Language of document : ECLI:EU:T:2024:297

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi u esperti fl-oqsma tal-industrija tad-difiża u tal-ispazju – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa għall-Ingliż – Regolament Nru 1 – Artikolu 1d(1), Artikolu 27 u Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal – Diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa – Interess tas-servizz – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑555/22,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin, B. Fodda u S. Royon, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, M. Van Regemorter u S. Baeyens, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn V. Baroutas, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Niddam, L. Vernier u I. Melo Sampaio, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. J. Costeira, President, M. Kancheva (Relatriċi) u E. Tichy-Fisslberger, Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat-23 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, ir-Repubblika Franċiża, titlob l-annullament tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/400/22 intitolat “amministraturi (AD 7) u esperti (AD 9) fl-oqsma tal-industrija tad-difiża u l-ispazju” (ĠU 2022, C 233 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kompetizzjoni kkontestat”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fl-1 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni Ewropea ħolqot fi ħdanha Direttorat Ġenerali ġdid għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju maħsub biex jimplimenta l-politiki tal-Kummissjoni fil-qasam tal-industrija tad-difiża, li sa dak iż-żmien kien ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs.

3        Fis-16 ta’ Ġunju 2022, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

4        Skont id-“Dispożizzjonijiet ġenerali” tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, “[l-EPSO] qed jorganizza kompetizzjoni ġenerali, ibbażata fuq kwalifiki u testijiet, sabiex joħloq listi ta’ riżerva li minnhom primarjament il-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari d-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju […] tagħha, ikun jista’ jirrekluta membri ġodda tas-servizz pubbliku (gruppi ta’ funzjoni AD 7 u AD 9) [fl-oqsma tal-industrija tad-difiża u tal-ispazju]”.

5        Il-punt 4.1 (intitolat “Ħarsa ġenerali lejn il-proċeduri tal-kompetizzjoni”) tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat jipprovdi li l-kompetizzjoni għandha tiġi organizzata f’ħames stadji, jiġifieri l- “ Applikazzjoni”, il-“Kontrolli tal-eliġibbiltà”, it-“Talent screener”, iċ- “Ċentru ta’ Evalwazzjoni ” u “[l-]iċċekkjar tad-dokumenti ġustifikattivi u l-istabbiliment tal-listi ta’ riżerva”.

6        Skont il-punt 3.2 (intitolat “Kundizzjonijiet speċifiċi — lingwi”) tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, “[b]iex ikun eliġibbli, kandidat irid ikollu għarfien ta’ mill-inqas tnejn mill-24 lingwa uffiċjali tal-[Unjoni Ewropea], kif previst fit-Taqsima 4.2.1”.

7        Skont il-punt 4.2.1 (intitolat “Rekwiżiti tal-lingwa”) tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat:

“Kandidat f’din il-kompetizzjoni jrid mill-inqas ikollu għarfien profond (livell minimu C1) ta’ waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti (livell minimu B2) ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-[Unjoni Ewropea]. Waħda minn dawn il-lingwi trid tkun l-Ingliż. Waħda minn dawn il-lingwi trid tkun l-Ingliż.

[…]

Ir-rekwiżiti tal-lingwa f’din il-kompetizzjoni, jiġifieri l-fatt li ċerti testijiet iridu jsiru bl-Ingliż, iqisu l-ispeċifiċità tad-dmirijiet tal-persunal tad-[Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju]. L-istess rekwiżiti japplikaw għaż-żewġ oqsma u gradi koperti minn dan l-avviż ta’ kompetizzjoni.

Il-persunal tad-[Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju] juża l-aktar l-Ingliż għal xogħol analitiku, il-komunikazzjoni interna u l-laqgħat, il-komunikazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati esterni, l-abbozzar tar-rapporti, it-tgħarrif, id-diskorsi u l-leġiżlazzjoni, it-tħejjija tal-pubblikazzjonijiet, it-twettiq ta’ dmirijiet oħra msemmija fl-Anness I kif ukoll għall-parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzat. L-Ingliż jintuża wkoll fil-il-konsultazzjonijiet bejn id-dipartimenti, il-komunikazzjoni interistituzzjonali u l-proċeduri ta’ verifika. Għarfien tajjeb tal-Ingliż huwa għalhekk essenzjali biex il-kandidati jkunu operattivi immedjatament malli jiġu reklutati.

L-għarfien ta’ lingwi oħra huwa meqjus bħala vantaġġ peress li lingwi oħra jintużaw f’każijiet partikolari, pereżempju, għal xogħol speċifiku għall-pajjiż. Madankollu, il-kandidati li jgħaddu jrid ikollhom mill-inqas għarfien sodisfaċenti (livell B2) tal-Ingliż biex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet elenkati fl-Anness I.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-kandidati jrid ikollhom ħakma tajba tal-Ingliż. Dan jiddetermina wkoll l-użu tal-lingwi fil-formola tal-applikazzjoni u fit-testijiet (ara t-Taqsima 4.2.2).”

8        L-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat jippreżenta eżempji ta’ funzjonijiet standard li l-kandidati magħżula ta’ din il-kompetizzjoni jistgħu jintalbu jwettqu, skont il-qasam (l-industrija tad-difiża jew l-ispazju) u l-funzjoni eżerċitata (amministratur jew espert).

9        Il-punt 4.2.2 (intitolat “Il-lingwi tal-applikazzjoni u tat-testijiet”) tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat jipprevedi li s-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għandha ssir fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ħlief għat-taqsima “Talent screener”, li għandha timtela bl-Ingliż. Fir-rigward tal-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, it-testijiet ta’ raġunament għandhom isiru f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ma hijiex l-Ingliż. L-intervista li tiffoka fuq il-kompetenzi f’sitwazzjoni, il-preżentazzjoni orali, l-intervista relatata mal-qasam u l-eżami bil-miktub relatat mal-qasam għandhom isiru bl-Ingliż.

10      Barra minn hekk, taħt dan il-punt huwa speċifikat li “[l-]kandidati huma mitluba jimlew il-parti “Talent Screener” tal-formola tal-applikazzjoni tagħhom bl-Ingliż minħabba li t-tweġibiet tagħhom se jkunu soġġetti għal valutazzjoni komparattiva mill-Bord tas-Selezzjoni” u li “[l-]parti tat-Talent Screener tal-applikazzjoni tista’ tintuża bħala dokument ta’ referenza mill-Bord matul l-intervista relatata mal-qasam”.

