Language of document : ECLI:EU:C:2021:734

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2021 (1)

Kawża C234/20

SIA „Sātiņi-S”

vs

Lauku atbalsta dienests

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fond Agrikolu Ewropew għall‑Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (UE) Nru 1305/2013 – Appoġġ għall-iżvilupp rurali – Artikolu 30 – Pagamenti taħt in-network Natura 2000 – Kumpens għat-telf ta’ dħul fiż-żoni agrikoli u forestali – Restrizzjoni jew esklużjoni ta’ art bil-pit mill-kumpens – Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 17 – Dritt għall-proprjetà – Kumpens għal limitazzjonijiet ta’ attivitajiet ekonomiċi preċedenti għall-akkwist ta’ proprjetà immobbli u magħrufa mill-benefiċjarju”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SIA Sātiņi-S, impriża Latvjana (iktar ’il quddiem “Sātiņi‑S”) u l-Lauku atbalsta dienests (is-Servizz ta’ Appoġġ Rurali, il-Latvja).

2.        Din it-talba tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(1) u (6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (2) u tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u, essenzjalment, tikkonċerna:

–        il-klassifikazzjoni ta’ art bil-pit għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 30(1) u (6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013;

–        il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jeskludi jew jillimita, għal ċerti żoni jew attivitajiet, il-pagamenti previsti fl-Artikolu 30(1) u (6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013;

–        il-punt dwar jekk huwiex iġġustifikat li jitħallas kumpens minħabba telf ta’ dħul ikkawżat minn limitazzjonijiet għall-attivitajiet kummerċjali fuq proprjetà immobbli li dwarhom il-proprjetarju kien jaf qabel ma akkwistaha.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

3.        L-Artikolu 17 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għall-proprjetà”, fil‑paragrafu 1 tiegħu, jistipula:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill‑proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il‑kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

2.      Id-Direttiva “habitats”

4.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/43/KEE (3) jistipula:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva 79/409/KEE [(4)].”

5.        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva “habitats”:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

[...]”

3.      Ir-Regolament Nru 1305/2013

6.        Ir-Regolament Nru 1305/2013 jistipula fil-premessi 7, 9 u 24 tiegħu:

“(7)      Sabiex jiġu żgurati l-bidu immedjat u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-programmi ta’ żvilupp rurali, l-appoġġ mill-FAEŻR għandu jkun ibbażat fuq l-eżistenza ta’ kondizzjonijiet ta’ qafas amministrattiv li huma sodi. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-applikabbiltà u t-twettiq ta’ ċerti kondizzjonalitajiet ex ante. Kull Stat Membru għandu jħejji, jew programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali għat-territorju kollu tiegħu, jew sett ta’ programmi reġjonali, jew kemm programm nazzjonali kif ukoll sett ta’ programmi reġjonali. Kull programm għandu jidentifika strateġija li tilħaq il-miri b’rabta mal-prijoritajiet tal‑Unjoni għall‑iżvilupp rurali u għażla ta’ miżuri. L‑ipprogrammar għandu jikkonforma mal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, u fl‑istess waqt jadatta għal kuntesti nazzjonali u jikkumplimenta l‑politiki l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politika tas-suq agrikolu, il-politika ta’ koeżjoni u l‑politika komuni tas-sajd. L-Istati Membri li jagħżlu li jħejju sett ta’ programmi reġjonali għandhom ikunu jistgħu jħejju wkoll qafas nazzjonali, mingħajr allokazzjoni baġitarja separata, sabiex jiffaċilitaw il‑koordinazzjoni fost ir-reġjuni biex jindirizzaw l‑isfidi nazzjonali.

[...]

(9)      Il-programmi ta’ żvilupp rurali għandhom jidentifikaw il-ħtiġijiet taż-żona koperta, u għandhom jiddeskrivu strateġija koerenti biex jissodisfawhom fid-dawl tal-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali. Dik l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq l-istabbiliment ta’ miri. Għandhom jiġu stabbiliti r-rabtiet bejn il-ħtiġijiet identifikati, il-miri stabbiliti u l-għażla tal-miżuri magħżula biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet. Il-programmi ta’ żvilupp rurali għandhom jinkludu wkoll l-informazzjoni kollha meħtieġa għall‑valutazzjoni tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

[...]

(24)      L-appoġġ għandu jibqa’ jingħata lill-bdiewa u lis-silvikulturisti biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-iżvantaġġi speċifiċi fiż-żoni kkonċernati b’riżultat tal-implimentazzjoni tad‑[Direttiva 2009/147/KE (5)] u tad-[Direttiva “habitats”] u sabiex jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva tas-siti tan-Natura 2000 filwaqt li l-appoġġ għandu jkun disponibbli wkoll għall-bdiewa biex jgħinhom jindirizzaw l-iżvantaġġi fiż-żoni idrografiċi b’riżultat tal-implimentazzjoni tad-[Direttiva 2000/60/KE (6)]. L‑appoġġ għandu jkun marbut ma’ rekwiżiti speċifiċi deskritti fil‑programm ta’ żvilupp rurali li jmorru lil hinn mill-istandards u r-rekwiżiti obbligatorji rilevanti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-pagamenti lill-bdiewa ma jwasslux għal finanzjament doppju taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 [(7)]. Barra minn hekk, għandhom ikunu kkunsidrati l-ħtiġijiet speċjali taż-żoni ta’ Natura 2000 mill-Istati Membri fit‑tfassil kumplessiv tal-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom.”

7.        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1305/2013, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“[...]

Barra minn dan, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(c)      ‘miżura’, tfisser sett ta’ operazzjonijiet li jikkontribwixxu għal prijorità waħda jew aktar tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali;

[...]

(f)      ‘żona agrikolu’, tfisser kwalunkwe żona użata bħala art għall‑kultivazzjoni, mergħat permanenti jew uċuh permanenti kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1307/2013];

[...]

(r)      ‘foresta’, tfisser medda ta’ art ta’ aktar minn 0.5 ettaru b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kanupew li jkopri aktar minn 10 fil‑mija, jew siġar li kapaċi jilħqu dawn il-limiti in situ u ma tinkludix art li b’mod predominanti għandha użu agrikolu jew urban, soġġetta għall-paragrafu 2;

[...]

2.      Stat Membru jew reġjun jista’ jagħżel li japplika definizzjoni ta’ foresta, li mhix dik fil-punt (r) tal-paragrafu 1, li tkun imsejsa fuq il-liġi nazzjonali eżistenti jew sistema ta’ inventarju. L-Istati Membri jew ir‑reġjuni għandhom jipprovdu tali definizzjoni fil-programm ta’ żvilupp rurali.

[...]”

8.        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1305/2013, intitolat “Objettivi”:

“Fi ħdan il-qafas ġenerali tal-[politika agrikola komuni (PAK)], l-appoġġ għal żvilupp rurali, inkluż għal attivitajiet fis-settur tal-ikel u dak mhux tal-ikel u fil-forestrija, għandu jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

(a)      it-trawwim tal-kompetittività tal-agrikoltura;

(b)      l-iżgurar tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni favur il-klima;

(c)      il-kisba ta’ żvilupp territorjali bilanċjat ta’ ekonomiji u komunitajiet rurali inkluż il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi.”

