ-ċifri. Huma ċifri gross u jeskludu ż-żieda għat-tul ta’ servizz. Iċ-ċifra tal‑2021 tieħu inkunsiderazzjoni r-riforma tat-taxxa tal-2019 (koeffiċjent ta’ 17.2 x ir-rata bażika ta’ EUR 177/1.289 bdil fit-taxxa).


33      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll il-fatt li l-imħallfin huma suġġetti għal rekwiżiti partikolarment stretti. L-imħallfin huma meħtieġa, inter alia, jaħdmu għall-istess salarju indipendentement mill-volum ta’ xogħol peress li s-siegħat ta’ xogħol ma humiex irregolati. L-Artikolu 113 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja jipprovdi wkoll li “imħallef ma jistax ikollu kwalunkwe kariga li għaliha jiġi elett jew maħtur, ma jistax jaħdem fi kwalunkwe stabbilimenti jew impriżi ta’ negozju, kummerċjali jew privati oħra. Huwa ma jistax ukoll jirċievi kwalunkwe remunerazzjoni barra mir-remunerazzjoni stabbilita għall-imħallef u ħlas għal attivitajiet edukattivi jew kreattivi. Imħallef ma jistax jipparteċipa fl-attivitajiet ta’ partiti politiċi u organizzazzjonijiet politiċi oħra”.


34      Ibbażata fuq is-salarju gross mensili medju fil-kwart li jippreċedi l-kwart preċedenti, kif ippubblikat mill-Valstybės duomenų agentūra (l-Aġenzija tad-Data tal-Istat, il-Litwanja) (magħrufa qabel bħala l-Lietuvos statistikos departamentas (id-Dipartiment tal-Istatistika Litwan)) u l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 0.1.


35      Eskluża ż-żieda għat-tul tas-servizz.


36      Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu obbligu fuq ir-Repubblika tal-Litwanja biex tistabbilixxi sistema paragunabbli għar-remunerazzjoni ta’ mħallfin għal xogħol simili.


37      Riżoluzzjoni Nru XIV-72 tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja tal‑11 ta’ Diċembru 2020 approvat dan il-programm.


38      Dz. U. tal-2022, punt 2666.


39      Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk, b’risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonferma li s-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tieħu effett mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.


40      L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk ressqu numru ta’ oġġezzjonijiet għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar id-domanda magħmula fil-Kawża C‑146/23 u għall-ammissibbiltà tagħha. Waqt is-seduta huwa rtira dawn l-oġġezzjonijiet.


41      Sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny  (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 57) (iktar ’il quddiem is-“sentenza G”). Ara wkoll id-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2020, S.A.D. Maler und Anstreicher  (C‑256/19, EU:C:2020:523, punti 35 sa 40).


42      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirreferi għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement minn jekk l-Istati Membri jkunux qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.


43      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 63 sa 65).


45      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 230). Il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tneħħija tal-membri tagħha, liema regoli jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat il-bżonn li tiġi żgurata remunerazzjoni adegwata għall-imħallfin sabiex tiġi evitata l-impressjoni li huma jistgħu jkunu suġġetti għal influwenza esterna indebita.


46      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny  (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Hemm xebh ċar bejn il-kawżi prinċipali fil-Kawża C‑374/23 u dawk fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tal-Imħallfin Portugiżi u s-sentenza Escribano Vindel li kienu jikkonċernaw azzjonijiet imressqa minn assoċjazzjoni ta’ sindakat għan-nom tal-imħallfin Portugiżi u minn maġistrat Spanjol kontra miżuri li jnaqqsu r-remunerazzjoni ta’ mħallfin Portugiżi u Spanjoli, rispettivament. Ara, min-naħa l-oħra, id-digriet tat‑8 ta’ Novembru 2023, Habonov  (C‑333/23, mhux ippubblikat, EU:C:2023:858) (iktar ’il quddiem id-“digriet Habonov”). Fid-digriet Habonov, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala inammissibbli talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Gießen (il-Qorti Amministrattiva ta’ Giessen, il-Ġermanja) dwar l-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin fil-Land Hessen, il-Ġermanja. Peress li din it-talba saret fil-kuntest ta’ proċedura urġenti dwar id-dritt tal-ażil bejn ċittadin Russu u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kinitx meħtieġa risposta biex tippermetti l-qorti tar-rinviju tagħti sentenza, u għaldaqstant iddistingwiet din it-talba minn dawk li wasslu għas-sentenza tal-Imħallfin Portugiżi u s-sentenza Escribano Vindel.


