Language of document : ECLI:EU:C:2017:981

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 58(1) TFUE – Servizzi fil-qasam tat-trasport – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2000/31/KE – Direttiva 98/34/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Servizz ta’ intermedjazzjoni li jippermetti, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt bi ħlas ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġi urbani – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni”

Fil-Kawża C‑434/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n°3 de Barcelona (il‑Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

Asociación Profesional Elite Taxi

vs

Uber Systems SpainSL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, J. L. da Cruz Vilaça, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, D. Šváby (Relatur), C. Lycourgos, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Asociación Profesional Elite Taxi, minn M. Balagué Farré u D. Salmerón Porras, abogados, kif ukoll minn J. A. López-Jurado González, procurador,

–        għal Uber Systems Spain SL, minn B. Le Bret u D. Calciu, avocats, kif ukoll minn R. Allendesalazar Corcho, J. J. Montero Pascual, C. Fernández Vicién u I. Moreno-Tapia Rivas, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Sampol Pucurull u A. Rubio González, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, L. Williams u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Carroll, barrister,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, G. de Bergues u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. Stergiou u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, F. Wilman, J. Hottiaux u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn C. Zatschler, Ø. Bø u C. Perrin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8), tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), kif ukoll tal-Artikoli 2 u 9 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Asociación Profesional Elite Taxi (iktar ’il quddiem “Elite Taxi”), assoċjazzjoni professjonali ta’ taxis tal-belt ta’ Barcelona (Spanja) u Uber Systems Spain SL, kumpannija relatata ma’ Uber Technologies Inc., dwar il-provvista minn din tal-aħħar, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ servizz bi ħlas ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġi urbani, mingħajr ma jkollhom liċenzji u awtorizzazzjonijiet amministrattivi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 98/34

3        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 jistabbilixxi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

[…]

2.      ‘servizz’, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

–        ‘mill-bogħod’ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

–        ‘b’mezzi elettroniċi’ tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

–        ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’ tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

[…]”

4        Skont l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), id-Direttiva 98/34 tħassret fis-7 ta’ Ottubru 2015. Madankollu, din l-aħħar direttiva tibqa’ applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

 Id-Direttiva 2000/31

5        L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, is-“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” għandhom jinftiehmu li huma servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34

6        L-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi li:

“2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a)      il-miżuri għandhom ikunu:

(i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        strateġija pubblika [ordni pubbliku], partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix [inċitament] għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

–        il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

–        is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward[ja] tas-sigurtà […] u difiża [nazzjonali],

–        il-protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;

(ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) [punt (i)] jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii)      proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

(b)      qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati [proċedura ġudizzjarja], inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

–        talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.”

 Id-Direttiva 2006/123

7        Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2006/123, “[s]ervizzi ta’ trasport, inkluż trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”.

8        L-Artikolu 2(2)(d) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li din ma tapplikax għal servizzi fil-qasam tat-trasport, inklużi servizzi portwali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, li sar it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE.

9        Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, bit-titolu “Libertà għall-Istabbiliment ta’ Fornituri”, jinkludi l-Artikolu 9 tagħha, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li:

“L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)      l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)      il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)      l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.”

10      Il-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Moviment Liberu ta’ Servizzi”, jinkludi l-Artikolu 16 tagħha, li jistabbilixxi l-modalitajiet li jippermettu lill-fornituri ta’ sevizzi jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

 Id-dritt Spanjol

11      Fiż-żona metropolitana ta’ Barcelona, is-servizzi ta’ taxi huma rregolati mil-Ley 19/2003 del Taxi (il-Liġi Nru 19/2003, dwar is-Servizzi ta’ Taxi), tal-4 ta’ Lulju 2003 (DOGC Nru 3926, tas-16 ta’ Lulju 2003 u BOE Nru 189, tat-8 ta’ Awwissu 2003), u mir-Reglamento Metropolitano del Taxi (ir-Regolament dwar is-Servizzi ta’ Taxi taż-Żona Metropolitana ta’ Barcelona), adottat mill-Consell Metropolitá de l’Entitat Metropolitana de Transport de Barcelona (il-Kunsill Direttiv tal-Korp ta’ Ġestjoni tat-Trasport taż-Żona Metropolitana ta’ Barcelona, Spanja), tat-22 ta’ Lulju 2004.

