Language of document : ECLI:EU:C:2017:364

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-11 ta’ Mejju 2017 (1)

Kawża C-434/15

Asociación Profesional Elite Taxi

vs

Uber Systems Spain, SL

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n° 3 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Trasport ta’ passiġġieri – Użu ta’ mezzi informatiċi u ta’ applikazzjoni għal smartphones – Kompetizzjoni żleali – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni”






 Introduzzjoni

1.        Minkejja li l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda huwa b’mod ġenerali l-oriġini ta’ kontroversji, Uber donnu huwa każ apparti. Il-mod ta’ funzjonament tiegħu wassal għal kritika u mistoqsijiet, iżda wkoll għal tamiet u aspettattivi ġodda. Fir-rigward tas-suġġetti legali biss, il-mod ta’ funzjonament ta’ Uber ta lok għal mistoqsijiet dwar, b’mod partikolari, id-dritt tal-kompetizzjoni, tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-dritt tax‑xogħol. Fuq pjan ekonomiku u soċjali, tnissel ukoll it-terminu “uberizzazzjoni”. Għalhekk din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġabet magħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, problema ferm ippolitiċizzata u msemmija ħafna fil-midja.

2.        L-għan ta’ din il-kawża huwa madankollu ferm iktar limitat. L‑interpretazzjoni li hija mitluba minnha għandha tippermetti biss li tpoġġi lil Uber fuq il-pjan tad-dritt tal-Unjoni, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk, u f’liema grad, il-funzjonament tagħha jaqa’ f’dan id‑dritt. Għalhekk din tirrigwarda prinċiparjament dwar jekk leġiżlazzjoni eventwali tal-kundizzjonijiet tal-funzjonament ta’ Uber hijiex suġġetta għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, fl-ewwel lok tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew inkella taqax fil-kompetenza kondiviża bejn l‑Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fil-qasam tat-trasport lokali, li għadha ma ġietx eżerċitata fuq livell tal-Unjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE (2) jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

(2)      ‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

–      ‘mill-bogħod’ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l‑partijiet ikunu preżenti simultanjament,

–      ‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

–      ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’; tfisser illi s‑servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

[…]”

4.        L-Artikolu 2(a) u (h) tad-Direttiva 2000/31/KE (3) jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(a)      ‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’: servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE kif emendata bid‑Direttiva 98/48/KE;

[…]

(h)      ‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

(i)      Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

–        il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

–        il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l‑imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir‑responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz;

(ii)      Il-qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

[…]

–        ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi”.

5.        L-Artikolu 3(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit‑territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a)      il-miżuri għandhom ikunu:

(i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        strateġija pubblika [ordni pubbliku], partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix [inċitament] għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

–        il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

–        is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward[ja] tas-sigurtà [...] u difiża [nazzjonali],

–        il-protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;

(ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) [punt (i)] jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii)      proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

(b)      qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati [proċedura ġudizzjarja], inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun

–        talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il‑miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

[…]”

6.        Skont l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE (4):

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

(d)      is-servizzi fil-qasam tat-trasport inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Trattat;

[…]”

7.        L-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. […]”

 Id-dritt Spanjol

8.        Teżisti ċerta konfużjoni għal dak li jirrigwarda d-deskrizzjoni, mill-qorti tar-rinviju, mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Spanjol, tal-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli. Ser niddeskrivi hawn taħt l-estratti essenzjali, kif jirriżultaw kemm mid-deċiżjoni tar‑rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub differenti ppreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

9.        L-ewwel nett, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ta’ transport fuq livell nazzjonali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 99(1) tal-Ley 16/1987 de Ordenación de los Transportes Terrestres (Liġi nru 16/1987 dwar l‑organizzazzjoni tat-trasport fuq l-art), tat-30 ta’ Lulju 1987, hija meħtieġa awtorizzazzjoni ta’ transport pubbliku tal-passiġġieri sabiex jitwettaq kemm transport ta’ din in-natura kif ukoll attività ta’ intermedjarju fil-konklużjoni ta’ tali kuntratti. Madankollu, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tindika li l-Ley 9/2013 por la que se modifica la Ley 16/1987 y la Ley 21/2003, de 7 de julio, de Seguridad Aérea (Liġi Nru 9/2013 li temenda l-Liġi Nru 16/1987 u l-Liġi Nru 21/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 dwar is-sigurtà fl-ajru) tal-4 ta’ Lulju 2013, irrevokat l‑obbligu ta’ liċenzja speċifika sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ intermedjarju ta’ trasport ta’ passiġġieri. Madankollu ma huwiex ċert jekk din ir-riforma daħlitx fis-seħħ fir-reġjuni kollha ta’ Spanja.

10.      Fuq il-pjani reġjonali u lokali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija magħmula, fir-rigward tas-servizzi ta’ taxis, minn diversi leġiżlazzjonijiet adottati mill-komunità awtonoma ta’ Cataluña kif ukoll miż-żona metropolitana ta’ Barcelona, fosthom ir-Reglamento Metropolitano del Taxi (regolament dwar is-servizzi ta’ taxi taż-żona metropolitana ta’ Barcelona), tat-22 ta’ Lulju 2004, adottat mill-Consell Metropolitá de l’Entitat Metropolitana de Transport de Barcelona (kunsill li jmexxi l‑korp amministrattiv taż-żona metropolitana ta’ Barcelona), tat-22 ta’ Lulju 2004, li jimponi għall-pjattaformi bħal dik amministrata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom, li jkollhom liċenzji u awtorizzazzjonijiet amministrattivi neċessarji.

11.      Fl-aħħar nett, il-Ley 3/1991 de Competencia Desleal (Liġi 3/1991 dwar il-kompetizzjoni żleali), tal-10 ta’ Jannar 1991, tipprovdi fl‑Artikolu 4 tagħha, ir-rekwiżiti ta’ aġir professjonali konformi mar‑regoli ta’ bona fide, fl-Artikolu 5 tagħha, il-prattiki qarrieqa, u fl‑Artikolu 15 tagħha, il-ksur tar-regoli dwar l-attività kompetittiva li tagħti vantaġġ kompetittiv fis-suq.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

 L-applikazzjoni Uber

12.      Uber hija l-isem ta’ pjattaforma (5) elettronika żviluppata minn Uber Technologies Inc., kumpannija li għandha s-sede tagħha f’San Francisco (l-Istati Uniti). Fl-Unjoni Ewropea, il-pjattaforma Uber hija amministrata minn Uber BV, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, sussidjarja tal‑kumpannija Uber Technologies.

13.      Din il-pjattaforma tippermetti, permezz ta’ smartphone li jkun fih l-applikazzjoni Uber, li jiġi ordnat servizz ta’ transport urban fl-ibliet li taqdi. L-applikazzjoni tirrikonoxxi l-post fejn jinsab l-utent u ssib ix‑xufiera disponibbli li jinsabu fil-qrib. Meta x-xufier jaċċetta l-vjaġġ, l‑applikazzjoni tinforma lill-utent, billi turih il-profil tax-xufier kif ukoll stima tal-prezz tal-vjaġġ lejn id-destinazzjoni indikata mill-utent. Ladarba jsir il-vjaġġ, il-prezz tiegħu jittieħed awtomatikament mill-karta bankarja li l-utent huwa obbligat jindika meta jirreġistra għall‑applikazzjoni. L-applikazzjoni tinkludi wkoll funzjoni ta’ evalwazzjoni: kemm il-passiġġieri jistgħu jevalwaw ix-xufiera kif ukoll ix-xufiera jistgħu jevalwaw il-passiġġieri. Marki medji taħt ċertu livell jistgħu jwasslu għat-tkeċċija mill-pjattaforma.

14.      Is-servizzi ta’ transport proposti mill-pjattaforma Uber jinqasmu f’kategoriji differenti skont il-kwalità tax-xufiera u t-tip ta’ vettura. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-kawża prinċipali tirrigwarda s-servizz imsejjaħ UberPop, li fil-kuntest tiegħu hemm xufiera individwali mhux professjonisti li jiżguraw trasport ta’ passiġġieri permezz tal-vetturi proprji tagħhom.

