Language of document : ECLI:EU:C:2022:56

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Jannar 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fond Agrikolu Ewropew għall‑Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (UE) Nru 1305/2013 – Appoġġ għall‑iżvilupp rurali – Artikolu 30(6)(a) – Pagamenti taħt Natura 2000 – Kumpens għat‑telf ta’ dħul fiż‑żoni agrikoli u forestali – Art bil‑pit – Projbizzjoni li jitħawlu kultivazzjonijiet ta’ cranberries – Assenza ta’ kumpens għal danni – Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea – Artikolu 17 – Dritt għall‑proprjetà”

Fil‑Kawża C‑234/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il‑Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

“SātiņiS” SIA,

fil-preżenza ta’:

Lauku atbalsta dienests,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer (Relatur), F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “Sātiņi‑S” SIA, minn A. Grigorjevs,

–        għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn K. Pommere, V. Soņeca, V. Kalniņa u E. Bārdiņš, sussegwentement minn K. Pommere u E. Bārdiņš, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, J. Quaney, M. Lane u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn S. Kingston, SC, u G. Gilmore, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn C. Hermes, M. Kaduczak u I. Naglis, sussegwentement minn C. Hermes u M. Kaduczak, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(1) u (6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Sātiņi‑S” SIA u l-Lauku atbalsta dienests (is-Servizz ta’ Appoġġ Rurali, il-Latvja) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil “Sātiņi‑S” pagamenti kumpensatorji taħt Natura 2000 minħabba l‑projbizzjoni li jitħawlu kultivazzjonijiet ta’ cranberries fuq art bil-pit li taqa’ taħt in-network Natura 2000.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva “Habitat”

3        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l‑flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), jipprevedi:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.”

4        L-Artikolu 6(2) ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.”

 Ir-Regolament Nru 1305/2013

5        Il-premessi 9 u 24 tar-Regolament Nru 1305/2013 jistipulaw:

“(9)      Il-programmi ta’ żvilupp rurali għandhom jidentifikaw il-ħtiġijiet taż-żona koperta, u għandhom jiddeskrivu strateġija koerenti biex jissodisfawhom fid-dawl tal-prijoritajiet tal-Unjoni [Ewropea] għall-iżvilupp rurali. Dik l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq l-istabbiliment ta’ miri. Għandhom jiġu stabbiliti r-rabtiet bejn il-ħtiġijiet identifikati, il-miri stabbiliti u l-għażla tal-miżuri magħżula biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet. Il-programmi ta’ żvilupp rurali għandhom jinkludu wkoll l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(24)      L-appoġġ għandu jibqa’ jingħata lill-bdiewa u lis-silvikulturisti biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-iżvantaġġi speċifiċi fiż-żoni kkonċernati b’riżultat tal-implimentazzjoni tad-[Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7)] u [tad-Direttiva Habitat] u sabiex jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva tas-siti tan-Natura 2000 filwaqt li l-appoġġ għandu jkun disponibbli wkoll għall-bdiewa biex jgħinhom jindirizzaw l-iżvantaġġi fiż-żoni idrografiċi b’riżultat tal-implimentazzjoni tad-[Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU 2000, L 327, p. 1)]. L-appoġġ għandu jkun marbut ma’ rekwiżiti speċifiċi deskritti fil-programm ta’ żvilupp rurali li jmorru lil hinn mill-istandards u r-rekwiżiti obbligatorji rilevanti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-pagamenti lill-bdiewa ma jwasslux għal finanzjament doppju taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608)]. Barra minn hekk, għandhom ikunu kkunsidrati l-ħtiġijiet speċjali taż-żoni ta’ Natura 2000 mill-Istati Membri fit-tfassil kumplessiv tal-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom.”

6        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil‑paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      […]

Barra minn dan, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)      ‘miżura’, tfisser sett ta’ operazzjonijiet li jikkontribwixxu għal prijorità waħda jew aktar tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali;

[…]

(f)      ‘żona agrikola’, tfisser kwalunkwe żona użata bħala art għall-kultivazzjoni, mergħat permanenti jew uċuh permanenti kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1307/2013]; Ir-Regolament Nru 1307/2013;

[…]

(r)      ‘foresta’ tfisser medda ta’ art ta’ aktar minn 0,5 ettaru b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kanupew li jkopri aktar minn 10 fil-mija, jew siġar li kapaċi jilħqu dawn il-limiti in situ u ma tinkludix art li b’mod predominanti għandha użu agrikolu jew urban, soġġetta għall-paragrafu 2;

2.      Stat Membru jew reġjun jista’ jagħżel li japplika definizzjoni ta’ foresta, li mhix dik fil-punt (r) tal-paragrafu 1, li tkun imsejsa fuq il-liġi nazzjonali eżistenti jew sistema ta’ inventarju. L-Istati Membri jew ir-reġjuni għandhom jipprovdu tali definizzjoni fil-programm ta’ żvilupp rurali.”

7        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Programmi ta’ żvilupp rurali”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-FAEŻR għandu jaġixxi fl-Istati Membri permezz ta’ programmi ta’ żvilupp rurali. Dawk il-programmi għandhom jimplimentaw strateġija għall-iżvilupp rurali li tilħaq il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali permezz ta’ sett ta’ miżuri kif definiti fit-Titolu III. Appoġġ mill-FAEŻR għandha tintalab għall-kisba tal-objettivi ta’ żvilupp rurali taħt il-mira permezz tal-prijoritajiet tal-Unjoni.”

