Language of document : ECLI:EU:C:2017:267

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

5 ta’ April 2017 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 2008/50/KE – Kwalità tal-arja ċirkostanti – Artikolu 13(1) – Anness XI – Valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 – Qbiż sistematiku u persistenti tal-valuri limitu – Artikolu 22 – Posponiment tat-termini stabbiliti sabiex jintlaħqu ċerti valuri limitu – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Artikolu 23(1) – Pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja – Perijodu ta’ qbiż “l-iqsar possibbli” – Miżuri adegwati – Elementi ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża C‑488/15,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fl-14 ta’ Settembru 2015,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Kružíková, S. Petrova u P. Mihaylova kif ukoll minn E. Manhaeve, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

IrRepubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn E. Petranova u M. Georgieva, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

IrRepubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn A. Gawłowska kif ukoll minn B. Majczyna u D. Krawczyk, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Settembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija:

–        minħabba n-nuqqas ta’ osservanza sistematika u persistenti, mis-sena 2007 sas-sena 2013 inkluża tal-inqas, tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet BG0001 AG Sofija, BG0002 AG Plovdiv, BG0004 Tramuntana, BG0005 l-Lbiċ u BG0006 x-Xlokk;

–        bil-fatt tan-nuqqas ta’ osservanza sistematika u persistenti, mis-sena 2007 u sas-sena 2013 inkluża tal-inqas, tal-valur limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żona BG0003 AG Varna u tal-valur limitu annwali matul is-snin 2007, 2008 u 2010 sa 2013 inkluża tal-inqas, fl-istess żona BG0003 AG Varna;

–        fl-assenza ta’ informazzjoni komplementari li tipprovdi li din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq inbidlet,

tkompli tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1), u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), u

–        fid-dawl tal-aħħar rapport annwali dwar il-kwalità tal-arja, relatat mas-sena 2013, skont liema l-qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 ppersistew fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva u b’mod partikolari l-obbligu li tiżgura li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli, u li dan il-ksur għadu dejjem fis-seħħ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 96/62/KE

2        L‑Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE, tas-27 ta’ Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 95), intitolat “Titjib fil-kwalità ta’ l-arja ċirkostanti – Rekwiżiti ġenerali”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex [jiżguraw l-osservanza tal-valuri limitu].

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li sa jittieħdu fuq medda qasira meta jkun hemm riskju li l-għetiebi limitu u/jew ta’ twissija jkunu sa jinqabżu, biex jitnaqqas dak ir-riskju u biex jiġi limitat it-tul ta’ żmien ta’ dik l-okkorrenza. Dawn il-pjani jistgħu, filwaqt li jiddependi fuq il-każi individwali, jipprovdu għal miżuri biex jikkontrollaw, u fejn ikun meħtieġ, jissospendu attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu biex il-valuri limiti jinqabżu.”

3        L‑Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri applikabbli f’żoni fejn il-livelli jkunu ogħla mill-valur limitu” kien jipprevedi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta’ inkwinant wieħed jew aktar minn wieħed ikunu ogħla mill-valur limitu miżjud bil-marġini tat-tolleranza.

[…]

3.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implimentant biex jintlaħaq il-valur limitu fil-limitu ta’ żmien speċifikat.

Il-pjan jew il-programm imsemmi, li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għandu jħaddan fih talanqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV.

4.      Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, meta l-livell ta’ iżjed minn inkwinant wieħed ikun ogħla mil-valuri limitu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan integrat li jkopri l-inkwinanti kollha konċernati.”

4        Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni u tar-rapporti”, l-Istati Membri kienu obbligati li jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-osservanza tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10.

 Id-Direttiva 1999/30/KE

5        Skont il-premessa 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE, tat-22 ta’ April 1999, dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 164):

“Billi d-Direttiva 96/62/KE tenħtieġ illi pjanijiet t’azzjoni jiġu żviluppati għal zoni li fihom il-konċentrazzjoni ta’ tniġġis fl-arja jeċċedu l-valuri tal-limitu flimkien ma’ marġini temporanji ta’ tolleranza applikabbli biex tkun tista’ tassigura l-konformità mal-valuri tal-limitu sad-data jew dati stabbiliti; billi safejn jirrelataw ma’ materja f’ partiċelli, dawn il-pjanijiet t’azzjoni u strateġiji oħra ta’ tnaqqis, għandhom ikunu mmirati biex inaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ partiċelli fini bħala parti mit-tnaqqis totali f’konċentrazzjonijiet ta’ materja f’ partiċelli”.

6        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/30, bit-titolu “Speċifikazzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali kif stmata skond l-Artikolu 7, ma teċċedix il-valuri tal-limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III mid-dati speċifikati hemmhekk.

[…]

3.      Pjanijiet t’azzjoni għall-PM10, ippreparati skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62/KE u strateġiji ġenerali biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 għandu jkollhom l-għan li jnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ PM2,5.

4.      Fejn il-valuri ta’ limitu għall- PM10 stabbiliti f-Sezzjoni I ta’ l-Anness III huma maqbuża minħabba konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali minħabba avvenimenti naturali li jirriżultaw f’konċentrazzjonijiet notevolment b’eċċess tal-livelli normali minn sorsi naturali, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 96/62/KE, li tipprovdi għall-ġustifikazzjoni neċessarja biex turi li dawn l-eċċessi huma minħabba avvenimenti naturali. F’dawn il-każijiet l-Istati Membri jkunu obbligati li jimplimentaw pjan t’azzjoni skond l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62/KE, biss, fejn il-valuri tal-limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness III huma maqbuża minħabba raġunijiet barra dawk ta’ l-avvenimenti naturali.”

7        Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 1999/30, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha mhux iktar tard mid-19 ta’ Lulju 2001.

8        Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-Anness III ta’ din id-direttiva kien jistabbilixxi żewġ tipi ta’ limiti għall-PM10 billi għamel distinzjoni bejn żewġ fażijiet, li huma stess kienu maqsumin f’żewġ perijodi. Fir-rigward tal-perijodi tal-fażi 1, mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2009, minn naħa, il-valur ta’ ġurnata ta’ 50 μg/m3 ma kellux jinqabeż iktar minn 35 darba kull sena kalendarja, u, min-naħa l-oħra, il-valur annwali li ma kellux jinqabeż kien ta’ 40 μg/m3 kull sena kalendarja. Għal dak li jikkonċerna l-perijodi tal-fażi 2, mill-1 ta’ Jannar 2010, minn naħa, il-valur ta’ ġurnata kien ta’ 50 μg/m3, li ma kellux jinqabeż iktar minn 7 darbiet kull sena kalendarja u, min-naħa l-oħra, il-valur limitu annwali kien ta’ 20 μg/m3 kull sena kalendarja.