48      Peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi li l-Istati Membri kollha jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, kwalunkwe interpretazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni waħda. Is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 34 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Sanċiti fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB.


50      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u l-ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 69).


51      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità ta’ mħallef u s-sospensjoni tiegħu mill-kariga) (C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali)  (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53      Ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tista’ tiġi stabbilita, pereżempju, b’korpi ġudizzjarji jew indipendenti jew bi ftehim kollettiv skont id-dritt nazzjonali.


54      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma huwiex assolut. Ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-imħallfin jistgħu jiġu mibdula fid-dawl ta’ ċirkustanzi oġġettivi u leġittimi sakemm ikunu osservati l-prinċipji ta’ indipendenza tal-imħallfin u ta’ proporzjonalità.


55      L-Artikolu 53 tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar l-Imħallfin: independenza, effiċjenza u responsabbiltajiet (Adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-17 ta’ Novembru 2010 fl-1098 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa”) jipprovdi li “r-regoli prinċipali tas-sistema ta’ remunerazzjoni għall-imħallfin professjonali għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi”. Ara wkoll l-Artikolu 11 tal-Prinċipji Bażiċi fuq l-Indipendenza tal-Ġudikatura adottati fis‑6 ta’ Settembru 1985 mis-Seba’ Kungress tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni tar-Reati u t-Trattament tat-Trasgressuri miżmuma f’Milan mis‑26 ta’ Awwissu sas‑6 ta’ Settembru 1985 li jipprovdi li “[t]-terminu tal-kariga tal-imħallfin, l-indipendenza, sigurtà, remunerazzjoni adegwata, kundizzjonijiet tas-servizz, pensjonijiet u l-età tal-irtirar tagħhom għandhom ikunu żgurati b’mod adegwat permezz tal-liġi”. https://www.ohchr.org/en/instruments-mechanisms/instruments/basic-principles-independence-judiciary.


56      Fis-sentenza Savickas, punt 93, il-QEDB kkonstatat li “kien deċiżiv li t-tnaqqis tas-salarji fis-settur pubbliku ma kienx jindividwa lill-imħallfin” fil-Litwanja imma kien parti minn programm ta’ miżuri ta’ awsterità li affettwa lis-salarji fis-settur pubbliku kollu. Il-QEDB fakkret ukoll il-konklużjoni tal-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja) li “jkun inġust li l-imħallfin jiġu ttrattati bħala eċċezzjoni u li jkunu eżentati minn miżuri ta’ awsterità”. Il-QEDB, madankollu, żiedet riżerva fis-sens li anki din il-kunsiderazzjoni tista’ ma tkunx deċiżiva jekk it-tnaqqis jaffettwa l-indipendenza tal-imħallfin.


57      Fis-sentenza Savickas, punti 3, 4 u 93, il-QEDB eżaminat it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-imħallfin fl-1999 fil-kuntest ta’ żieda f’dik ir-remunerazzjoni fl-1997 u kkonkludiet li l-livell ġenerali ma kienx ġie affettwat.


58      Ara, b’analoġija, is-sentenza Savickas u s-sentenza tal-QEDB tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Kubát et vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2023:0622JUD006172119) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kubát”). Dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw, inter alia, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin u d-dritt għall-proprjetà taħt l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB.


59      U mhux għaż-żidiet jew allowances pagabbli lill-imħallfin f’xi Stat Membru minnhom.


60      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Randstad Empleo et (C‑649/22, EU:C:2024:156, punt 44).


61      Relatati jew mal-livell tal-qorti jew funzjonijiet ta’ responsabbiltà eżerċitati f’xi qorti bħalma huwa l-president ta’ xi qorti.


62      Fil-Kawża C‑146/23, il-Gvern Pollakk osserva li l-imħallfin u l-prosekuturi għandhom sistema ta’ pensjoni speċjali li hija partikolarment vantaġġuża peress li huma meħlusin milli jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dan il-għan.