8        Skont l-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Approvazzjoni tal-programmi għall-iżvilupp rurali”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni [Ewropea] proposta għal kull programm ta’ żvilupp rurali, li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8.

2.      Kull programm ta’ żvilupp rurali għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.”

9        L-Artikolu 30 tal-istess regolament, intitolat “Pagamenti skont Natura 2000 u d[‑Direttiva 2000/60]”, jistipula:

“1.      L-appoġġ taħt din il-miżura għandu jingħata kull sena għal kull ettaru ta’ żona agrikola jew għal kull ettaru ta’ foresta sabiex jingħata kumpens lill-benefiċjarji għal spejjeż addizzjonali u dħul mitluf li jirriżulta minn żvantaġġi fiż-żoni kkonċernati, b’rabta mal-implimentazzjoni tad-[Direttiva ‘Habitat’], tad-[Direttiva 2009/147] u tad-[Direttiva 2000/60].

Meta jikkalkulaw il-pagamenti relatati mal-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-ammont meħtieġ sabiex jeskludu l-finanzjament doppju tal-prattiki msemmija fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

[…]

6.      Iż-żoni li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-pagamenti:

a)      żoni agrikoli u tal-foresti tan-Natura 2000 identifikati skont id-Direttivi [‘Habitat’] u [2009/147];

[…]”

 Ir-Regolament Nru 1307/2013

10      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1307/2013, intitolat “Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

h)      ‘bwar permanenti u mergħat permanenti’, (flimkien imsemmija ‘bwar permanenti’) tfisser art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew iktar; tista’ tinkludi speċi oħra, bħal arbuxelli u/jew siġar li jista’ jsir ir-ragħa fuqhom dment li l-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor jibqgħu predominanti kif ukoll, fejn l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, art li tista’ tintuża għar-ragħa u li hija parti minn prattiki lokali stabbiliti, fejn il-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor mhumiex tradizzjonalment predominanti f’erjas tar-ragħa.

[…]”

11      L-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Bwar permanenti”, jipprevedi, fl‑ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jindikaw il-bwar permanenti li huma ambjentalment sensittivi f’erjas koperti mid-Direttivi [Habitat] jew [2009/147], inkluż artijiet tal-pit u dawk mistagħdra li jinsabu f’dawn l-erjas u li jeħtieġu ħarsien strett sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawk id-Direttivi”.

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014

12      L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall‑applikazzjoni tar-Regolament Nru 1305/2013 (ĠU 2014, L 227, p. 18), intitolat “Suppożizzjoni standard tal-kostijiet addizzjoni u tad-dħul mitluf”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jiffissaw l-ammont tal-pagamenti għall-miżuri jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikoli minn 28 sa 31 u fl-Artikoli 33 u 34 tar-[Regolament Nru 1305/2013], abbażi tas-suppożizzjonijiet standard tal-kostijiet addizzjonali u d-dħul mitluf..

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kalkoli u l-pagamenti korrispondenti msemmijin fil-paragrafu 1:

a)      jinkludu biss elementi li jkunu verifikabbli;

b)      ikunu bbażati fuq ċifri stabbiliti permezz tal-kompetenzi xierqa;

c)      jindikaw b’mod ċar is-sors taċ-ċifri użati;

d)      ikunu diffrenzjati biex jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-siti reġjonali jew lokali u l-użu proprju tal-art, fejn dan ikun applikabbli;

e)      ma jinkludux elementi marbutin mal-kostijiet tal-investimenti.”

13      Il-parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni hija intitolata “Preżentazzjoni tal-kontenut tal-programmi għall-iżvilupp rurali”. Il-punt 8 ta’ din il-Parti 1 għandu t-titolu “Deskrizzjoni tal-miżuri magħżulin” u huwa fformulat kif ġej:

“[…]

(2)      Deskrizzjoni skont il-miżura inklużi:

[…]

e)      deskrizzjoni speċifika għal kull miżura u/jew tip ta’ operazzjoni kif jidher hawn taħt:

[…]

11.      Pagamenti ta’ Natura 2000 u d-[Direttiva 2000/60] [Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013]

[…]

–        identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet/żvantaġġi li abbażi tagħhom jistgħu jingħataw il-pagamenti u indikazzjoni tal-prattiki obbligatorji;

–        id-deskrizzjoni tal-metodoloġija u tas-suppożizzjonijiet agronomiċi, inkluża deskrizzjoni tar-rekwiżiti ta’ xenarju ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 30(3) tar-[Regolament Nru 1305/2013], għad-[Direttivi ‘Habitat’] u [2009/147] u fl-Artikolu 30(4) ta’ dak ir-Regolament għad-[Direttiva 2000/60] użati bħala referenza għall-kalkoli li jiġġustifikaw il-kostijiet addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżultaw mill-iżvantaġġi fiż-żoni kkonċernati relatati mal-implimentazzjoni tad-[Direttivi ‘Habitat’], [2009/147] u [tad-Direttiva 2000/60]; fejn ikun relevanti, dik il-metodoloġija għandha tikkunsidra l-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent mogħtijin skont ir-[Regolament Nru 1307/2013], sabiex jiġi eskluż il-finanzjament doppju.