 Id-Direttiva 2008/50

9        Skont il-premessi 2, 16, 18 u 19 tad-Direttiva 2008/50:

“(2)      Sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu, huwa partikolarment importanti li l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu jiġu miġġielda f’ras il-għajn u li jiġu identifikati u implimentati l-miżuri l-aktar effettivi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u Komunitarju. Għalhekk, għandhom jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja u li jagħmlu l-ħsara u għandhom jiġu stabbiliti objettivi adegwati għall-kwalità ta’ l-arja ambjentali b’kont meħud ta’ l-istandards, il-linji gwida u l-programmi rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

[…]

(16)      Għal żoni u agglomerazzjonijiet fejn il-kondizzjonijiet huma partikularment diffiċli, għandu jkun possibbli li tiġi posposta l-iskadenza għall-konformità mal-valuri ta’ limitu tal-kwalità ta’ l-arja f’każijiet fejn, minkejja t-twettiq ta’ miżuri tat-tnaqqis tat-tniġġis, jeżistu problemi kbar ta’ konformità f’zoni u agglomerazzjonijiet speċifiċi. Kwalunkwe posponiment għal żona jew agglomerazzjoni partikolari għandha tkun akkompanjata minn pjan komprensiv li għandu jiġi vvalutat mill-Kummissjoni sabiex tkun żgurata l-konformità sa l-iskadenza riveduta. Id-disponibilità ta’ miżuri Komunitarji neċessarji li jirriflettu l-livell ta’ ambizzjoni magħżul fl-Istrateġija Tematika dwar tniġġis fl-arja biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-sors tagħhom se jkunu importanti biex isir tnaqqis effettiv fl-emissjonijiet sa l-iskadenza stipulata f’din id-Direttiva għall-konformità mal-valuri ta’ limitu, u din għandha titqies meta ssir l-evalwazzjoni tat-talbiet biex jiġu posposti l-iskadenzi għall-konformità.

[…]

(18)      Għandhom jiġu żviluppati pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal żoni u agglomerazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjonijiet ta’ inkwinanti fl-arja ambjentali jaqbżu l-valuri mmirati jew il-valuri ta’ limitu rilevanti tal-kwalità ta’ l-arja, flimkien ma’ kwalunkwe marġini ta’ tolleranza temporanja, fejn applikabbli. L-inkwinanti ta’ l-arja jiġu minn ħafna sorsi u attivitajiet differenti. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn linji politiċi differenti, tali pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għandhom ikunu konsistenti fejn fattibbli, u jkunu integrati mal-pjanijiet u l-programmi ppreparati skond id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 299], id-Direttiva 2001/81/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 320)], u d-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-immaniġġar tal-ħsejjes ambjentali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 101]. Ser jitqiesu bis-sħiħ ukoll l-għanijiet għall-kwalità tal-arja ambjentali stipulati f’din id-Direttiva, meta jingħataw permessi għall-attivitajiet industrijali skont id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis [JO 2008, L 24, p. 8].

(19)      Għandhom jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni li jindikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu fuq perijodu ta’ żmien qasir fejn ikun hemm riskju li jinqabżu wieħed jew aktar mil-limiti ta’ allert sabiex jitnaqqas dak ir-riskju u sabiex ikun limitat it-tul ta’ żmien tiegħu. Fejn ir-riskju japplika għal wieħed jew aktar mill-valuri ta’ limitu jew il-valuri mmirati, l-Istati Membri jistgħu, fejn ikun il-każ, ifasslu tali pjanijiet ta’ azzjoni fuq perijodu ta’ żmien qasir. […]”

10      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Suġġett”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn dan li ġej:

1)      id-definizzjoni u d-determinazzjoni ta’ objettivi fir-rigward tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent maħsuba sabiex jevitaw, jimpedixxu jew inaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu;

2)      il-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent fl-Istati Membri fuq il-bażi ta’ metodi u kriterji komuni;

3)      il-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent bħala għajnuna sabiex ikun miġġieled it-tniġġis ta’ l-arja u l-fastidju u sabiex ikunu ssorveljati x-xejriet għal perijodu fit-tul u t-titjib li jirriżulta minn miżuri nazzjonali u Komunitarji”.

11      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti 5, 8 u 18 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

5)      ‘valur ta’ limitu’ tfisser livell fiss fuq il-bażi tal-konoxxenza xjentifika, bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq f’perijodu partikolari u li ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq;

[…]

8)      ‘pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja’ tfisser pjanijiet li jistabbilixxu miżuri sabiex jintlaħqu l-valuri ta’ limitu jew il-valuri mmirati;

[…]

18)      ‘PM10’ tfisser il-materja partikulata li tgħaddi minn daħla selettiva skond id-daqs kif definit fil-metodu ta’ referenza għall-kampjunament u għall-kejl tal-PM10, EN 12341, b’50 % efficiency cut-off f’dijametru aerodinamiku ta’ 10 µm”.

12      L‑Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit, PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

[…]”

13      L-Artikolu 22 tal-istess Direttiva 2008/50, intitolat “Posponiment tat-termini perentorji għall-kisba ta’ l-objettiv u l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ l-applikazzjoni ta’ ċerti valuri ta’ limitu”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżina ma jistgħux jinkisbu sat-termini perentorji speċifikati fl-Anness XI, Stat Membru jista’ jipposponi dawk it-termini perentorji sa massimu ta’ ħames snin għal dik iż-żona jew agglomerazzjoni partikolari, sakemm ikun ġie stabbilit pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja skond l-Artikolu 23 għaż-żona jew agglomerazzjoni li għalihom japplika l-posponiment; t tali pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja għandu jiġi supplimentat mill-informazzjoni esposta fit-Taqsima B ta’ l-Anness XV dwar is-sustanzi li jniġġsu kkonċernati u għandu juri kif il-konformità mal-valuri ta’ limitu għandha tintlaħaq qabel it-terminu perentorju l-ġdid.

2.       Fejn, f’żona jew agglomerazzjoni partikolari, il-konformità mal-valuri ta’ limitu fir-rigward tal-PM10, kif speċifikat fl-Anness XI, ma tistax tinkiseb minħabba l-karatteristiċi tat-tixrid speċifiċi għas-sit, kondizzjonijiet tal-klima ħżiena jew il-kontributi transkonfinali, l-Istat Membru għandu jkun eżentat mill-obbligu li japplika dawk il-valuri ta’ limitu sal-11 ta’ Ġunju 2011, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu osservati, u sakemm dak l-Istai Membru juri li jkun ħa l-miżuri adegwati kollha fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ilaħħaq ma l-iskadenzi.

3.      Fejn Stat Membru japplika l-paragrafi 1 jew 2, hu għandu jiżgura li l-valur ta’ limitu għal kull sustanza li tniġġes ma jinqabiżx b’aktar mill-marġni massimu tat-tolleranza speċifikat fl-Anness XI għal kull sustanza li tniġġes konċernata.