15.      It-tariffa hija stabbilita mill-operatur tal-pjattaforma abbażi tad‑distanza u t-tul tal-vjaġġ. Hija tvarja skont kemm ikun hemm domanda f’mument partikolari, b’tali mod li l-prezz ta’ vjaġġ jista’, f’perijodi ta’ traffiku qawwi, jaqbeż diversi drabi t-tariffa bażika. Il-prezz tal-vjaġġ huwa kkalkolat mill-applikazzjoni u jittieħed awtomatikament mill-operatur tal-pjattaforma, li jżomm parti minnu bħala kummissjoni, li normalment tkun bejn 20 u 25 %, u jgħaddi l-kumplament lix-xufier.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali

16.      Asociación Profesional Elite Taxi (iktar ’il quddiem “Elite Taxi”) hija organizzazzjoni professjonali ta’ xufiera ta’ taxis fil-belt ta’ Barcelona (Spanja). Fid-29 ta’ Ottubru 2014, Elite Taxi ppreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Mercantil n°3 de Barcelona (qorti tal‑kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja) li permezz tiegħu hija talbet, b’mod partikolari, sabiex tikkundanna lil Uber Systems Spain, SL (iktar ’il quddiem “Uber Spain”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Spanjol, tiddeċiedi li l‑attivitajiet tagħha, li jiksru l-leġiżlazzjoni fis-seħħ u jirriżultaw li huma prattiċi qarrieqa, jikkostitwixxu atti ta’ kompetizzjoni żleali, u tobbligaha twaqqaf l-aġir inġust tagħha li jikkonsisti f’assistenza lil kumpanniji oħra tal-grupp billi tipprovdi servizzi ta’ prenotazzjoni fuq talba permezz ta’ apparat mobbli u l-internet bil-kundizzjoni li dan ikun direttament jew indirettament marbut mal-użu tal-pjattaforma diġitali Uber fi Spanja, u tipprojbixxiha milli teżerċita din l-attività fil-futur. Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, la Uber Spain, la l-proprjetarji u lanqas ix-xufiera tal-vetturi kkonċernati ma għandhom liċenzji u approvazzjonijiet previsti mir-regolament dwar is-servizzi ta’ taxi għaż-żona metropolitana ta’ Barcelona.

17.      Uber Spain tikkontesta li hija qed twettaq kwalunkwe ksur tal‑leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasport. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, hija l‑kumpannija rregolata taħt id-dritt Olandiż Uber BV li topera l-applikazzjoni Uber fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi Spanja, u għalhekk l-ilmenti tar‑rikorrenti kellhom ikunu indirizzati lilha. Uber Spain twettaq biss kompiti ta’ reklamar għan-nom ta’ Uber BV. Uber Spain sostniet dawn id-dikjarazzjonijiet fl-osservazzjonijiet tagħha f’din il-kawża.

18.      Fir-rigward ta’ ċirkustanza fattwali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar liema miż-żewġ kumpanniji msemmija iktar 'il fuq għandha tkun id-destinatarja ta’ ordni eventwali. Madankollu, jiena ser nassumi li l-applikazzjoni Uber hija operata fl‑Unjoni mill-kumpannija Uber BV (6). Hija fuq din il-premessa, li għandha konsegwenzi fuq il-pjan tad-dritt tal-Unjoni, li ser tkun ibbażata l-analiżi tiegħi. F’dawn il-konklużjonijiet jiena ser nuża t-terminu “Uber” sabiex nirreferi għall-pjattaforma elettronika ta’ prenotazzjoni kif ukoll għall-operatur tagħha.

19.      Irrid nispjega wkoll, fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima tal-kawża prinċipali, li hawnhekk ma hijiex kwistjoni li jiġi mblokkat jew li b’xi mod ieħor jitwaqqaf l-użu tal-applikazzjoni Uber fuq l-ismartphones. Ma ntalbet ebda ordni u lanqas ebda miżura oħra f’dan is-sens. Il-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-possibbiltà, li Uber, tipprovdi, bl-għajnuna ta’ din l‑applikazzjoni, is-servizz UberPop fil-belt ta’ Barcelona.

 Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Peress li s-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il‑Juzgado Mercantil n° 3 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) Sa fejn l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva [2006/123] jeskludi l‑attivitajiet tat-trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, l‑attività ta’ intermedjarju bejn il-proprjetarji ta’ vetturi u l-persuni li għandhom bżonn jagħmlu vjaġġi f’belt, eżerċitata mill-konvenuta bi skop ta’ lukru u li fil-kuntest tagħha din tal-aħħar tamministra l‑mezzi informatiċi – interface u applikazzjoni ta’ softwer (“telefowns intelliġenti u pjattaformi tekonoloġiċi”, fi kliem il‑konvenuta) – li jippermettu li jkun hemm konnessjoni bejn dawn il-persuni, għandha titqies bħala attività ta’ trasport, bħala servizz elettroniku ta’ intermedjarju jew bħala servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-[Direttiva 98/34]?

2) Għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura ġuridika ta’ din l‑attività, din tal-aħħar tista’ parzjalment titqies bħala servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni, u, jekk ikun il-każ, is-servizz elettroniku ta’ intermedjarju għandu jibbenefika mill-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, mill-Artikoli 56 TFUE u mid-Direttivi [2006/123] u [2000/31]?

3) Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li s-servizz ipprovdut minn [Uber Spain] ma huwiex servizz ta’ trasport u jaqa’ għadaqstant fil‑każijiet koperti mid-Direttiva 2006/123, il-kontenut tal-Artikolu 15 tal-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta – dwar il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-attività ta’ kompetizzjoni – huwa kuntrarju għal din id-direttiva u, iktar preċiżament għall-Artikolu 9 tagħha, dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni, sa fejn jirreferi għal-liġijiet jew dispożizzjonijiet ġuridiċi interni mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iskema ta’ ksib ta’ liċenzji, awtorizzazzjonijiet jew permessi ma tista’ bl-ebda mod tkun restrittiva jew sproporzjonata, fis-sens li ma tistax tostakola b’mod mhux raġonevoli l-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment?

4) Jekk ikun ikkonfermat li d-Direttiva [2000/31] hija applikabbli għas‑servizz ipprovdut minn [Uber Spain], ir-restrizzjonijiet li Stat Membru jimponi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi elettroniku ta’ intermedjarju minn Stat Membru ieħor billi jeżiġi l-ksib ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ liċenzja, jew fil-forma ta’ ordni ġudizzjarja ta’ waqfien tal-provvista tas-servizz elettroniku ta’ intermedjarju maħruġa abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal‑kompetizzjoni inġusta, jikkostitwixxu miżuri validi li jidderogaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2000/31] skont l‑Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva?”

21.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2015. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Grieg, l-Irlanda, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) ippreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub. L-istess persuni kkonċernati, barra l-Gvern Grieg, u l-Gvern Estonjan, kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fid-29 ta’ Novembru 2016.

 Analiżi

22.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel erba’ domandi preliminari, l-ewwel tnejn jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-attività ta’ Uber fid-dawl tad‑Direttivi 2000/31 u 2006/123 kif ukoll tat-Trattat FUE, filwaqt li t‑tnejn l-oħra jirrigwardaw il-konsegwenzi li, jekk ikun il-każ, għandhom jinġibdu minn din il-klassifikazzjoni.

 Fuq il-klassifikazzjoni tal-attività ta’ Uber

23.      Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-attività ta’ Uber taqax taħt id‑Direttivi 2006/123 u 2000/31 kif ukoll taħt id-dispożizzjonijiet tat‑Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

24.      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi analizzat, fl-ewwel lok, jekk din l-attività fid-dawl ta’ sistema organizzata mid-Direttiva 2000/31 u tad-definizzjoni ta’ “servizz tas-Soċjeta ta’ l‑Informatika” li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, definizzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31.

25.      Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk din l-attività tikkostitwixxix servizz fil-qasam tat-trasport jew fil-qasam ta’ transport fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE u tal-Artikolu 2(2)(d) tad‑Direttiva 2006/123. Fil-fatt, il-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport jitwettaq fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport (7) u dawn is-servizzi huma, għal din ir-raġuni, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 skont id-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija.

 L’attività ta’ Uber fid-dawl tad-Direttiva 2000/31

26.      Sabiex jiġi evalwat jekk l-attività ta’ Uber taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31, għandu jsir riferiment għad‑definizzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni mogħtija fl‑Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva. Din id-definizzjoni tirreferi għall‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34.

27.      Skont din l-aħħar dispożizzjoni, servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni huwa servizz mogħti għal remunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ destinatarju. Il-kriterji ta’ natura remuneratorja tas-servizz u tal-provvista fuq talba individwali ma jidhirx li joħolqu problema. Mill-banda l-oħra, huwa mod ieħor għal dak li jirrigwarda l-provvista mill-bogħod b’mezzi elettroniċi.

28.      Kif esponejt fil-qosor fil-parti ddedikata liċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali, Uber tippermetti, essenzjalment, li jinstab, bl‑għajnuna ta’ applikazzjoni għall-ismartphone, xufier u li tpoġġih f’kuntatt mal-passiġġier potenzjali, sabiex titwettaq provvista ta’ trasport urban fuq talba. Għalhekk ninsabu fil-preżenza ta’ servizz imħallat, peress li parti minn dan is-servizz jitwettaq b’mezz elettroniku u l-parti l‑oħra, mid-definizzzjoni tiegħu, le. Għandu jiġi ddeterminat jekk tali servizz jaqax fid‑Direttiva 2000/31.