11      Skont il-punt 4.3.3 (intitolat “Talent Screener”) tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat:

“Għall-kandidati meqjusa eliġibbli, il-Bord tas-Selezzjoni jwettaq is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki. Biex jagħmel dan, il-Bord tas-Selezzjoni jwettaq valutazzjoni komparattiva tal-merti tal-kandidati kollha eliġibbli abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom. Aktar dettalji jingħataw fl-Anness IV ta’ dan l-avviż. B’segwitu għal din il-valutazzjoni, il-Bord tas-Selezzjoni joħloq lista ta’ kandidati għal kull qasam u għal kull grad fl-ordni tal-punteġġi kumplessivi mogħtija. Il-kandidati bl-ogħla punteġġi jiġu mistiedna għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.”

12      L-Anness IV tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat jispeċifika l-kriterji ta’ selezzjoni skont il-qasam, kif ukoll il-proċedura ta’ selezzjoni, fil-kuntest tal-“Talent screener”.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Renju tal-Belġju, mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Taljana, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Franċiża tqajjem ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tielet motiv huwa bbażat fuq użu ħażin tal-proċedura prevista mill-Artikolu 342 TFUE, kif ukoll fuq il-proċedura prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jadatta ċerti regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tal-persuni, d-dritt soċjetarju, il-politika tal-kompetizzjoni, l-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, il-politika tat-trasport, l-enerġija, it-tassazzjoni, l-istatistika, in-netwerks trans-Ewropej, id-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, l-ambjent, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika barranija, ta’ sigurtà u ta’ difiża u l-istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 1). Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Unjoni previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

16      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, fid-dawl tal-użu u tal-utilità ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni minbarra l-Ingliż fil-kuntest tax-xogħol tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, b’mod partikolari tal-Franċiż, il-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni rreklutati jkunu immedjatament operattivi ma jistax jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għall-Ingliż (iktar ’il quddiem il-“limitazzjoni lingwistika kontenzjuża”), peress li tali limitazzjoni ma tissodisfax il-bżonnijiet reali tas-servizz. Hija tikkontesta r-rilevanza tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni sabiex turi l-użu predominanti tal-lingwa Ingliża fix-xogħol tal-persunal tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju. Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma tistabbilixxix rabta bejn l-użu tal-Ingliż fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju u l-funzjonijiet deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat. Ir-Repubblika Franċiża ssostni wkoll li l-limitazzjoni kontenzjuża ma hijiex ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli. Barra minn hekk, hija ssostni li, anki jekk jitqies li d-diskriminazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata permezz tal-użu tal-Ingliż fi ħdan id-Direttorat Ġenerali inkwistjoni, il-Kummissjoni naqset milli turi n-natura proporzjonata ta’ din id-diskriminazzjoni.

17      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana jaqblu mal-argumenti tar-Repubblika Franċiża. Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Taljana jżidu li l-Kummissjoni ma tistax tassimila l-interess tas-servizz mal-unika ħtieġa għall-uffiċjali rreklutati li jkunu immedjatament operattivi għal finijiet ta’ komunikazzjoni interna u esterna. Għalhekk, ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li, għalkemm il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fis-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2021, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑718/17, mhux ippubblikata, EU:T:2021:316, punti 63 u 64), u tat-8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554, punt 65), li l-għan tal-operazzjonalità immedjata seta’ jkun għan leġittimu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx fis-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Spanja (C‑635/20 P, EU:C:2023:98, punt 96), li tali għan kien jeżenta lill-Kummissjoni milli tistabbilixxi oġġettivament l-eżistenza ta’ interess tas-servizz għal limitazzjoni tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju jirrileva li l-Qorti Ġenerali stess fakkret fis-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2021, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑718/17, mhux ippubblikata, EU:T:2021:316, punt 70), li l-għan li l-uffiċjali rreklutati jkunu immedjatament operattivi kellu jiġi bbilanċjat mal-għan ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali li għandhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, kif ukoll mal-possibbiltajiet ta’ tagħlim mill-uffiċjali rreklutati, fi ħdan l-istituzzjonijiet, tal-lingwi neċessarji għall-interess tas-servizz. Skont ir-Renju tal-Belġju, hemm ukoll, kif ġie enfasizzat mir-Repubblika Franċiża, għanijiet oħra li għandhom jiġu bbilanċjati mal-għan ta’ operabilità immedjata bħal dak tal-protezzjoni tad-diversità lingwistika tal-Unjoni, li “ngħixu l-multilingwiżmu”, li “jiġi rreklutat persunal bil-profili lingwistiċi varjati minħabba l-varjetà ta’ kompiti u ta’ diversi kuntatti li timplika l-azzjoni tal-Unjoni jew minħabba n-neċessità tal-ankraġġ fis-soċjetà tal-Istat ospitanti”.

18      Il-Kummissjoni ssostni li mill-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Ingliż huwa l-lingwa prinċipali tax-xogħol tad-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju u li l-għarfien tiegħu huwa għalhekk neċessarju sabiex il-persuni rreklutati jkunu immedjatament operattivi, li jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali tal-politika tal-persunal irrikonoxxut mill-qorti tal-Unjoni. Hija tippreċiża li ebda lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni ma hija s-suġġett ta’ użu paragunabbli għall-Ingliż fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-ispazju ta’ natura li jiġġustifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza, il-ħatra ta’ tali lingwa bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, il-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża hija wkoll proporzjonata għall-għan li l-persuni rreklutati jkunu immedjatament operattivi, peress li ebda sistema lingwistika oħra minbarra dik prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat ma hija f’pożizzjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza, li tippermetti li jintlaħaq dan l-għan ta’ interess ġenerali.

19      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi:

“Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.”

20      L-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi:

“L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.”

21      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 jipprovdi:

“Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.”

22      Għandu jiġi rrilevat, ukoll, li, għalkemm l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 jistabbilixxi espliċitament liema huma l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Artikolu 6 tiegħu jipprevedi li dawn jistgħu jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika stabbilita minn dan ir-regolament fir-regoli ta’ proċedura rispettivi tagħhom.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li ma jistax jiġi stabbilit, abbażi tal-provi li jirriżultaw mill-proċess ta’ din il-kawża, li l-istituzzjoni li taħtha jaqa’ s-servizz essenzjalment ikkonċernat mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, jiġifieri l-Kummissjoni, kienet, sal-pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż, adottat dispożizzjonijiet fir-regoli ta’ proċedura tagħha intiżi sabiex jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 1, skont l-Artikolu 6 tiegħu.