9.        L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Programmi ta’ żvilupp rurali”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-FAEŻR għandu jaġixxi fl-Istati Membri permezz ta’ programmi ta’ żvilupp rurali. Dawk il-programmi għandhom jimplimentaw strateġija għall-iżvilupp rurali li tilħaq il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali permezz ta’ sett ta’ miżuri kif definiti fit-Titolu III. Appoġġ mill‑FAEŻR għandha tintalab għall-kisba tal-objettivi ta’ żvilupp rurali taħt il-mira permezz tal-prijoritajiet tal-Unjoni.”

10.      L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Approvazzjoni tal‑programmi ta’ żvilupp rurali”, jaqra kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni proposta għal kull programm ta’ żvilupp rurali, li jkun fiha l‑informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8.

2.      Kull programm ta’ żvilupp rurali għandu jiġi approvat mill‑Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.”

11.      L-Artikolu 30 tal-istess regolament, intitolat “Pagamenti skont Natura 2000 u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma”, jistipula:

“1.      L-appoġġ taħt din il-miżura għandu jingħata kull sena għal kull ettaru ta’ żona agrikola jew għal kull ettaru ta’ foresta sabiex jingħata kumpens lill-benefiċjarji għal spejjeż addizzjonali u dħul mitluf li jirriżulta minn żvantaġġi fiż-żoni kkonċernati, b’rabta mal‑implimentazzjoni tad-Direttiva [‘habitats’], tad-Direttiva [‘għasafar’] u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

[...]

6.      Iż-żoni li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-pagamenti:

(a)      żoni agrikoli u tal-foresti tan-Natura 2000 identifikati skont id‑Direttivi [‘habitats’] u [‘għasafar’];

[...]”

4.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 808/2014

12.      L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014 (8), intitolat “Suppożizzjoni standard tal-kostijiet addizzjoni u tad-dħul mitluf” jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jiffissaw l-ammont tal-pagamenti għall-miżuri jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikoli minn 28 sa 31 u fl-Artikoli 33 u 34 tar-[Regolament Nru 1305/2013], abbażi tas-suppożizzjonijiet standard tal-kostijiet addizzjonali u d-dħul mitluf.”

13.      It-Taqsima 8 tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolata “Deskrizzjoni tal-miżuri magħżulin”, hija redatta kif ġej:

“[...]

11.      Pagamenti ta’ Natura 2000 u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma [Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013]

[...]

–        identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet/żvantaġġi li abbażi tagħhom jistgħu jingħataw il-pagamenti u indikazzjoni tal-prattiki obbligatorji;

–        id-deskrizzjoni tal-metodoloġija u tas-suppożizzjonijiet agronomiċi, inkluża deskrizzjoni tar-rekwiżiti ta’ xenarju ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 30(3) tar-[Regolament Nru 1305/2013], għad-Direttivi [‘habitats’] u [‘għasafar’], u fl-Artikolu 30(4) ta’ dak ir-Regolament għad-Direttiva WFD [Water Framework Directive] użati bħala referenza għall-kalkoli li jiġġustifikaw il-kostijiet addizzjonali u d‑dħul mitluf li jirriżultaw mill-iżvantaġġi fiż-żoni kkonċernati relatati mal-implimentazzjoni tad-[Direttiva ‘habitats’], tad‑[Direttiva ‘għasafar’] u tal-WFD; fejn ikun relevanti, dik il‑metodoloġija għandha tikkunsidra l-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent mogħtijin skont ir-[Regolament Nru 1307/2013], sabiex jiġi eskluż il‑finanzjament doppju.

[...]”

14.      Il-miżura 12 tal-Parti V tal-Anness I tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni tistabbilixxi l-pagamenti taħt Natura 2000 u taħt id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma fil-kuntest tal-Artikolu 30 tar‑Regolament Nru 1305/2013 u tistipula t-tipi ta’ pagamenti segwenti:

“[P]agament ta’ kumpens għaż-żoni agrikoli ta’ Natura 2000 [kodiċi 12.1]

[P]agament ta’ kumpens għaż-żoni forestali ta’ Natura 2000 [kodiċi 12.2]

[P]agament ta’ kumpens għaż-żoni agrikoli inlużi fil-pjan ta’ ġestjoni tal‑baċiri tax-xmajjar [kodiċi 12.3]”.

B.      Id-dritt Latvjan

15.      Il-ministru kabineta 2010. gada 16. marta noteikumi Nr. 264 īpaši aizsargājamo dabas teritoriju vispārējie aizsardzības un izmantošanas noteikumi (id-Digriet Nru 264 tal-Kunsill tal-Ministri dwar Dispożizzjonjiet Ġenerali Relatati mal-Protezzjoni u mal-Użu ta’ Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni) tas-16 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 264”) (9), jistabbilixxi r-regoli ġenerali ta’ protezzjoni u ta’ użu ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

16.      Il-Kapitolu 5 ta’ dan id-digriet, intitolat “Żoni naturali protetti”, jistipula, fil-punt 16:

“Fiż-żoni naturali protetti huwa pprojbit:

[...]

16.12.      l-istabbiliment ta’ pjantaġġuni ta’ cranberries fuq l-art bil-pit”.

[...]

17.      Il-ministru kabineta 2015. gada 7. aprīļa noteikumi Nr. 171 noteikumi par valsts un Eiropas Savienības atbalsta piešķiršanu, administrēšanu un uzraudzību vides, klimata un lauku ainavas uzlabošanai 2014.–2020. gada plānošanas periodā (id-Digriet Nru 171 tal-Kunsill tal-Ministri dwar l-Għoti, il-Ġestjoni u l-Kontroll tal-Għajnuna mill-Istat u mill-Unjoni Ewropea Intiżi għat-Titjib tal-Ambjent, tal-Klima u tal-Pajsaġġ Rurali matul il-Perijodu ta’ Programmazzjoni 2014-2020), tas-7 ta’ April 2015 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 171”) (10), jistipula, fil-punti 56 sa 58 tiegħu:

“56.      Iż-żoni eliġibbli għall-għajnuna bis-saħħa ta’ din il-miżura huma l-artijiet forestali (bl-esklużjoni ta’ artijiet bil-pit):

56.1.      li jinsabu fil-lista taż-[żoni Natura 2000] skont l-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 u stabbiliti skont il-“Par īpaši aizsargājamām dabas teritorijām [il-Liġi dwar iż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni];

[...]