–        Is-servizzi mħallta fid-Direttiva 2000/31

29.      Id-Direttiva 2000/31 hija intiża sabiex tiżgura l-effikaċja tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Dawn is-servizzi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, b’riferiment għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, tali servizz, fost affarijiet oħra, “jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi” (8).

30.      Ovvjament, ċerti provvisti jinkludu elementi li ma humiex mibgħuta b’mezzi elettroniċi, għaliex ma jistgħux ikunu virtwalizzati. Il‑bejgħ online ta’ oġġetti materjali huwa eżempju tajjeb ta’ dan, għaliex, skont il-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31, jaqa’ neċessarjament taħt servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Mill-bqija d-Direttiva 2000/31 tippreċiża li l-qasam ikkoordinat, jiġifieri r-regoli ta’ dritt kollha li japplikaw għal servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u li abbażi tagħhom l-Istati Membri ma jistgħux, fil-prinċipju, jirrestrinġu l-attività tal‑fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra, ma jkoprix ir-rekwiżiti applikabbli għas-servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezz elettroniku (9). L-Istati Membri huma għalhekk liberi, fil-limiti eventwalment stabbiliti minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, li jirrestrinġu l-libertà tal‑fornituri b’regoli li jirrigwardaw servizzi pprovduti mhux b’dan il‑mezz (10).

31.      Madankollu, sabiex id-Direttiva 2000/31 tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, il‑liberalizzazzjoni limitata għall-element elettroniku biss għandu jkollha effett reali fuq il-possibbiltà li tiġi eżerċitata l-attività. Din hija r-raġuni li għaliha l-leġiżlatur ikkonċentra fuq is-servizzi li huma, fil-prinċipju, għalkollox trasmessi b’mezz elettroniku, b’dan illi l-eventwali provvisti pprovduti b’mezzi oħra jkunu biss element aċċessorju ta’ tali servizzi. Fil-fatt ikun inutli li tilliberalizza biss parti sekondarja ta’ provvista kumplessa jekk din il-provvista ma tistax titwettaq b’mod liberu minħabba leġiżlazzjoni li hija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31. Tali liberalizzazzjoni mhux biss donnha ma tilħaqx l-għan tagħha, iżda jkollha wkoll konsegwenzi ħżiena, billi ġġib inċertezza legali u billi twassal għal telf ta’ fiduċja fil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

32.      Għal din ir-raġuni, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni li ddaħħal fil-kamp ta’ dan il-kunċett attivitajiet online li ma għandhomx valur ekonomiku awtonomu ma tkunx effikaċja fir-rigward tat-twettiq tal-għan li trid tilħaq id‑Direttiva 2000/31.

33.      Fil-każ ta’ servizzi mħallta, jiġifieri servizzi li fihom komponenti elettroniċi u mhux elettroniċi, servizz jista’ jitqies bħala trasmess għalkollox b’mezz elettroniku, fl-ewwel lok, meta l-provvista li ma tkunx ipprovduta b’mezz elettroniku tkun ekonomikament indipendenti mis‑servizz li huwa pprovdut b’dan il-mezz.

34.      Dan il-każ huwa preżenti b’mod partikolari, fis-sitwazzjoni ta’ fornitur intermedjarju li jiffaċilita r-relazzjonijiet kummerċjali bejn utent u fornitur ta’ servizzi (jew bejjiegħ) indipendenti. Il-pjattaformi ta’ xiri ta’ biljetti tal-ajru jew ta’ prenotazzjoni ta’ lukandi huma eżempju. F’tali każ, il-provvista tal-intermedjarju għandha valur reali miżjud kemm għall‑utent kif ukoll għall-imprenditur ikkonċernat, iżda hija tibqa’ ekonomikament awtonoma, u l-imprenditur iwettaq l-attività tiegħu b’mod indipendenti.

35.      Għall-kuntrarju, meta l-fornitur ta’ servizz ipprovdut b’mezz elettroniku jkun ukoll il-fornitur ta’ servizz li ma huwiex ipprovdut b’dan il-mezz jew meta jeżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet tal‑provvista ta’ dan l-aħħar servizz, b’tali mod li t-tnejn jifformaw ħaġa indissoċjabbli, fil-fehma tiegħi għandu jiġi ddeterminat l-element prinċipali tal-provvista inkwistjoni, jiġifieri dak li jagħtiha s-sens ekonomiku tagħha. Il-klassifikazzjoni ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni timplika li l-element prinċipali tiegħu huwa dak li jitwettaq b’mezz elettroniku.

36.      Pereżempju, dan huwa l-każ tal-bejgħ ta’ oġġetti online. Fil-bejgħ online, l-elementi essenzjali tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-preżentazzjoni tal-offerta u l-aċċettazzjoni tagħha mix-xerrej, il-konklużjoni tal-kuntratt, u ħafna drabi l-ħlas, isiru b’mezzi elettroniċi u jaqgħu fil-kunċett ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Dan huwa dak li kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ker-Optika (11). Il-kunsinna tal-oġġett mixtri hija biss l-eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali, b’tali mod li l‑leġiżlazzjoni dwar din il-kunsinna ma għandhiex, fil-prinċipju, taffettwa l-provvista tas-servizz prinċipali.

37.      Madankollu, ma naħsibx li d-Direttiva 2000/31 għandha tkun interpretata fis-sens li kull attività online marbuta ma’ tranżazzjonijiet kummerċjali, kemm jekk biss aċċessorja, sekondarja jew preparatorja, u li ma hijiex ekonomikament indipendenti tikkostitwixxi fiha nnifisha servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

38.      Nipproponi li issa tiġi analizzata l-attività ta’ Uber fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti.

–        L-attività ta’ Uber

39.      Ir-riżultat ta’ din l-analiżi jiddependi ħafna fuq il-punt dwar jekk l-attività ta’ Uber għandhiex titqies bħala waħda kkostitwita, minn naħa, mill-provvista li tinħoloq relazzjoni bejn passiġġieri u xufiera bl‑għajnuna tal-pjattaforma elettronika u min-naħa l-oħra, mill-provvista ta’ trasport proprju, jew jekk dawn iż-żewġ provvisti għandhomx ikunu kkunsidrati bħala żewġ servizzi distinti. Ser nibda minn din il-problema.

40.      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ attività fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti, għandhom isiru ċerti ipoteżi fattwali. Peress li l-elementi fattwali pprovduti mill-qorti tar-rinviju ma humiex kompluti u li s-servizz inkwistjoni kien sospiż fi Spanja b’applikazzjoni ta’ ordnijiet ġudizzjarji, l-analiżi tiegħi ser tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli fir-rigward tal-metodi ta’ funzjonament ta’ Uber f’pajjiżi oħra (12). Dawn il-metodi ta’ funzjonament huma simili ħafna. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq l‑evalwazzjonijiet fattwali definittivi.

41.      X’inhi Uber? Hija impriża ta’ transport, tat-taxis b’mod iktar sempliċi? Jew hija biss pjattaforma elettronika li ssib, tirriżerva u tħallas servizz ta’ trasport ipprovdut minn ħaddieħor?

42.      Huwa komuni li Uber tkun ikklassifikata bħala impriża (jew pjattaforma) tal-ekonomija msejħa “kollaborattiva”. Jidhirli li huwa inutli li hawnhekk isir dibattitu dwar it-tifsira eżatta ta’ dan it-terminu (13). Dak li huwa rilevanti fir-rigward ta’ Uber huwa li żgur ma tistax titqies bħala pjattaforma ta’ carpooling (14). Fil-fatt, ix-xufiera fil‑kuntest ta’ din il-pjattaforma jipprovdu lill-passiġġieri servizz ta’ trasport lejn destinazzjoni magħżula mill-passiġġier u, fil-fatt, huma remunerati b’ammont li jeċċedi ferm is-sempliċi rimbors tal-ispejjeż sostnuti. Għalhekk dan huwa servizz ta’ trasport klassiku. Ikunx jitqies li jappartjeni għal “ekonomija kollaborattiva” ma għandu ebda effett għall‑finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu fir-rigward tad-dritt fis-seħħ.

43.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Uber tillimita ruħha biss għar-rabta bejn l-offerta (ta’ transport urban) u d-domanda. Madankollu jiena naħseb li din hija viżjoni ridotta tar-rwol tagħha. Fil-fatt, Uber tagħmel ferm iktar milli torbot l-offerta mad-domanda: hija stess toħloq din l-offerta. Hija tirregola wkoll il-karatteristiċi essenzjali tagħha u torganizza l-funzjonament tagħha.