4.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta, fil-fehma tagħhom, il-paragrafi 1 jew 2 japplikaw, u għandhom jikkomunikaw il-pjan dwar il-kwalità ta’ l-arja msemmi fil-paragrafu 1 inkluż kull informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex ikun valutat jekk il-kondizzjonijiet rilevanti humiex sodisfatti. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta’ effetti stmati fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali fl-Istati Membri, kemm fil-preżent u kemm fil-ġejjieni, ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll effetti stmati Komunitarji fuq il-kwalità ta’ l-arja ambjentali ta’ miżuri Komunitarji kurrenti u ta’ miżuri Komunitarji pjanati li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni.

Fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fi żmien disa’ xhur minn meta tiġi riċevuta dik in-notifika, għandhom jitqiesu sodisfatti l-kondizzjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew 2.

Jekk jitqajmu oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw jew jipprovdu pjanijiet ġodda dwar il-kwalità ta’ l-arja.”

14      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. Il-pjan għall-kwalità ta’ l-arja jista’ jinkludi wkoll miżuri speċifiċi li jkollhom il-ħsieb li jipproteġu gruppi sensittivi fil-popolazzjoni, inklużi t-tfal.

Dawk il-pjanijiet għall-kwalità ta’ l-arja għandhom jinkorporaw ta’ l-anqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A ta’ l-Anness XV u jistgħu jinkludu miżuri skond l-Artikolu 24. Dawk il-pjanijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-aħħar ta’ dik is-sena fejn tkun ġiet osservata l-ewwel qabża.

[…]”

15      L‑Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trasmissjoni ta’ l-informazzjoni u l-irrappurtar”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-perijodu ta’ żmien meħtieġ kif determinat mill-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 28(2).

2.      Fi kwalunkwe każ, għall-għan speċifiku li tiġi valutata l-konformità mal-valuri ta’ limitu u l-livelli kritiċi u l-ksib ta’ valuri mmirati, tali informazzjoni għandha tiġi magħmula disponibbli għall-Kummissjoni, mhux aktar tard minn disa’ xhur wara l-aħħar ta’ kull sena, u għandha tinkludi:

a)      il-bidliet li saru f’dik is-sena għal-lista u d-delimitazzjoni ta’ żoni u agglomerazzjonijiet stabbiliti taħt l-Artikolu 4;

b)      il-lista ta’ żoni u agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu wieħed jew aktar ikunu ogħla mill-valuri ta’ limitu flimkien mal-marġni ta’ tolleranza fejn applikabbli jew ogħla mill-valuri mmirati jew livelli kritiċi; u għal dawn iż-żoni u agglomerazzjonijiet:

i)      il-livelli valutati u, jekk rilevanti, id-dati u l-perijodi meta tali livelli ġew osservati;

ii)      fejn ikun il-każ, valutazzjoni dwar kontributi minn sorsi naturali u mir-risospensjoni ta’ partikuli wara t-tqegħid tar-ramel jew tal-melħ fit-toroq fix-xitwa lil-livelli valutati, kif dikjarat lill-Kummissjoni taħt l-Artikoli 20 u 21.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw għal informazzjoni miġbura mill-bidu tat-tieni sena kalendarja wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 28(2).”

16      L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tħassir u dispożizzjonijiet transizzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-Direttivi 96/62/KE, 1999/30/KE, 2000/69/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, dwar valuri ta’ limitu għall-benżin u monossidu karboniku fl-arja ta’ l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 262)], u 2002/3/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Frar 2002, dwar l-ożonu fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 497)], għandhom b’dan jiġu imħassra b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2010, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dawn id-Direttivi.

[…]”

17      L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel il-11 ta’ Ġunju 2010. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

[…]”

18      Skont l-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dħul fis-seħħ”, din id-direttiva daħlet fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil-11 ta’ Ġunju 2008.

19      L‑Anness XI tad-Direttiva 2008/50 huwa intitolat “Valuri ta’ limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”. Skont dan l-anness, fir-rigward tal-PM10, il-valur limitu ta’ ġurnata huwa ta’ 50 μg/m3, li ma għandux jinqabeż iktar minn 35 darba kull sena kalendarja, u l-valur limitu annwali huwa ta’ 40 μg/m3 kull sena kalendarja. Dan l-anness jippreċiża li d-data li fiha dawn il-valuri limitu kellhom jiġu osservati kienet l-1 ta’ Jannar 2005.

 Il-proċedura prekontenzjuża

20      Fl-14 ta’ April 2009, ir-Repubblika tal-Bulgarija, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50, ikkomunikat lill-Kummissjoni talba intiża sabiex tinkiseb eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu ta’ PM10 sal-11 ta’ Ġunju 2011. B’deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 22(4) ta’ din id-direttiva, qajmet oġġezzjoni għal din it-talba għal eżenzjoni.

21      Wara li adottat din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, billi qieset li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, fl-1 ta’ Ottubru 2010, indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru.

22      Fit-18 ta’ Frar 2011, ir-Repubblika tal-Bulgarija, bħala tweġiba għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, ma kkontestatx li kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50. Dan l-Istat Membru indika li, matul is-snin 2007 u 2008, qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 kien ġie rreġistrat fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet Bulgari, bl-eċċezzjonijiet għal ċerti muniċipalitajiet, u fit-tweġiba tiegħu dan analizza r-raġunijiet ta’ dan il-qbiż.

23      B’ittra tad-9 ta’ Ġunju 2011, ir-Repubblika tal-Bulgarija kkomunikat lill-Kummissjoni t-tieni talba intiża sabiex tinkiseb eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu ta’ PM10 skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011”). B’ittra tal-11 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni wieġbet li, peress li din it-talba kienet ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Ġunju 2011, il-perijodu ta’ disa’ xhur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2008/50, sabiex il-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tagħha, għandu jintemm ħafna wara t-terminu invokat fl-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-11 ta’ Ġunju 2011. Il-Kummissjoni żiedet li, sabiex twettaq evalwazzjoni kompleta, hija jkollha bżonn dan il-perijodu ta’ disa’ xhur u li, sabiex jinżamm l-effett utli tad-Direttiva 2008/50 u tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni wara d-data tal-11 ta’ Ġunju 2011, li jfisser li din it-talba tiġi evalwata f’dak li jikkonċerna perijodu fil-passat, kienet impossibbli.

24      Fil-25 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Bulgarija ittra ta’ intimazzjoni komplementari, billi qieset li dan l-Istat Membru kien kiser kemm l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 kif ukoll l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni invokat in-nuqqas ta’ osservanza tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet kollha ta’ dan l-Istat Membru bejn is-sena 2007 u s-sena 2011 inkluża, bl-eċċezzjoni taż-żona BG0003 AG Varna, fejn il-valur limitu annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 kien ġie osservat matul is-sena 2009.

