Language of document : ECLI:EU:C:2022:98

Kawża C-157/21

Ir-Repubblika tal-Polonja

vs

Il-Parlament Ewropew
u
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) tas-16 ta’ Frar 2022

“Rikors għal annullament – Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 – Reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea– Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru – Bażi legali – Artikolu 322(1)(a) TFUE – Artikolu 311 TFUE – Artikolu 312 TFUE – Evitar allegat tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 269 TFUE – Ksur allegat tal-Artikolu 4(1) TUE, tal-Artikolu 5(2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Protokoll (nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità kif ukoll tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-prinċipji ta’ attribuzzjoni, ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati – Allegazzjoni ta’ użu ħażin ta’ poter”

1.        Proċedura ġudizzjarja – Proċedura mħaffa – Kundizzjonijiet – Ċirkustanzi li jiġġustifikaw trattament mgħaġġel – Importanza fundamentali tal-kawża għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni – Kawża relatata mal-kompetenzi tal-Unjoni sabiex tiddefendi l-baġit tagħha kontra preġudizzji li jistgħu jirriżultaw minn ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE – Ammissibbiltà tal-użu ta’ din il-proċedura

(Artikolu 2 TUE; Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja Artikolu 133(1))

(ara l-punti 27, 28)

2.        Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti – Protezzjoni tal-pariri legali – Interess pubbliku superjuri ta’ trasparenza li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti – Kunċett – Obbligu tal-istituzzjoni li tibbilanċja l-interessi inkwistjoni – Żvelar u produzzjoni quddiem qorti ta’ pariri legali relatati ma proċessi leġiżlattivi – Obbligu għall-istituzzjoni li timmotiva kwalunkwe deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess b’mod iddettaljat – Interess rispettiv tar-rikorrent li l-parir legali inkwistjoni jiġi prodott quddiem qorti – Assenza ta’ effett

(Artikolu 10(3) TUE ; Artikoli 15(1), u 298(1) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2); Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937, Artikolu 6,(2))

(ara l-punti 47 sa 49, 52, 53, 55 sa 57, 59 sa 61)

3.        Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Kriterji – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Għan – Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni kontra preġudizzji li jirriżultaw minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru – Kontenut – Mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità li jissuġġetta l-benefiċċju tal-finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza, minn Stat Membru, tal-valur tal-Istat tad-dritt – Adozzjoni abbażi tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE – Ammissibbiltà – Mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali kopert mill-kunċett ta’ regoli finanzjarji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni

(Artikoli 2, 5(2) u 49 TUE; Artikoli 7, 310, 315 sa 317 u 322(1)(a) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, Premessi 5 u 13 u Artikoli 1, 2(a), 3, 4(1) u (2), Artikoli 5(1) u 6(1))

(ara l-punti 112 sa 115, 121, 122, 124, 125, 128, 130, 132 sa 138, 140, 142 sa 151, 157 sa 159, 162 sa 165, 168 sa 189)

4.        Baġit tal-Unjoni Ewropea – Adozzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill, permezz ta’ regolamenti, tar-regoli finanzjarji li jistabbilixxu l-modalitajiet relatati mal-istabbiliment u mal-implimentazzjoni tal-baġit u mal-preżentazzjoni u mal-verifika tal-kontijiet – Bażi legali – Artikolu 322(1) TFUE – Kunċett ta’ regoli finanzjarji – Regoli li jiddefinixxu l-mod li bih jiġu eżegwiti l-ispejjeż imdaħħla fil-baġit – Regoli li jistabbilixxu l-obbligi ta’ kontroll u ta’ verifika imposti fuq l-Istati Membri fil-każ ta’ implimentazzjoni tal-baġit f’kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw minnhom – Inklużjoni – Regoli intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba

(Artikolu 322(1)(a) TFUE)

(ara l-punt 119)

5.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri – Solidarjetà baġitarja msejsa fuq il-fiduċja reċiproka bejn Stati Membri – Fiduċja reċiproka msejsa fuq l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, fosthom dak tal-Istat tad-dritt