44.      Uber tippermetti lill-persuni li jixtiequ jibdew l-attività ta’ transport urban ta’ passiġġieri li jingħaqdu fl-applikazzjoni tagħha u jwettqu din l-attività skont il-kundizzjonijiet imposti minn Uber u li torbot ix-xufiera permezz ta’ kuntratt ta’ użu tal-applikazzjoni. Dawn il‑kundizzjonijiet huma multipli u jirrigwardaw kemm l-aċċess għall‑attività kif ukoll il-prosegwiment tagħha u anki l-aġir tax-xufiera waqt it-twettiq tal-provvisti.

45.      Għalhekk, sabiex wieħed ikun jista’ jaċċedi għall-applikazzjoni Uber bħala xufier, huwa indispensabbli li jkollu vettura (15). Il-vetturi aċċettati sabiex jagħmlu vjaġġi għan-nom ta’ Uber għandhom jissodisfaw kundizzjonijiet, li jidher, ivarjaw skont il-pajjiżi u l-bliet, iżda huma, b’mod ġenerali, vetturi ta’ turiżmu b’erba’ jew ħames bibien suġġetti, tal‑inqas, għal limitu ta’ età. Il-vetturi għandhom jissodisfaw ir-regoli fir-rigward tal-kontroll tekniku u ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja (16).

46.      Naturalment ix-xufiera għandu jkollhom liċenzja tas-sewqan (b’esperjenza speċifikata) u ċertifikat tal-kondotta nadif. F’ċerti pajjiżi hija rikjesta wkoll dikjarazzjoni dwar ir--reati tat-traffiku.

47.      Minkejja li l-ħin tax-xogħol fil-kuntest tal-pjattaforma Uber ma huwiex irregolat, b’tali mod li x-xufiera jistgħu jeżerċitaw din l-attività b’mod kumplimentarju, jiġri li l-maġġoranza tal-vjaġġi jsiru minn xufiera li din hija l-unika attività tagħhom jew l-attività professjonali prinċipali tagħhom. Jekk iwettqu numru kbir ta’ vjaġġi huma jiġu wkoll ikkumpensati finanzjarjament minn Uber. Uber tindika wkoll lix-xufiera l-postijiet u l-perijodi li fihom jistgħu joperaw fuq numru ta’ traġitti importanti u/jew b’tariffi vantaġġużi. B’hekk, mingħajr ma teżerċita infurzar formali fuq ix-xufiera, Uber hija kapaċi tadatta l-offerta tagħha għall-varjazzjoni tad-domanda.

48.      L-applikazzjoni Uber tinkludi funzjonalità ta’ evalwazzjoni: il‑passiġġieri jistgħu jevalwaw lix-xufiera u bil-maqlub. Medja ta’ punti inqas minn ċertu livell jista’ jwassal għat-tkeċċija mill-pjattaforma, b’mod partikolari tax-xufiera. Għalhekk Uber teżerċita kontroll, minkejja li indirett, fuq il-kwalità tal-provvisti tax-xufiera.

49.      Fl-aħħar nett, hija Uber li tiddetermina l-prezz tas-servizz ipprovdut. Dan il-prezz huwa kkalkolat skont id-distanza u t-tul tal-vjaġġ, kif irreġistrati mill-applikazzjoni permezz tal-ġeolokalizzazzjoni. Insegwitu algoritmu jistabbilixxi l-prezz skont l-intensità tad-domanda, billi jimmultiplika l-prezz bażiku b’fattur xieraq kif id-domanda tiżdied minħabba, pereżempju, avveniment jew sempliċement tibdil tal‑kundizzjoniji tat-temp, bħal maltempata.

50.      Minkejja li waqt is-seduta r-rappreżentanti ta’ Uber iddikjaraw li x-xufiera huma fil-prinċipju, liberi li jitolbu ammont inqas minn dak indikat mill-applikazzjoni, din ma jidhirlix li hija għażla realment possibbli għax-xufiera. Fil-fatt, għalkemm tali għażla hija fit-teorija mogħtija lilhom, Uber tiġbor madankollu, bħala kummissjoni, l-ammont li jirriżulta mill-kalkolu tal-prezz tal-vjaġġ li jkun sar bl-applikazzjoni. Kull tnaqqis possibbli tal-prezz imħallas mill-passiġġier isir għad-detriment tax-xufier, u għalhekk il-probabbiltà li juża din l-għażla hija żgħira (17). Għalhekk jidhirli li huwa diffiċli li jiġi kkontestat li l-prezz tal-vjaġġ huwa ddeterminat minn Uber.

51.      B’hekk, Uber teżerċita kontroll fuq l-aspetti rilevanti kollha ta’ servizz ta’ transport urban: fuq il-prezz, b’mod evidenti, iżda wkoll fuq il-kundizzjonijiet minimi ta’ sigurtà permezz ta’ rekwiżiti minn qabel fir-rigward tax-xufiera u l-vetturi, fuq l-aċċessibbiltà tal-offerta ta’ trasport billi tinkoraġġixxi lix-xufiera joperaw fil-mumenti u fil-postijiet ta’ domanda qawwija, fuq l-aġir tax-xufiera permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni u fl-aħħar nett, fuq il-possibbiltà ta’ tneħħija mill‑pjattaforma. L-aspetti l-oħra huma fl-opinjoni tiegħi, sekondarji mill-perspettiva ta’ utent medju ta’ servizz ta’ trasport urban u ma jaffettwawx l-għażliet ekonomiċi tiegħu. Uber tikkontrolla għalhekk il‑fatturi ekonomikament rilevanti ta’ servizz ta’ trasport offrut fil-kuntest tal-pjattaforma tagħha.

52.      Minkejja li dan il-kontroll ma huwiex eżerċitat permezz ta’ subordinazzjoni ġerarkika ta’ fattura klassika, madankollu ma għandux jitħalla jsir abbuż mill-apparenza. Kontroll indirett bħal dak eżerċitat minn Uber, ibbażat fuq inċentiv finanzjarju u evalwazzjoni diċentralizzata mill-passiġġieri, flimkien mal-effett tal-iskala (18), jippermetti ġestjoni effikaċi wkoll, jekk mhux iktar, minn dak ibbażat fuq ordnijiet formali mogħtija minn persuna li tħaddem lill‑impjegati tagħha u l-kontroll dirett tal-implementazzjoni tagħhom.

53.      Dan iwassalni sabiex nikkonstata li l-attività ta’ Uber tikkonsisti biss fi provvista ta’ transport abbord ta’ vettura misjuba u ordnata permezz tal-applikazzjoni għal smartphone u li dan is-servizz jingħata, mill-perspettiva ekonomika (19), minn Uber f’isimha. Dan is-servizz huwa wkoll ippreżentat lil u rċevut mill-utenti b’dan il-mod. Billi jiddeċiedu li jirrikorru għas-servizzi ta’ Uber, dawn l-utenti jfittxu servizz ta’ trasport li għandu ċertu funzjonalitajiet u ċerta kwalità. Dawn il-funzjonalitajiet u din il-kwalità ta’ trasport huma żgurati minn Uber.

54.      Din il-konstatazzjoni ma tfissirx madankollu li x-xufiera ta’ Uber għandhom ikunu neċessarjament jitqiesu bħala l-impjegati tagħha. Din il-kumpannija tista’ twettaq b’mod tajjeb il-provvisti tagħha billi tirrikorri għall-imprendituri indipendenti, li jaġixxu għan-nom tagħhom fil-kwalità ta’ sottokuntratturi. Il-polemika rigward l-istatus tax-xufiera vis-à-vis Uber, li waslet diġà għal deċiżjonijiet ġudizzjarji f’ċerti Stati Membri (20), hija barranija għall-kwistjoni ta’ liġi li għandna f’din il‑kawża.

55.      L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-proprjetà tal-vetturi. Il‑fatt li Uber ma hijiex il-proprjetarja ta’ dawn il-vetturi hija fil-fehma tiegħi irrilevanti, għaliex imprenditur jista’ xorta jiżgura provvisti ta’ servizz ta’ transport permezz ta’ vetturi li jappartjenu lil terzi, iktar u iktar jekk, għall-finijiet ta’ dan is-servizz, huwa rrikorra għand dawn it-terzi, minkejja n-natura tar-rabta legali li torbot dawn iż-żewġ partijiet.

56.      Għall-kuntrarju, il-konstatazzjoni li għadni kif għamilt teskludi fil‑fehma tiegħi, li Uber titqies bħala sempliċi intermedjarju bejn ix-xufiera u l-passiġġieri. Ix-xufiera li joperaw fil-kuntest tal‑pjattaforma Uber ma jeżerċitawx attività tagħhom proprja li teżisti indipendentement minn din il-pjattoforma. Għall-kuntrarju, din l-attività tista’ teżisti biss grazzi għall-pjattaforma (21), li mingħajrha ma jkollha ebda sens.

