Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2024 – Kiene et vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-419/23) 1

(“Rikors għal annullament – Ambjent – Regolament (UE) 2023/851 – Standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju – Karozzi tal-passiġġieri ġodda – Teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet waqt perijodi li matulu l-karozza ma tkunx qiegħda tintuża – Karburanti sintetiċi newtrali f’termini tad-dijossidu tal-karbonju – Att leġiżlattiv – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Inammissibbiltà”)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Lorenz Kiene (Hoya, il-Ġermanja), Classic Tankstellen GmbH & Co. KG (Hoya), eFuel GmbH (Hoya), eFuel Projektentwicklung GmbH (Hoya) (rappreżentanti: A. Dlouhy, E. Macher u M. Soppe, avukati)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: L. Taïeb u W. Kuzmienko, aġenti), Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: N. Brzezinski u L. Hamtcheva, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2023/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni (ĠU 2023, L 110, p. 5).

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Irlanda.

Lorenz Kiene, Classic Tankstellen GmbH & Co. KG, eFuel GmbH u eFuel Projektentwicklung GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż, ħlief għal dawk marbuta mat-talbiet għal intervent.

Il-Kummissjoni u l-Irlanda għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talbiet għal intervent.

____________

1     ĠU C 321, 11.9.2023.