58.      L-għajnuna tista’ tingħata jekk iż-żona eliġibbli għall-għajnuna fiha mill-inqas ettaru, li jkun fiha mill-inqas għalqa ta’ 0.1 ettaru, u li ż‑żona minima suġġetta għal tip ta’ limitazzjoni f’għalqa hija mill-inqas 0.1 ettaru, u jekk l-imsemmija għelieqi jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ mmappjar, jekk huma inklużi fis-sistema ta’ reġistrazzjoni elettronika tas-Servizz ta’ Appoġġ Rurali, u li, mill-1 ta’ Marzu tas-sena kurrenti, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni jew tal-protezzjoni ta’ speċi u ta’ biotopi, tapplika waħda mil-limitazzjonijiet li ġejjin għall-attività ekonomika:

58.1.      projbizzjoni ta’ attivitajiet forestali;

58.2.      projbizzjoni tal-ħsad prinċipali u ta’ tnaqqis tas-siġar;

58.3.      projbizzjoni tal-ħsad prinċipali;

58.4.      projbizzjoni ta’ tqaċċit totali tas-siġar.” (11)

18.      Il-lauku attīstības programma 2014.-2020.gadam (il-Programm Latvjan ta’ Żvilupp Rurali 2014‑2020 (12)), approvat mill-Kummissjoni Ewropea bis-saħħa tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1305/2013, jindika li tista’ tingħata għajnuna jekk huma imposti limitazzjonijiet fuq l-attivitajiet forestali fiż-żoni Natura 2000 jew fil-mikroriżervi li jinsabu f’żoni forestali, bl-esklużjoni ta’ art bil-pit.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Matul is-sena 2002, Sātiņi-S xtrat 7.7 ettari ta’ art bil-pit, li tinsab f’żona natura protetta u f’żona ta’ konservazzjoni ta’ importanza Komunitarja Natura 2000 (iktar ’il quddiem iż-“żona Natura 2000”) fil‑Latvja.

20.      Fit-2 ta’ Frar 2017, Sātiņi-S ressqet talba quddiem il-Lauku atbalsta dienests (is-Servizz ta’ Appoġġ Rurali,) sabiex tibbenefika, għas-snin 2015 u 2016, minn kumpens dovut minħabba l-projbizzjoni li jiġu installati pjantaġġuni ta’ cranberries fuq din l-art bil-pit. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2017, dan is-servizz ċaħad din it-talba minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma kinitx tipprevedi tali kumpens.

21.      Sātiņi-S ressqet azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem l‑Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), li ċaħdet din l-azzjoni permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Marzu 2018.

22.      Sātiņi-S ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa Senāts (il-Qorti Suprema, il-Latvja), li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1)      L-Artikolu 30(6)(a) tar-[Regolament Nru 1305/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li art bil-pit hija kompletament eskluża mill‑ħlasijiet taħt Natura 2000?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-art bil-pit tagħmel parti miż-żoni agrikoli jew forestali?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jeskludi kompletament l-art bil-pit mill‑ħlasijiet taħt Natura 2000 u li tali dispożizzjonijiet nazzjonali huma kompatibbli mal-għan kompensatorju ta’ tali ħlasijiet previst mir-Regolament Nru 1305/2013?

4)      L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jillimita l-ħlasijiet tal‑għajnuna għaż-żoni tan-network Natura 2000 billi jipprovdi għajnuna biss għal-limitazzjoni imposta għal tip speċifiku ta’ attività ekonomika, bħal, pereżempju, fiż-żoni forestali, biss għall‑attivitajiet forestali?

5)      L-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna għandha d-dritt, meta jkollha proġetti għal attività ekonomika ġdida, għal ħlas taħt Natura 2000 jekk, fil-mument meta tkun akkwistat il-proprjetà, diġà kienet taf bil-limiti li kienet suġġetta għalihom l-imsemmija proprjetà?”

23.      Sātiņi-S, il-Gvern Latvjan, il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

24.      Waqt is-seduta, li saret fit-3 ta’ Ġunju 2021, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali mill-Gvern Latvjan, mill-Gvern Irlandiż u mill‑Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

25.      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-art bil-pit hija kompletament eskluża mill‑benefiċċju ta’ pagamenti taħt in-network Natura 2000 u, f’każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, jekk din l-art taqax taħt iż-żoni agrikoli jew taħt iż-żoni forestali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26.      Skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013, tingħata għajnuna kull sena għal kull ettaru ta’ żona agrikola jew għal kull ettaru ta’ foresta, sabiex jingħata kumpens lill-benefiċjarji, għall-ispejjeż addizzjonali u telf ta’ dħul minħabba żvantaġġi fiż-żoni kkonċernati, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva “habitats”, tad-Direttiva “għasafar” u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-Artikolu 30(6)(a) ta’ dan ir-regolament jispjega li huma eliġibbli għall-pagamenti relatati mal‑għajnuna inkwistjoni ż-żoni agrikoli u forestali Natura 2000 identifikati skont id-Direttivi “habitats” u “għasafar”.

27.      F’dan il-każ, is-Servizz ta’ Appoġġ Rurali rrifjuta li jħallas lil Sātiņi-S kumpens għal-limitazzjoni tal-attività ekonomika tal-istabbiliment ta’ pjantaġġuni ta’ cranberries f’art bil-pit, abbażi tal‑leġiżlazzjoni Latvjana li teskludi dawn il-pagamenti għall-art bil-pit.

28.      Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sistema ta’ pagamenti fiż-żoni Natura 2000 għandha l-għan li tgħin lill-benefiċjarji sabiex jilqgħu għall-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad‑Direttiva “habitats”, tad-Direttiva “għasafar” u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u li l-limitazzjonijiet adottati mill-Istati Membri ma għandhomx jeliminaw l-imsemmija natura kumpensatorja ta’ din is‑sistema, fid-dawl tal-fatt li l-art bil-pit tirrappreżenta parti sinjifikattiva tat-territorju Latvjan u tkopri parti kbira taż-żoni Natura 2000 ta’ dan il-pajjiż. Sussegwentement, dik il-qorti tikkonstata li d-definizzjoni ta’ dawn iż-żoni fl-Anness I tad‑Direttiva “habitats” tinkludi l-art bil-pit fost it-tipi ta’ habitats naturali ta’ interess Komunitarju li l-konservazzjoni tagħhom tirrikjedi l-identifikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Finalment, l-istess qorti tirrileva, minn naħa waħda, li minkejja li l-Artikolu 30(6)(a) tar‑Regolament Nru 1305/2013 jillimita l-pagamenti għal ċerti żoni, jiġifieri ż-żoni agrikoli u forestali, dan madankollu ma jillimitax il‑pagamenti għal ċerti tipi ta’ attivitajiet ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, li l-punt 58 tad-Digriet Nru 171 jirrestrinġi l-għajnuna mogħtija taħt l‑Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għal-limitazzjonijiet imposti għall-attivitajiet forestali, minkejja li huwa possibbli li jiġu eżerċitati attivitajiet agrikoli fuq art bil-pit li tinsab f’żoni forestali, permezz tal-installazzjoni fihom ta’ pjantaġġuni ta’ cranberries.

29.      Sātiņi-S issostni li l-kumpens mogħti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għaż-żoni forestali biss, bl-esklużjoni tal-art bil-pit, huwa “inġust” u li l‑attività ekonomika u d-delimitazzjoni tal-artijiet ta’ din il-kumpannija kienu bdew qabel ma dan is-sit naturali protett ma ġie identifikat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni.