12      Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi:

“1.      Il-provvista tas-servizz ta’ taxi urbana hija suġġetta għall-kisba minn qabel tal-liċenzja li tawtorizza lid-detentur għal kull waħda mill-vetturi intiżi li jeżerċitaw din l-attività.

2.      Il-liċenzji li jawtorizzaw il-provvista tas-servizz ta’ taxi urbana għandhom jinħarġu mill-kunsilli lokali jew mill-awtoritajiet lokali kompetenti fit-territorju fejn ser tiġi eżerċitata l-attività.

3.      Il-provvista tas-servizz ta’ taxi interurbana hija suġġetta għall-kisba tal-awtorizzazzjoni korrispondenti, maħruġa mill-ministeru tal-gvern reġjonali kompetenti fil-qasam tat-trasport.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Fid-29 ta’ Ottubru 2014, Elite Taxi ppreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja) intiż li jiġi kkonstatat minn din il-qorti li l-attivitajiet ta’ Uber Systems Spain jiksru l-leġiżlazzjoni fis-seħħ u jikkostitwixxu prattiki qarrieqa u atti ta’ kompetizzjoni żleali, fis-sens tal-Ley 3/1991 de la Competencia Desleal (il-Liġi 3/1991 dwar il-Kompetizzjoni Żleali), tal-10 ta’ Jannar 1991. Elite Taxi titlob ukoll li Uber Systems Spain tiġi kkundannata twaqqaf l-aġir żleali tagħha li jikkonsisti f’assistenza lil kumpanniji oħra tal-grupp permezz tal-provvista ta’ servizzi ta’ prenotazzjoni fuq talba bl-użu ta’ apparati mobbli u tal-internet. Hija titlob, fl-aħħar nett, li l-imsemmija qorti tipprojbixxi lil Uber Systems Spain teżerċita din l-attività fil-futur.

14      Il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Barcelona) preliminarjament ikkonstatat li, għalkemm Uber Systems Spain teżerċita l-attività tagħha fi Spanja, din l-attività hija konnessa ma’ pjattaforma internazzjonali, li tiġġustifika li l-azzjoni ta’ din il-kumpannija tiġi evalwata fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Hija tosserva sussegwentement li la Uber Systems Spain u lanqas ix-xufiera mhux professjonisti tal-vetturi kkonċernati ma għandhom il-liċenzji u l-permessi previsti mir-Regolament dwar is-Servizzi ta’ Taxi taż-Żona Metropolitana ta’ Barcelona, tat-22 ta’ Lulju 2004.

15      Sabiex tivverifika jekk il-prattiki ta’ Uber Systems Spain u tal-kumpanniji relatati magħha (iktar ’il quddiem, flimkien, “Uber”) jistgħux jiġu kklassifikati bħala żleali u li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni Spanjoli, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Barcelona) tqis neċessarju li jiġi vverifikat jekk Uber għandhiex, jew le, ikollha awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel. Għal dan il-għan, għandu jiġi ddeterminat jekk is-servizzi pprovduti minn din il-kumpannija għandhomx jitqiesu li huma servizzi ta’ trasport, servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jew taħlita ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni magħżula tiddependi mill-possibbiltà li jiġi impost fuqha l-obbligu li jkollha awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk is-servizz inkwistjoni jaqa’ taħt id-Direttiva 2006/123 jew id-Direttiva 98/34, il-prattiki ta’ Uber ma jistgħux jitqiesu li huma żleali.

16      Għal dan il-għan, din il-qorti tindika li Uber tagħmel kuntatt jew tidħol f’relazzjoni ma’ xufiera mhux professjonisti li lilhom tipprovdi sensiela ta’ għodod informatiċi – interface – li min-naħa tagħhom jippermettulhom jagħmlu kuntatt ma’ persuni li jixtiequ jwettqu traġitti urbani u li jaċċedu għas-servizz permezz tal-applikazzjoni informatika tal-istess isem. L-attività ta’ Uber tiġi eżerċitata bi skop ta’ lukru.