[…]”

14      Il-parti 5 tal-Anness I tal-imsemmi regolament ta’ implementazzjoni tirrigwarda l‑kodiċijiet tal-miżuri u tas-sottomiżuri. Din il-parti tipprevedi, skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, taħt il-Kodiċi 12, il-miżura intitolata “Pagamenti ta’ Natura 2000 u tad-[Direttiva 2000/60]”. Din il-miżura tinkludi tliet sottomiżuri intitolati rispettivament, taħt il-kodiċijiet 12.1, 12.2 u 12.3, “pagament ta’ kumpens għaż-żoni agrikoli ta’ Natura 2000”, “pagament ta’ kumpens għaż-żoni forestali ta’ Natura 2000” u “pagament ta’ kumpens għaż-żoni agrikoli inlużi fil‑pjan ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar”.

 Id-dritt Latvjan

15      Il-Ministru kabineta noteikumi Nr. 562 “Noteikumi par zemes lietošanas veidu klasifikācijas kārtību un to noteikšanas kritērijiem” (id-Digriet Nru 562 tal-Kunsill tal-Ministri, dwar il-Modalitajiet ta’ Klassifikazzjoni tat-Tipi ta’ Użu tal-Art u l‑Kriterji ta’ Determinazzjoni Tagħhom), tal-21 ta’ Awwissu 2007 (Latvijas Vēstnesis, 2007, Nru 137), jipprevedu, fl-anness tagħhom, klassifikazzjoni tat-tipi ta’ użu tal-art.

16      Il-Ministru kabineta noteikumi Nr. 264 “Īpaši aizsargājamo dabas teritoriju vispārējie aizsardzības un izmantošanas noteikumi” (id-Digriet Nru 264 tal‑Kunsill tal-Ministri, dwar Dispożizzjonijiet Ġenerali Relatati mal-Protezzjoni u mal-Użu ta’ Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni), tas-16 ta’ Marzu 2010 (Latvijas Vēstnesis, 2010, Nru 58), jistabbilixxu r-regoli ġenerali ta’ protezzjoni u ta’ użu ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

17      Il-punt 16 ta’ dan id-digriet, inkluż fil-Kapitolu 5 tiegħu intitolat “Żoni naturali protetti”, jipprovdi:

“Fiż-żoni naturali protetti huwa pprojbit:

[…]

16.12      . it-tħawwil ta’ kultivazzjonijiet ta’ cranberries fuq l-art bil-pit.

[…]”

18      Il-punti 56 sa 58 tal-ministru kabineta noteikumi Nr. 171 “Noteikumi par valsts un Eiropas Savienības atbalsta piešķiršanu, administrēšanu un uzraudzību vides, klimata un lauku ainavas uzlabošanai 2014.‑2020. gada plānošanas periodā” (id‑Digriet Nru 171 tal-Kunsill tal-Ministri dwar l-Għoti, il-Ġestjoni u l-Kontroll tal‑Għajnuna mill-Istat u mill-Unjoni Ewropea Intiżi għat-Titjib tal-Ambjent, tal‑Klima u tal-Pajsaġġ Rurali matul il-Perijodu ta’ Programmazzjoni 2014‑2020), tas-7 ta’ April 2015 (Latvijas Vēstnesis, 2015, Nru 76), huma fformulati kif ġej:

“Punt 56.      Iż-żoni eliġibbli għall-għajnuna bis-saħħa ta’ din il-miżura huma l‑artijiet forestali (bl-esklużjoni ta’ artijiet bil-pit):

56.1.      li jinsabu fil-lista taż-[żoni Natura 2000] skont l-Artikolu 30(6)(a) tar‑Regolament Nru 1305/2013 […];

[…]

Punt 58.      L-għajnuna tista’ tingħata jekk iż-żona eliġibbli għall-għajnuna jkun fiha mill-inqas 1 ha, li jkun fiha mill-inqas għalqa ta’ 0.1 ha, u li ż‑żona minima suġġetta għal tip ta’ limitazzjoni f’għalqa tkun mill-inqas 0.1 ha, u jekk l-imsemmija għelieqi jkunu jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ mmappjar, jekk ikunu inklużi fis-sistema ta’ reġistrazzjoni elettronika tas-Servizz ta’ Appoġġ Rurali, u jekk, mill-1 ta’ Marzu tas-sena kurrenti, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni jew tal-protezzjoni ta’ speċi u ta’ bijotopi, tkun tapplika waħda mil-limitazzjonijiet li ġejjin għall-attività ekonomika:

58.1.      projbizzjoni ta’ attivitajiet forestali;

58.2.      projbizzjoni tal-ħsad prinċipali u ta’ tnaqqis tas-siġar;

58.3.      projbizzjoni tal-ħsad prinċipali;

58.4.      projbizzjoni ta’ tqaċċit totali tas-siġar.”