30.      Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, il-Gvern Latvjan isostni li l-limitazzjoni tal-għoti ta’ kumpens tirriżulta direttament mill‑Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013, li jirriżerva l‑pagamenti taħt Natura 2000 għaż-żoni agrikoli u forestali, u li l-art bil‑pit ma taqax taħt iż-żoni forestali li għalihom l-Istat jillimita l-għoti ta’ pagamenti, peress li ma taqax taħt il-kunċett ta’ “foresta” kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(r) ta’ dan ir-regolament. Fid-dawl tar-risposta fl-affermattiv li huwa jagħti lil din id-domanda, dan il-Gvern isostni li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, filwaqt li jispjega li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, art hija kklassifikata skont it-tip ta’ użu tal-art, skont il-kwalitajiet naturali tagħha u l-użu ekonomiku reali tagħha, u li, skont il-karatteristiċi speċifiċi tal‑irqajja’ ta’ art, l-“artijiet agrikoli”, il-“foresti” u l-“art bil-pit” jikkostitwixxu tliet kategoriji ta’ artijiet differenti.

31.      Skont il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ riferiment, ta’ definizzjoni jew ta’ deskrizzjoni ta’ “art torbiera” jew ta’ “art bil-pit” fir-Regolament Nru 1305/2013, l-art bil-pit ikkonċernata tista’ taqa’ taħt l‑Artikolu 30(6)(a) ta’ dan ir-regolament, skont il‑karatteristiċi tagħha, meta taqa’, jekk ikun il-każ, taħt id-definizzjoni ta’ “żona agrikola”, skont l-Artikolu 2(1)(f) tal-imsemmi regolament, jew dik ta’ “foresta”, skont l-Artikolu 2(1)(r) tal-istess regolament.

32.      Sabiex nirrispondi għall-ewwel żewġ domandi, ser neżamina l‑kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ art bil-pit skont l-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013, sabiex jiġi stabbilit jekk din id‑dispożizzjoni teskludix totalment l-art bil-pit mill-pagamenti taħt in‑network Natura 2000.

33.      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-art bil-pit skont l‑Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 u fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ “art torbiera” jew ta’ “art bil-pit” fid-dritt tal-Unjoni, nirrileva li art torbiera hija, essenzjalment, art mistagħdra kkaratterizzata bil-preżenza tal-“pit”, art ikkaratterizzata mill-kontenut qawwi ħafna tagħha ta’ materjal organiku ta’ oriġini veġetali u ta’ ħażniet ta’ karbonju organiku (13). Ċertament, hemm diversi tipoloġiji ta’ art bil-pit, iżda dawn l-elementi huma, sa fejn naf jien, il-karatteristiċi essenzjali ta’ dawn l-artijiet.

34.      Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, minn naħa waħda, id‑definizzjoni ta’ “art bil-pit” ma tikkorrispondix kompletament ma’ dik ta’ “żona agrikola”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1305/2013 (14), li jipprevedi li “żona agrikola” tfisser “kwalunkwe żona użata bħala art għall-kultivazzjoni, mergħat permanenti jew uċuh permanenti kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1307/2013]”. Madankollu, art bil-pit tista’ tkun magħmula, tal-inqas parzjalment, minn “mergħat permanenti” (15), li huma inklużi fid-definizzjoni ta’ “żona agrikola” (16).

35.      Min-naħa l-oħra, id-definizzjoni ta’ “art bil-pit” lanqas ma tikkorrispondi kompletament ma’ dik ta’ “foresta”, fis-sens tal‑Artikolu 2(1)(r) tar-Regolament Nru 1305/2013, li jipprevedi li “foresta” tfisser “medda ta’ art ta’ aktar minn 0.5 ettaru b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kanupew li jkopri aktar minn 10 fil-mija, jew siġar li kapaċi jilħqu dawn il-limiti in situ u ma tinkludix art li b’mod predominanti għandha użu agrikolu jew urban, soġġetta għall-paragrafu 2” (17). Madankollu, skont il-veġetazzjoni preżenti, art bil-pit tista’ tkun ikkostitwita, tal-inqas parzjalment, minn foresti (18).

36.      Għalhekk, jien inklinat li nikkonkludi li l-art bil-pit ma hijiex, bħala tali, inkluża fl-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013, peress li ma tikkostitwixxix, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni, tertium genus meta mqabbla maż-żoni agrikoli u forestali msemmija f’din id-dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, id‑definizzjoni xjentifika ta’ “art bil-bit” bħala art li għandha l‑karatteristiċi partikolari deskritt fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet teskludi biss li din l-art, skont il-kompożizzjoni tagħha, tista’ taqa’ fid‑definizzjoni legali ta’ żona “agrikola” jew “tal-foresti” fis-sens tal‑istess dispożizzjoni, sa fejn dawn jinkludu, b’mod partikolari, mergħat li jinsabu fid-definizzjoni ta’ “żona agrikola” jew veġetazzjoni li tikkorrispondi ma’ dik li tikkostitwixxi “żona forestali” (19).

37.      Għalhekk, inqis li żoni ta’ art bil-pit jistgħu, tal-inqas parzjalment, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ żoni “agrikoli” jew “forestali”, u b’hekk jistgħu jibbenefikaw minn pagamenti abbażi tal‑Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013.

38.      F’dan il-każ, peress li l-leġiżlatur Latvjan illimita l-pagamenti tal-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għaż-żoni forestali, filwaqt li eskluda ż-żoni agrikoli, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-art bil-pit li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, kif iddefinita mil-leġiżlazzjoni Latvjana, taqax fil-kunċett ta’ “żona forestali” bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (20).

39.      Barra minn hekk, peress li l-attività pprojbita f’dan il-każ kienet attività agrikola (pjantaġġuni ta’ cranberries), il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk għajnuna mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 30(6)(a) tar‑Regolament Nru 1305/2013 sabiex tikkumpensa lill-proprjetarji ta’ artijiet għall-iżvantaġġi subiti f’żoni forestali tippermettix li dawn il‑proprjetarji jiġu kkumpensati għall-projbizzjoni milli jeżerċitaw mhux biss attività forestali (21), iżda wkoll attività agrikola, bħal pjantaġġuni ta’ cranberries. Fl-opinjoni tagħha, il-limitazzjoni tal‑pagamenti taħt Natura 2000 għal ċerti żoni (agrikoli u forestali) ma tikkonċernax l-attivitajiet ekonomiċi eżerċitati f’dawn iż-żoni.

40.      Nikkonstata li l-pagamenti mogħtija bis-saħħa tal‑Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 huma intiżi sabiex “jingħata kumpens lill-benefiċjarji għal spejjeż addizzjonali u dħul mitluf li jirriżulta minn żvantaġġi fiż-żoni kkonċernati, b’rabta mal‑implimentazzjoni tad-Direttiva [‘habitats’], tad-Direttiva [‘għasafar’] u tad‑Direttiva Qafas dwar l-Ilma”.

41.      Mill-perspettiva testwali, la l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 u lanqas dan ir-regolament b’mod ġenerali ma jispeċifikaw x’inhi l-kawża tal-“iżvantaġġi” u lanqas jekk dawn jirriżultawx mill-projbizzjoni li tiġi eżerċitata attività agrikola jew forestali. Madankollu, it-Taqsima 8 tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 808/2014 timponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri l-obbligu lil jistabbilixxu r‑restrizzjonijiet jew l-iżvantaġġi li minħabba fihom il-pagamenti previsti fil-pjanijiet ta’ żvilupp rurali jistgħu jingħataw. Jidher għalhekk li l-Istati Membri huma liberi li jidentifikaw it-tipi ta’ żvantaġġi eliġibbli għall-kumpens.