17      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari bl-ebda mod ma tirrigwarda dawn il-fatti, iżda tirrigwarda biss il-klassifikazzjoni ġuridika tas-servizz inkwistjoni.

18      Konsegwentement, il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 3 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Sa fejn l-Artikolu 2(2)(d) tad-[Direttiva 2006/123] jeskludi l-attivitajiet tat-trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, l-attività ta’ intermedjarju bejn il-proprjetarji ta’ vetturi u l-persuni li għandhom bżonn jagħmlu vjaġġi f’belt, eżerċitata [minn Uber Systems Spain] bi skop ta’ lukru u li fil-kuntest tagħha din tal-aħħar tamministra l-mezzi informatiċi – interface u applikazzjoni ta’ softwer (“telefowns intelliġenti u pjattaformi tekonoloġiċi”, fi kliem [Uber Systems Spain]) – li jippermettu li jkun hemm konnessjoni bejn dawn il-persuni, għandha titqies bħala attività ta’ trasport, bħala servizz elettroniku ta’ intermedjarju jew bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-[Direttiva 98/34/KE]?

2)      Għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura ġuridika ta’ din l-attività, din tal-aħħar tista’ parzjalment titqies bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, u, jekk ikun il-każ, is-servizz elettroniku ta’ intermedjarju għandu jibbenefika mill-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar preċiż, mill-Artikoli 56 TFUE u mid-Direttivi [2006/123] u [2000/31]?

3)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li s-servizz ipprovdut minn [Uber Systems Spain] ma huwiex servizz ta’ trasport u jaqa’ għadaqstant fil-każijiet koperti mid-Direttiva 2006/123, il-kontenut tal-Artikolu 15 tal-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta [żleali] [tal-10 ta’ Jannar 1991] – dwar il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-attività ta’ kompetizzjoni – huwa kuntrarju għal din id-direttiva u, iktar preċiżament għall-Artikolu 9 tagħha, dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni, sa fejn jirreferi għal-liġijiet jew dispożizzjonijiet ġuridiċi interni mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iskema ta’ ksib ta’ liċenzji, awtorizzazzjonijiet jew permessi ma tista’ bl-ebda mod tkun restrittiva jew sproporzjonata, fis-sens li ma tistax tostakola b’mod mhux raġonevoli l-prinċipju ta’ libertà ta’ stabbiliment?

4)      Jekk ikun ikkonfermat li d-Direttiva [2000/31] hija applikabbli għas-servizz ipprovdut minn [Uber Systems Spain], ir-restrizzjonijiet li Stat Membru jimponi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi elettroniku ta’ intermedjarju minn Stat Membru ieħor billi jeżiġi l-ksib ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ liċenzja, jew fil-forma ta’ ordni ġudizzjarja ta’ waqfien tal-provvista tas-servizz elettroniku ta’ intermedjarju maħruġa abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni inġusta, jikkostitwixxu miżuri validi li jidderogaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2000/31] skont l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

19      Elite Taxi ssostni li l-klassifikazzjoni ġuridika tas-servizz ipprovdut minn Uber ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din il-klassifikazzjoni tippreżumi deċiżjoni fuq kwistjonijiet ta’ fatt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar, kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ din is-sentenza, li d-domandi tagħha ma jirrigwardawx il-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali, iżda sempliċement il-klassifikazzjoni ġuridika tas-servizz inkwistjoni. Issa, il-klassifikazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ta’ fatti stabbiliti mill-imsemmija qorti tippreżumi interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li fir-rigward tagħha, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank, C‑312/14, EU:C:2015:794, punti 51 u 52).

21      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

22      Il-Gvern Spanjol, Elleniku, Olandiż, Pollakk u Finlandiż, il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA jsemmu n-natura insuffiċjentement preċiża tad-deċiżjoni tar-rinviju għal dak li jirrigwarda kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli kif ukoll in-natura tal-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 25).