19      Il-Latvijas lauku attīstības programma 2014.‑2020.gadam (il-Programm Latvjan ta’ Żvilupp Rurali 2014‑2020), approvat mill-Kummissjoni Ewropea bis-saħħa tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1305/2013 (iktar ’il quddiem il-“Programm ta’ Żvilupp Rurali 2014‑2020”), jindika li tista’ tingħata għajnuna jekk jiġu imposti limitazzjonijiet fuq l-attivitajiet forestali fiż-żoni Natura 2000 jew fil‑mikroriżervi li jinsabu f’żoni forestali, bl-esklużjoni ta’ art bil-pit.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Matul is-sena 2002, “Sātiņi‑S” xtrat 7.7 ha ta’ art bil-pit, li tinsab f’żona naturali protetta u f’żona ta’ konservazzjoni ta’ importanza Komunitarja Natura 2000 fil‑Latvja.

21      Fit-2 ta’ Frar 2017, “Sātiņi‑S” ressqet talba quddiem is-Servizz ta’ Appoġġ Rurali sabiex tibbenefika, għas-snin 2015 u 2016, minn kumpens dovut minħabba l‑projbizzjoni li jitħawlu kultivazzjonijiet ta’ cranberries fuq din l-art bil-pit. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2017, dan is-servizz ċaħad din it-talba minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma kinitx tipprevedi tali kumpens.

22      “Sātiņi‑S” ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il‑Latvja), li ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Marzu 2018.

23      “Sātiņi‑S” appellat fil-kassazzjoni minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il‑Latvja), li tikkunsidra li hija meħtieġa interpretazzjoni tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 sabiex tippermettilha tiddeċiedi dwar dan l-appell.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 30(6)(a) tar-[Regolament Nru 1305/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li art bil-pit hija kompletament eskluża mill‑ħlasijiet taħt Natura 2000?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-art bil-pit tagħmel parti miż-żoni agrikoli jew forestali?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jeskludi kompletament l-art bil-pit mill‑ħlasijiet taħt Natura 2000 u li tali dispożizzjonijiet nazzjonali huma kompatibbli mal-għan kompensatorju ta’ tali ħlasijiet previst mir-Regolament Nru 1305/2013?

4)      L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jillimita l-ħlasijiet tal‑għajnuna għaż-żoni tan-network Natura 2000 billi jipprovdi għajnuna biss għal-limitazzjoni imposta għal tip speċifiku ta’ attività ekonomika, bħal, pereżempju, fiż-żoni forestali, biss għall‑attivitajiet forestali?

5)      L-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna għandha d-dritt, meta jkollha proġetti għal attività ekonomika ġdida, għal ħlas taħt Natura 2000 jekk, fil-mument meta tkun akkwistat il-proprjetà, diġà kienet taf bil-limiti li kienet suġġetta għalihom l-imsemmija proprjetà?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

25      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-art bil-pit hija kompletament eskluża mill-benefiċċju ta’ pagamenti taħt Natura 2000 u, jekk dan ma jkunx il-każ, jekk din l-art taqax taħt “żoni agrikoli” jew taħt “żoni forestali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 jirregola l-pagamenti skont, b’mod partikolari, Natura 2000. Skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, tingħata għajnuna kull sena għal kull ettaru ta’ żona agrikola jew għal kull ettaru ta’ foresta, sabiex jingħata kumpens lill-benefiċjarji, fiż-żoni kkonċernati, għall-ispejjeż addizzjonali u telf ta’ dħul minħabba żvantaġġi, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva “Habitat”, tad-Direttiva 2009/147 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Għasafar”) u tad-Direttiva 2000/60 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas dwar l-Ilma”). L-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża, fil-paragrafu 6(a) tagħha li huma eliġibbli għall-pagamenti relatati mal-għajnuna inkwistjoni ż-żoni agrikoli u forestali Natura 2000 identifikati skont id-Direttivi “Habitat” u “Għasafar”.

27      Għalhekk, jistgħu jiġu ammessi għall-pagamenti taħt Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013, is-superfiċi agrikoli u forestali li, filwaqt li jkunu jinsabu f’żoni Natura 2000 magħżula skont id-Direttivi “Habitat” u “Għasafar”, ikunu jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “żona agrikola” jew ta’ “foresta” fis-sens tar-Regolament Nru 1305/2013.

28      Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1305/2013 ma jsemmix u, a fortiori, ma jiddefinixxix il-kunċetti ta’ “art bil-pit” u “ħamrija bil-pit”. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma tippreċiża x’għandu jinftiehem b’“art bil-pit” jew “ħamrija bil-pit” fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, li art bil-pit tindika, essenzjalment u skont is-sens komuni ta’ din il-kelma, żona umda kkaratterizzata mill-preżenza ta’ “pit”, art ikkaratterizzata minn kontenut għoli ħafna ta’ materjal organiku ta’ oriġini veġetali u minn ħżin ta’ karbonju organiku.

29      Min-naħa tiegħu, il-kunċett ta’ “foresta”, huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(r) tar-Regolament Nru 1305/2013, bħala medda ta’ art ta’ iktar minn nofs ettaru kkaratterizzata minn siġar għoljin iktar minn 5 metri u kanupew li jkopri iktar minn 10 % ta’ art, jew siġar li kapaċi jilħqu dawn il-limiti in situ, bl-esklużjoni ta’ art li b’mod predominanti għandha użu agrikolu jew urban. Madankollu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li Stat Membru jista’ jagħżel li japplika definizzjoni oħra minbarra din, ibbażata fuq id-dritt nazzjonali jew fuq is-sistema ta’ inventarju fis-seħħ, bil-kundizzjoni, f’dan il-każ, li jagħti din id-definizzjoni fil-programm għall-iżvilupp rurali tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, jekk ikun il-każ, tivverifika jekk, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal‑Latvja adottatx tali definizzjoni.