24      Barra minn hekk, l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li, fl-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, hija pprojbita kull diskriminazzjoni, bħal diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq il-lingwa. Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[w]aqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. It-tali oġġettivi jistgħu partikolarment jiġġustifikaw li tkun stipulata età mandatarja ta’ rtirar u età minima biex tieħu pensjoni ta’ rtirar”.

25      Barra minn hekk l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li ħadd ma jista’ jiġi appuntat bħala uffiċjal jekk ma jipproduċix evidenza ta’ għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni. Għalkemm din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-għarfien sodisfaċjenti ta’ lingwa oħra huwa meħtieg “sal-punt meħtieġ biex [uffiċjal] iwettaq id-dmirijiet tiegħu”, hija ma tindikax il-kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex l-għażla ta’ din il-lingwa minn fost il-lingwi uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1. (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Spanja u L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑401/16 u T‑443/16, mhux ippubblikata, EU:T:2020:409, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Tali kriterji lanqas ma jirriżultaw mill-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-ewwel paragrafu tagħhom jipprevedi, mingħajr ma jagħmel riferiment għal għarfien tal-lingwi, li “[r]-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta' uffiċjali tal-ogħla livell ta' kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni” u li “ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku”. L-istess japplika għat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu li sempliċement jiddikjara li “[i]l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Unjoni għandu jippermetti li kull istituzzjoni tadotta miżuri xierqa wara li jkun osservat li jkun jeżisti żbilanċ dejjiemi u sinfikanti bejn iċ-ċittadinanzi fost l-uffiċjali li ma jkunx ġustifikat minn kriterji oġġettivi”, billi jippreċiża, b’mod partikolari, li “[d]awk il-miżuri xierqa jridu jkunu ġustifikati u qatt ma għandhom jirriżultaw fi kriterji ta' reklutaġġ għajr dawk imsejsa fuq il-mertu” (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Spanja u L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑401/16 u T‑443/16, mhux ippubblikata, EU:T:2020:409, punt 63).

27      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ kompetizzjoni jista’ possibbilment jispeċifika l-għarfien tal-lingwi meħtieġ min-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni ma tirriżultax awtorizzazzjoni ġenerali sabiex l-għażla tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni tiġi ristretta għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali fost dawk imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1. (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Spanja u L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑401/16 u T‑443/16, mhux ippubblikata, EU:T:2020:409, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għal kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, li bħala prinċipju hija pprojbita skont l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 66). Fil-fatt, huwa evidenti li, b’tali limitazzjoni, ċerti kandidati potenzjali jiġifieri li għandhom għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas waħda mit-tliet lingwi magħżula huma ffavoriti, inkwantu jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni u jkunu, b’hekk, irreklutati bħala uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Unjoni, filwaqt li l-oħrajn, li ma jkollhomx tali għarfien, huma esklużi. (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2020, Spanja u L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑401/16 u T‑443/16, mhux ippubblikata, EU:T:2020:409, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, kif ukoll l-EPSO meta dan tal-aħħar jeżerċita setgħat mogħtija lilu mill-imsemmija istituzzjonijiet, tinsab għalhekk imperattivament irregolata mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li d-differenzi fit-trattament ibbażati fuq il-lingwa li jirriżultaw minn limitazzjoni tas-sistema lingwistika ta’ kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali jistgħu jiġu aċċettati biss jekk tali limitazzjoni tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz. Barra minn hekk, kwalunkwe kundizzjoni relatata mal-konoxxenzi lingwistiċi speċifiċi għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet ta’ din il-kundizzjoni u l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha. (ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Spanja, C‑635/20 P, EU:C:2023:98, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 65 tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554), li, ħlief fil-każ ta’ stipulazzjoni kuntrarja tal-avviż ta’ kompetizzjoni relatat miegħu, jeżisti interess tas-servizz li l-persuni rreklutati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi tmiem proċedura ta’ selezzjoni bħall-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza jistgħu jkunu immedjatament operattivi u, għalhekk, kapaċi jassumu malajr il-funzjonijiet li l-imsemmija istituzzjonijiet għandhom l-intenzjoni li jafdawlhom.

31      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll fil-punt 66 tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554), li, anki jekk jitqies li għandu neċessarjament jiġi previst żmien għal adattament għal kompiti ġodda u għal drawwiet ġodda tax-xogħol kif ukoll il-ħin neċessarju għall-integrazzjoni f’dipartiment ġdid, huwa leġittimu għal istituzzjoni li tfittex li tirrekluta persuni li, sa minn meta jibdew jaqdu dmirijiethom, ikunu kapaċi, tal-inqas, minn naħa, li jikkomunikaw mas-superjuri u mal-kollegi tagħhom u li jkollhom, għalhekk, il-kapaċità li jifhmu malajr u perfettament kemm jista’ jkun il-portata tal-funzjonijiet fdati lilhom u l-kontenut tal-kompiti li huma ser ikollhom iwettqu u, min-naħa l-oħra, li jiskambjaw mal-kollaboraturi u mal-korrispondenti esterni tas-servizzi inkwistjoni.

32      Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kellu jitqies li huwa leġittimu għal istituzzjoni li tfittex li tirrekluta persuni li jkunu jistgħu jużaw b’mod effikaċi u jifhmu kemm jista’ jkun possibbli l-lingwa jew il-lingwi użati fil-kuntest professjonali li fih dawn il-persuni kienu ser jiġu integrati (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554, punt 66).

33      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-Kummissjoni, l-għarfien ta’ waħda mill-erba’ lingwi proposti fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat f’din il-kawża setax jippermetti lill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkonċernata jsiru uffiċjali immedjatament operattivi ladarba jiġu rreklutati. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554, punt 73).

34      Huwa f’dan il-kuntest partikolari li l-Qorti Ġenerali qieset li limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għal kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali ma tistax titqies li hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata meta jkunu jinsabu, fost dawn il-lingwi, minbarra lingwa li l-għarfien tagħha kien mixtieq, jew saħansitra neċessarju, lingwi oħra li l-għarfien tagħhom ma jagħti ebda vantaġġ partikolari lill-kandidati potenzjali li għaddew minn kompetizzjoni meta mqabbla ma’ lingwa uffiċjali oħra. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554, punt 122).

35      Għalhekk, mis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554), li ma kinitx is-suġġett ta’ appell, jirriżulta li diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa setgħet tkun iġġustifikata mill-interess tas-servizz li jkollhom uffiċjali li jafu l-lingwa jew il-lingwi użati mis-servizz inkwistjoni b’mod li jkunu immedjatament operattivi.