57.      Għal din ir-raġuni, fl-opinjoni tiegħi huwa żbaljat li Uber titqabbel ma’ pjattaformi ta’ intermedjarji tat-tip li jippermettu li ssir prenotazzjoni ta’ lukanda jew xiri ta’ biljetti tal-ajru.

58.      Huwa evidenti, li jeżistu similaritajiet, pereżempju minħabba mekkaniżmi ta’ prenotazzjoni jew xiri direttament fuq il-pjattaforma, faċilitajiet ta’ ħlas jew anki sistemi ta’ evalwazzjoni. Dawn huma servizzi offruti mill-pjattaforma lill-utenti tagħha.

59.      Madankollu, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni tax-xufiera ta’ Uber, kemm il-lukandi kif ukoll il-kumpanniji tal-ajru huma impriżi li l‑funzjonament tagħhom huwa totalment indipendenti minn kull pjattaforma intermedjarja u li għalihom tali pjattaformi jikkostitwixxu biss mezz fost oħrajn sabiex jikkummerċjalizzaw is-servizzi tagħhom. Huma wkoll huma, u mhux il-pjattaforma ta’ prenotazzjoni, li tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ provvista tas-servizzi tagħhom, l-ewwel nett il-prezz (22). Dawn l-impriżi jiffunzjonaw ukoll skont il‑leġiżlazzjonijiet partikolari għas-settur tal-attività tagħhom, b’tali mod li l-pjattaformi ta’ prenotazzjoni ma jeżerċitawx kontroll minn qabel fuq l-aċċess għall-attività kif tagħmel Uber fir-rigward tax-xufiera tagħha.

60.      Fl-aħħar nett, l-utenti għandhom, fuq tali pjattaforma ta’ prenotazzjoni, għażla vera bejn diversi fornituri li l-offerti tagħhom huma differenti fuq diversi fatturi importanti mill-perspettiva tagħhom, bħall‑istandards tat-titjir u tal-akkomodazzjoni, il-ħinijiet tal-ajruplani, fejn tinsab il-lukanda, eċċ. Għall-kuntrarju, skont Uber, dawn il-fatturi huma standardizzati u ddeterminati mill-pjattaforma, b’tali mod li bħala regola ġenerali, il-passiġġier jaċċetta l-provvista tax-xufier l-iktar disponibbli malajr.

61.      Għalhekk Uber ma hijiex sempliċi intermedjarju bejn ix-xufiera lesti li jagħtu b’mod okkażjonali servizz ta’ transport u passiġġieri li qed ifittxu tali servizz. Għall-kuntrarju, Uber hija realment torganizza u topera servizzi ta’ trasport urban fl-ibliet li fihom hija preżenti. Minkejja li huwa minnu, kif tiddikjara Uber fl-osservazzjonijiet tagħha f’din il-kawża, li l-kunċett tagħha huwa innovattiv, din l-innovazzjoni taqa’ madankollu fil-qasam tat-trasport urban.

62.      Għandi nirrileva wkoll li l-fatt li Uber titqies bħala pjattaforma li tgħaqqad fornituri ta’ servizzi indipendenti jista’ jwassal sabiex iqajjem mistoqsijiet mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni (23). Madankollu ma jiniex ser nargumenta iktar dwar dan il-punt, għaliex imur lil hinn mill-kuntest ta’ din il-kawża.

63.      Fis-sistema ta’ funzjonament ta’ Uber, it-tqegħid f’kuntatt ta’ passiġġier potenzjali ma’ xufier ma għandux għalhekk valur ekonomiku proprju, għaliex, kif diġà esponejt iktar 'il fuq, ix-xufiera li jaħdmu għal Uber ma għandhomx, fi kwalunkwe każ meta jsuqu fil-kuntest tas‑servizzi ta’ Uber, attività ekonomika indipendenti. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan is-servizz, minn naħa, ix-xufiera ta’ Uber jistgħu jsibu passiġġiera biss permezz tal-applikazzjoni Uber, u min-naħa l-oħra, din l‑applikazzjoni tippermetti li jinstabu biss xufiera li joperaw fil-kuntest ta’ din il-pjattaforma. Għalhekk wieħed huwa inseparabbli mill-ieħor, u t-tnejn jifformaw parti minn servizz wieħed. Lanqas ma naħseb li l‑provvista ta’ trasport fil-veru sens tal-kelma tista’ titqies bħala sekondarja.

64.      Huwa minnu li n-natura innovattiva tal-pjattaforma Uber hija bbażata fil-parti l-kbira fuq l-użu ta’ teknoloġija ġdida, bħal ġeolokalizzazzjoni u l-ismartphones, għall-organizzazzjoni tat-trasport urban. Iżda din l-innovazzjoni ma hijiex limitata għal dan: hija tirrigwarda wkoll l-organizzazzjoni ta’ transport innifsu, li mingħajru Uber tkun sempliċi applikazzjoni ta’ prenotazzjoni ta’ taxis. B’hekk, fil‑kuntest ta’ dan is-servizz, hija mingħajr dubju l-provvista ta’ trasport li hija l-provvista prinċipali u li tagħtih is-sens ekonomiku tiegħu. L‑utenti jfittxu x-xufiera għal skop wieħed, dak li jkunu ttrasportati minn punt għall-ieħor. Il-fażi ta’ tqiegħid f’kuntatt għandha għalhekk natura preparatorja biss sabiex tippermetti t-twettiq tal-provvista prinċipali bl‑aħjar mod.

65.      Għalhekk il-provvista li tqiegħed f’kuntatt il-passiġġier max‑xufier la hija awtonoma u lanqas prinċipali meta mqabbla mal‑provvista ta’ transport. Minħabba dan ma tistax tkun ikklassifikata bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”. Tali klassifikazzjoni ma tippermettix li jintlaħqu l-għanijiet ta’ liberalizzazzjoni li huwa l-bażi tad‑Direttiva 2001/31, għaliex anki jekk l-attività ta’ tqegħid f’kuntatt hija lliberalizzata, l-Istati Membri huma liberi li jirrendu impossibbli l‑prosegwiment tagħha billi jirregolaw l-attività ta’ trasport. L-uniku riżultat ta’ tali liberalizzazzjoni jkun għalhekk li l-Istat Membru li fih il‑fornitur huwa stabbilit jista’ jibbenefika minn dan l-istabbiliment (grazzi għall-investituri, għall-ħolqien tax-xogħol u għad-dħul fiskali), filwaqt li jipprekludi l-provvista ta’ servizz fit-territorju tiegħu skont il-leġiżlazzjoni relatata mal-provvisti mhux koperti mid-Direttiva 2000/31 (24). Tali sitwazzjoni tostakola kull loġika tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni kif inhi organizzata minn din id-direttiva, li hija bbażata fuq is-sorveljanza tal-legalità tal-funzjonament tal-fornitur mill‑Istat Membru tal-istabbiliment tiegħu u r-rikonoxximent ta’ din is‑sorveljanza mill-Istati Membri l-oħra (25).

66.      Tali sitwazzjoni, li fiha l-funzjonament tal-pjattaforma ma huwiex formalment ipprojbit, iżda, minħabba l-mudell stess tas-servizz UberPop, ibbażat fuq xufiera mhux professjonisti, l-attività ta’ transport ma tistax tkun eżerċitata f’osservanza tal-liġi, twassal għall-effett ħażin ieħor. Fil‑fatt jirriżulta li Uber tuża mezzi differenti mxandra mill-istampa, pereżempju n-nuqqas ta’ konnessjoni temporanju tal-applikazzjoni f’ċerti żoni, sabiex tipprekludi l-kontrolli tax-xufiera tagħha mill-awtoritajiet. Hija tagħti wkoll għajnuna legali u finanzjarja lix-xufiera ssanzjonati talli pprovdew provvisti ta’ trasport mingħajr ma kellhom l-awtorizzazzjoni meħtieġa. Ix-xufiera stess jużaw diversi mezzi sabiex jevitaw il‑kontrolli (26). B’hekk, din il-liberalizzazzjoni inkompleta, anki sempliċement apparenti, li fiha element ta’ attività kumplessa huwa lliberalizzat, filwaqt li ieħor jibqa’ rregolat, toħloq inċertezza legali, li twassal għal inċertezza u tinkoraġġixxi l-ksur tal-liġi.

 L-attività ta’ Uber fir-rigward tad-Direttiva 2006/123

67.      Ma jkunx ta’ sorpriża li l-attività ta’ Uber, kif iddefinita fil-punti preċedenti, jiġifieri bħala provvista unika li tinkludi kemm it-tfittxija ta’ xufier disponibbli u l-prenotazzjoni tal-vjaġġ kif ukoll il-provvista ta’ trasport stricto sensu, tista’ titqies bħala servizz fil-qasam tat‑trasport fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123.