(Artikolu 2 TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, Premessa 5)

(ara l-punt 147)

6.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Valuri u għanijiet tal-Unjoni – Valuri – Osservanza tal-Istat tad-dritt – Portata – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jawtorizza lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkontrollaw l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-Istat tad-dritt – Kontroll limitat għall-eżami tal-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali relatata mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati fuq din il-bażi – Evitar, permezz tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, u tal-kompetenzi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 269 TFUE – Assenza

(Artikoli 2, 7 u 19 TUE; Artikoli 8, 10, 19(1) 153(1)(i), 157(1) u 269 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092)

(ara l-punti 192 sa 204, 206 sa 211, 218 sa 229)

7.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Portata – Applikabbiltà fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Esklużjoni – Regolament li jinkludi regoli finanzjarji li jistabbilixxu l-modalitajiet relatati mal-istabbiliment u mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jaqa’ taħt kompetenza esklużiva tal-Unjoni

(Artikolu 5(3) TUE; Artikolu 322 TFUE; Protokoll Nru 2 anness mat-Trattati UE u FUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092)

(ara l-punti 237, 240, 241)

8.        Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Atti ta’ applikazzjoni ġenerali – Atti kkonċernati mir-rikors għal annullament

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092)

(ara l-punti 249, 250)

9.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Valuri u għanijiet tal-Unjoni – Valuri – Osservanza tal-Istat tad-dritt – Portata – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jawtorizza lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkontrollaw l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-Istat tad-dritt – Kontroll limitat għall-eżami tal-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali relatata mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Ksur tal-obbligu ta’ osservanza tal-funzjonijiet tal-Istati Membri u nuqqas ta’ osservanza tal-identità nazzjonali tagħhom – Assenza

(Artikoli 2, 4(1) u (2), u 5(2) TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, Artikolu 2(a))

(ara l-punti 263 sa 266, 268 sa 270, 282 sa 284)

10.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Portata – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Kundizzjonijiet ta’ adozzjoni tal-miżuri adottati fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt – Evalwazzjoni rispettiva, mill-Kummissjoni, tal-preġudizzju jew tar-riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Responsabbiltà tal-Kummissjoni għar-rilevanza tal-informazzjoni użata u għall-affidabbiltà tas-sorsi użati

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, Artikoli 4, 5(3), u Artikolu 6(1) sa (9))

(ara l-punti 285 sa 288, 326 sa 339, 341, 343, 344)

11.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Portata – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità marbut mal-osservanza, mill-Istati Membri, tal-Istat tad-dritt – Kunċett ta’ Stat tad-dritt – Riferiment għall-valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 TUE – Prinċipji tal-Istat tad-dritt li s-sors tagħhom jinsab fil-valuri komuni għall-Istati Membri – Preċiżjoni suffiċjenti tal-imsemmija prinċipji

(Artikoli 2 u 19 TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, Premessi 3, 8, 9, 10, u 12 u Artikoli 2(a), 3 u 4(1) u (2))

(ara l-punti 290 sa 292, 323 sa 325, 328)

12.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà – Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità marbut mal-osservanza, mill-Istati Membri, tal-Istat tad-dritt – Użu ta’ kunċetti ddefiniti f’dispożizzjonijiet oħra tar-regola kkontestata jew tad-dritt tal-Unjoni – Għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-għażla tal-azzjoni intiża mill-miżura ta’ protezzjoni tal-baġit li għandha tiġi adottata – Ammissibbiltà

(Artikoli 2 u 19 TUE; Artikolu 310(5) TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE, u Artikolu 325 TFUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1046, punti 59 u 63(2) tal-Artikoli  u 2020/2092, Artikolu 4(1) u (2), u Artikolu 5(1) u (3))

(ara l-punti 295, 297 sa 299, 302, 303, 319 sa 321)