24      Dwar dan l-aħħar punt, in-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi, kif jirriżulta mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel jew li, mill-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, de Lobkowicz, C‑690/15, EU:C:2017:355, punt 28).

25      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, fid-dawl tal-fatt li, skont dan l-artikolu, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, bl-esklużjoni tal-proċess nazzjonali li jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju, minkejja li tirreferi fil-qasir għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, xorta waħda tippermetti li jiġu identifikati dawk li jistgħu japplikaw għall-provvista tas-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li minnhom jirriżulta li l-kisba ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel hija neċessarja għal dan il-għan.

27      Bl-istess mod, id-deskrizzjoni mill-qorti tar-rinviju tas-servizz ipprovdut minn Uber, li l-kontenut tiegħu huwa mfakkar fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, għandha grad ta’ preċiżjoni suffiċjenti.

28      Fl-aħħar nett, konformement mal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju għandha tesponi b’mod ċar ir-raġunijiet li wassluha jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

29      Konsegwentement, hemm lok li jitqies li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju u lill-partijiet kkonċernati jieħdu pożizzjoni utli fuq id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

30      Barra minn hekk, il-Gvern Pollakk jesprimi dubji dwar l-applikabbiltà, b’mod partikolari, tal-Artikolu 56 TFUE għall-kawża preżenti, għar-raġuni li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija sitwazzjoni purament interna.

31      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju, b’mod partikolari mill-punti mfakkra fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-annessi l-oħra tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa pprovdut permezz ta’ kumpannija li topera mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

33      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li servizz ta’ intermedjazzjoni, bħal dak fil-kawża prinċipali, li għandu bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE, u, għaldaqstant, ikun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tad-Direttiva 2006/123 u tad-Direttiva 2000/31, jew, għall-kuntrarju, jekk dan is-servizz jaqax taħt l-Artikolu 56 TFUE, tad-Direttiva 2006/123 u tad-Direttiva 2000/31.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li servizz ta’ intermedjazzjoni li jikkonsisti fi tqegħid f’kuntatt ta’ xufier mhux professjonist li juża l-karozza tiegħu stess ma’ persuna li tixtieq twettaq vjaġġ urban jikkostitwixxi, bħala prinċipju, servizz distint mis-servizz ta’ trasport li jikkonsisti fl-att fiżiku ta’ vvjaġġar ta’ persuni jew ta’ oġġetti minn post għal ieħor permezz ta’ vettura. Għandu jingħad ukoll li kull wieħed minn dawn is-servizzi, ikkunsidrati individwalment, jista’ jkollu konnessjoni ma’ diversi direttivi jew dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif fil-fatt tosserva l-qorti tar-rinviju.

35      B’hekk, servizz ta’ intermedjazzjoni li jippermetti t-trażmissjoni permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones ta’ informazzjoni dwar il-prenotazzjoni tas-servizz ta’ trasport bejn il-passiġġier u x-xufier mhux professjonist li juża l-karozza tiegħu stess u li ser iwettaq it-trasport jissodisfa, bħala prinċipju, il-kriterji sabiex dan jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31. Dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni jikkostitwixxi, kif tipprevedi d-definizzjoni li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 98/34, “servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

36      Għall-kuntrarju, servizz mhux pubbliku ta’ transport urban, bħal servizz ta’ taxi, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123, moqri fid-dawl tal-premessa 21 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 49).

37      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex biss servizz ta’ intermedjazzjoni li jikkonsisti fi tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ xufier mhux professjonist li juża l-karozza tiegħu stess ma’ persuna li tixtieq twettaq vjaġġ urban.

38      Fil-fatt, f’sitwazzjoni, bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, fejn it-trasport tal-passiġġieri huwa żgurat minn xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess, il-fornitur ta’ dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni joħloq fl-istess ħin offerta ta’ servizzi ta’ trasport urban, li huwa jirrendi aċċessibbli b’mod partikolari permezz ta’ għodod informatiċi, bħall-applikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u jorganizza l-funzjonament ġenerali tagħha favur persuni li jkunu jixtiequ jirrikorru għal din l-offerta għall-finijiet ta’ vvjaġġar urban.