68.      Għalkemm il-formulazzjoni biss ta’ din id-dispożizzjoni, li teskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, is-“servizzi fil‑qasam tat-trasport”, ma tidhirx li hija suffiċjenti sabiex issir tali konstatazzjoni, il-premessa 21 ta’ din id-direttiva ma tħalli ebda dubju billi tindika li l-imsemmija servizzi jinkludu t-“transport urban [u] it‑taxis”. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jsir dibattitu dwar jekk il-provvisti ta’ Uber jikkostitwixxux forma ta’ servizz ta’ taxi: peress li hawnhekk jissemmew il-metodi ta’ trasport urban kollha u Uber hija ċertament wieħed minnhom.

69.      L-attività ta’ Uber għandha tkun ikklassifikata wkoll bħala li taqa’ fl-eċċezzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl‑Artikolu 58(1) TFUE u hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni li tinsab fl‑Artikoli 90 et seq TFUE. L-Artikolu 91(1)(b) TFUE jsemmi espressament il-“kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’xi Stat Membru” bħala materja li għandha tkun irregolata fil-kuntest tal-politika komuni ta’ trasport. Issa jekk jiġi aċċettat, kif insostni, li Uber teżerċita provvisti ta’ trasport urban, għandha titqies jekk mhux bħala trasportatur fis-sens proprju, tal-inqas bħala organizzatur ta’ servizzi ta’ trasport.

70.      Għalhekk u mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi analizzata s‑sentenza Gurpo Itevelesa et (27),imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid‑deċiżjoni tar-rinviju tagħha, għandu jiġi konkluż li l-attività ta’ Uber tikkostitwixxi servizz fil-qasam tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123. Għalhekk hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, din l-attività taqa’ fl‑eċċezzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tinsab fl‑Artikolu 58(1) TFUE u hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 90 et seq TFUE.

 Konklużjoni fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari

71.      Sabiex niġbor fil-qosor il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal‑fehma li, fil-każ ta’ servizzi mħallta, magħmula minn element ipprovdut b’mezz elettroniku u minn element ieħor li ma huwiex ipprovdut b’dan il-mezz, l-ewwel element għandu jkun ekonomikament indipendenti, jew prinċipali, meta mqabbel mat-tieni, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.” L-attività ta’ Uber għandha tkun analizzata bħala ħaġa waħda li tinkludi kemm is‑servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ passiġġieri max-xufiera permezz tal‑applikazzjoni għal smartphones kif ukoll il-provvista ta’ trasport innifsu, li tikkostitwixxi, mill-perspettiva ekonomika, l-element prinċipali. Din l-attività ma tistax għalhekk tinqasam fi tnejn, sabiex parti minn dan is-servizz tkun ikklassifikata bħala servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni. Konsegwentement, tali servizz għandu jkun ikklassifikat bħala “servizz fil-qasam ta’ trasport”.

72.      Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari għandha tkun kif ġej:

–        L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, għandu jkun interpretat fis‑sens li servizz li jikkonsisti fi tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ softwer għal telefowns ċellulari, ta’ passiġġieri potenzjali max‑xufiera li joffru provvisti ta’ trasport individwali urban fuq talba, f’sitwazzjoni fejn il-fornitur tal-imsemmi servizz jeżerċita kontroll fuq il-modalitajiet essenzjali tal-provvisti ta’ trasport imwettqa f’dan il-kuntest, b’mod partikolari fuq il-prezz tal‑imsemmija provvisti, ma jikkostitwixxix servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

–        L-Artikolu 58(1) TFUE u l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 għandu jkun interpretat fis-sens li s-servizz deskritt fil-punt preċedenti jikkostitwixxi servizz ta’ transport fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet.

73.      Sintendi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet fattwali tagħha, jekk l-attività inkwistjoni fil‑proċedura fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kriterju ta’ kontroll stabbilit hawn fuq. Madankollu ninnota li diversi qrati fi Stati Membri differenti diġà ddeċidew f’dan is-sens (28). Dan jista’ jservi ta’ ispirazzjoni lill-qorti tar-rinviju, fl-ispirtu ta’ netwerk tal-ġustizzja.

 Rimarki finali

74.      Fid-dawl tar-risposti li qed nipproponi li jingħataw għall-ewwel u tieni domandi, it-tielet u r-raba’ domandi preliminari ma jibqgħalhomx skop. Fir‑rimarki finali tiegħi, irrid madankollu nanalizza l-effetti legali tal‑klassifikazzjoni eventwali tal-provvisti mwettqa minn Uber bħala servizz awtonomu, limitat għat-tqegħid f’kuntatt tal-passiġġieri max‑xufiera, li ma jkoprix il-provvista ta’ trasport fil-veru sens tal-kelma. Tali servizz għandu mingħajr dubju jkun kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni”. Madankollu, fil-fehma tiegħi ma huwiex neċessarju li jiġi deċiż jekk dan is-servizz jaqax fil-qasam tat-trasport.

 Is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni

75.      Infakkar li skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni huwa servizz ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ destinatarju. Servizz li jikkonsisti fi tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ passiġġieri potenzjali ma’ xufiera jissodisfa ċertament dawn il-kriterji.

76.      Għal dak li jirrigwarda n-natura remuneratorja tal-provvista, fis‑sistema Uber, parti mill-prezz tal-vjaġġ imħallas mill-passiġġier tmur għall-operatur tal-pjattaforma. Il-provvista ta’ tqegħid f’kuntatt hija għalhekk remunerata mill-passiġġier, ladarba titwettaq il-provvista ta’ trasport.

77.      Dan is-servizz, analizzat b’mod separat mill-provvista ta’ transport, huwa pprovdut ukoll mill-bogħod, biż-żewġ partijiet, jiġifieri Uber u d-destinatarju tas-servizz, ma jkunux preżenti b’mod simultanju. Il-provvista ta’ tqegħid f’kuntatt jitwettaq permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones li topera permezz ta’ netwerk tal-internet, li jaqa’ mingħajr dubju fil-kunċett ta’ provvista b’mezz elettroniku. Barra minn hekk dan huwa l-uniku modalità ta’ riżervazzjoni ta’ vjaġġ fil-kuntest tal‑pjattaforma Uber. Fl-aħħar nett, is-servizz ma huwiex ipprovdut b’mod kontinwu, iżda fuq talba tad-destinatarju.

78.      Is-servizz Uber, kif iddefinit fil-punt 74 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, jaqa’ għalhekk fid-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/31.

79.      Peress li l-applikazzjoni Uber hija amministrata u pprovduta, kemm għax-xufiera kif ukoll għall-passiġġieri, fit-territorju tal-Unjoni mill-kumpannija Uber BV stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Stati Membri oħra, inkluż fi Spanja, din il-provvista hija mwettqa fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, irregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 3(2) u (4) tad‑Direttiva 2000/31.

80.      Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri ma jistgħux fil‑prinċipju jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li joriġinaw minn Stati Membri oħra, għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, billi jintroduċu rekwiżiti, kemm jekk intiżi speċifikament għas-servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni jew li għandhom natura ġenerali. Il-qasam ikkoordinat ikopri b’mod partikolari, skont l-ewwel inċiż tal‑Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw “il‑bidu ta’ l-attività […] bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw […] awtorizzazzjoni […]”. Għall-kuntrarju, skont it-tielet inċiż tal-istess Artikolu 2(h)(ii), il-qasam ikkoordinat ma jkoprix “ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi”.

81.      Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit dwar il-bżonn ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ intermedjazzjoni fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ trasport urban fuq talba, jekk dan għadu fis-seħħ (29) u sa fejn dan japplika għas-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ipprovdut mill-pjattaforma Uber, jaqa’ fil-qasam ikkoordinat u huwa għalhekk kopert mill‑projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31. Għall-kuntrarju, ir-rekwiżiti kollha imposti fuq ix-xufiera, kemm dawk li jirrigwardaw il-bidu tal-attività ta’ trasport kif ukoll l-eżerċizzju ta’ din l‑attività, ma jaqgħux fil-qasam ikkoordinat u, konsegwentement, f’din il‑projbizzjoni, għaliex is-servizz ta’ trasport, min-natura tiegħu, ma huwiex ipprovdut b’mezz elettroniku.

82.      L-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31, jieħdu miżuri li jidderogaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jekk dawn il-miżuri jkunu neċessarji għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, tas-saħħa pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

83.      Minkejja li r-raba’ domanda preliminari tirrigwarda preċiżament il-ġustifikazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju ma tippreżentax fit-talba tagħha r-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw li l‑attività ta’ intermedjarju fil-qasam tat-trasport tkun suġġetta għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni. Il-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet tiegħu, iresssaq raġunijiet bħall-ġestjoni tat-traffiku u tas‑sigurtà fit-toroq. Madankollu jidher li dawn pjuttost jirrigwardaw raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-rekwiżiti imposti fuq ix-xufiera li jeżerċitaw provvisti ta’ trasport.

