Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija) fid-9 ta’ April 2024 – Axpo Energy Romania SA vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală, Guvernul României

(Kawża C-251/24, Axpo Energy Romania)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bucureşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Axpo Energy Romania SA

Konvenuti: Agenţia Naţională de Administrare Fiscală, Guvernul României

fil-preżenza ta’: Ministerului Energiei

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1), (3) u (4) u tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE 1 , ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 101(1) TFUE, li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti u mhux diskriminatorji għall-parteċipanti fis-suq tal-elettriku, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ obbligu fiskali addizzjonali, bħalma hija l-kontribuzzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali rregolata mill-Ordonanța de urgență a guvernului nr. 27 privind măsurile aplicabile clienților finali din piața de energie electrică și gaze naturale în perioada 1 aprilie 2022 - 31 martie 2023, precum și pentru modificarea și completarea unor acte normative din domeniul energiei (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 27 dwar miżuri applikabbli għall-klijenti finali fis-suq tal-elettriku u tal-gass naturali matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023 kif ukoll li temenda u tissupplimenta ċerti atti normattivi fil-qasam tal-enerġija, tat-18 ta’ Marzu (iktar ’il quddiem l-OUG Nru 27/2022) b’mod differenzjat, fir-rigward biss ta’ parteċipanti speċifiċi li jwettqu tranżazzjonijiet fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, bħalma huma l-fornituri li jwettqu attivitajiet ta’ kummerċ, bl-esklużjoni ta’ kategoriji oħra ta’ parteċipanti, bħalma huma l-produtturi tal-elettriku u tal-enerġija termali permezz ta’ koġenerazzjoni, kif ukoll dawk li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom bdew joperaw wara l-1 ta’ April 2022?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 u tal-Artikolu 102 TFUE, li jipprovdu li dawn l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri li jipprevjenu, jirrestrinġu jew iwettqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, jew miżuri li jillimitaw jew jikkontrollaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni jew li japplikaw, fir-relazzjonijiet ma’ sħab kummerċjali, kundizzjonijiet mhux ugwali għal tranżazzjonijiet ekwivalenti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ obbligu fiskali addizzjonali, bħalma hija l-kontribuzzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali rregolata mill-OUG Nru 27/2022 biss f’idejn ċerti parteċipanti li jwettqu tranżazzjonijiet fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, bħalma huma l-fornituri li jwettqu attivitajiet ta’ kummerċ, bl-esklużjoni ta’ kategoriji oħra ta’ parteċipanti, bħalma huma l-produtturi tal-elettriku u tal-enerġija termali permezz ta’ koġenerazzjoni, kif ukoll dawk li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom bdew joperaw wara l-1 ta’ April 2022, sabiex hekk inħoloq żvantaġġ kompetittiv għal dawk li huma suġġetti għall-kontribuzzjoni?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(3) TFUE dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw għajnuna mill-Istat għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija l-kontribuzzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali rregolata mill-OUG Nru 27/2022, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, li hija suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni, mogħtija lil dawk li huma eżentati milli jħallsu l-kontribuzzjoni?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(a), (b), (h) u (p) u tal-Artikolu 10(1), (4) u (5) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku 1 ikkunsidrati flimkien mal-premessi 22 u 23 tal-preambolu tal-imsemmi regolament, mal-Artikolu 5(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2019/944, kif ukoll mal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ obbligu fiskali addizzjonali, bħalma hija l-kontribuzzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali rregolata mill-OUG Nru 27/2022? Fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jitqies li l-kontribuzzjoni hija proporzjonali fil-kundizzjonijiet fejn ma tqisx l-ispejjeż operattivi tal-parteċipanti fis-suq b’attivitajiet ta’ kummerċ? Fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jitqies li l-kontribuzzjoni ma hijiex diskriminatorja, peress li hija tapplika biss għal parti mill-parteċipanti fis-suq bl-ingrossa li jwettqu attivitajiet ta’ xiri u bejgħ mill-ġdid ta’ enerġija?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28, 30 u 35 TFUE, tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/944, li jipprevedu l-projbizzjoni tal-istabbiliment ta’ ostakoli leġiżlattivi għall-flussi transkonfinali tal-enerġija bejn l-Istati Membri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ obbligu fiskali addizzjonali, bħalma hija l-kontribuzzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali rregolata mill-OUG Nru 27/2022, li bejn l-1 ta’ Settembru u s-16 ta’ Diċembru 2022 kienet tipprevedi formula iktar oneruża għat-tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni, li ma kienet tirrikonoxxi l-ebda profitt, filwaqt li fil-każ ta’ bejgħ domestiku kien irrikonoxxut profitt teoretiku ta’ 2 %? Fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-istabbiliment ta’ tali kontribuzzjoni li mis-16 ta’ Diċembru 2022 tistabbilixxi l-ġbir tal-kontribuzzjoni biss fil-każ ta’ bejgħ ta’ kwantitajiet ta’ enerġija intiżi għall-esportazzjoni, iżda mhux fil-każ ta’ importazzjoni ta’ enerġija?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 , li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jimponu taxxi jew imposti fuq id-dħul mill-bejgħ, minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud, jipprekludu l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ obbligu fiskali addizzjonali għall-parteċipanti fis-suq b’attivitajiet ta’ kummerċ bħall-kontribuzzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali rregolata mill-OUG Nru 27/2022?

____________

1     ĠU 2019, L 158, p. 125.

1     ĠU 2019, L 158, p. 54.

1     ĠU 2022, L 261I, p. 1.

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.