25      B’ittra tal-1 ta’ April 2013, ikkompletata b’ittra tat-2 ta’ Settembru 2013, ir-Repubblika tal-Bulgarija wieġbet lill-Kummissjoni li d-data kkomunikata kienet turi tendenza ’l isfel tal-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10. Dan l-Istat Membru afferma li ddefinixxa u adotta miżuri adegwati sabiex jikkonforma ruħu mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50.

26      B’ittra tal-11 ta’ Lulju 2014, li kienet irċevuta fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha hija lmentat li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 kif ukoll tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, minn naħa, tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet BG0001 AG Sofija, BG0002 AG Plovdiv, BG0004 Tramuntana, BG0005 l-Lbiċ u BG0006 x-Xlokk mis-sena 2007 sas-sena 2012 tal-inqas u, min-naħa l-oħra, tal-valur limitu ta’ kuljum fiż-żona BG0003 AG Varna, mis-sena 2007 u sas-sena 2002 tal-inqas u tal-valur limitu annwali matul is-snin 2007 u 2008 kif ukoll tas-snin 2010 sa 2012 tal-inqas (iktar ’il quddiem l-“opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014”). Il-Kummissjoni stiednet ukoll lil dan l-Istat Membru biex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mid-data meta jirċeviha.

27      B’ittra tat-8 ta’ Settembru 2014, bħala tweġiba għal din l-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kkontestatx il-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet indikati. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru ppreżenta data relatata mal-konċentrazzjonijiet ta’ kuljum u annwali ta’ PM10 fil-livell tal-muniċipalitajiet, billi pparaguna d-data tas-sena 2013 ma’ dik tas-snin 2012 u 2011, li turi titjib tal-valuri medji.

28      Fit-2 ta’ Ġunju 2015, ir-Repubblika tal-Bulgarija indirizzat lill-Kummissjoni tweġiba komplementari għall-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014, billi sostniet li fit-territorju tagħha kienet teżisti tendenza ’l isfel kemm tan-numru ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 kif ukoll tal-konċentrazzjonijiet ta’ kuljum u annwali tagħhom f’parti kbira tal-punti ta’ kejl tal-kwalità tal-arja.

29      Madankollu, skont il-Kummissjoni, ir-rapport annwali dwar il-kwalità tal-arja relatat mas-sena 2013 ippreżentat mir-Repubblika tal-Bulgarija, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50, ikkonferma li l-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 wkoll ma ġewx osservati f’dik is-sena fis-sitt żoni u agglomerazzjonjiet kollha indikati fl-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014.

30      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel ilment

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, fir-risposta tagħha, li l-ewwel ilment huwa inammissibbli minħabba li l-Kummissjoni estendiet is-suġġett tat-tilwima kif iddefinit fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura.

32      Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha, l-ittra ta’ intimazzjoni komplementari tal-25 ta’ Jannar 2013 tirreferi għas-snin 2007 sa 2011. Sussegwentement, l-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014 tirrigwarda l-perijodu mis-sena 2007 sas-sena “2012 tal-inqas”. Fl-aħħar nett, ir-rikors jirreferi għas-sena 2007 sas-sena “2013 inkluża tal-inqas”.

33      Minbarra dan, fir-rigward tal-perijodu invokat fl-ewwel ilment, dan ir-rikors jinkludi espressjonijiet mhux preċiżi, bħalma li r-Repubblika tal-Bulgarija “tkompli tonqos milli twettaq” l-obbligi tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ element indispensabbli tal-kontenut tar-rikors promotur, bħall-perijodu li matulu r-Repubblika tal-Bulgarija, skont l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, kisret id-dritt tal-Unjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ koerenza, ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, kif imfakkra fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑34/11, EU:C:2012:712, punt 47).

34      Il‑Kummissjoni ssostni, fir-replika tagħha, li jmur kontra l-iskop, l-ispirtu u l-ittra tad-Direttiva 2008/50 li jiġi injorat il-perijodu sussegwenti għall-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014, perijodu li matulu l-ksur tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha kompla u ġie kkonfermat minn data ġdida.

35      Fil-fatt, ir-rapport annwali dwar il-kwalità tal-arja relatat mas-sena 2014, ippreżentat mir-Repubblika tal-Bulgarija skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50, juri qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 wkoll f’dak li jikkonċerna dik is-sena. Għalhekk, minn issa għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu mis-sena 2007 sas-sena “2014 inkluża tal-inqas”. F’dan ir-rigward, is-suġġett tat-tilwima ma kienx mibdul jew estiż u r-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax issostni li hija ma kinitx fil-pożizzjoni li tifhem dan is-suġġett jew li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tiddefendi ruħha.

36      Ir-Repubblika tal-Bulgarija tirreferi, fil-kontroreplika tagħha, għal data provviżorja li tirriżulta mill-miżuri relatati mal-kwalità tal-arja f’dak li jikkonċerna s-sena 2015.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE, huwa stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess motivi u raġunijiet bħal din l-opinjoni (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/08, EU:C:2010:412, punt 25, u tat-13 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, C‑152/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:82, punt 30).

38      F’dan il-każ, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, bħal fl-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni tinvoka qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjoniijet ta’ PM10, kif previsti mid-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha.

39      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-ewwel ilment, dan ir-rikors huwa fondat fuq l-istess motivi u raġunijiet bħall-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014.

40      Minbarra dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata abbażi tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif kienet tippreżenta ruħha fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑20/01 u C‑28/01, EU:C:2003:220, punt 32; tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑562/07, EU:C:2009:614, punt 23, kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑152/16, mhux ippubblikata, EU:C:2016:919, punt 20).

41      F’din il-kawża, id-data ta’ skadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014, li kienet irċevuta fl-istess jum mir-Repubblika tal-Bulgarija, ġiet stabbilita għall-11 ta’ Settembru 2014.

42      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, sa fejn dan ir-rikors huwa intiż sabiex jikkundanna nuqqas ta’ twettiq sistematiku u persistenti tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha, il-produzzjoni ta’ elementi komplementari intiżi sabiex, fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, isostnu l-ġeneralità u l-kostanza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk allegat, bħala prinċipju ma tistax tiġi eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 37; tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑189/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:760, punt 29, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑576/10, EU:C:2013:510, punt 29)

43      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li s-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jiġi estiż għal fatti sussegwenti għall-opinjoni motivata sa fejn dawn huma tal-istesss natura u jikkostitwixxu l-istess aġir bħall-fatti invokati f’din l-opinjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1983, Il‑Kummissjoni vs Franza, 42/82, EU:C:1983:88, punt 20; tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑189/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:760, punt 30, u tal-15 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C‑340/10, EU:C:2012:143, punt 37).