84.      Għal dak li jirrigwarda direttament il-provvisti ta’ intermedjarju, l-unika raġuni mressqa mill-Gvern Spanjol, li tista’ tapplika għal Uber hija dik dwar it-trasparenza fl-istabbiliment tal-prezz, li taqa’ fil‑protezzjoni tal-konsumaturi. Infakkar li, fis-sistema Uber, ma huwiex ix-xufier iżda l-pjattaforma li tistabbilixxi l-prezz tal-vjaġġ. Madankollu jidhirli li din it-trasparenza tista’ tkun żgurata b’mezzi inqas restrittivi mir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni għall-attività ta’ intermedjarju, bħal obbligu ta’ informazzjoni tal-passiġġier. Tali rekwiżit ma jissodisfax għalhekk il-kriterju ta’ proporzjonalità, previst b’mod espliċitu fl‑Artikolu 3(4)(a)(iii) tad-Direttiva 2000/31.

85.      Il-kumplessità tal-kawża prinċipali hija bbażata madankollu fuq il‑fatt li din il-proċedura għandha l-għan li tissanzjona lil Uber fir-rigward tal-allegati atti ta’ kompetizzjoni żleali lejn il-membri tar-rikorrenti (30). Dawn l-atti jirriżultaw mhux biss mill-fatt li Uber teżerċita l-attività ta’ intermedjarju iżda fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ trasport mingħajr l‑awtorizzazzjoni neċessarja, iżda wkoll mill-fatt li x-xufiera li jwettqu l‑provvisti ta’ trasport fil-kuntest tal-pjattaforma Uber ma jissodisfawx il‑kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Spanjola għal dawn it-tip ta’ provvisti. Issa, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex koperti la mid-Direttiva 2000/31 u lanqas mid-Direttiva 2006/123, għaliex jaqgħu mingħajr dubju fil-qasam tat-trasport.

86.      Għalhekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 200[0]/31 jipprekludu li Uber tkun issanzjonata minħabba kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill‑attività ta’ xufiera li jeżerċitaw il-provvisti ta’ transport fil-kuntest ta’ din il-pjattaforma? Kif esponejt hawn fuq (31), Uber ma hijiex, fl‑opinjoni tiegħi, sempliċi intermedjarju bejn il-passiġġieri u x-xufiera. Hija torganizza u tiġġestixxi sistema kompluta ta’ trasport urban fuq talba. Minħabba dan il-fatt hija responsabbli mhux biss mill-provvista ta’ tqegħid f’kuntatt tal-passiġġieri max-xufiera, iżda wkoll mill-attività ta’ dawn tal-aħħar. L-istess japplika anki jekk il-provvista ta’ tqegħid f’kuntatt għandha titqies bħala indipendenti meta mqabbla mal-provvista ta’ trasport proprja, għaliex dawn iż-żewġ provvisti huma fl-aħħar mill-aħħar eżerċitati minn Uber f’isimha.

87.      L-interpretazzjoni li tipprovdi li, sabiex tkun żgurata l-effikaċja tad-Direttiva 2000/31, l-attività ta’ Uber kollha kemm hi għandha tibbenefika mil‑liberalizzazzjoni prevista minn din id-direttiva, għandha fl-opinjoni tiegħi tkun eskluża. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tkun kontra d‑dispożizzjonijiet espressi tad-Direttiva 2000/31, li jipprovdu li l‑projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva (32) tirrigwarda biss ir-rekwiżiti li jirrigwardaw is-servizzi pprovduti b’mezz elettroniku. Skont tali interpretazzjoni, kull attività ekonomika tista’ teoretikament taqa’ fid-Direttiva 2000/31, għaliex kull imprenditur huwa llum f’pożizzjoni li joffri provvisti b’mezz elettroniku, bħal informazzjoni dwar il-prodotti jew is-servizzi tiegħu, il-prenotazzjoni, l-iffissar ta’ appuntamenti jew il-ħlas.

88.      Id-Direttiva 2000/31 ma tipprekludix għalhekk la r-rekwiżiti dwar l-attività ta’ trasport proprju stabbiliti mid-dritt nazzjonali, u lanqas li Uber tkun issanzjonata minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir‑rekwiżiti, inkluż b’ordni għat-terminazzjoni tas-servizz. Issa, l-attività ta’ Uber, tal-inqas għal dak li jirrigwarda s-servizz UberPop, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija organizzata b’tali mod li Uber ma tistax, fl-istat tagħha, tikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, hija tibbaża fuq xufiera mhux professjonisti li, ma għandhomx liċenzja ta’ trasport urban, u għalhekk skont id-definizzjoni, ma jissodisfawx l-imsemmija rekwiżiti. Il‑fatt li l-attività ta’ tqegħid f’kuntatt titqies bħala servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni ma jbiddel xejn minn din il-konstatazzjoni, għaliex il-provvisti ta’ xufiera ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31. Dan juri n-natura artifiċjali ta’ distinzjoni bejn servizz li huwa pprovdut b’mezz elettroniku u servizz li ma huwiex, fil‑każ fejn dawn iż-żewġ provvisti huma marbuta b’mod qawwi bejniethom u huma pprovduti mill-istess fornitur.

89.      Għall-kuntrarju, ma naħsibx li l-bżonn li tiġi żgurata l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ transport stricto sensu tista’ tiġġustifika l-istabbiliment, bħala miżura ta’ prevenzjoni, tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għas-servizzi ta’ intermedjarju b’mod ġenerali. Il-ġlieda kontra kull attività illegali f’dan il-qasam ma tistax tkun daqshekk ripressiva.

90.      Sabiex nikkonkludi din il-parti, jiena tal-opinjoni li jekk is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ passiġġieri potenzjali max-xufiera għandu jitqies bħala indipendenti mill-provvista ta’ trasport proprja, u għalhekk, bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, allura l‑Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 jipprekludi r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ tali servizz, sakemm dan ir-rekwiżit ma jkunx iġġustifikat b’waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva u ma jkunx proprozjonat mal-għan li jrid jintlaħaq, li ma tantx jidhirli li huwa probabbli. Barra minn hekk dan ma jkollux effett legali reali, peress li dan is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ma għandu ebda sens ekonomiku mingħajr il-provvisti ta’ trasport, li għall-kuntrarju, jistgħu jkunu suġġetti mil-leġiżlatur nazzjonali għal diversi rekwiżiti.

 Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123

91.      Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 20006/123, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex neċessarju li tiġi analizzata l-kwistjoni dwar jekk servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ passiġġieri potenzjonali ma’ xufiera li joffru provvista ta’ trasport urban fuq talba jaqax fil-kunċett ta’ servizz fil‑qasam ta’ trasport fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva.

92.      Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxi supremazija ta’ dispożizzjonijiet ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-aċċess u l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz f’setturi speċifiċi fil-każ ta’ kunflitt tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma’ din id-direttiva. Anki jekk id-Direttiva 2000/31 ma tissemmiex fost l-atti elenkati f’din id‑dispożizzjoni, il-formulazzjoni “[d]awn jinkludu”, fl-opinjoni tiegħi tindika b’mod ċar li din hija elenku mhux eżawrjenti, li huwa limitat għal atti li l-inklużjoni tagħhom ma hijiex evidenti. Issa, id-Direttiva 2000/31 għandha f’tali punt in-natura ta’ lex specialis meta mqabbla mad-Direttiva 2006/123, li anki fl-assenza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123, għandha tibbenefika minn supremazija skont il-prinċipju ta’ lex posterior generali non derogat legi priori speciali.

93.      Għalhekk, għalkemm l-attività ta’ tqegħid f’kuntatt għandha titqies bħala li taqa’ fid-Direttiva 2000/31, hija ma’ tidħolx fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

 Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproproni lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado Mercantil n°3 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja):

(1)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas‑servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il‑kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Lulju 1998, għandu jkun interpretat fis-sens li servizz li jikkonsisti fi tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ softwer għal telefowns ċellulari, ta’ passiġġieri potenzjali ma’ xufiera li joffru servizzi ta’ trasport individwali urban fuq talba, f’sitwazzjoni fejn il-fornitur tal-imsemmi servizz jeżerċita kontroll fuq il-modalitajiet essenzjali ta’ trasport imwettaq f’dan il-kuntest, b’mod partikolari fuq il-prezz tal-imsemmija provvisti, ma jikkostitwixxix servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

(2)      L-Artikolu 58(1) TFUE u l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jkun interpretat fis-sens li s-servizz deskritt fil-punt preċedenti jikkostitwixxi servizz ta’ trasport fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 98/48/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 98/34”). Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), id-Direttiva 98/34 ġiet abrogata fis-7 ta’ Ottubru 2015, iżda madankollu tibqa’ applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 huwa essenzjalment ifformulat b’mod identiku.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is‑servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).