13.      Rikors għal annullament – Rikors tal-Istati Membri – Rikors kontra regolament li jistabbilixxi reġim ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni – Miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit previsti minn dan ir-regolament li jistgħu jiġu adottati b’maġġoranza kkwalifikata, u li għalhekk jeskludu mill-vot lill-Istat Membru inkwistjoni – Motivi – Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati – Motiv infondat

(Artikoli 2, 4(2) u 16(2) u (3) TUE; Artikolu 238(3) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092, Artikolu 6(10) u (11))

(ara l-punti 305 sa 309)

14.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Proporzjonalità – Portata – Setgħa diskrezzjonali tal-Leġiżlatur tal-Unjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att

(Artikolu 5(4); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/2092)

(ara l-punti 353 sa 362)

Sunt

Ir-Regolament 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (1), stabbilixxa “mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali” intiż li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru. Għal dan il-għan, dan ir-regolament jippermetti li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea, jadotta, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jiddefinixxi, miżuri ta’ protezzjoni xierqa bħas-sospensjoni tal-pagamenti akkarigu tal-baġit tal-Unjoni jew is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm jew ta’ diversi programmi akkarigu ta’ dan il-baġit. Ir-Regolament ikkontestat jissuġġetta l-adozzjoni ta’ tali miżuri għall-produzzjoni ta’ elementi konkreti li jistgħu jistabbilixxu mhux biss l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda wkoll l-effett ta’ dan tal-aħħar fuq l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

Ir-Regolament ikkontestat jifforma parti mill-estensjoni ta’ serje ta’ inizjattivi li jirrigwardaw, b’mod iktar ġenerali, il-protezzjoni tal-Istat tad-dritt fl-Istati Membri (2) u li huma intiżi biex jipprovdu risposti, fuq livell tal-Unjoni, għat-tħassib dejjem jikber dwar l-osservanza minn diversi Stati Membri tal-valuri komuni tal-Unjoni hekk kif stipulati fl-Artikolu 2 TUE (3).

Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mill-Ungerija (4), ippreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ikkontestat. Insostenn tat-talbiet tagħha, hija ssostni, essenzjalment, li dan ir-regolament, għalkemm ġie formalment ippreżentat bħala att li jaqa’ taħt ir-regoli finanzjarji previsti fl-Artikolu 322(1)(a) TFUE, huwa, fil-verità, intiż li jissanzjona, bħala tali, kull preġudizzju minn Stat Membru għall-prinċipji tal-Istat tad-dritt, li r-rekwiżiti tiegħu ma humiex, f’kull każ, suffiċjentement preċiżi. Il-Polonja għalhekk tibbaża r-rikors tagħha, b’mod partikolari, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta regolament bħal dan, kemm minħabba n-nuqqas ta’ bażi legali, kif ukoll minħabba l-evitar tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, kif ukoll fuq il-ksur tal-limiti inerenti għall-kompetenzi tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, li b’dan il-mod ġiet imsejħa tiddeċiedi dwar il-kompetenzi tal-Unjoni sabiex tiddefendi l-baġit tagħha u l-interessi finanzjarji tagħha kontra preġudizzji li jistgħu jirriżultaw minn ksur tal-valuri stipulati fl-Artikolu 2 TUE, qieset li din il-kawża hija ta’ importanza fundamentali li tiġġustifika l-attribuzzjoni tagħha lis-Seduta Plenarja. Għal dawn l-istess raġunijiet, intlaqgħet it-talba tal-Parlament Ewropew li din il-kawża tiġi trattata skont il-proċedura mħaffa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad fit-totalità tiegħu r-rikors għal annullament ippreżentat mill-Polonja.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabel l-eżami tal-mertu tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar it-talba tal-Kunsill sabiex ma jittieħdux inkunsiderazzjoni diversi siltiet tar-rikors tal-Polonja, sa fejn dawn huma bbażati fuq elementi misluta minn parir kunfidenzjali tas-servizz legali tal-Kunsill u għalhekk żvelati mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li, bħala prinċipju, huwa permissibbli li l-istituzzjoni kkonċernata tissuġġetta l-produzzjoni quddiem qorti ta’ tali dokument intern għal awtorizzazzjoni minn qabel. Għaldaqstant, fil-każ fejn il-parir legali inkwistjoni jkun relatat ma proċedura leġiżlattiva, bħal f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ trasparenza, peress li l-iżvelar ta’ tali parir huwa tali li jżid it-trasparenza u l-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv. Għalhekk, l-interess pubbliku superjuri marbut mat-trasparenza u mal-ftuħ tal-proċess leġiżlattiv jieħu l-preċedenza, bħala prinċipju, fuq l-interess tal-istituzzjonijiet, f’dak li jirrigwarda l-iżvelar ta’ parir legali intern. F’dan il-każ, peress li l-Kunsill ma wriex li l-parir inkwistjoni għandu natura partikolarment sensittiva jew portata partikolarment wiesgħa li tmur lil hinn mill-kuntest tal-proċess leġiżlattiv inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, b’konsegwenza ta’ dan, it-talba tal-Kunsill.

Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq, fl-ewwel lok, l-eżami konġunt tal-motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat.

F’dak li jirrigwarda, qabel kollox, il-bażi legali tar-Regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-proċedura prevista minn dan ir-regolament tista’ tinbeda biss fil-każ li jeżistu raġunijiet validi mhux biss li jitqies li, fi Stat Membru, jseħħ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, iżda, fuq kollox, li dan il-ksur jippreġudika jew jirriskja serjament li jippreġudika, b’mod suffiċjentement dirett, il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha. Barra minn hekk, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tar-Regolament ikkontestat għandhom ikunu relatati esklużivament mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u għandhom ikunu kollha ta’ natura li jillimitaw il-finanzjamenti minn dan il-baġit skont l-effett li tali preġudizzju jew tali riskju serju għandu fuq l-imsemmi baġit. Għalhekk, ir-Regolament ikkontestat huwa intiż li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra preġudizzji li jirriżultaw b’mod suffiċjentement dirett minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, u mhux li jissanzjona, fih innifsu, tali ksur.

Bħala risposta għall-argumenti tal-Polonja, li jgħid li s-suġġett ta’ regola finanzjarja ma jistax ikun l-ispeċifikar tal-portata tar-rekwiżiti inerenti għall-valuri previsti fl-Artikolu 2 TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-osservanza mill-Istati Membri tal-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, li ġew identifikati u huma kondiviżi minnhom u li jiddefinixxu l-identità nnifisha tal-Unjoni inkwantu ordinament ġuridiku komuni għal dawn l-Istati, fosthom l-Istat tad-dritt u s-solidarjetà, tiġġustifika l-fiduċja reċiproka bejn dawn l-Istati. Din l-osservanza għalhekk tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-Istat Membru kkonċernat, l-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni, fil-limiti tal-attribuzzjonijiet tagħha, li tiddefendi dawn il-valuri.

Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika, minn naħa, li l-osservanza ta’ dawn il-valuri ma għandhiex tiġi ridotta għal obbligu li għandu jiġi osservat minn Stat kandidat sabiex jaderixxi mal-Unjoni u li huwa jista’ ma jkomplix josserva wara l-adeżjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li l-baġit tal-Unjoni huwa wieħed mill-istrumenti prinċipali li jippermettu li jiġi kkonkretizzat, fil-politiki u fl-azzjonijiet tal-Unjoni, il-prinċipju fundamentali ta’ solidarjetà bejn Stati Membri, u li l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju, permezz ta’ dan il-baġit, hija msejsa fuq il-fiduċja reċiproka li dawn tal-aħħar għandhom fl-użu responsabbli tar-riżorsi komuni iskritti fl-imsemmi baġit.