42.      Mill-perspettiva kuntestwali, jekk l-Artikolu 30(6)(a) tar‑Regolament Nru 1305/2013 jillimita ruħu sabiex jispjega li l‑pagamenti jistgħu jirrigwardaw iż-żoni agrikoli u forestali Natura 2000 identifikati skont id-Direttivi “habitats” u “għasafar”, l‑Artikolu 30(6)(b) ta’ dan ir-regolament jestendi l-pagamenti, b’ċerti kundizzjonijiet, għal “żoni oħra delimitati ta’ protezzjoni tan-natura b’restrizzjonijiet ambjentali applikabbli għal biedja jew foresti (22) [...]”. Għalhekk inqis li dawn iż-żewġ attivitajiet huma kkunsidrati bħala li huma eliġibbli b’mod ugwali u mingħajr distinzjoni għall-pagamenti.

43.      Mill-perspettiva teleoloġika, mill-kamp ta’ applikazzjoni u mill‑għanijiet stess tar-Regolament Nru 1305/2013, kif stipulati fl‑Artikolu 4 tiegħu, jirriżulta li dan jappoġġja l-iżvilupp rurali u b’mod partikolari l-attivitajiet relatati mas-settur agroalimentari, u dak mhux tal-ikel u tal-forestrija. Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi, li l‑attivitajiet meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ pagamenti taħt in-network Natura 2000 jistgħu jkunu biss attivitajiet agrikoli jew forestali, bl-esklużjoni, pereżempju, ta’ waħda mill-attivitajiet tipiċi ta’ użu ta’ art bil-pit, b’mod partikolari l-estrazzjoni tal-karbonju, li tikkostitwixxi attività industrijali li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (23).

44.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-għoti ta’ pagamenti sabiex tiġi kkumpensata l-projbizzjoni ta’ attività agrikola f’żona forestali bħala regola ma huwiex eskluż bl-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013. Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l‑attivitajiet li l-limitazzjoni tagħhom tagħti lok għall-pagamenti hawn fuq imsemmija.

45.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix, bħala regola, l-art bil‑pit mill-pagamenti bis-saħħa tal-Artikolu 30(1) ta’ dan ir‑regolament, sa fejn din tista’, jekk ikun il-każ, tkun ikkostitwita minn żoni agrikoli jew forestali li jistgħu jibbenefikaw mill-pagamenti fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

B.      Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

46.      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 jippermettix lil Stat Membru li jeskludi l-art bil-pit mill-benefiċċju tal-pagamenti taħt in‑network Natura 2000 jew li jillimita l-għajnuna għar-restrizzjonijiet imposti fuq tip speċifiku ta’ attività ekonomika, b’mod partikolari l‑attività forestali f’żona forestali.

47.      Din il-qorti tenfasizza b’mod partikolari li, jekk huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir‑regolament, il-limitazzjonijiet adottati minnhom ma għandhomx jeliminaw l-“għan kumpensatorju” tas-sistema ta’ pagamenti taħt Natura 2000 (24).

48.      Il-Gvern Latvjan isostni li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 jippermetti lill-Istati Membri jeskludu kompletament l‑art bil-pit mill-pagamenti taħt in-network Natura 2000 jew li jillimitaw l-għoti tal-għajnuna għal żoni Natura 2000 billi jipprevedu għajnuna biss għal limitazzjoni imposta fuq tip speċifiku ta’ attività ekonomika. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikoli 5 u 8 ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri huma liberi mhux biss li jagħżlu l-miżuri tal-programm ta’ żvilupp rurali, iżda wkoll li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall‑implimentazzjoni tagħhom, u ma humiex obbligati jagħtu l-miżuri ta’ għajnuna kollha previsti mill-imsemmi regolament. F’dan il-każ, il‑miżuri tal-programm ta’ żvilupp rurali tal-Latvja, approvat mill‑Kummissjoni, huma konformi mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal‑Unjoni u josservaw is-setgħa diskrezzjoni li l-istess regolament jagħti lill-Istati Membri inkwantu l-leġiżlatur nazzjonali ffoka l‑għajnuna sabiex jikkontribwixxi aħjar għall-għan li tissaħħaħ il-biodiversità fiż-żoni forestali, u b’hekk jevita l-frammentazzjoni tal‑finanzjament.

49.      Il-Kummissjoni, wara li fakkret li l-art bil-pit tista’ tikkostitwixxi kemm żona agrikola kif ukoll żona forestali, skont il-karatteristiċi tagħha (25), u fid-dawl tal-għażla tal-leġiżlatur Latvjan li jagħti kumpens biss għal-limitazzjonijiet imposti fiż-żoni forestali, issostni li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1305/2013, Stat Membru jista’ jagħżel li japplika definizzjoni tat-terminu “foresta” differenti minn dik li tinstab fil-punt (r) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u jista’ għalhekk jeskludi totalment mill-benefiċċju tal-pagamenti taħt Natura 2000 l-art bil-pit, sakemm din id-definizzjoni ma tkunx diskriminatorja. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-Istati Membri, permezz tal-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom, approvati minnha stess, jistgħu jagħżlu l-miżuri li għandhom jibbenefikaw minn finanzjarjament tal-FAEŻR u li l‑Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament ma joħloq l-ebda obbligu ta’ finanzjament ta’ kumpens għal-limitazzjonijiet taħt in-Natura 2000. Għalhekk, hija tqis li Stat Membru jista’ jillimita l-għoti tal-pagamenti taħt iż-żoni Natura 2000 billi jipprevedi għajnuna biss għal ċerti tipi speċifiċi ta’ limitazzjoni tal-attività ekonomika.

50.      Qabelxejn nirrileva li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 ma joħloq l-ebda obbligu ta’ pagament, kif jirriżulta b’mod ċar mill-paragrafu 6 tiegħu, li jipprevedi li ż-żoni li jsemmi, b’mod partikolari ż-żoni agrikoli u forestali Natura 2000, jistgħu jibbenefikaw mill-pagamenti. Barra minn hekk, dan l-approċċ huwa konformi mal-ispirtu tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-iżvilupp rurali, li jħalli lill-Istati Membri liberi li jistabbilixxu l-miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom, bl-osservanza tal-prijoritajiet tal-Unjoni u filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni kuntesti nazzjonali (26).