36      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li fis-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Spanja (C‑635/20 P, EU:C:2023:98), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija l-istituzzjoni li llimitat is-sistema lingwistika ta’ proċedura ta’ selezzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi li tali limitazzjoni hija fil-fatt xierqa sabiex tissodisfa bżonnijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu, li hija proporzjonata għal dawn il-bżonnijiet u li hija bbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli, filwaqt li hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq eżami in concreto tan-natura oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni fir-rigward tal-imsemmija bżonnijiet. (ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Spanja, C‑635/20 P, EU:C:2023:98, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      L-eżistenza ta’ rabta bejn il-limitazzjoni lingwistika u l-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser jintalbu jwettqu kienet għalhekk diġà meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament (C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 69), u tas-26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑621/16 P, EU:C:2019:251). F’din l-aħħar sentenza, li fiha kienet inkwistjoni l-legalità ta’ avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali għall-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva ta’ amministraturi (AD 5) fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk iddeċidiet li, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni li tistħarreġ jekk ir-regoli li jirregolaw il-kompetizzjonijiet inkwistjoni kinux konformi mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kellha twettaq eżami in concreto tal-imsemmija regoli u taċ-ċirkustanzi partikolari inkwistjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali eżami biss seta’ jippermetti li jiġu stabbiliti l-konoxxenzi lingwistiċi li setgħu oġġettivament jiġu mitluba, fl-interess tas-servizz, mill-istituzzjonijiet fil-każ ta’ funzjonijiet speċifiċi u, għaldaqstant, jekk il-limitazzjoni fl-għażla tal-lingwi li jistgħu jintużaw sabiex jieħdu sehem f’dawn il-kompetizzjonijiet kienet oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-bżonnijiet reali tas-servizz (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 94).

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża, sa fejn tillimita l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat għal-lingwa Ingliża biss bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, li bħala prinċipju hija pprojbita, fatt li l-Kummissjoni stess tirrikonoxxi.

39      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 29 sa 37 iktar ’il fuq, jekk din il-limitazzjoni lingwistika hijiex oġġettivament iġġustifikata mill-bżonnijiet reali tas-servizz u proporzjonata għall-imsemmija bżonnijiet.

 Fuq l-adegwatezza tal-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża li tissodisfa l-bżonnijiet reali tas-servizz

40      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-limitazzjoni lingwistika inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa, ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tal-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

41      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li l-EPSO jiġġustifika l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża billi jsostni li, peress li l-persunal tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju juża prinċipalment l-Ingliż kemm għall-funzjonijiet kollha kif ukoll għall-kandidati magħżula tal-kompetizzjoni jista’ jkollhom jeżerċitaw kif ukoll għall-komunikazzjoni interna, interservizzi u esterna tiegħu, għarfien tajjeb tal-Ingliż huwa essenzjali sabiex il-kandidati jkunu operattivi immedjatament wara r-reklutaġġ tagħhom fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-ispazju. Skont ir-Repubblika Franċiża, dawn id-dikjarazzjonijiet huma ġenerali u astratti u ma huma sostnuti minn ebda element kwantitattiv jew kwalitattiv preċiż kemm fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat kif ukoll fir-risposta tal-Kummissjoni.

42      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EPSO fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, parti kbira mill-iskambji fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju jseħħu fil-Franċiż. Il-post partikolari tal-Franċiż fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju huwa spjegat b’mod partikolari mill-esperjenza miksuba minn ċerti aġenti fl-Iskola tal-Gwerra ta’ Pariġi (Franza). Barra minn hekk, il-laqgħat isiru regolarment bil-Franċiż, diversi minuti tal-missjonijiet huma redatti f’din il-lingwa u ċerti aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju huma wkoll ippubblikati bil-Franċiż. Ir-Repubblika Franċiża tfakkar ukoll li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-suq intern, Thierry Breton, u l-konsulent tiegħu inkarigat bis-suġġetti ta’ difiża huma frankofoni.

43      Ir-Repubblika Franċiża tikkontesta f’dan ir-rigward ir-rilevanza tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fl-Annessi B1 sa B5 tar-risposta sabiex turi s-supremazija tal-Ingliż fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju. Hija tirrileva li, kif jammetti l-korrispondent tad-dipartiment tar-riżorsi umani tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju fl-Anness B2, dawn id-dokumenti ma jipprovdux indikazzjonijiet lingwistiċi dwar id-diskorsi, it-testi leġiżlattivi u t-taħriġ speċjalizzat imsemmija fil-punt 4.2.1 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat. Dawn id-dokumenti lanqas ma jipprovdu indikazzjonijiet lingwistiċi, lil hinn mid-dokumenti formali u mill-briefings, f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni interna, il-laqgħat, il-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati esterni, il-konsultazzjonijiet bejn id-dipartimenti, il-komunikazzjoni interistituzzjonali u l-proċeduri ta’ verifika msemmija wkoll fil-punt 4.2.1 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tikkontesta d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn l-iskambji formali u informali, li twassal għall-esklużjoni ta’ dawn tal-aħħar mill-preżentazzjoni tal-użu tal-lingwi fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju. Hija ssostni wkoll li l-kriterju rilevanti huwa dak dwar jekk l-użu ta’ lingwa għandux għan professjonali relatat mal-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, u dan indipendentement mill-grad ta’ formalità ta’ dan l-iskambju.

44      Fir-rigward tal-Anness B3, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li, minn 36 057 dokument elenkati, 15 709 dokument, jiġifieri iktar minn 40 %, ma għandhomx indikazzjonijiet lingwistiċi, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jsir magħruf f’liema lingwi huma redatti dawn id-dokumenti. Hija tenfasizza li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-proporzjon ta’ dawn id-dokumenti li huma miktuba bl-Ingliż huwa l-istess bħad-dokumenti fejn il-lingwa hija indikata ma tistax tiġi vverifikata.