30      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li, skont il-veġetazzjoni preżenti fil-post ikkonċernat, art bil-pit tista’ tkun ikkostitwita minn “foresti” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(r) tar-Regolament Nru 1305/2013 jew tad-definizzjoni ta’ “foresta” li tkun, jekk ikun il-każ, stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, konformement mal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament.

31      Fir-rigward taż-żoni agrikoli, ir-Regolament Nru 1305/2013 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “żona agrikola” fl-Artikolu 2(1)(f) tiegħu bħala “kwalunkwe żona użata bħala art għall-kultivazzjoni, mergħat permanenti jew uċuh permanenti kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1307/2013]”.

32      Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-definizzjoni ta’ “bwar permanenti u mergħat permanenti” li tinsab fl-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013, kif ukoll mill-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(1) ta’ dan l-istess regolament, jirriżulta li l-art bil-pit jew ħamrija bil-pit jistgħu jaqgħu taħt din id-definizzjoni, u, għaldaqstant, taħt dik ta’ żona agrikola.

33      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-art bil-pit jew il-ħamrija bil-pit li jkunu jinsabu f’żoni Natura 2000 indikati skont id-Direttivi “Habitat” u “Għasafar” jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “foresta” jew ta’ “żona agrikola”, fis-sens tar-Regolament Nru 1305/2013 jew, jekk ikun il-każ, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata konformement ma’ dan tal-aħħar, dawn l-artijiet bil-pit u ħamrija bil-pit jistgħu jitqiesu bħala “żoni agrikoli u forestali Natura 2000”, fis-sens tal‑Artikolu 30(6)(a) tal-imsemmi regolament, u, għaldaqstant, fil-prinċipju, huma eliġibbli għal pagamenti abbażi ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 30(1) tal-istess regolament.

34      Il-punt dwar jekk, skont il-konfigurazzjoni konkreta tagħha, art bil-pit li tinsab f’żona Natura 2000 bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax, jekk ikun il-każ, taħt l-imsemmija kunċetti ta’ “foresta” jew ta’ “żona agrikola” u b’hekk, taħt dak ta’ “żoni agrikoli u forestali Natura 2000”, fis-sens tal-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013, jikkostitwixxi evalwazzjoni fattwali li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali.

35      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix, bħala prinċipju, l-artijiet bil-pit mill-pagamenti taħt Natura 2000, sakemm dawn ikunu jinsabu f’żoni Natura 2000 indikati skont id-Direttivi “Habitat” u “Għasafar” u jkunu jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “żona agrikola” jew ta’ “foresta”, fis-sens, rispettivament, tal-punti (f) u (r) tal-Artikolu 2(1) jew tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, li jistgħu b’hekk jibbenefikaw mill-pagamenti msemmija fl-Artikolu 30(1) tiegħu inkwantu “żoni agrikoli u forestali tan-Natura 2000”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 30(6)(a).

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

36      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 jippermettix lil Stat Membru jeskludi l-art bil-pit mill-benefiċċju tal-pagamenti taħt Natura 2000 jew jillimita l-għoti tal-għajnuna għal tali żoni għas-sitwazzjonijiet fejn l-indikazzjoni tagħhom bħala “żoni Natura 2000” għandha l-effett li tostakola l-eżerċizzju ta’ tip speċifiku ta’ attività ekonomika f’dawn iż-żoni, b’mod partikolari l-attività forestali.

37      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mir-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li “art bil-pit” jew “ħamrija bil-pit” li jinsabu f’żoni Natura 2000 li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ “żona agrikola” jew dik ta’ “foresta”, fis-sens, rispettivament, tal-punti (f) u (r) tal-Artikolu 2(1) jew tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1305/2013, ma jistgħux jibbenefikaw minn pagamenti skont l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament.

38      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li, skont l-imsemmi Artikolu 2(2), Stat Membru għandu d-dritt li jistabbilixxi definizzjoni tal-kunċett ta’ “foresta” li jkollha l-effett li teskludi l-art bil-pit jew il-ħamrija bil-pit mid-dritt li jibbenefikaw minn pagamenti, anki jekk dawn ikunu żoni li jikkorrispondu għad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(r) tar-Regolament Nru 1305/2013.

39      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Latvjan jirriżulta li l-kategoriji speċifiċi ta’ biċċiet ta’ art u l-karatteristiċi determinanti tagħhom huma ddefiniti fid-Digriet Nru 562 tal-Kunsill tal-Ministri, tal-21 ta’ Awwissu 2007, dwar il‑Modalitajiet ta’ Klassifikazzjoni tat-Tipi ta’ Użu tal-Art u l-Kriterji ta’ Determinazzjoni Tagħhom. Skont l-anness ta’ dan id-digriet, iż-“żoni agrikoli”, il-“foresti” u l-“art bil-pit” jikkostitwixxu tliet kategoriji ta’ art distinti skont it-tip ta’ użu tagħhom. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Latvja adottatx definizzjoni tal-kunċett ta’ “foresta” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1305/2013.