51.      Barra minn hekk, qabelxejn, nikkonstata li l-miżura 12 tal‑Parti 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 808/2014 tipprevedi tliet tipi ta’ pagamenti, li minnhom l-Istati Membri jistgħu jagħżlu, fil-kuntest tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, jiġifieri l-pagament ta’ kumpens għaż-żoni agrikoli ta’ Natura 2000, il-pagament ta’ kumpens għaż-żoni forestali ta’ Natura 2000 u l-pagament ta’ kumpens għaż-żoni agrikoli inklużi fil-pjan ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar. Sussegwentement, il‑punt 11 tal-paragrafu 2(e) tat-Taqsima 8 tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jimponi b’mod partikolari lill-Istati Membri li jistabbilixxu r-restrizzjonijiet u l-iżvantaġġi li minħabba fihom jistgħu jingħataw pagamenti previsti fil-pjani ta’ żvilupp rurali. Finalment, l‑Artikolu 10(1) tal-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiffissaw l-ammont tal-pagamenti abbażi ta’ suppożizzjonijiet standard tal-ispejjeż addizzjonali u tad-dħul mitluf.

52.      Għalhekk, bħala regola, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tagħti lill‑Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda, minn naħa waħda, l-għażla tal-miżuri li għandhom il-ħsieb li jimplimentaw fost dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, id‑determinazzjoni tar-restrizzjonijiet jew tal-iżvantaġġi li minħabba fihom jingħataw pagamenti. Għalhekk inqis li huwa korrett li l-leġiżlatur Latvjan, meta adotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 30 tar‑Regolament Nru 1305/2013, billi uża l-marġni ta’ diskrezzjoni li jagħtih dan ir-regolament, għażel biss pagament ta’ kumpens għal żoni forestali u llimita l-pagamenti għal ċerti restrizzjonijiet, jiġifieri l-projbizzjoni tal‑attivitajiet forestali msemmija fil-punt 58 tad-Digriet Nru 171.

53.      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-“għan kumpensatorju” tas-sistema ta’ pagamenti taħt Natura 2000, imsemmija mill-qorti tar-rinviju abbażi tas-sentenza Lingurár (27). Fil-fatt, din is‑sentenza kienet tirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru kkonċernat kien implimenta għajnuna taħt in-network Natura 2000 minħabba restrizzjonijiet għall-użu tal-foresti u ta’ żoni oħra ta’ boskijiet lil xi individwi u kien eskluda kompletament l-għajnuna għaż‑żoni forestali li fiha kien hemm art, irrispettivament mill-kobor tagħha, li tappartjeni lill-Istat, li jimplika, f’dan il-każ, li żona forestali li minnha 0.182 % kienet tappartjeni lill-Istat ma kinitx eliġibbli għall‑għajnuna inkwistjoni. Kienet din ir-restrizzjoni li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kienet tippreġudika l-għan kumpensatorju tas-sistema ta’ pagamenti u kienet tikkostitwixxi miżura sproporzjonata (28). Is‑sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija differenti, inkwantu l-leġiżlatur Latvjan eskluda totalment l-art bil-pit miż-żoni forestali li għalihom tingħata l-għajnuna, billi għamel għażla li, bħala regola, taqa’ fil‑kompetenzi tiegħu.

54.      Ċertament, meta jagħżel il-miżuri li għandhom jiġu adottati, Stat Membru għandu josserva l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, bħala dawk ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità (29). Kif osservat il‑Kummissjoni, jekk l-art bil-pit inkwistjoni, minħabba l-karatteristiċi tagħha, kienet taqa’ taħt “foresti” skont id-definizzjoni adottata fl-Artikolu 2(1)(r) tar-Regolament Nru 1305/2013 jew skont dik eventwalment adottata fil-programm ta’ żvilupp rurali tiegħu skont l‑Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament (30), l-esklużjoni ta’ dawn iż-żoni mill-benefiċċju ta’ għajnuna taħt l-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament tirriżulta kuntrarja għall-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, li huwa inerenti għas-sistema leġiżlattiva tal-Unjoni.

55.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru, fl-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, kemm li jeskludi l-art bil-pit mill-benefiċċju tal-pagamenti taħt in‑network Natura 2000, u dan mingħajr il-fatt li din l-esklużjoni taffettwa l-għan kumpensatorju ta’ dawn il-pagamenti, kif ukoll li jillimita l‑għajnuna mogħtija għal dawn iż-żoni għal-limitazzjonijiet imposti għal tip speċifiku ta’ attività ekonomika, b’mod partikolari l-attività forestali.

C.      Fuq il-ħames domanda preliminari

56.      Permezz tal-ħames u l-aħħar domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l‑proprjetarju ta’ proprjetà immobbli għandu dritt għall-pagamenti minħabba limitazzjoni tal-attività ekonomika fuq din il-proprjetà jekk, fil-mument li fih akkwista din il-proprjetà, kien jaf b’din il-limitazzjoni.

57.      Il-Gvern Latvjan jipproponi li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda peress li l-Artikolu 17 tal-Karta jawtorizza, fl-interess ġenerali u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, restrizzjonijiet għall-użu tal-proprjetà, peress li Sātiņi-S kienet akkwistat il-proprjetà immobbli inkwistjoni meta kienu diġà jeżistu restrizzjonijiet legali għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika li hija kienet tixtieq twettaq, u peress li ma hemm l-ebda prova li din tal-aħħar kienet irċeviet assigurazzjonijiet leġittimi li l-miżuri nazzjonali relatati mal-għoti tal‑pagamenti taħt in-network Natura 2000 setgħu jiġu emendati b’mod iktar favorevoli għaliha.

58.      Il-Gvern Irlandiż, li jillimita l-osservazzjonijiet tiegħu għal din id-domanda, jipproponi li r-risposta għall-imsemmija domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta, ma jagħtix drittijiet għal pagament taħt in‑network Natura 2000 minħabba pjanijiet ta’ persuna għal attività ekonomika ġdida fuq proprjetà jekk, fil-mument li hija akkwistat din il-proprjetà, hija diġà kellha konoxxenza tal-limitazzjonijiet li għalihom l-imsemmija proprjetà kienet suġġetta.

59.      Il-Kummissjoni tirrileva li, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ esproprijazzjoni ta’ immobbli, iżda leġiżlazzjoni dwar l-użu ta’ proprjetà, li hija permissibbli sa fejn huwa neċessarju għall-interess ġenerali, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, peress li l‑protezzjoni tal‑ambjent huwa għan ta’ interess ġenerali u l‑projbizzjoni li jiġi installat pjantaġġun ta’ cranberries ma hijiex sproporzjonata f’dan ir-rigward. Hija ssostni li l-Artikolu 30 tar‑Regolament Nru 1305/2013 ma joħloq l-ebda obbligu u lanqas wegħda li jitħallas kumpens lil persuni fiżiċi għal-limitazzjonijiet kollha imposti taħt in-network Natura 2000 u li d-Direttivi “habitats” u “għasafar” lanqas jinkludu dispożizzjonijiet relatati mal‑implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens. Hija tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li ma taqax taħt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

60.      Preliminarjament, fir-rigward tal-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-ħames domanda preliminari, infakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill‑Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Din id‑dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, li d-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi sabiex jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda ma għandhomx jiġu applikati lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Meta sitwazzjoni ġuridika ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d‑dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma għandhomx, fihom infushom, ikunu l-bażi ta’ din il-ġurisdizzjoni (31).

61.      Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta. Din id-domanda tirrigwarda għalhekk, prinċipalment, l-applikazzjoni tal-Artikolu 30 ta’ dan ir‑regolament.

