Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Settembru 2011 - Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-479/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: E. Belliard, G. de Bergues, B. Beaupère-Manokha u J. Gstalter, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2011) 4483 finali, tad-29 ta' Ġunju 2011, li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat Nru C 35/2008 mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku ta' natura industrijali u kummerċjali "Institut Français du Pétrole".

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b'mod suffiċjenti skont il-liġi l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li, sabiex tikkonkludi li teżisti għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma osservatx ir-regoli li jirregolaw il-prova fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kemm f'dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova kif ukoll il-livell tal-prova.

It-tieni motiv, li huwa diviż f'erba' partijiet, ibbażat fuq żbalji ta' fatt u ta' liġi peress li l-Kummissjoni aċċettat l-eżistenza ta' garanzija impliċita illimitata favur l-Institut Français du Pétrole. Ir-rikorrenti ssostni li:

mill-eżami tad-dritt Franċiż ma tistax tiġi dedotta l-eżistenza ta' prinċipju ta' garanzija għad-djun tal-Institut Français du Pétrole mill-Istat;

l-inapplikabbiltà, għall-Institut Français du Pétrole, tal-proċeduri tad-dritt komuni fil-qasam tal-irkupru u tal-falliment ma tfissirx li l-kredituri ta' tali stabbiliment ikunu jinsabu f'sitwazzjoni iktar favorevoli mill-kredituri ta' impriża suġġetta għal-liġi kummerċjali;

il-mekkaniżmi li jippermettu li tiġi involuta r-responsabbiltà tal-Istat ma jistgħux jitqabblu ma' mekkaniżmu ta' garanzija llimitata u

il-ħlas eventwali ta' ċerti djun marbuta mal-obbligi tas-servizz pubbliku tal-Institut Français du Pétrole ma għandux rabta mal-istatus tal-istabbiliment.

It-tielet motiv, li huwa diviż f'żewġ partijiet, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta' vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn:

il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod żbaljat li l-eżistenza ta' garanzija, jekk tkun stabbilita, toħloq vantaġġ favur l-Institut Français du Pétrole, u

sussidjarjament, il-Kummissjoni kisret il-kunċett ta' vantaġġ meta din qieset li l-allegat vantaġġ li minnu jibbenefika l-Institut Français du Pétrole permezz tal-garanzija statutarja tiegħu kien ġie ttrasferit lill-kumpanniji sussidjarji tagħha Axens u Prosernat, li huma kumpanniji stabbiliti skont id-dritt privat.

____________