Issa, il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni u l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jkunu kompromessi serjament minn ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt imwettaq fi Stat Membru. Fil-fatt, il-konsegwenza ta’ dan il-ksur tista’ tkun, b’mod partikolari, l-assenza ta’ garanzija li spejjeż koperti mill-baġit tal-Unjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ finanzjament previsti mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, jissodisfaw l-għanijiet imfittxija mill-Unjoni meta hija tiffinanzja tali spejjeż.

Għaldaqstant, “mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità orizzontali”, bħal dak stabbilit mir-Regolament ikkontestat, li jissuġġetta l-benefiċċju tal-finanzjamenti mill-baġit tal-Unjoni għall-osservanza, minn Stat Membru, tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, jista’ jaqa’ taħt il-kompetenza mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni sabiex jiġu stabbiliti “regoli finanzjarji” relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li jiffurmaw parti integrali minn tali mekkaniżmu, inkwantu elementi kostituttivi tiegħu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikkontestat li jidentifikaw dawn il-prinċipji, li jipprovdu elenku ta’ każijiet li jistgħu jkunu indikazzjoni ta’ ksur tal-imsemmija prinċipji, li jispeċifikaw is-sitwazzjonijiet jew l-aġiri li għandhom ikunu kkonċernati minn tali ksur u li jiddefinixxu n-natura u l-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu adottati.

Wara dan, f’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq l-allegat evitar tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argument tal-Polonja li jgħid li l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE tagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza biex jeżaminaw, jikkonstataw u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw il-ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE fi Stat Membru. Fil-fatt, minbarra l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati, ta’ spiss ikkonkretizzati permezz ta’ diversi atti tad-dritt sekondarju, jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza li jeżaminaw, li jikkonstataw u, jekk ikun il-każ, li jissanzjonaw ksur tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE imwettaq fi Stat Membru.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE huwa li tippermetti li l-Kunsill jissanzjona ksur serju u persistenti ta’ kull wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u li jiddefinixxu l-identità tagħha, sabiex, b’mod partikolari, jordna lill-Istat Membru kkonċernat itemm dan il-ksur. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament ikkontestat huwa intiż li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni, u dan biss fil-każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt fi Stat Membru li jippreġudika jew li jirriskja serjament li jippreġudika l-implimentazzjoni tajba ta’ dan il-baġit. Barra minn hekk, il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE u dik stabbilita bir-Regolament ikkontestat huma differenti fir-rigward tas-suġġett tagħhom, tal-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw, tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni u għat-tneħħija tal-miżuri previsti kif ukoll fir-rigward tan-natura ta’ dawn tal-aħħar. B’konsegwenza ta’ dan, dawn iż-żewġ proċeduri għandhom għanijiet differenti u kull waħda minnhom għandha suġġett nettament separat. Minn dan isegwi, barra minn hekk, li l-proċedura stabbilita bir-Regolament ikkontestat lanqas ma tista’ titqies bħala li hija intiża li tevita l-limiti tal-kompetenza ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, prevista fl-Artikolu 269 TFUE, peress li l-formulazzjoni tiegħu tirrigwarda biss l-istħarriġ tal-legalità ta’ att adottat mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 7 TUE.

Il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fit-tieni lok, l-ilmenti l-oħra fuq il-mertu invokati mill-Polonja kontra r-Regolament ikkontestat.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, qabel kollox, li l-allegazzjonijiet tal-Polonja bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni kif ukoll fuq l-obbligu ta’ osservanza tal-funzjonijiet tal-Istati Membri huma kompletament infondati. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-eżerċizzju liberu mill-Istati Membri tal-kompetenzi li huma għandhom fl-oqsma kollha rriżervati lilhom jista’ jseħħ biss fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, billi teżiġi li l-Istati Membri josservaw b’dan il-mod l-obbligi li jirriżultaw, fil-konfront tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni, l-Unjoni bl-ebda mod ma titlob li hija stess teżerċita dawn il-kompetenzi u lanqas għaldaqstant li teħodhom f’idejha.