62.      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mir-risposti proposti għad-domandi preċedenti, l-Artikolu 30 tar‑Regolament Nru 1305/2013 ma joħloq l-ebda obbligu ta’ pagament u l-ebda dritt għal kumpens minħabba limitazzjonijiet imposti fil-qafas ta’ Natura 2000. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 50 u 51 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, minkejja li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri bis‑saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, ma huma bl-ebda mod obbligati jagħmlu dan u huma għandhom, barra minn hekk, marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-miżuri li huma jidhrilhom adattati għall‑implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament.

63.      Din il-konklużjoni ma għandhiex titqiegħed f’dubju mill‑interpretazzjoni tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta, peress li din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma għandha l-ebda effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, u lanqas mill-eventwali applikazzjoni b’mod awtonomu tal-imsemmi Artikolu 17, li jinvolvi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’sitwazzjoni purament nazzjonali u ma taqax fl‑implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal‑Karta.

64.      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 6 tad‑Direttiva “habitats”, invokat mill-Gvern Irlandiż bħala sors ta’ obbligu għall-Istati Membri, nikkonstata li, essenzjalment, din id-dispożizzjoni tipprevedi, fil-paragrafu 1 tagħha, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni u, fil-paragrafu 2 tagħha, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adattati sabiex jevitaw, fl-istess żoni, id‑detorjament tal-habitats u t-tfixkil sinjifikattiv li jolqot l-ispeċi li għalihom iż-żoni ġew innominati. Jidhirli li minkejja li l-imsemmija dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jadottaw miżuri għall‑protezzjoni taż-żoni rilevanti, hija ma tipprevedi bl-ebda mod li dawn għandhom jadottaw miżuri ta’ kumpens bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali.

65.      Sussidjarjament, nosserva li l-limitazzjonijiet introdotti mil‑leġiżlatur Latvjan li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali ma jaffettwawx il-mertu tad-dritt għall-proprjetà, iżda eventwalment l‑użu tiegħu, li, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess ġenerali. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt għall-proprjetà, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u li ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s‑sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (32). F’dan il-każ, il-protezzjoni tal-ambjent hija waħda minn dawn l-għanijiet u għalhekk tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-użu tad-dritt għall-proprjetà (33), b’tali mod li projbizzjoni li jiġi installat pjantaġġun ta’ cranberries, bħal f’dan il‑każ, hija konformi ma’ għan ta’ interess ġenerali u ma hijiex sproporzjonata meta mqabbla mal-għan li għandu jintlaħaq, peress li l‑ħtieġa li tiġi protetta l-ekosistema tinkludi neċessarjament il‑projbizzjoni li jkun hemm bidliet fl-istat tal-postijiet (34).

66.      Nipproponi għalhekk li r-risposta għall-ħames domanda preliminari tkun li l‑Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal‑Artikolu 17 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix lill-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli, bħal dik ta’ art bil-pit, id-dritt għal pagamenti taħt in-network Natura 2000 għal limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fuq din il-proprjetà.

V.      Konklużjoni

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposti għad-domandi preliminari magħmula mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, Latvja) bil-mod segwenti:

1)      L-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix, bħala regola, l-art bil-pit mill-pagamenti ta’ kumpens bis-saħħa tal-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament, sa fejn din tista’, jekk ikun il-każ, tkun ikkostitwita minn żoni agrikoli jew forestali li jistgħu jibbenefikaw mill-pagamenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill Stat Membru, fl-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, kemm li jeskludi l‑art bil-pit mill-benefiċċju tal-pagamenti taħt in‑network Natura 2000, u dan mingħajr ma din l-esklużjoni taffettwa l‑għan kumpensatorju ta’ dawn il-pagamenti, kif ukoll li jillimita l‑għajnuna mogħtija għal dawn iż-żoni għal-limitazzjonijiet imposti għal tip speċifiku ta’ attività ekonomika, b’mod partikolari l-attività forestali.

3)      L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix lill‑proprjetarju ta’ proprjetà immobbli, bħal dik ta’ art bil-pit, id-dritt għal pagamenti taħt in-network Natura 2000 għal limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fuq din il-proprjetà.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1).


3      Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva habitats”).


4      Direttiva tal-Kunsill tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il‑konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva ‘għasafar’”).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva Qafas dwar l-Ilma”).


7      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L. 130, p. 7).


8      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1305/2013 (ĠU 2014, L 227, p. 18).


9      Latvijas Vēstnesis, 2010, Nru 58.


10      Latvijas Vēstnesis, 2015, Nru 76.


11      Il-Kummissjoni tenfasizza, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-verżjoni ta’ dan id-digriet iċċitata mid-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi emendi adottati fl-14 ta’ Marzu 2017, li ma humiex applikabbli ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali. It-test tal-punt 58 qabel dawn l-emendi kien is-segwenti: “L-għajnuna tista’ tingħata jekk iż-żona eliġibbli għall-għajnuna fiha mill-inqas ettaru u li jkun fiha mill-inqas għalqa ta’ 0.5 ettaru, li l-limitazzjonjiet tagħha jikkoinċidu ma’ dawk ta’ rqajja’ forestali, li huma identifikabbli fin-natura u li fihom xi waħda mil‑limitazzjonijiet segwenti tapplika għall-attività ekonomika b’effett mill-1 ta’ April tas-sena kurrenti, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni jew tal-protezzjoni ta’ speċi u ta’ biotopi: [...] projbizzjoni ta’ attivitajiet forestali; [...] projbizzjoni ta’ tqaċċit definittiv u ta’ tnaqqis tas-siġar; [...] projbizzjoni ta’ tqaċċit definittiv; [...] projbizzjoni ta’ tqaċċit totali tas-siġar”.


12      Dan il-programm huwa disponibbli fuq is-sit internet tal-Gvern Latvjan fl-indirizz segwenti: https://www.zm.gov.lv/public/files/CMS_Static_Page_Doc/00/00/01/81/03/Programme_2014LV06RDNP001_9_0_lv.pdf


13      Il-ftit regoli internazzjonali li jirrigwardaw l-art bil-pit jagħtuha definizzjoni flessibbli ferm. L-art bil-pit hija kkunsidrata li hija “art mistagħdra” fis-sens tal‑Konvenzjoni dwar l-art mistagħdra ta’ importanza internazzjonali b’mod partikolari bħala habitats ta’ għasafar tal-ilma, iffirmata f’Ramsar (Iran) fit-2 ta’ Frar 1971 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 996, p. 245, Nru 14583) u d-definizzjoni ta’ “art mistagħdra” skont din il-Konvenzjoni hija wiesgħa ferm. F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-art bil-pit, id-dokument intitolat “Reġistrazzjoni ta’ Siti Ramsar: Qafas strateġiku u linji gwida sabiex tingħata direzzjoni għall-evoluzzjolni tal-Lista ta’ artijiet mistagħdra ta’ importanza internazzjonali tal-Konvenzjoni dwar l-artijiet mistagħdra”, tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta’ Ramsar (ir-raba’ edizzjoni, Vol. 17, 2010), jispjega, fil-punti 136 u 137, li art bil-pit hija ddefinita bil-preżenza ta’ substrat tal-pit (peress li l-“pit” huwa fformat minn fdalijiet ta’ pjanti mejta u parzjalment dekomposti li jkunu nġabru in situ f’artijiet saturati bl-ilma) u hija ekosistema li fiha d-depożitu ta’ pit huwa xi drabi mgħotti b’veġetazzjoni (li tista’ tkun ittrasformata f’pit jew le) u xi drabi ma jkollux veġetazzjoni. Il-preżenza ta’ pit jew ta’ veġetazzjoni li tista’ tipproduċi l-pit hija, skont dan id-dokument, il‑karatteristika prinċipali ta’ art bil‑pit.