40      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu kumpens taħt Natura 2000, iżda ma joħloq ebda obbligu f’dan is-sens għalihom. Il-ħlasijiet taħt Natura 2000 u d-Direttiva Qafas dwar l-ilma jikkostitwixxu waħda mill-miżuri ta’ żvilupp rurali, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, dan l-Artikolu 30 u l-kundizzjonijiet stabbiliti fih japplikaw biss għall-pagamenti mwettqa b’implimentazzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali tal-Istat Membru kkonċernat, kif approvat mill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament. L-Istati Membri ma għandhomx jimplimentaw il-miżuri kollha, iżda biss dawk li jikkorrispondu għall-istrateġija tagħhom u għal dik tal-Unjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-livell ta’ finanzjament taħt il-FAEŻR. Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-premessa 9 tar-Regolament Nru 1305/2013, li ssemmi b’mod partikolari l-għażla tal-miżuri adottati sabiex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam tal-iżvilupp rurali. Konsegwentement, ħlas taħt l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 jikkostitwixxi biss waħda mill-għażliet li Stat Membru jista’ jagħżel sabiex jirċievi finanzjament.

41      Barra minn hekk, qabelxejn, il-miżura 12 tal-Parti 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 808/2014 tħalli għall-Istati Membri tliet tipi ta’ sottomiżuri fil-kuntest tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, jiġifieri l-pagament ta’ kumpens għaż-żoni agrikoli ta’ Natura 2000, il-pagament ta’ kumpens għaż-żoni forestali ta’ Natura 2000 u l-pagament ta’ kumpens għaż-żoni agrikoli inklużi fil-pjan ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar. Sussegwentement, il-punt 11 tal-paragrafu 2(e) tat-Taqsima 8 tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jimponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu r-restrizzjonijiet u l-iżvantaġġi li minħabba fihom jistgħu jingħataw pagamenti previsti fil-pjani ta’ żvilupp rurali. Finalment, l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiffissaw l-ammont tal-pagamenti abbażi ta’ suppożizzjonijiet standard tal-ispejjeż addizzjonali u tat-telf ta’ dħul.

42      Għalhekk, fil-prinċipju, id-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda, minn naħa waħda, l-għażla tal-miżuri li jkollhom l-intenzjoni li jimplimentaw fost dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tar-restrizzjonijiet jew tal-iżvantaġġi li minħabba fihom jingħataw pagamenti.

43      Ċertament, għalkemm il-limitazzjonijiet adottati mill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-programm tagħhom ta’ żvilupp rurali ma għandhomx iċaħħdu s-sistema ta’ pagamenti abbażi ta’ Natura 2000 mill-finalità ta’ kumpens tagħha (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 28), xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-Istati jistgħu jiddeċiedu l-mod kif il-miżuri intiżi sabiex jintlaħqu l-oġġettivi stabbiliti mir-Regolament Nru 1305/2013 għandhom jiġu konkretament implimentati. Barra minn hekk, meta jagħmlu dawn l-għażliet, l-imsemmija Stati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017, Lingurár, C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-programm għall-iżvilupp rurali 2014‑2020, li ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta’ Frar 2015, ir-Repubblika tal-Latvja llimitat l-għoti ta’ pagamenti taħt Natura 2000 għaż-żoni forestali, billi eskludiet l-art bil-pit li tinsab fihom. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-programm huma riprodotti fid-Digriet Nru 171 tal-Kunsill tal-Ministri, tas-7 ta’ April 2015, dwar l-Għoti, il-Ġestjoni u l-Kontroll tal-Għajnuna mill-Istat u mill-Unjoni Ewropea Intiżi għat-Titjib tal-Ambjent, tal-Klima u tal-Pajsaġġ Rurali matul il-Perijodu ta’ Programmazzjoni 2014‑2020, li l-punt 56 tiegħu jippreċiża li l-appoġġ jista’ jiġi allokat “għall-art forestali, bl-esklużjoni tal-art bil-pit”.

45      Minn dan isegwi, minn naħa, li, fir-rigward tat-tliet sottomiżuri msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Latvja għażlet biss it-tieni waħda minnhom, intitolata “Ħlas ta’ kumpens favur żoni forestali Natura 2000”, billi eskludiet għalhekk b’dan il-mod mill-iskema ta’ għajnuna stabbilita ż-“żoni agrikoli Natura 2000”, fis-sens tal-Artikolu 30(6)(a) ta’ dan ir-regolament, u, konsegwentement, l-art bil-pit li taqa’, jekk ikun il-każ, taħt id-definizzjoni tal-imsemmija żoni agrikoli. B’dan il-mod, ir-Repubblika tal-Latvja għalhekk għamlet għażla bejn it-tliet tipi ta’ sottomiżuri li kienu miftuħa għaliha b’dan il-mod skont ir-Regolament Nru 1305/2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 808/2014.

46      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjonijiet jew l-iżvantaġġi li minħabba fihom tali pagamenti jistgħu jingħataw għaż-“żoni forestali Natura 2000”, fis-sens tal-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013, dan l-Istat Membru ddeskriviehom u ddefinixxa l-ammont ta’ dawn l-allowances għal kull ettaru ta’ art ikkonċernata, bl-esklużjoni tal-art bil-pit.