63      Ara, pereżempju, l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 4(2) tal-LRI. Filwaqt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-pakkett finanzjarju kollu jew kwalunkwe kunsiderazzjoni mħallsa lill-imħallfin fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tar-remunerazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ta’ Venezja twissi kontra l-għoti ta’ “allowances mhux finanzjarji” lill-imħallfin, bħalma hija l-akkomodazzjoni, fuq il-bażi ta’ bżonn soċjali peress li “jkun hemm ċerta diskrezzjoni fid-distribuzzjoni tagħhom. Għaldaqstant, dawn huma ta’ theddida potenzjali għall-indipendenza tal-imħallfin”. Report on the Independence of the Judicial System Part I: The Independence of Judges adopted by the Venice Commission at its 82nd Plenary Session (Venezja, 12-13 ta’ Marzu 2010), https://www.venice.coe.int/webforms/documents/?pdf=CDL-AD(2010)004-e..


64      F’ġurisdizzjonijiet fejn l-imħallfin jistgħu jkunu preklużi milli jirritornaw jew jidħlu fil-prattika privata.


65      Skont id-dritt nazzjonali, l-eżerċizzju tal-kariga ġudizzjarja jista’ jkun inkompatibbli mal-kontinwazzjoni ta’ twettiq ta’ attivitajiet jew rwoli oħra. Ċerti rekwiżiti ta’ esklużività jistgħu jkunu oġġettivament meħtieġa biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi u biex jiġi żgurat l-investiment professjonali fil-kariga ġudizzjarja. Limitazzjonijiet jew impedimenti oħra, bħalma hija l-projbizzjoni kontra li persuna tkun detentriċi ta’ ishma f’kumpanniji, li tirċievi royalties jew dividendi jew ħlas għall-għoti ta’ servizzi ta’ tagħlim, mhux dejjem ikunu ġġustifikati fl-interessi tal-indipendenza tal-imħallfin u jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jiksru d-dritt għall-proprjetà protett mill-Artikolu 17 tal-Karta.


66      L-Istati Membri jistgħu wkoll iħallsu lill-imħallfin salarju annwali mingħajr ma jindikaw b’mod speċifiku l-kriterji li fuqhom ġie ddeterminat. Ir-remunerazzjoni li titħallas lil detenturi ta’ kariga pubblika jew impjegati fis-settur pubbliku oħra b’responsabbiltajiet ekwivalenti tista’ tipprovdi kejl biex tiġi evalwata l-adegwatezza tar-remunerazzjoni tal-imħallfin f’tali ċirkustanzi.


67      Ara l-Artikolu 153(5) TFUE u s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Coca-Cola European Partners Deutschland (C‑257/21 u C‑258/21, EU:C:2022:529, punt 47). Ara wkoll id-Direttiva (EU) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2022, L 275, p. 33).


68      F’Jannar 2024, il-livell tal-pagi minimi fl-Istati Membri kien ivarja bejn EUR 477 fix-xahar fil-Bulgarija sa EUR 2 571 fix-xahar fil-Lussemburgu. https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Minimum_wage_statistics.


69      Fatturi ekonomiċi oġġettivi bħalma huwa l-Prodott Gross Domestiku ta’ xi Stat Membru, ir-rata ta’ inflazzjoni, id-defiċit/eċċess fil-baġit, id-dejn pubbliku, l-ispiża totali tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja eċċ., jistgħu jkunu rilevanti wkoll. Il-Gvern Litwan osserva li, meta jipprepara l-abbozz tal-baġit tal-Istat, huwa “għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet tal-Istat sanċiti fil-Kostituzzjoni, is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali kurrenti, il-bżonnijiet u possibbiltajiet tas-soċjetà u tal-Istat, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli u ppjanati u l-impenji tal-Istat, kif ukoll fatturi importanti oħra”.


70      L-Artikolu 54 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jipprovdi: “Ir-remunerazzjoni tal-imħallfin għandha tkun proporzjonata mal-professjoni u r-responsabbiltajiet tagħhom, u tkun suffiċjenti biex tipproteġihom kontra tentazzjonijiet immirati biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Il-garanziji għandhom jeżistu biex iżommu remunerazzjoni raġonevoli f’każ ta’ mard, leave tal-maternità jew tal-paternità, kif ukoll għall-ħlas ta’ pensjoni tal-irtirar, li għandhom ikunu raġonevolment proporzjonati għal-livell ta’ remunerazzjoni meta jkunu jaħdmu. Għandhom jiġu introdotti dispożizzjonijiet legali speċifiċi bħala salvagwardja kontra t-tnaqqis fir-remunerazzjoni immirat speċifikament għall-imħallfin”. https://www.icj.org/wp-content/uploads/2014/06/CMRec201012E.pdf. Ara wkoll l-Artikolu 6 tal-Karta Ewropea dwar l-Istatut għall-Imħallfin, Strasbourg, 8‑ 10 ta’ Lulju 1998. https://rm.coe.int/16807473ef.