14      Jidhirli li huwa utli li jiġi rrimarkat li filwaqt li l-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 isemmi “żoni” [verżjoni Franċiża “zones”] agrikoli, l-Artikolu 2(1)(f) ta’ dan ir-regolament jagħti definizzjoni ta’ “żona” [verżjoni Franċiża “surface”] agrikola. Madankollu, jidhirli li dawn iż-żewġ espressjonijiet huma interkambjabbli.


15      L-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013 jiddefinixxi l-“bwar permanenti u mergħat permanenti” (flimkien imsemmija “bwar permanenti ”) kif ġej: “art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal‑uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew iktar; tista’ tinkludi speċi oħra, bħal arbuxelli u/jew siġar li jista’ jsir ir-ragħa fuqhom dment li l-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor jibqgħu predominanti kif ukoll, fejn l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, art li tista’ tintuża għar-ragħa u li hija parti minn prattiki lokali stabbiliti, fejn il‑ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor mhumiex tradizzjonalment predominanti f’erjas tar-ragħa”.


16      L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1307/2013, intitolat “Bwar permanenti”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-Istati Membri għandhom jindikaw il-bwar permanenti li huma ambjentalment sensittivi f’erjas koperti mid-Direttivi [‘habitats’] jew [‘għasafar’], inkluż artijiet tal-pit u dawk mistagħdra li jinsabu f’dawn l-erjas u li jeħtieġu ħarsien strett sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ dawk id-Direttivi” (korsiv miżjud minni).


17      Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1305/2013, Stat Membru jew reġjun jista’ jagħżel li japplika (fil-Programm ta’ Żvilupp Rurali) definizzjoni oħra li ma hijiex dik li tinsab fl-Artikolu 2(1)(r) ta’ dan ir-regolament, ibbażata fuq id‑dritt nazzjonali jew is-sistema ta’ inventarju fis-seħħ.


18      Bħala eżempju, nikkonstata li l-Anness I tad-Direttiva “habitats”, li jintroduċi l‑lista ta’ tipi ta’ habitats naturali ta’ interess għall-Komunità li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ in-nomina ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, minn naħa waħda, jiddistingwi l-“bog”, li jinsabu taħt il-kodiċi 7, mill-“foresti”, li jinsabu taħt il-kodiċi 9, u, min-naħa l-oħra, jinkludi ċerti tipi ta’ art bil-pit, jiġifieri l-“boskijiet tal-bog”, fost il-“foresti tal-Ewropa Temperata”, taħt il-kodiċi 91D0.


19      Barra minn hekk, nosserva li l-klassifikazzjoni ta’ dawn iż-żoni, magħmula skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali, ma hijiex “definittiva”, peress li l‑morfoloġija ta’ art tista’ tinbidel, b’mod partikolari wara intervent tal-bniedem. Pereżempju, niċċita l-premessa 81 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal‑enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82), li tistipula espliċitament il-possibbiltà li art bil-pit tiġi ttrasformata f’żoni agrikoli. Fir‑rigward tal-kwistjoni tal-bidliet indiretti fl-użu tal-art, din il-premessa tispjega li “[i]l-bidla indiretta fl-użu tal-art isseħħ meta l-kultivazzjoni tal-għelejjel għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi jew il-karburanti mill-bijomassa tieħu post il-produzzjoni tradizzjonali tal-għelejjel għal skopijiet ta’ ikel u għalf. Tali domanda addizzjonali żżid il-pressjoni fuq l-art u tista’ twassal għall-estensjoni tal-art agrikola f’żoni b’riżerva għolja ta’ karbonju, bħal foresti, art mistagħdra u art torbiera, [...]” (korsiv miżjud minni).


20      Mingħajr ma rrid nidħol fuq il-kompetenzi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal‑interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, ser nillimita ruħi sabiex nikkonstata li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija minn din il-qorti jidher li tqis, tal-inqas b’mod impliċitu, li l-art bil-pit tagħmel parti mill-art forestali, peress li tistipula, fil‑punt 56 tad-Digriet Nru 171, li “[i]ż-żoni eliġibbli għall-għajnuna bis-saħħa ta’ din il-miżura huma l-artijiet forestali (bl-esklużjoni ta’ artijiet bil-pit)” (korsiv miżjud minni). Madankollu, skont l-osservazzjonijiet ta-Gvern Latvjan waqt is‑seduta, jidher li l-leġiżlazzjoni Latvjana adottat definizzjoni ta’ “art bil-pit” li ma hijiex kompatibbli ma’ dik ta’ “foresta”, li ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni.


21      Nirrileva li, skont il-punt 58 tad-Digriet Nru 171, il-leġiżlatur Latvjan illimita l‑pagamenti għal ċerti restrizzjonijiet relatati mal-attività forestali, jiġifieri l‑projbizzjonijiet ta’ attivitajiet forestali u ċertu tqaċċit.


22      Korsiv miżjud minni.


23      Nosserva, pereżempju, li l-Anness II tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2015, L 174, p. 44) jiddistingwi bejn, minn naħa waħda, il-proġetti li jinvolvu l-użu tal-art bil-pit bħall-“industrija tal-estrazzjoni” u, min-naħa l-oħra, il‑proġetti li jinvolvu l-agrikoltura, is-silvikultura u l-akkwakultura.


24      Il-qorti tar-rinviju tirreferi, dwar dan il-punt, għas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár (C‑315/16, EU:C:2017:244).


25      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(1) u l-premessa 7 tar-Regolament Nru 1305/2013. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, il‑Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tapprova programmi ppreżentati lilha mill-Istati Membri.


27      Sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017 (C‑315/16, EU:C:2017:244).


28      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár (C‑315/16, EU:C:2017:244, punti 26 sa 30).


29      Ara, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár (C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Waqt is-seduta, il‑Kummissjoni eskludiet li l-leġiżlatur Latvjan kien adotta definizzjoni ta’ “foresta” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(r) tar-Regolament Nru 1305/2013, filwaqt li, skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Latvjan, jidher li l-leġiżlazzjoni Latvjana adottat definizzjoni ta’ “art bil-pit” inkompatibbli ma’ dik ta’ “foresta”.


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Barra minn hekk, niddubita kemm Sātiņi-S, li kienet akkwistat dawn il-proprjetajiet meta kienet taf bil-limitazzjonijiet preeżistenti, tista’ tinvoka l-effett fuq id-dritt għall-proprjetà tagħha.