5      Minkejja li hawnhekk ser nuża t-terminu “pjattaforma” sabiex nirreferi għas-sistema ta’ konnessjoni ta’ xufiera mal-passiġġieri u ta’ riżerva ta’ provvista ta’ transport, minn dan it-terminu ma tista’ tinġibed ebda konklużjoni fir-rigward tan-natura ta’ din il-pjattaforma. B’mod partikolari, dan it-terminu ma jfissirx li din hija sempliċi intermedjarja, għaliex Uber ma hijiex waħda, kif ser nesponi hawn taħt.


6      Ara, barra l-informazzjoni pprovduta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, Noto La Diega, G., “Uber law and awarness by design. An empirical study on online platforms and dehumanised negotiations”, European Journal of Consumer Law, Nru 2015/2, p. 383 sa 413, b’mod partikolari, p. 407.


7      Ara l-Artikolu 90 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1) TFUE.


8      It-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34. Enfasi miżjud minni.


9      Artikolu 2(h) u Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31.


10      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C-108/09, EU:C:2010:725, punti 29 u 30).


11      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010 (C-108/09, EU:C:2010:725, punti 22 u 28).


12      Il-funzjonament ta’ Uber huwa s-suġġett ta’ dottrina diġà abbondanti. Ara b’mod partikolari, Noto La Diega, G., op.cit., Rogers, B., The Social Cost of Uber, The University of Chicago Law Review Dialogue, 82/2015, p. 85 sa 102, Gamet, L., UberPop (†), Droit social, 2015, p. 929; Prassl,J., Risak, M., Uber, Taskrabbit, and Co.: Platforms as Employers? Rethinking the Legal Analysis of Crowdwork, Comparative Labor Law & Policy Journal, vol. 37 (2016), p. 619 sa 651. Iċ‑ċirkustanzi fattwali li jirrigwardaw il-funzjonament ta’ Uber jirriżultaw ukoll minn deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri, ara pereżempju, is-sentenza tal-London Employment Tribunal tat-28 ta’ Ottubru 2016, Aslam, Farrar and Others vs Uber (Kawża 2202551/2015), deċiżjoni tal-Audiencia Provincial de Madrid no 15/2017, tat-23 ta’ Jannar 2017, fil-kawża bejn Uber u l-Asociación Madrileña del Taxi, u digriet tat-Tribunale Ordinario di Milano, tat-2 ta’ Lulju 2015 (Kawżi 35445/2015 u 36491/2015).


13      Dwar il-kunċett tal-ekonomija kollaborattiva ara p.eż., Hatzopoulos, V., u Roma, S., “Caring for Sharing? The Collaborative Economy under EU Law”, Common Market Law Review, Nru 54, 2017, p. 81 sa 128, fil-p. 84 et seq. Il-Kummissjoni pproponiet definizzjoni fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Aġenda Ewropea għall‑ekonomija kollaborattiva” [COM(2016) 356 finali, p. 3]. Madankollu tant hija wiesgħa li wieħed jista’ jiddubita mill-utilità tagħha sabiex abbażi tagħha ssir distinzjoni ta’ tip ta’ attività ddifferenzjata biżżejjed li tiġġustifika li tingħata trattament legali speċifiku.


14      Il-carpooling jikkonsisti fil-qsim ta’ vjaġġ komuni, iddeterminat mix-xufier u mhux mill-passiġġier, intiż fuq kollox sabiex ix-xufier jirrimborsa parti mill-ispejjeż tal‑vjaġġ. Il-kuntatt bejn ix-xufiera u l-passiġġieri potenzjali jkun iffaċilitat grazzi għall-applikazzjonijiet onlajn, u hija għalhekk tip ta’ “hitchhiking 2.0”. Fi kwalunkwe każ, din ma hijiex attività lukrattiva.


15      Uber tiċħad li tqiegħed vetturi għad-dispożizzjoni tax-xufiera, iżda permezz tas‑servizz tagħha Ubermarketplace, hija għandha rwol ta’ intermedjarju bejn ix‑xufiera u impriżi ta’ leasing ta’ vetturi.


16      Madankollu ma huwiex ċar jekk dan ir-rekwiżit jirrigwardax dik li tapplika għall‑vetturi intiżi għat-trasport bi ħlas tal-passiġġieri jew inkella sempliċement formalitajiet applikabbli għall-vetturi għal użu privat.


17      Ara s-sentenza tal-London Employment Tribunal iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 12, punt 18.


18      In-numru għoli ta’ xufiera jippermetti li jintlaħaq riżultat mistenni mingħajr il-bżonn li jiġi eżerċitat kontroll dirett u individwali. Mill-banda l-oħra, in-numru għoli ta’ passiġġiera jiżgura kontroll effikaċi u relattivament oġġettiv tal-aġir tax-xufiera, waqt li jagħtu dan is-servizz lill-pjattaforma.


19      Hawnhekk ma jiniex ser nittratta l-klassifikazzjoni tar-relazzjoni li torbot lil Uber max-xufiera tagħha, għaliex dan l-aspett jaqa’ fid-dritt nazzjonali.


20      Ara pereżempju, is-sentenza tal-London Employment Tribunal, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


21      Jew ukoll pjattaforma simili, għaliex il-mudell li fuqu hija bbażata Uber, sa mill-ħolqien tagħha, ġie rreplikat, mingħajr ma laħaq l-istess fama.


22      Il-fatt li ċerti pjattaformi jikkonkludu mal-lukandi ftehim dwar tariffi pari, li permezz tagħhom il-lukandi jintrabtu li ma jagħtux prezzijiet iktar favorevoli minn dawk mogħtija fuq il-pjattaforma kkonċernata, ma jbiddel xejn. Fil-fatt dan ma jirrigwardax id-determinazzjoni tal-prezz tal-provvisti mill-pjattaforma, iżda huwa obbligu dwar it-trattament tariffarju ta’ msieħba kummerċjali differenti. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-klawżoli ta’ tariffi pari ġew ikkontestati mill-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni f’diversi Stati Membri, li wassal għall-istabbiliment tal-Grupp ta’ xogħol Ewropew fuq il-pjattaformi ta’ riżervazzjoni online, taħt l-awpiċi mill‑Kummissjoni.


23      Pereżempju, l-użu mill-parteċipanti tal-istess algoritmu sabiex jikkalkolaw il-prezz ma huwiex fih innifsu illegali, iżda jista’ jwassal għall-problemi għal dak li jirrigwarda l-hub-and-spoke conspiracy meta s-setgħa tal-pjattaforma tikber. Ara fir-rigward ta’ problemi eventwali mill-mudell Uber mill-perspettiva tad-dritt tal‑kompetizzjoni, Hatzopoulos, V., Roma, S., op. cit., p. 110 u 120, kif ukoll Ezrachi, A., Stucke, M.E., “Artificial Intelligence & Collusion: When Computers Inhibit Competition”, CCLP Working Paper 40, Oxford 2015, p. 14. Ara wkoll is‑sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C-194/14 P, EU:C:2015:717), u tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et (C-74/14, EU:C:2016:42, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il‑kawża (C-74/14, EU:C:2015:493).


24      Jiena ninnota li, skont l-informazzjoni disponibbli, is-servizz UberPop kien ipprojbit mill-Pajjiżi l-Baxxi, Stat Membru tal-istabbiliment tas-soċjetà Uber BV, bis‑sentenza tal-College van Beroep voor het bedrijfsleven, tat-8 ta’ Diċembru 2014 (AWB 14/726, ECLI:NL:CBB:2014:450). Ara Hatzopoulos, V., u Roma,S., op.cit., p. 91.


25      Ara l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31.


26      B’mod partikolari s-softwer Greyball, li jippermetti li jiġu evitati l-kontrolli tal‑awtoritajiet. Ara “Uber Uses Tech to Deceive Authorities Worldwide”, The New York Times tal-4 ta’ Marzu 2017.


27      Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015 (C-168/14, EU:C:2015:685).


28      Ara b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet nazzjonali ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Ara r-rimarki tiegħi f’dan ir-rigward fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Infakkar li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-funzjonament tal-applikazzjoni Uber fiha nnifisha, iżda l-provvista tas-servizz UberPop fil-belt ta’ Barcelona.


31      Ara b’mod partikolari, il-punt 43 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mat-tielet inċiż tal‑Artikolu 2(h)(ii) ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni hija kkonfermata mill‑premessa 18 ta’ din l-istess direttiva.