71      L-importanza tagħha tinsab miġbura b’mod preċiż fl-osservazzjoni li “[l]-ħajja tal-liġi ma kinitx il-loġika: kienet l-esperjenza”, f’Holmes, O.W., The Common Law, Little, Brown & Co., Boston MA, 1881, l-ewwel edizzjoni.


72      F’dan ir-rigward, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnius) ma pprovdietx informazzjoni dwar ir-riforma tat-taxxa fl-2019. Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      In-nuqqas ta’ remunerazzjoni adegwata lill-imħallfin, meta pparagunata mas-settur privat jista’ jippreġudika d-dinjità tal-kariga ġudizzjarja u jxekkel ir-reklutaġġ, il-motivazzjoni u ż-żamma ta’ mħallfin għad-detriment tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-indipendenza ġudizzjarja. Skont ir-Rapport tal‑2020 dwar l-Evalwazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja Ewropea mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ), li kien tħejja mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropea f’Settembru 2002 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport CEPEJ tal‑2020”), paġna 67, https://rm.coe.int/rapport-evaluation-partie-1-francais/16809fc058, u Rapport tal‑2022 dwar l-Evalwazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja Ewropea mill-CEPEJ, (iktar ’il quddiem ir-“Rapport CEPEJ tal‑2022”), paġna 79, https://rm.coe.int/cepej-report-2020-22-e-web/1680a86279, “il-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-imħallfin teħtieġ approċċ komprensiv li, lil ’hinn mill-aspett purament ekonomiku, jieħu inkunsiderazzjoni l-impatt li hija jista’ jkollha fuq l-effiċjenza tal-ġustizzja kif ukoll fuq l-indipendenza tagħha inkonnessjoni mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdan jew barra mis-sistema ġudizzjarja. Il-politiki tal-ġustizzja għandhom jikkunsidraw ukoll is-salarji ta’ professjonijiet legali oħra sabiex irendu l-professjoni ġudizzjarja attraenti għal prattikanti legali bi kwalifiki għolja”.


74      Hija tinvolvi wkoll l-eżerċizzju ta’ setgħa tal-Istat li ma tistax tiġi pparagunata max-xogħol ta’ professjonisti legali oħra. Fl-assenza ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, tista’ tiġi eskluża kwalunkwe kwistjoni ta’ diskriminazzjoni.


75      L-istima li tgawdi l-kariga ġudizzjarja għandha wkoll ċerta valur mhux monetarju.


76      L-ammont mitlub mill-avukati jista’ ma jirriflettix l-ammont li jħallsu l-klijenti. L-avukati jikkompetu ma’ avukati oħra u – f’ċerti ġurisdizzjonijiet – ma’ fornituri ta’ servizzi oħra bħalma huma l-accountants u l-konsulenti tat-taxxa.


77      Pereżempju għall-ispazju tal-uffiċju, l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà professjonali jew għall-assistenti legali.


78      Ara l-Artikolu 55 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li jgħid li: “Sistemi li jagħmlu r-remunerazzjoni prinċipali tal-imħallfin tiddependi fuq il-prestazzjoni għandhom jiġu evitati peress li jistgħu joħolqu diffikultajiet għall-indipendenza tal-imħallfin”. Ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/17 (Ftehim CETA UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 98).


79      F’ċerti istanzi, il-liġi tistabbilixxi d-drittijiet tal-avukati jew l-irkupru tagħhom jista’ jkun suġġett għall-“intaxxar tal-ispejjeż”. Id-drittijiet tal-avukati jistgħu jkunu jiddependu fuq l-eżitu partikolari jew is-suċċess tal-litigazzjoni. Għaldaqstant l-avukati jista’ ma jkunux jistgħu jitolbu ħlas għall-ħin kollu – jew, f’ċerti istanzi, għall-ebda ħin – li huma jqattgħu fuq il-każ.


80      Il-Gvern Litwan ikkonferma waqt is-seduta li r-“rata bażika” li għaliha jirreferi l-Artikolu 3 tal-LRI tiġi nnegozjata bi ftehim kollettiv. Il-kunsill nazzjonali għall-ġudikatura fil-Litwanja, li huwa kompost esklużivament minn imħallfin mill-istanzi differenti kollha, jirrappreżenta l-ġudikatura Litwana f’dawn in-negozjati.