45      Fir-rigward tal-Anness B5, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li 23 mid-29 avviż ta’ pożizzjoni vakanti, jiġifieri l-maġġoranza kbira ta’ dawn l-avviżi, jindikaw li għarfien tal-lingwa Franċiża f’livell tal-inqas sodisfaċenti (B2) huwa neċessarju. Hija tirrileva wkoll li erba’ formoli oħra jeħtieġu kontroll tal-Franċiż f’livell B1, li jirrigwarda 27 minn 29 in-numru ta’ formoli li jindikaw li ċertu kontroll tal-Franċiż huwa neċessarju. Għaldaqstant, il-limitazzjoni għall-Ingliż inkwistjoni, sa fejn ma tiggarantixxix li l-kandidati li għaddew ikunu jafu l-Franċiż fil-livell meħtieġ, bl-ebda mod ma tiggarantixxi r-reklutaġġ ta’ kandidati li għaddew “immedjatament operattivi” għall-impjiegi inkwistjoni.

46      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li kemm l-EPSO fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, kif ukoll il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, baqgħu ma wrewx l-eżistenza ta’ rabta konkreta bejn l-użu esklużiv tal-lingwa Ingliża u l-funzjonijiet speċifiċi eżerċitati fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju, li huma deskritti fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ mill-ġurisprudenza.

47      Għalhekk, ir-Repubblika Franċiża ssostni li mill-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat jirriżulta li l-kandidati magħżula li ser jiġu rreklutati bħala amministraturi jista’ jkollhom iwettqu kompiti li ma humiex speċifiċi għall-oqsma tal-industrija tad-difiża u tal-ispazju, iżda huma komuni għall-monitoraġġ tal-politiki kollha tal-Unjoni. Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li n-natura trasversali tal-kompetenzi neċessarji għat-twettiq ta’ tali kompiti tiġġustifika l-mobbiltà tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet minn Direttorat Ġenerali għal ieħor matul il-karriera tagħhom.

48      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tosserva li l-EPSO ppubblika avviżi ta’ kompetizzjoni li jipprevedu sistemi lingwistiċi ħafna inqas restrittivi minn dawk previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, minkejja li l-funzjonijiet li l-kandidati magħżula ta’ dawn il-kompetizzjonijiet setgħu jistennew li jwettqu ma kinux differenti ħafna minn dawk deskritti fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestata. Ir-Repubblika Franċiża tosserva li, barra minn hekk, jidher li kandidat ammess fi tmiem waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet u mqiegħed f’lista ta’ riżerva jista’, bħala prinċipju, jiġi rreklutat fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju, u reċiprokament, b’tali mod li l-“ispeċifiċità” allegata tal-persunal tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju ma tidhirx li tiġġustifika l-limitazzjoni kontenzjuża. Ir-Repubblika Franċiża tosserva wkoll li l-Qorti Ġenerali qatt ma annullat avviż ta’ kompetizzjoni li jipprevedi dawn is-sistemi lingwistiċi jew sistemi lingwistiċi analogi u tirrileva li l-Avukata Ġenerali Sharpston enfasizzat il-vantaġġi ppreżentati minn tali sistemi fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Spanja vs Il-Parlament (C‑377/16, EU:C:2018:610).

49      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li ċerti funzjonijiet deskritti fl-Anness I tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestata jistgħu jiġu eżerċitati bil-Franċiż b’mod operattiv mill-amministraturi tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, minħabba l-preeminenza ta’ kelliema frankofoni fost il-korrispondenti tagħhom.

50      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Franċiża. Hija għalhekk issostni li l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża hija konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ġenerali kif jirriżultaw mis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2021, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑554/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:554). Minn din is-sentenza jirriżulta li, meta l-avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedi limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa, din l-għażla ma tistax tirrigwarda lingwa li għaliha din il-limitazzjoni ma hijiex iġġustifikata. Mill-imsemmija sentenza jirriżulta wkoll li d-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti sabiex tiġi ġġustifikata tali limitazzjoni huma dawk li jippermettu “li tistabbilixxi liema hija l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati minn dan id-dipartiment fix-xogħol tiegħu ta’ kuljum, jew il-lingwa jew il-lingwi li huma indispensabbli għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ikkontestat”. Mis-sentenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali tista’ tivverifika, abbażi tad-dokumenti prodotti mill-istituzzjoni inkwistjoni, jekk l-użu ta’ lingwa huwiex ikkaratterizzat minn “predominanza netta”, li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-inklużjoni tagħha hija ġġustifikata, jew minn perċentwali “ferm iktar baxxi”, li jwasslu għall-konklużjoni kuntrarja.

51      Il-Kummissjoni ssostni li mill-indikazzjonijiet konkreti pprovduti fil-punt 4.2.1 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, sostnuti mill-provi li hija tipproduċi quddiem il-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-għarfien tal-Ingliż huwa neċessarju sabiex ikun immedjatament operattiv fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, li ma huwa l-każ ta’ ebda waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni.

52      Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni tipproduċi tabella li telenka l-lingwi tad-dokumenti prodotti u rċevuti mid-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju fuq perijodu ta’ sena qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat. Minn din it-tabella jirriżulta li, minn 36 057 dokument, 19 949 huma redatti bl-Ingliż, 399 f’lingwi oħra jew f’diversi lingwi u 15 709 ma għandhomx lingwa indikata fis-sistema informatika li fiha huma rreġistrati. Fost il-lingwi l-oħra li ma humiex l-Ingliż, il-Franċiż huwa t-tieni lingwa l-iktar użata (186 dokument), segwita mill-Ġermaniż (70 dokument), dokumenti multilingwi (57 dokument) u l-Ispanjol (37 dokument). Skont il-Kummissjoni, mill-analiżi tad-dokumenti li għalihom hija indikata l-lingwa, li huma l-uniċi rilevanti f’dan il-każ, jirriżulta li d-dokumenti bl-Ingliż jirrappreżentaw 98 % tad-dokumenti filwaqt li d-dokumenti bil-Franċiż jirrappreżentaw 0.9 %.

53      Il-Kummissjoni tipproduċi wkoll statistika dwar il-lingwi tal-briefings ippreparati mid-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju fl-istess perijodu (Anness B4) li minnu jirriżulta li, minn 431 briefings li għalihom id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju kien kap ta’ fili jew kontributriċi, 362 kienu ġew redatti bl-Ingliż, jiġifieri 84 %, u 69 bil-Franċiż, jiġifieri 16 %.

54      Il-Kummissjoni tipproduċi wkoll avviżi ta’ pożizzjoni vakanti ta’ livell “amministratur mhux maniġerjali” ippubblikati mid-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju fl-istess perijodu tal-avviżi kollha ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni li jsemmu l-kompetenzi lingwistiċi li jeħtieġu l-għarfien professjonali tal-Ingliż. Il-Franċiż jissemma biss fi ftit avviż ta’ pożizzjoni vakanti, xi drabi bħala “vantaġġ” biss. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-Franċiż fl-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti huwa marbut biss ma’ assenza ta’ aġġornament tal-mudelli ta’ avviżi ta’ pożizzjoni vakanti u l-unitajiet li għalihom ġew ippubblikati dawn l-avviżi ser jaħdmu bl-Ingliż biss.