Wara dan, fil-kuntest tal-eżami tal-motivi bbażati fuq il-ksur tal-osservanza tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri, minn naħa, u tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi wkoll li huma kompletament infondati l-argumenti żviluppati mill-Polonja, fir-rigward tan-nuqqas ta’ preċiżjoni li bih huwa vvizzjat ir-Regolament ikkontestat, kemm f’dak li jirrigwarda l-kriterji relatati mal-kundizzjonijiet ta’ bidu tal-proċedura kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-għażla u l-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva, qabel kollox, li l-prinċipji li jinsabu fir-Regolament ikkontestat, inkwantu elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” (5), ġew żviluppati b’mod ampju fil-ġurisprudenza tagħha, li s-sors ta’ dawn il-prinċipji jinsab fil-valuri komuni rikonoxxuti u applikati wkoll mill-Istati Membri fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom u li dawn jirriżultaw minn kunċett ta’ “Stat tad-dritt” kondiviż mill-Istati Membri u li miegħu huma jaderixxu, inkwantu valur komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw bi preċiżjoni suffiċjenti kemm il-kontenut essenzjali kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn kull wieħed minn dawn il-prinċipji.

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-kriterji relatati mal-kundizzjonijiet ta’ bidu tal-proċedura u tal-għażla u tal-portata tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li r-Regolament ikkontestat jeħtieġ, għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni li huwa jipprevedi, li tiġi stabbilita rabta reali bejn ksur ta’ prinċipju tal-Istat tad-dritt u preġudizzju jew riskju serju ta’ preġudizzju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-Unjoni jew għall-interessi finanzjarji tagħha, u li tali ksur għandu jikkonċerna sitwazzjoni jew aġir imputabbli lil awtorità ta’ Stat Membru u rilevanti għall-implimentazzjoni tajba tal-baġit tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija tosserva li l-kunċett ta’ “riskju serju” huwa speċifikat fil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni u tfakkar li l-miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jiġu adottati għandhom ikunu strettament proporzjonati mal-effett tal-ksur ikkonstatat fuq il-baġit tal-Unjoni. B’mod partikolari, huwa biss sa fejn ikun strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni ta’ dan il-baġit fit-totalità tiegħu li dawn il-miżuri jista’ jkollhom bħala mira azzjonijiet jew programmi oħra għajr dawk affettwati minn tali ksur. Fl-aħħar, filwaqt li tikkonstata li l-Kummissjoni għandha tosserva, suġġett għal stħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, rekwiżiti proċedurali stretti li jimplikaw b’mod partikolari diversi konsultazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-Regolament ikkontestat jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-osservanza kemm tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fl-aħħar, sa fejn il-Polonja tikkontesta n-neċessità nnifisha tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li din ma pproduċiet ebda element li jista’ juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni mar lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huwa għandu f’dan ir-rigward. Iċ-ċaħda ta’ dan l-aħħar ilment għalhekk tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu.


1      ĠU 2020, L 433I, p. 1, u Rettifika fil-ĠU 2021, L 373, p. 94, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”.


2      Ara, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-17 ta’ Lulju 2019, “It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni - Pjan ta’ azzjoni”, COM (2019) 343 final, li ġiet wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014, “Qafas ġdid tal-[Unjoni] biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt”, COM(2014) 158 final.


3      Il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u li huma komuni għall-Istati Membri, stipulati fl-Artikolu 2 TUE, jinkludu dawk tar-rispett tad-dinjità umana, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, f’soċjetà kkaratterizzata b’mod partikolari min-nondiskriminazzjoni, mit-tolleranza, mill-ġustizzja, mis-solidarjetà u mill-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.


4      L-Ungerija wkoll ressqet, min-naħa tagħha, rikors intiż għall-annullament tar-Regolament 2020/2092 (Kawża C‑156/21).


5      Skont kliem l-Artikolu 2(a) tar-Regolament ikkontestat, il-kunċett tal-Istat tad-dritt” jinkludi “l-prinċipji ta’ legalità li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali; tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali, anke fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; tas-separazzjoni tas-setgħat; u n-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”.