81      Suġġett għall-verifika mill-qrati tar-rinviju.


82      L-emendi li jirrigwardaw l‑2022 u l‑2023 huma rilevanti hawnhekk.


83      Il-proċeduri f’dik il-kawża kienu jirrigwardaw il-Liġi dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġijiet Baġitarji għall‑2023.


84      Punti 1 sa 20.


85      Ara l-punt 49 ta’ din is-sentenza.


86      Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni josservaw li l-Liġijiet dwar Arranġamenti Speċifiċi għall-Implimentazzjoni tal-Liġijiet Baġitarji għall‑2021, 2022 u 2023 fihom dispożizzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), kif ukoll tal-prosekuturi.


87      Ara l-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


88      L-emendi tal‑2023 kienu ddikjarati antikostituzzjonali.


89      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Imħallfin Portugiżi, punt 48.


90      Isegwi li l-kriżi reċenti dwar l-Istat tad-dritt fil-Polonja ma naqqritx il-livell ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin.


91      Jidher li d-defiċit fil-baġit tal-Polonja matul il-perijodu rilevanti kien inqas mis-60 % “proporzjon ta’ dejn tal-gvern meta pparagunat mal-prodott gross domestiku bi prezzijet tas-suq” indikat fl-Artikolu 126(2) TFUE u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Jekk jinqabeż il-proporzjon ta’ 60 %, dan ikun jikkostitwixxi “żball gross”.


92      L-Artikolu 126(1) TFUE jeżiġi li l-Istati Membri “jevitaw defiċit eċċessivi tal-Gvern”.


93      Il-Kummissjoni osservat li r-remunerazzjoni ta’ XL tkun kważi tliet darbiet ogħla jekk jiżdiedu l-bonuses u allowances, li għalihom irrefera l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Il-Gvern Pollakk sostna li, f’ċirkustanzi paragunabbli, ir-remunerazzjoni medja tal-imħallfin mill‑2018 sal‑2022 kienet iktar minn 300 % tas-salarju medju nazzjonali. Il-QEDB osservat li, fl‑2012 u fl‑2014, is-“salarju gross annwali” tal-imħallfin għall-pajjiżi kollha tal-Kunsill tal-Ewropa kien, rispettivament, 2.3 u 2.4 darbiet is-salarju medju nazzjonali. Ara s-sentenza Kubát, punt 33.


94      Il-koeffiċjenti rilevanti huwa wkoll iffissat mil-liġi.


95      Ara l-punti 10 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll il-punt 39 tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


96      Is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni josservaw li, sa mill‑2017, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin żdiedet bi ftit fuq bażi annwali.


97      Fil-paġna 67.


98      Fil-paġna 80.


99      Fil-bidu tal-karriera tagħhom u 3.3 (2018) jew 2.9 (2020) ogħla “fl-ogħla istanza”.


100      Fir-rigward tas-salarju gross medju nazzjonali.


101      Fl‑2020, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin Litwani fil-bidu tal-karriera tagħhom mal-Qorti Suprema ta’ dan l-Istat kienet ogħla, f’termini relattivi, minn dik ta’ mħallfin paragunabbli Awstrijaċi (1.6), Belġjani (1.6), Finlandiżi (1.6), Franċiżi (1.3), Kroati (1.9), Olandiżi (1.3), Ġermaniżi (0.9), Ungeriżi (1.7), Taljani (1.8), Lussemburgiżi (1.5), Pollakki (1.9), Sloveni (1.5) u Svediżi (1.9). It-talbiet ta’ SR u RB jirrigwardaw il-perijodu 2020 sa 2023. Ara wkoll it-Tabella 34: Proporzjon ta’ salarji annwali tal-imħallfin u prosekuturi mas-salarju gross medju annwali fil-pajjiż fl‑2021, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2023, COM(2023) 309 final. CEPEJ ipprovda d-data kwantitattiva lill-Kummissjoni, li tkopri l-perijodu mill-2012 sal‑2021. Il-Kummissjoni ssostni li, skont it-Tabella 34, filwaqt li s-salarju bażiku tal-imħallfin Litwani meta mqabbel mas-salarju annwali gross nazzjonali huwa wieħed mill-iktar baxxi fl-Unjoni, madankollu huwa ogħla, f’termini relattivi, minn dak imħallas fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Finlandja, fi Franza, fl-Ungerija, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja u fis-Slovenja.