47      Konsegwentement, il-fatt, għal Stat Membru, li jillimita l-ħlas ta’ pagamenti għal tali żoni għas-sitwazzjonijiet fejn l-indikazzjoni tagħhom bħala “żoni Natura 2000” għandha l-effett li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ tip speċifiku ta’ attività ekonomika f’dawn iż-żoni, b’mod partikolari l-attività forestali, jidher li huwa konformi mal-kundizzjonijiet tar-Regolament Nru 1305/2013.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jeskludi minn ħlasijiet taħt Natura 2000, minn naħa, iż-“żoni agrikoli Natura 2000” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, inklużi, f’dan il-każ, l-art bil-pit li taqa’ taħt tali żoni, u, min-naħa l-oħra, u skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1305/2013, l-art bil-pit li tkun tinsab f’żoni Natura 2000 li taqa’ fil-prinċipju taħt il-kunċett ta’ “foresta”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(r) ta’ dan ir-regolament, u, għalhekk, taħt dak ta’ “żoni forestali Natura 2000”, fis-sens tal-Artikolu 30(6)(a) tal-imsemmi regolament. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha wkoll tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lil Stat Membru jillimita l-ħlasijiet ta’ tali pagamenti għal żoni forestali Natura 2000 li jkunu jinkludu, jekk ikun il-każ, art bil-pit għas-sitwazzjonijiet fejn l-għażla ta’ dawn iż-żoni bħala “żoni Natura 2000” ikollha bħala effett li tostakola hemmhekk l-eżerċizzju ta’ tip speċifiku ta’ attività ekonomika, b’mod partikolari l-attività forestali.

 Fuq il-ħames domanda

49      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li ħlas taħt Natura 2000 għandu jingħata lill-proprjetarju ta’ art bil-pit li taqa’ taħt dan in-network minħabba li tkun saret restrizzjoni għal attività ekonomika li tista’ titwettaq fuq tali art bil-pit, jiġifieri b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ tħawwil ta’ kultivazzjonijiet ta’ cranberries, meta, fil-mument li fih akkwista l-proprjetà immobbli kkonċernata, il-proprjetarju kien jaf b’tali restrizzjoni.

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Il-Kummissjoni teċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tal-ħames domanda. Hija ssostni li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 ma joħloq ebda obbligu u lanqas wegħda li jitħallas kumpens lil persuni fiżiċi minħabba r-restrizzjonijiet kollha imposti fuq l-użu tal-beni li jaqgħu taħt in-network Natura 2000 u, b’mod ġenerali, li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali li jimponi l-għoti ta’ kumpens fiċ-ċirkustanzi kollha, jiġifieri għal dawn ir-restrizzjonijiet kollha imposti fuq il-bażi ta’ Natura 2000. Il-Kummissjoni tqis li soluzzjoni analoga għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fis-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Érsekcsanádi Mezġgazdasági (C‑56/13, EU:C:2014:352), għandha tipprevali f’dan il-każ, sa fejn, permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li, peress li l-obbligu ta’ kumpens inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza ma kienx ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, iżda fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa tali leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tad-drittijiet għal rimedju effettiv u għall-proprjetà kif ukoll għal‑libertà ta’ intrapriża ggarantiti mill-Karta.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għalihom biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Issa, l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva “Habitat”, huma jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw iż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitat naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġi u, b’mod partikolari, sabiex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali.

53      Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll il-perturbazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, sa fejn dawn il-perturbazzjonijiet ikun jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

54      Barra minn hekk, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri msemmija fid-Direttivi “Għasafar” u “Habitat” għandhom inevitabbilment riperkussjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà tal-persuni li lilhom jappartjenu l-proprjetajiet immobbli li jinsabu fiż-żoni inkwistjoni, peress li, tal-inqas, huma jsofru restrizzjonijiet għall-użu ta’ din il-proprjetà.

55      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jistabbilixxu skemi li jagħtu ħlasijiet taħt Natura 2000 u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013. Barra minn hekk, huwa wkoll għaliex f’dan il-każ hemm implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-prinċipji ġenerali ta’ dan tal-aħħar japplikaw kif diġà tfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

56      Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1305/2013 jirriżulta li l-FAEŻR jaġixxi fl-Istati Membri permezz tal-programmi għall-iżvilupp rurali tal-Istati Membri li huma approvati mill-Kummissjoni.

57      Huwa minnu li l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1305/2013 iħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu, kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza. Madankollu, meta Stat Membru jadotta miżuri fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu minn att tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu jitqies li jkun qiegħed jimplimenta dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      Is-sempliċi fatt li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013 ma jobbligax lill-Istati Membri jipprevedu sistema ta’ kumpens għad-dannu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex applikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 86).

59      Minn dan isegwi li l-Artikolu 17 tal-Karta huwa applikabbli għall-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-ħames domanda.

 Fuq il-mertu

60      Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta jirriżulta li dan jagħti espressament dritt għal kumpens biss fil-każ ta’ ċaħda tad-dritt għall-proprjetà, bħal esproprjazzjoni, li manifestament ma huwiex il-każ hawnhekk.