44      F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat lill-Kummissjoni r-rapport annwali dwar il-kwalità tal-arja relatat mas-sena 2014, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/50, li kien jikkonċerna, b’mod partikolari, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha. Id-data li kienet tinsab f’dan ir-rapport hija kkwotata fl-anness tar-risposta tar-Repubblika tal-Bulgarija.

45      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq din id-data sabiex issostni li l-ewwel ilment kien jirrigwarda l-perijodu “sal-2014 inkluż tal-inqas”.

46      Issa, għalkemm id-data dwar il-kwalità tal-arja f’dak li jikkonċerna s-sena 2014 tikkostitwixxi fatti li seħħew wara l-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014, dawn tal-aħħar huma tal-istess natura bħal dawk li kienu ġew invokati minn din l-opinjoni motivata u jikkostitwixxu l-istess aġir.

47      Għalhekk, din id-data, li l-Kummissjoni saret taf dwarha wara li nħarġet l-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014, setgħet validament tissemma minnha sabiex jiġi kkunsidrat li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet naqset milli twettaq id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha wkoll f’dak li jikkonċerna s-sena 2014.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt biss li l-Kummissjoni ma tirreferix għal data fissa u determinata sabiex tindika sa meta r-Repubblika tal-Bulgarija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-ewwel ilment huwa inammissibbli fl-intier tiegħu.

49      Għandu jingħad ukoll li r-Repubblika tal-Bulgarija pprovdiet, fl-anness tal-kontroreplika tagħha, id-data relatata mal-konċentrazzjonijiet ta’ kuljum u annwali ta’ PM10 f’dak li jikkonċerna parti mis-sena 2015. Madankollu, din id-data, f’dan l-istadju, ma kinitx tikkonċerna s-sena sħiħa u kienet għadha provviżorja. Għaldaqstant, ma hemmx lok li din tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

50      Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 TFUE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu humiex issodisfatti (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑439/99, EU:C:2002:14, punt 8, u tat-22 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑525/14, EU:C:2016:714, punt 14), għandu jiġi vverifikat jekk, permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni għandhiex dritt li titlob li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha mis-sena 2007.

51      Skont l-Artikolu 34 tagħha, id-Direttiva 2008/50, li hija l-unika invokata mill-Kummissjoni fl-ewwel ilment tagħha, daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2008, jiġifieri wara d-data li minnha l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Minbarra dan, skont l-Artiklu 33(1) tagħha, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva qabel il-11 ta’ Ġunju 2010.

52      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha dritt li titlob li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jsibu l-oriġini tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni Ewropea, sussegwentement emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ att ġdid tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma għadhomx ekwivalenti fil-verżjoni inizjali tal-att inkwistjoni, għaliex inkella jikkostitwixxu ksur tal-forom proċedurali sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑52/08, EU:C:2011:337, punt 42, u tal-10 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑36/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:570, punt 24).

53      F’dan il-każ, mid-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/30 u mill-Anness III tagħha jirriżulta li, fir-rigward tal-perijodi tal-fażi 1, mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2009, minn naħa, il-valur ta’ kuljum ta’ 50 μg/m3 ma kellux jinqabeż iktar minn 35 darba kull sena kalendarja u, min-naħa l-oħra, il-valur annwali li ma kellux jinqabeż kien ta’ 40 μg/m3 kull sena kalendarja.

54      Huwa paċifiku li dawn l-obbligi nżammu mid-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha. Fil-fatt, dan l-anness jindika li dawn il-valuri limitu japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2005.

55      Fir-rigward ta’ dan kollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha huwa ammissibbli għall-perijodu mis-sena 2007 sas-sena 2014 inkluża.

 Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

56      Il‑Kummissjoni ssostni, fir-rikors tagħha, li l-fatt li jinqabżu l-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 jikkostitwixxi, minnu nnifsu, ksur tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha.

57      Issa, mir-rapporti annwali dwar il-kwalità tal-arja, ippreżentati mir-Repubblika tal-Bulgarija mis-sena 2008, jirriżulta li l-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 kienu nqabżu b’mod sistematiku u persistenti fit-territorju kollu ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet BG0001 AG Sofija, BG0002 AG Plovdiv, BG0003 AG Varna, BG0004 Tramuntana, BG0005 l-Lbiċ u BG0006 x-Xlokk, mis-sena 2007, ħlief f’dak li jikkonċerna ż-żona BG0003 AG Varna fejn, matul is-sena 2009, il-valur limitu annwali kien ġie osservat.

58      Dan il-qbiż ma kienx ġie kkontestat mir-Repubblika tal-Bulgarija fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014. Minbarra dan, għal diversi punti ta’ kejl tal-kwalità tal-arja, ebda tendenza ’l isfel ma tirriżulta mid-data pprovduta f’dak li jikkonċerna n-numru ta’ ġranet ta’ qbiż tal-valur limitu annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10.

59      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, fid-9 ta’ Ġunju 2011, hija kkomunikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50, talba intiża sabiex tinkiseb eżenzjoni mill-obbligu li jiġu applikati l-valuri limitu ta’ PM10, li għaliha l-Kummissjoni wieġbet li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni wara d-data tal-11 ta’ Ġunju 2011, invokata fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li kien ifisser li din it-talba tiġi evalwata għal perijodu fil-passat, kienet impossibbli.

60      Issa, skont ir-Repubblika tal-Bulgarija, ebda terminu ma huwa previst għal komunikazzjoni ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50. Għalhekk il-Kummissjoni kellha l-obbligu li teżamina l-komunikazzjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011 u li tadotta deċiżjoni ta’ natura retroattiva.

61      Billi rrifjutat li tagħti deċiżjoni dwar il-komunikazzjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE u, għalhekk, in-nuqqas ta’ twettiq tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha ma kienx ġie kkostitwit.

62      Fir-rigward tal-qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10, ir-Repubblika tal-Bulgarija tosserva tendenza għat-tnaqqis tal-PM10 fl-arja ċirkostanti f’dawn l-aħħar snin fil-Bulgarija.

63      F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, 28 mis-37 punti ta’ kejl tal-kwalità tal-arja kienu rreġistraw tnaqqis tal-konċentrazzjoni medja annwali ta’ PM10. Bl-istess mod, 29 mis-37 punti ta’ kejl tal-kwalità tal-arja kienu rreġistraw tnaqqis tan-numru ta’ qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum bejn is-sena 2011 u s-sena 2015.