55      Il-Kummissjoni żżid li l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża hija neċessarja sabiex jiġi evitat li l-lista ta’ riżerva tkun parzjalment inutilizzabbli, li ma jikkorrispondix għall-interess tas-servizz. Il-Kummissjoni tippreċiża, fil-fatt, li, jekk kandidat li għadda minn kompetizzjoni seta’ jirnexxi mingħajr ma jkollu għarfien tal-Ingliż fil-livell B2, huwa ma jistax jiġi rreklutat fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, peress li l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti reċenti għall-pożizzjonijiet AD fid-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju jeżiġu l-għarfien tal-Ingliż f’livell suffiċjenti. Skont il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, ma jagħmel ebda sens li jitħallew jipparteċipaw kandidati li ma jistgħux, minħabba l-kapaċitajiet lingwistiċi insuffiċjenti tagħhom, iwettqu l-kompiti li għandhom jitwettqu.

56      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrispondi għal diversi argumenti tar-Repubblika Franċiża dwar in-natura allegatament inġustifikata tal-limitazzjoni lingwistika inkwistjoni.

57      Għalhekk, l-ewwel nett, hija ma tikkontestax li l-limitazzjoni kontenzjuża teskludi l-kandidati li ma jitkellmux bl-Ingliż fil-livell B2, iżda tosserva li l-kandidati li jaspiraw għal karriera internazzjonali mingħajr ma jkollhom għarfien tajjeb tal-Ingliż fil-livell B2 huma rari u li, barra minn hekk, anki sistema lingwistika ta’ 24 lingwa teskludi l-kandidati li ma għandhomx għarfien ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni rispettivament fil-livelli C1 u B2.

58      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża li l-istituzzjonijiet kollha jistgħu jieħdu mil-lista ta’ riżerva, il-Kummissjoni tirrileva li, jekk din il-possibbiltà teżisti, hija residwa u ma tikkorrispondix mal-għan segwit mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u ma tistax tkun il-bażi tas-sistema lingwistika tal-kompetizzjoni li għandha tiġi ġġustifikata fid-dawl tan-neċessitajiet tas-servizz. Barra minn hekk, hija tenfasizza li għarfien professjonali tal-Ingliż huwa neċessarju għall-parti l-kbira tal-pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

59      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika Franċiża li l-Franċiż huwa użat ħafna fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju u ċerti pożizzjonijiet importanti huma okkupati minn frankofoni fosthom dak ta’ direttur ġenerali, il-Kummissjoni tippreċiża li l-fatt li wieħed ikun kapaċi jaħdem bil-Franċiż ma jfissirx li l-lingwa tax-xogħol hija l-Franċiż. B’hekk, mill-Anness B4 jirriżulta li ċerti destinatarji tal-briefings, li għandhom kunjomijiet bil-lingwa Franċiża, jitolbu li jirċievu l-imsemmija briefings bl-Ingliż. Bl-istess mod, il-fatt li d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, ta’ nazzjonalità Finlandiża, għandu kmand tajjeb tal-Franċiż u jista’ jekk ikun il-każ jużah xi kultant ma jikkontradixxix il-fatt li huwa jaħdem bl-Ingliż.

60      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-preżenza importanti ta’ kelliema frankofoni fost il-korrispondenti tal-persunal tad-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, il-Kummissjoni tenfasizza li din tista’ tippermetti wkoll skambji informali ad hoc fuq bażi bilaterali bejn żewġ kelliema bil-Franċiż. Madankollu, dan ma jaffettwax l-iskambji formali bejn id-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju u l-interlokuturi tiegħu. Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni fil-fatt ma hijiex jekk lingwa, bħall-Franċiż, tistax tkun utli, iżda jekk hijiex effettivament użata għax-xogħol fid-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ċaħdet espressament it-tentattivi li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ lingwa fl-għażla tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni permezz tal-għarfien tal-imsemmija lingwa mill-interlokuturi tagħha, billi kkunsidrat li d-data dwar il-lingwi magħrufa pprovduta mill-persunal tal-Kummissjoni kienet irrilevanti.

61      Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża li l-funzjonijiet tal-persunal tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju ma humiex suffiċjentement speċifiċi sabiex jiġġustifikaw il-limitazzjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tenfasizza li d-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju huwa servizz ta’ ħolqien reċenti u ta’ daqs żgħir, li kellu biss direttur ġenerali wieħed sa mill-ħolqien tiegħu u għalhekk seta’ jaħdem b’mod omoġenju f’lingwa waħda biss sa mill-bidu. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, għalkemm, fil-passat, avviżi ta’ kompetizzjoni setgħu jipprevedu iktar lingwi, dan ma jfissirx neċessarjament li s-servizzi kkonċernati kienu differenti mid-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u mill-ispazju minn din il-perspettiva. Dan huwa kkonfermat mis-sentenzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali kkonstataw li l-Kummissjoni ma setgħetx turi li f’dipartimenti oħra, l-uffiċjali tagħha kienu jaħdmu b’lingwi oħra apparti bl-Ingliż.

62      Is-sitt nett, il-Kummissjoni ssostni li l-eżempji ta’ avviżi ta’ kompetizzjoni li tirreferi għalihom ir-Repubblika Franċiża ma humiex rilevanti f’dan il-każ. Għalhekk, hija tenfasizza li l-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/373/19 kien jikkonċerna kompetizzjoni ġenerali, intiża għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni u li, barra minn hekk, kienet ġiet ippubblikata qabel is-sentenzi l-iktar reċenti li annullaw l-avviżi ta’ kompetizzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla bbażati fuq avviżi ta’ kompetizzjoni li jinkludu lingwi oħra minbarra l-Ingliż. Min-naħa tiegħu, l-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/397/32 huwa kompetizzjoni pilota u f’dan l-istadju jikkostitwixxi esperjenza iżolata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li s-sistemi lingwistiċi ta’ dawn il-kompetizzjonijiet ma jistgħux iservu bħala bażi ta’ paragun fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-limitazzjoni kontenzjuża, minn naħa, għaliex sistema ta’ 24 lingwa ma tinkludi ebda limitazzjoni u, min-naħa l-oħra, għaliex ir-Repubblika Franċiża ma wrietx kif sistema b’5 lingwi kienet iġġustifikata f’dan il-każ.