61      F’dan ir-rigward, jaqbel, b’mod partikolari, li t-tilwima fil-kawża prinċipali tiġi distinta minn dawk li wasslu għas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428), sa fejn dawn tal-aħħar jikkonċernaw il-qtugħ sistematiku ta’ siġar, jiġifieri siġar taż-żebbuġ, u, għaldaqstant, iċ-ċaħda tal-proprjetà ta’ dawn inkwantu tali. F’dan il-każ, il-projbizzjoni li jsir tħawwil ta’ cranberries fuq art li taqa’ taħt in-network Natura 2000 ma tikkostitwixxix ċaħda tad-dritt għall-proprjetà ta’ din il-proprjetà immobbli, iżda restrizzjoni għall-użu tagħha, li tista’ tiġi rregolata mil-liġi sa fejn huwa neċessarju għall-interess ġenerali, konformement ma’ dak li tipprevedi t-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

62      Fir-rigward tar-restrizzjonijiet li jistgħu għalhekk jiġu imposti fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà, għandu jitfakkar, barra minn hekk, li d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Għaldaqstant, mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta li restrizzjonijiet jistgħu jsiru għall-użu tad-dritt għall-proprjetà, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt hekk iggarantit (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Issa, minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni tal-ambjent tinsab fost għanijiet ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-protezzjoni tal-ambjent tista’ għalhekk tiġġustifika restrizzjoni fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Min-naħa l-oħra ma jidhirx li dawn il-miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk adottati għal finijiet ta’ protezzjoni tan-natura u tal-ambjent abbażi tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat”, li sempliċement jipprojbixxu t-tħawwil ta’ cranberries f’art bil-pit sabiex ikun ipprojbit li jiġu mminati l-interessi tal-ambjent hekk protetti, jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ kumpens favur proprjetarji kkonċernati, intervent żmiżurat u intollerabbli li jimmina l-essenza stess tad-dritt għall-proprjetà (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397, punt 70). F’dan il-każ, tali konklużjoni tapplika iktar u iktar peress li, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija projbizzjoni, u, għaldaqstant, ir-restrizzjoni imposta fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà, kienu diġà fis-seħħ fil-mument meta l-art bil-pit inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet inxtrat minn “Sātiņi‑S”, b’tali mod li din tal-aħħar ma setgħetx tinjora l-eżistenza ta’ din ir-restrizzjoni.

66      Għalkemm, ċertament, l-Istati Membri jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkunsidraw, sakemm jaġixxu meta jagħmlu dan fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, li huwa indikat li jingħata kumpens, parzjali jew totali, lill-proprjetarji ta’ artijiet affettwati mill-miżuri ta’ konservazzjoni adottati abbażi tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat”, minn din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi dedotta madankollu l-eżistenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ obbligu ta’ tali kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, EU:C:2003:397, punt 85).

67      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li pagament taħt Natura 2000 ma għandux jingħata lill-proprjetarju ta’ art bil-pit li taqa’ taħt dan in-network minħabba li tkun saret restrizzjoni għal attività ekonomika li tista’ titwettaq fuq tali art bil-pit, b’mod partikolari l-projbizzjoni li jitħawlu l-cranberries, filwaqt li, fil-mument li fih akkwista l-proprjetà immobbli kkonċernata, kien jaf b’tali restrizzjoni.

 Dwar l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għalliżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix, bħala prinċipju, l-artijiet bil-pit mill-pagamenti taħt Natura 2000, sakemm dawn ikunu jinsabu f’żoni Natura 2000 indikati skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u lflora selvaġġa, u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, u jkunu jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “żona agrikola” jew ta’ “foresta”, fissens, rispettivament, tal-punti (f) u (r) tal-Artikolu 2(1) jew talArtikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, li jistgħu b’hekk jibbenefikaw mill-pagamenti msemmija fl-Artikolu 30(1) tiegħu inkwantu “żoni agrikoli u forestali tan-Natura 2000”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 30(6)(a).

2)      L-Artikolu 30(6)(a) tar-Regolament Nru 1305/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jeskludi minn ħlasijiet taħt Natura 2000, minn naħa, iż-“żoni agrikoli Natura 2000” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, inklużi, f’dan il-każ, l-art bil-pit li taqa’ taħt tali żoni, u, min-naħa l-oħra, u skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1305/2013, l-art bil-pit li tkun tinsab f’żoni Natura 2000 li taqa’ filprinċipju taħt il-kunċett ta’ “foresta”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(r) ta’ dan ir-regolament, u, għalhekk, taħt dak ta’ “żoni forestali Natura 2000”, fis-sens tal-Artikolu 30(6)(a) tal-imsemmi regolament. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha wkoll tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lil Stat Membru jillimita l-ħlasijiet ta’ tali pagamenti għal żoni forestali Natura 2000 li jkunu jinkludu, jekk ikun il-każ, art bil-pit għassitwazzjonijiet fejn l-għażla ta’ dawn iż-żoni bħala “żoni Natura 2000” ikollha bħala effett li tostakola hemmhekk l-eżerċizzju ta’ tip speċifiku ta’ attività ekonomika, b’mod partikolari l-attività forestali.

3)      L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1305/2013, moqri flimkien malArtikolu 17 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ħlas taħt Natura 2000 ma għandux jingħata lill-proprjetarju ta’ art bil-pit li taqa’ taħt dan in-network minħabba li tkun saret restrizzjoni għal attività ekonomika li tista’ titwettaq fuq tali art bil-pit, b’mod partikolari l-projbizzjoni li jitħawlu l-cranberries, filwaqt li, fil-mument li fih akkwista l-proprjetà immobbli kkonċernata, kien jaf b’tali restrizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.