64      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, minbarra dan, li l-isforzi tagħha ta’ tnaqqis tal-livelli ta’ PM10 huma ostakolati mis-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħha. Fil-fatt, l-emissjonijiet ta’ PM10 diffiċilment jitnaqqsu minħabba sorsi ta’ tniġġis li huma t-tisħin domestiku u t-trasport bit-triq. Għalhekk, l-injam u l-faħam jintużaw ħafna għat-tisħin matul il-perijodu tax-xitwa, minħabba diffikultajiet ekonomiċi ta’ parti sinjifikattiva tal-popolazzjoni Bulgara. B’mod partikolari, il-perċentwali tal-popolazzjoni li għandha diffikultajiet kbar sabiex tkopri l-ispejjeż bażiċi tagħha ta’ kull xahar, għas-sena 2013, kienet ta’ 32.9 % għar-Repubblika tal-Bulgarija, filwaqt li dan il-perċentwali huwa ta’ 12.2 % f’dak li jikkonċerna t-28 Stati Membri kollha.

65      Il-Kummissjoni, fir-replika tagħha, tirrileva li hija rċeviet il-komunikazzjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011 jumejn biss qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50, jiġifieri fil-11 ta’ Ġunju 2011. Issa, hija ma għandhiex is-setgħa li testendi dan it-terminu għall-osservanza tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10, u lanqas li tapprova retroattivament sitwazzjoni mhux konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-ewwel ilment, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/50, din tistabbilixxi miżuri intiżi sabiex jiddefinixxu u jiddeterminaw għanijiet li jikkonċernaw il-kwalità tal-arja ċirkostanti għall-evitar, il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent kollu.

67      F’dan il-kuntest, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet tagħhom kollha, il-livelli, b’mod partikolari ta’ PM10 fl-arja ċirkostanti ma’ jaqbżux il-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI ta’ din id-direttiva.

68      Issa, il-proċedura invokata fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi li jimponi fuqu t-Trattat FUE jew att ta’ dritt sekondarju (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 1983, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 301/81, EU:C:1983:51, punt 8; tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑68/11, EU:C:2012:815, punt 62, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑351/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2150, punt 23).

69      Il‑qbiż tal-valuri limitu huwa għalhekk suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑479/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:287, punti 15 u 16, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑34/11, EU:C:2012:712, punti 52 u 53).

70      F’dan ir-rigward, l-analiżi li Stat Membru kien għalkollox issodisfa l-obbligi li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 unikament minħabba l-fatt li pjan relatat mal-kwalità tal-arja kien ġie stabbilit ma tistax tiġi aċċettata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 42).

71      F’dan il-każ, id-data li tirriżulta mir-rapporti annwali dwar il-kwalità tal-arja ppreżentati mir-Repubblika tal-Bulgarija turi li dan l-Istat Membru qabeż il-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet BG0001 AG Sofija, BG0002 AG Plovdiv, BG0003 AG Varna, BG0004 Tramuntana, BG0005 l-Lbiċ u BG0006 x-Xlokk mis-sena 2007 sas-sena 2014 inkluża, bl-eċċezzjoni tal-valur limitu annwali fiż-żona BG0003 AG Varna matul is-sena 2009, ħaġa li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata.

72      F’dak li jikkonċerna l-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija li, wara l-komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2011, hija kellha tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/50, u li l-Kummissjoni, billi rrifjutat li teżamina t-talba tagħha, naqset milli twettaq l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, hemm lok li jiġi rrilevat, hekk kif essenzjalment għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, li t-tweġiba tal-Kummissjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija, li t-talba ta’ din tal-aħħar saret tard wisq fir-rigward tat-terminu tal-11 ta’ Ġunju 2011, invokat fl-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva, kienet tinkludi oġġezzjoni min-naħa tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 22(4) tal-istess direttiva, ħaġa li ma hijiex ikkontestata mir-Repubblika tal-Bulgarija.

73      Issa, tali oġġezzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, li tqajmet korrettament fir-rigward tan-natura manifestament tardiva tat-talba mressqa mir-Repubblika tal-Bulgarija, hija biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-eżenjoni kundizzjonali prevista fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50 u, konsegwentement, nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx eżenti mill-obbligu li tosserva l-valuri limitu sad-data tal-11 ta’ Ġunju 2011.

75      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija li l-isforzi ta’ tnaqqis tal-livelli ta’ PM10 huma ostakolati mis-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħha, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Anness III tad-Direttiva 1999/30, id-data li minnha l-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 kellhom jiġu osservati kienet l-1 ta’ Jannar 2005. Dan l-obbligu ġie applikat għar-Repubblika tal-Bulgarija fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2007.

76      Issa, peress li l-għan kostanti tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi li jimponi fuqu t-Trattat FUE jew att ta’ dritt sekondarju ġie stabbilit, huwa irrilevanti li n-nuqqas jirriżulta mir-rieda tal-Istat Membru li lilu huwa imputabbli, minħabba n-negliġenza tiegħu jew ukoll minħabba diffikultajiet tekniċi li huwa kien iltaqa’ magħhom (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑71/97, EU:C:1998:455, punt 15, u tal-4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑351/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2150, punt 23).

77      Konsegwentement, l-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija relatat mas-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħha ma jistax jiġi aċċettat.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni lment

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-Repubblika tal-Bulgarija tirrileva li, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, it-talbiet tar-rikors jindikaw mhux perijodu li matulu dan il-ksur kien seħħ, iżda unikament li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien seħħ u li dan il-“ksur għadu fis-seħħ”. Għalhekk, bħal għall-ewwel ilment, il-Kummissjoni ma tosservax ir-rekwiżiti ta’ koerenza, ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑34/11, EU:C:2012:712, punti 46 sa 48).

80      Il‑Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tat-tieni lment, in-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ perijodu ta’ żmien partikolari jirriżulta mill-fatt li l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jadotta miżuri adegwati sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli, konformement mal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, iqum mill-mument tal-ewwel ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva u jdum daqstant żmien li dan l-Istat Membru ma jkunx temm il-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Skont l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja ta’ dawn il-motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess, u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, EU:C:2010:340, punt 32, u tat-22 ta’ Settembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka, C‑525/14, EU:C:2016:714, punt 16).

82      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, f’każ ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tagħhom, il-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja jipprevedu miżuri adegwati sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun “l-iqsar possibbli”.

83      Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, konsegwentement, rabta diretta bejn, minn naħa, il-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 kif previsti mid-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ tali pjanijiet.

84      Mill-punt 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’dan il-każ, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha huwa ammissibbli għall-perijodu li japplika sas-sena 2014 inkluża.

85      Ċertament, fir-rigward tat-tieni lment, il-Kummissjoni ma rreferietx ruħha għal dati stabbiliti li jikkonċernaw il-perijodu li matulu r-Repubblika tal-Bulgarija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

86      Madankollu, minħabba r-rabta diretta eżistenti mal-ksur allegat tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva jirrigwarda wkoll il-perijodu li japplika sas-sena 2014 inkluża.