63      Is-seba’ nett, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li kandidat li għadda minn kompetizzjoni b’sistema lingwistika li tintegra iktar lingwi jista’ jiġi rreklutat fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju huwa spekulattiv, peress li d-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju jipprova jirrekluta speċjalisti u jivverifika, fi kwalunkwe każ, il-livell tal-Ingliż fil-mument tar-reklutaġġ. Barra minn hekk, hija bl-ebda mod ma hija obbligata tiġġustifika d-differenza fis-sistema lingwistika bejn żewġ kompetizzjonijiet, iktar u iktar meta jkollhom għanijiet differenti. Il-Kummissjoni żżid li, għalkemm is-sistemi lingwistiċi li għalihom tirreferi r-Repubblika Franċiża ma ġewx annullati, dawn lanqas ma ġew ikkontestati, u li r-Repubblika Franċiża ma wrietx li tali sistemi huma kompatibbli mal-ġurisprudenza attwali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm il-ġurisprudenza ma timponilhiex, bħala prinċipju, li tillimita l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għall-Ingliż, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk ix-xogħol jitwettaq prinċipalment bl-Ingliż, hija ma tistax tinkludi lingwi oħra minbarra l-Ingliż minn fost il-lingwi li għandhom jintgħażlu bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni u hija, għall-kuntrarju, iġġustifikata li tillimita l-għażla tat-tieni lingwa għall-Ingliż.

64      It-tmien nett, il-Kummissjoni tirrileva li sistema lingwistika b’24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni teskludi minkejja kollox ċerti kandidati minħabba l-livell ta’ lingwa tagħhom, skont l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, li, billi jimponi l-għarfien ta’ lingwa oħra, huwa neċessarjament intiż sabiex tinħoloq lingwa waħda jew iktar “funzjonali” fi ħdan id-dipartimenti tal-istituzzjonijiet.

65      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 36 sa 37 iktar ’il fuq, il-ġustifikazzjoni ta’ limitazzjoni lingwistika bħal-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża għandha tkun relatata mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu. Fi kliem ieħor, f’dan il-każ, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-funzjonijiet deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat jeħtieġu, fihom infushom, għarfien tal-Ingliż fil-livell B2.

66      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma torbotx il-ħtieġa għall-persuni rreklutati li jkollhom għarfien tal-Ingliż fil-livell B2 sabiex ikunu immedjatament operattivi mal-funzjonijiet partikolari li dawn il-persuni ser ikunu mitluba jwettqu, iżda mal-fatt biss li dawn il-persuni għandhom jeżerċitaw l-imsemmija funzjonijiet f’servizzi li fihom il-persunal attwali juża prinċipalment l-Ingliż għat-twettiq tal-imsemmija funzjonijiet.

67      Tali argument, li sempliċement jgħid li l-funzjonijiet għandhom jiġu eżerċitati bl-Ingliż għaliex huma diġà eżerċitati f’din il-lingwa, ma huwiex għalhekk, bħala prinċipju, ta’ natura li jistabbilixxi li l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża hija xierqa sabiex tissodisfa l-bżonnijiet reali tas-servizz relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu, kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 36 iktar ’il fuq.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-Kummissjoni, li jiġġustifika l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża bl-eżistenza ta’ allegat “fatt stabbilit” fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, ma huwiex koerenti mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju kien inħoloq biss għal sentejn u nofs waqt il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u li huwa kien jinsab f’fażi sħiħa ta’ kostituzzjoni tal-persunal tagħha, kif barra minn hekk juri l-pubblikazzjoni tal-avviż inkwistjoni.

69      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex issostanzjat biżżejjed mid-dokumenti prodotti għal dan l-għan quddiem il-Qorti Ġenerali.

70      B’hekk, l-ewwel nett, mid-dikjarazzjoni ġuramentata tar-“riżorsi umani korrispondenti” tad-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju jirriżulta li l-istatistika dwar il-lingwi tad-dokumenti prodotti u rċevuti minn dan id-Direttorat Ġenerali tinkludi l-elementi kollha msemmija fir-raba’ paragrafu tal-punt 4.2.1 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat bl-eċċezzjoni notevoli tad-“diskorsi u l-leġiżlazzjoni, u korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzat”, li huma madankollu msemmija f’dan l-avviż bħala xogħlijiet li jitwettqu bl-Ingliż mill-persunal tad-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju.

71      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li t-tabella prodotta mill-Kummissjoni fl-Anness B3 ma tippermettix li tiġi identifikata n-natura tad-dokumenti inkwistjoni, iżda biss l-applikazzjoni informatika użata għall-ħażna tagħhom u għall-mod ta’ trażmissjoni tagħhom, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat li dawn id-dokumenti jirrigwardaw effettivament il-funzjonijiet li ser jitwettqu mill-persuni rreklutati. L-unika dikjarazzjoni ġuramentata tal-“korrispondent tar-riżorsi umani” tad-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju li permezz tiegħu dan jiċċertifika li t-tabella prodotta mill-Kummissjoni tirrigwarda l-elementi kollha msemmija fil-punt 4.2.1 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, bl-eċċezzjoni tad-diskorsi, tat-testi leġiżlattivi u tat-taħriġ speċjalizzat, ma tistax tikkumpensa għan-nuqqas ta’ preċiżjoni tat-tabella inkwistjoni fid-dawl tan-natura tal-eżami tal-provi li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 iktar ’il fuq.

72      Barra minn hekk, mit-tabella inkwistjoni jirriżulta li, minn total ta’ 36 057 dokument, 19 949 dokument kienu redatti bl-Ingliż filwaqt li 399 dokument biss kienu redatti b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni fosthom, b’mod partikolari, 186 bil-Franċiż, 70 bil-Ġermaniż, 37 bl-Ispanjol, 5 bit-Taljan, 4 bl-Olandiż u 1 bil-Grieg. Għalkemm tali statistika turi effettivament użu importanti tal-Ingliż, hija ma tistax titqies bħala konklużiva b’mod definittiv sa fejn, għal 15 709 dokument, ebda lingwa ma ġiet irreġistrata. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax sempliċement tippreżumi li r-relazzjoni bejn in-numru ta’ dokumenti redatti bl-Ingliż u n-numru ta’ dokumenti redatti f’lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni fir-rigward tad-dokumenti li għalihom il-lingwa hija rreġistrata hija l-istess fir-rigward tad-dokumenti li għalihom il-lingwa ma hijiex irreġistrata, peress li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni.