39      F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-servizz ta’ intermedjazzjoni ta’ Uber huwa bbażat fuq l-għażla ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess u li lilhom din il-kumpannija tipprovdi applikazzjoni li mingħajrha, minn naħa, dawn ix-xufiera ma jkunux jistgħu jipprovdu servizzi ta’ trasport u, min-naħa l-oħra, il-persuni li jixtiequ jagħmlu vjaġġ urban ma jkunux jistgħu jirrikorru għas-servizzi tal-imsemmija xufiera. Barra minn hekk, Uber teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet għas-servizz ipprovdut minn tali xufiera. Dwar dan l-aħħar punt, jidher b’mod partikolari li Uber tistabbilixxi, permezz tal-applikazzjoni tal-istess isem, għall-inqas il-prezz massimu tal-vjaġġ, li din il-kumpannija tiġbor dan il-prezz mill-klijent qabel ma tħallas parti minnu lix-xufier mhux professjonist tal-vettura, u li hija teżerċita ċertu kontroll fuq il-kwalità tal-vetturi u tax-xufiera tagħhom kif ukoll fuq l-aġir ta’ dawn tal-aħħar, li jista’ jwassal, jekk ikun il-każ, għall-esklużjoni tagħhom.

40      Dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni għandu għalhekk jitqies li huwa parti integrali ta’ servizz globali li l-element prinċipali tiegħu huwa servizz ta’ trasport u, għaldaqstant, li jissodisfa l-klassifikazzjoni mhux bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, iżda bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123.

41      Barra minn hekk, tali klassifikazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-kunċett ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport” jinkludi mhux biss is-servizzi tat-trasport bħala tali, iżda wkoll kull servizz intrinsikament marbut ma’ att fiżiku ta’ vvjaġġar ta’ persuni jew ta’ merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ mezz ta’ trasport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punti 45 u 46, kif ukoll l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), tas-16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punt 61).

42      Konsegwentement, id-Direttiva 2000/31 ma hijiex applikabbli għal servizz ta’ intermedjazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43      Tali servizz, sa fejn jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, lanqas ma huwa suġġett għad-Direttiva 2006/123, peress li dawn it-tipi ta’ servizzi huma, skont l-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva, fost is-servizzi espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

44      Barra minn hekk, peress li s-servizz ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, huwa ma jaqax taħt l-Artikolu 56 TFUE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mod ġenerali, iżda taħt l-Artikolu 58(1) TFUE, li hija dispożizzjoni speċifika li tipprevedi li “[i]l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-intestatura dwar it-trasport” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha ssir, skont it-Trattat, permezz tal-implimentazzjoni tal-politika komuni tat-trasport (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-servizzi mhux pubbliċi ta’ trasport urban kif ukoll is-servizzi marbuta magħhom b’mod indissoċjabbli, bħalma huwa s-servizz ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma wasslux għall-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill ta’ regoli komuni jew ta’ miżuri oħra, fuq il-bażi tal-Artikolu 91(1) TFUE.

47      Minn dan jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-provvista tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-osservanza tar-regoli ġenerali tat-Trattat FUE.

48      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, għandhom jiġu interpretati fis-sens li servizz ta’ intermedjazzjoni, bħal dak fil-kawża prinċipali, li għandu bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban, għandu jitqies li huwa marbut b’mod indissoċjabbli ma’ servizz ta’ trasport u li jaqa’, għalhekk, taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE. Tali servizz għandu, għaldaqstant, jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tad-Direttiva 2006/123 u tad-Direttiva 2000/31.

49      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda, li saru fil-każ li d-Direttiva 2006/123 jew id-Direttiva 2000/31 ikunu applikabbli.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998, imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), għandhom jiġu interpretati fis-sens li servizz ta’ intermedjazzjoni, bħal dak fil-kawża prinċipali, li għandu bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban, għandu jitqies li huwa marbut b’mod indissoċjabbli ma’ servizz ta’ trasport u li jaqa’, għalhekk, taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE. Tali servizz għandu, għaldaqstant, jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tad-Direttiva 2006/123 u tad-Direttiva 2000/31.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.