87      Barra minn hekk, fir-rigward tad-data li minnha t-tieni lment huwa kkostitwit, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-suġġett tat-tilwima ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma għandhomx ekwivalenti fil-verżjoni inizjali tal-att inkwistjoni.

88      F’dan il-każ, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/30, moqri mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62, ma ffissax terminu speċifiku fir-rigward tal-istabbiliment ta’ pjanijiet ta’ azzjoni. F’dan ir-rigward, kif issostni l-Kummissjoni, id-Direttiva 96/62 sempliċement kienet teħtieġ mill-Istati Membri li jadottaw, f’terminu raġonevoli, miżuri intiżi sabiex jagħmlu l-kwalità tal-arja konformi mal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10.

89      Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jipprovdi li, f’każ ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tagħhom, il-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja jipprevedu miżuri adegwati sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun “l-iqsar possibbli”.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ dan ir-rekwiżit li jiġi osservat perijodu ta’ qbiż l-iqsar possibbli, din id-dispożizzjoni tipprevedi obbligu li ma għandux ekwivalenti fil-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Unjoni, bħalma tindika l-Kummissjoni stess fir-rikors tagħha.

91      Minbarra dan, id-data li minnha l-Istati Membri kellhom josservaw l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 tirriżulta mit-test stess ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-istess direttiva qabel il-11 ta’ Ġunju 2010.

92      Konsegwentement, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, il-ksur tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jista’ jiġi kkonstatat biss mill-11 ta’ Ġunju 2010.

93      Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 huwa ammissibbli f’dak li jikkonċerna l-perijodu mill-11 ta’ Ġunju 2010 sas-sena 2014 inkluża.

 Dwar il-fondatezza tat-tieni lment

–       L-argumenti tal-partijiet

94      Skont il-Kummissjoni, meta Stat Membru jikser l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u li, wara dan il-ksur, dan l-Istat Membru, bħal fil-każ tar-Repubblika tal-Bulgarija, naqas matul mill-inqas seba’ snin konsekuttivi li jipprevedi fil-pjanijiet tiegħu relatati mal-kwalità tal-arja l-miżuri kollha sabiex jiġi f’konformità, dan l-Istat Membru jonqos ukoll milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri, b’mod partikolari, li jiżgura li l-perijodu tal-qbiż ikun l-iqsar possibbli.

95      Il‑Kummissjoni ssostni li l-miżuri li jaqgħu taħt l-ambitu tal-livell nazzjonali deskritti mir-Repubblika tal-Bulgarija fit-tweġibiet tagħha għall-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2014 ma humiex dejjem applikati jew bdew ikunu, iżda r-riżultati tagħhom ma ntwerewx, li jipprova n-natura insuffiċjenti ta’ dawn il-miżuri. Fir-rigward tal-miżuri li jaqgħu taħt il-livell lokali, anki jekk titjib kien ġie kkonstatat li kien jikkonċerna n-numru ta’ qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fil-parti l-kbira tal-muniċipalitajiet, is-sitwazzjoni tibqa’, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, dik ta’ qbiż kontinwu f’kull waħda mis-sitt żoni u agglomerazzjonijiet Bulgari.

96      Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, dawn il-miżuri huma insuffiċjenti jew mhux adegwati sabiex il-perijodu tal-qbiż ikun “l-iqsar possibbli”, fis-sens tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

97      Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li hija kellha l-obbligu li tieħu, fil-kuntest ta’ pjan ta’ azzjoni u għal żmien qasir, miżuri adatti sabiex jitnaqqas sal-minimu r-riskju ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10, iżda li t-terminu li fih hija kellha tiżgura li l-perijodu ta’ qbiż ta’ dawn il-valuri limitu jkun “l-iqsar possibbli” ivarja skont ċirkustanzi konkreti u li dan it-terminu ma kienx ġie indikat lilha mill-Kummissjoni.

98      Barra minn hekk, peress li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jipprevedi li l-pjanijiet jiġu trażmessi lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn sentejn wara t-tmiem tas-sena li matulha l-ewwel qbiż ġie kkonstatat, dan it-terminu ta’ sentejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat dak li jikkostitwixxi l-perijodu ta’ qbiż “l-iqsar possibbli”.

99      Minbarra dan, għalkemm l-obbligu li jiġu osservati l-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 huwa rregolat mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50, il-qbiż ta’ dawn il-valuri limitu huwa biss il-kundizzjoni tal-ħolqien tal-obbligu previst fl-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet sabiex jiġi kkonstatat ksur ta’ din l-aħħar dispożizzjoni huma differenti minn dawk relatati mal-ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50. Issa, il-Kummissjoni ma ssemmix argumenti speċifiċi sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

100    Fir-rigward tal-miżuri adottati, il-muniċipalitajiet Bulgari kollha li kisru dawn il-miżuri kienu fasslu u applikaw pjanijiet li l-għan finali tagħhom huwa t-tqegħid inkonformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/50 u li jfisser titjib tad-data relatata mal-kwalità tal-arja. Fil-livell nazzjonali, il-leġiżlazzjoni kienet ġiet emendata fix-xahar ta’ Diċembru 2015 sabiex jitħaffef il-proċess ta’ titjib tal-kwalità tal-arja ċirkostanti. Diversi programmi relatati, b’mod partikolari, mas-sistemi ta’ trasport pubbliku tal-ibliet, mal-effikaċja enerġetika tal-bini, mat-titjib tal-ambjent urban u mal-iżvilupp rurali kienu ġew adottati għall-finijiet ta’ titjib tal-kwalità tal-arja. Bl-istess mod, kienu ttieħdu miżuri sabiex titjieb il-konnessjoni tal-abitazzjonijiet man-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ gass.

101    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri hija dejjem fis-seħħ u li l-programmi l-ġodda jinkludu aġendi ta’ implementazzjoni għal żmien qasir, medju jew twil skont it-tip ta’ miżuri. Fir-rigward tan-numru ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 u tal-livelli medji ta’ dan il-qbiż, it-titjib tar-riżultati huwa manifest.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

102    Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li, meta l-qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 jseħħ wara t-terminu previst għall-applikazzjoni tagħhom, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li jistabbilixxi pjan relatat mal-kwalità tal-arja li jissodisfa ċerti rekwiżiti.

103    Għalhekk, dan il-pjan għandu jipprevedi l-miżuri adegwati sabiex il-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli, u jista’ jinkludi miżuri addizzjonali speċifiċi intiżi għall-protezzjoni tal-kategoriji ta’ popolazzjoni sensittivi, inklużi t-tfal. Minbarra dan, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, dan il-pjan għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness XV ta’ din id-direttiva u jista’ jinkludi wkoll il-miżuri invokati fl-Artikolu 24 tagħha. Dan il-pjan għandu jiġi trażmess lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, u mhux iktar tard minn sentejn wara t-tmiem tas-sena li matulha jkun ġie kkonstatat l-ewwel qbiż.

104    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 għandu portata ġenerali peress li japplika, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, għall-qbiż ta’ kwalunkwe valur limitu ta’ sustanza li tniġġes stabbilit minn din id-direttiva, wara t-terminu previst għall-applikazzjoni ta’ tali valur limitu, irrispettivament minn jekk dan jiġix stabbilit minn din id-direttiva jew mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tagħha (ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 48).

105    Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/62, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, għalkemm l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali, l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jinkludi limiti għall-eżerċizzju tagħha, li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali fir-rigward tal-adegwatezza tal-miżuri li l-pjan ta’ azzjoni għandu jinkludi bl-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ qbiż u fir-rigward tal-limitazzjoni tat-tul tiegħu, fid-dawl tal-ekwilibriju li għandu jiġi żgurat bejn dan il-għan u l-interessi differenti pubbliċi u privati preżenti (ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, EU:C:2008:447, punti 45 u 46).

106    Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tagħha, l-istess approċċ għandu jiġi segwit f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50. Konsegwentement, il-pjanijiet relatati mal-kwalità tal-arja ma jistgħux jiġu stabbiliti ħlief abbażi tal-ekwilibriju bejn l-għan ta’ tnaqqis tar-riskju ta’ tniġġis u l-interessi pubbliċi u privati differenti preżenti.

107    Għalhekk, il-fatt li Stat Membru jaqbeż il-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 ma huwiex biżżejjed waħdu, sabiex jitqies li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi previsti fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat permezz ta’ analiżi għal kull każ, jekk il-pjanijiet stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat humiex inkonformità ma’ din id-dispożizzjoni.

109    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-miżuri li għandhom jadottaw, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jippermettu li l-perijodu li matulu jinqabżu l-valuri limitu jkun l-iqsar possibbli (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth, C-404/13, EU:C:2014:2382, punt 57).

110    Skont ir-Repubblika tal-Bulgarija, sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjoni li l-perijodu ta’ qbiż huwa l-iqsar possibbli hijiex osservata, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni t-terminu ta’ sentejn previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, għat-trażmissjoni tal-pjanijiet lill-Kummissjoni wara t-tmiem tas-sena li matulha l-ewwel qbiż kien ġie kkonstatat.

111    Tali argument ma jistax jintlaqa’.

112    Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 kif ukoll mit-tfassil ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-obbligu li l-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu għandu jkun l-iqsar possibbli huwa indipendenti mill-obbligu li l-pjanijiet jiġu trażmessi lill-Kummissjoni. Konsegwentement, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva ma jagħti ebda terminu supplimentari lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jadotta miżuri adegwati u li dawn jieħdu effett.

113    F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 78 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 u tal-Anness XI tagħha fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet kollha matul tmien snin konsekuttivi.

114    Mill-11 ta’ Ġunju 2010, data li fiha r-Repubblika tal-Bulgarija kellha tqiegħed fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2008/50, skont l-Artikolu 33(1) tagħha, dan l-Istat Membru kien għalhekk obbligat li jadotta u li jeżegwixxi, l-iktar malajr possibbli, miżuri adegwati, skont l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva.

115    Issa, matul is-sena 2014 ukoll, il-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 kienu nqabżu fis-sitt żoni u agglomerazzjonijiet Bulgari kollha, jiġifieri iktar minn tliet snin wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzoni tad-Direttiva 2008/50. Il-qbiż ta’ dawn il-valuri limitu għalhekk jibqa’ sistematiku u persistenti f’dan l-Istat Membru, minkejja obbligi imposti fuqu skont id-Direttiva 2008/50.

116    Barra minn hekk, hekk kif indikat ir-Repubblika tal-Bulgarija u hekk kif dan jirriżulta mill-punt 100 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet emendata biss fix-xahar ta’ Diċembru 2015 sabiex jitħaffef il-proċess ta’ titjib tal-kwalità tal-arja ċirkostanti.

117    Tali sitwazzjoni turi waħedha, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat b’mod iddettaljat il-kontenut tal-pjanijiet stabbiliti mir-Repubblika tal-Bulgarija, li, f’dan il-każ, dan l-Istat Membru ma eżegwixxiex miżuri adegwati u effikaċi sabiex il-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 jkun “l-iqsar possibbli” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

119    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija:

–        mill-fatt tan-nuqqas ta’ osservanza sistematika u persistenti, mis-sena 2007 sas-sena 2014 inkluża, tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet BG0001 AG Sofija, BG0002 AG Plovdiv, BG0004 Tramuntana, BG0005 l-Lbiċ u BG0006 x-Xlokk;

–        mill-fatt tan-nuqqas ta’ osservanza sistematika u persistenti, mis-sena 2007 u sas-sena 2014 inkluża, tal-valur limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żona BG0003 AG Varna u tal-valur limitu annwali matul is-snin 2007, 2008 u 2010 sa 2014 inkluża, fl-istess żona BG0003 AG Varna,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50, u

–        mill-fatt li l-qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 ppersistew fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq kollha, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva u b’mod partikolari l-obbligu li tiżgura li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli, f’dak li jikkonċerna l-perijodu mill-11 ta’ Ġunju 2010 sas-sena 2014 inkluża.

 Fuq l-ispejjeż

120    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Bulgarija tilfet il-parti l-essenzjali tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

121    Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regolament, li jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeciedi:

1)      Ir-Repubblika tal-Bulgarija:

–        mill-fatt tan-nuqqas ta’ osservanza sistematika u persistenti, mis-sena 2007 sas-sena 2014 inkluża, tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet BG0001 AG Sofija, BG0002 AG Plovdiv, BG0004 Tramuntana, BG0005 l-Lbiċ u BG0006 x-Xlokk;

–        mill-fatt tan-nuqqas ta’ osservanza sistematika u persistenti, mis-sena 2007 u sas-sena 2014 inkluża, tal-valur limitu ta’ kuljum applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fiż-żona BG0003 AG Varna u tal-valur limitu annwali matul is-snin 2007, 2008 u 2010 sa 2014 inkluża, fl-istess żona BG0003 AG Varna,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, u

–        mill-fatt li l-qbiż tal-valuri limitu ta’ kuljum u annwali applikabbli għall-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 ppersistew fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq kollha, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva u b’mod partikolari l-obbligu li tiżgura li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli, f’dak li jikkonċerna l-perijodu mill-11 ta’ Ġunju 2010 sas-sena 2014 inkluża.

2)      Ir-Repubblika tal-Bulgarija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem



* Lingwa tal-kawża: il‑Bulgaru.