73      It-tielet nett, mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fl-Anness B4 jirriżulta li, minn 431 briefings li ġew ippreparati, totalment jew parzjalment, mid-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, 362 ġew ippreparati bl-Ingliż, jiġifieri 84 %, u 69 bil-Franċiż, jiġifieri 16 % (Anness B4). Madankollu, għandu jiġi rrilevat li minn din l-istess data jirriżulta li, fost it-362 briefings ippreparati bl-Ingliż, 316 kellhom bħala destinatarju persuna li l-Franċiż tagħha kien il-lingwa materna jew persuna li tagħha huwa magħruf li hija titkellem bil-Franċiż. Fin-nuqqas ta’ prova min-naħa tal-Kummissjoni li l-użu tal-Ingliż fil-kuntest ta’ dawn il-briefings kien jirriżulta mir-rieda tad-destinatarji tagħhom jew minn ċirkustanzi partikolari, ma jistax jitqies li din id-data turi l-ħtieġa li l-Ingliż ikun magħruf fil-kuntest tal-komunikazzjoni fi ħdan l-istituzzjoni. Tali data hija, l-iktar l-iktar, biss ta’ natura li turi li d-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju juża fil-parti l-kbira din il-lingwa fil-kuntest tal-komunikazzjoni fi ħdan l-istituzzjoni b’għażla u mhux sabiex jissodisfa l-bżonnijiet reali tas-servizz. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-argument tal-Kummissjoni li d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju effettivament jitkellem bil-Franċiż, iżda jaħdem biss bl-Ingliż.

74      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti prodotti mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li tali dokumenti ma humiex, fihom infushom, ta’ natura li juru l-użu reali ta’ lingwa fi ħdan id-dipartimenti tal-Kummissjoni. Madankollu, huma jistgħu jiċċaraw il-bżonnijiet tas-servizz kif ġew identifikati minn istituzzjoni. Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-Repubblika Franċiża, li, mid-29 avviż ta’ pożizzjoni vakanti, 27 isemmu n-neċessità, minbarra konoxxenza professjonali tal-Ingliż, ta’ għarfien tal-Franċiż f’diversi livelli. B’hekk, bħala eżempju, avviż tat-23 ta’ Ġunju 2021 isemmi r-rekwiżit ta’ kontroll tal-Franċiż fil-livell C2 (Anness B5 paġna 40) Avviż ieħor tas-7 ta’ Lulju 2021 isemmi l-fatt li l-Franċiż huwa, bħall-Ingliż, lingwa ta’ ħidma tad-diviżjoni kkonċernata mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Avviż datat l-1 ta’ Novembru 2021 isemmi r-rekwiżit, minbarra għarfien tal-Ingliż fil-livell C1, ta’ konoxxenza tal-Franċiż fil-livell C1 jew B2 (Anness B5, paġna 47) Avviż datat is-26 ta’ Ottubru 2021 issemmi r-rekwiżit ta’ għarfien tajjeb tal-Ingliż u idealment tal-Franċiż (Anness B5, paġna 70). Opinjoni oħra tad-29 ta’ Novembru 2021 tippreċiża li l-lingwi ta’ ħidma huma l-Ingliż u l-Franċiż. L-istess jgħodd għal opinjoni tal-14 ta’ Ottubru 2021 (Anness B5, paġna 64) u għal avviż ieħor ippubblikat fis-7 ta’ Frar 2022 (Anness B5, paġna 121). Avviżi ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikati matul is-sena 2022 jirreferu għar-rekwiżit ta’ għarfien tajjeb tal-Ingliż u, preferibbilment tal-Franċiż, (Anness B5, paġni 128, 177, 205 u 232), ta’ għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż u tal-Franċiż (Anness B5, paġna 212) jew ukoll ta’ għarfien, minbarra tal-Ingliż fil-livell C1, tal-Franċiż fil-livell B2 (Anness B5, paġni 131, 138, 159, 166, 194, 208, 222 u 229) jew anki ta’ C1, (Anness B5, paġni 124, 180 u 215) kif ukoll ta’ għarfien tal-Ingliż u tal-Franċiż fil-livell C2 (Anness B5, paġni 117 u 188). Għalkemm il-qari ta’ dawn id-dokumenti jikkonferma li d-Direttorat Ġenerali tal-Industrija tad-Difiża u tal-Ispazju, sa mill-bidu tiegħu, qies li l-għarfien tal-Ingliż kien neċessarju għall-eżerċizzju ta’ diversi funzjonijiet fi ħdanu, dan il-qari jikkonferma wkoll li, sal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, din ma kinitx l-unika lingwa meqjusa utli, jew saħansitra neċessarja għall-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet, sa tali punt li huwa seta’ jippreċiża f’uħud minn dawn l-avviżi li l-Ingliż u l-Franċiż kienu lingwi ta’ ħidma.

75      L-argument imressaq mill-Kummissjoni li r-riferiment għall-Franċiż fir-rekwiżiti lingwistiċi ta’ dawn l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti jirriżulta minn problema ta’ aġġornament tal-mudelli tal-imsemmija avviżi ma tantx huwa konvinċenti fid-dawl tad-diversità tal-avviżi inkwistjoni u tad-differenzi bejn il-livelli ta’ kontroll tal-Franċiż meħtieġa fid-diversi avviżi. Barra minn hekk, dan l-argument ma huwiex sostnut, peress li l-Kummissjoni la allegat u lanqas uriet li dawn l-opinjonijiet kienu s-suġġett ta’ rtirar jew ta’ xi korrezzjoni.

76      Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda evidenza oħra dwar l-użu tal-Ingliż fix-“xogħol analitiku, il-komunikazzjoni interna u l-laqgħat, il-komunikazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati esterni, l-abbozzar tar-rapporti, it-tgħarrif, id-diskorsi u l-leġiżlazzjoni, it-tħejjija tal-pubblikazzjonijiet, it-twettiq ta’ dmirijiet oħra msemmija fl-Anness I kif ukoll għall-parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzat”. Barra minn hekk, l-istess japplika għal dak li jirrigwarda “il-konsultazzjonijiet bejn is-servizzi, il-komunikazzjoni interistituzzjonali u l-proċeduri ta’ verifika”.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 65 sa 75 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni baqgħet ma wrietx li l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża kienet iġġustifikata fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq.

 Fuq il-proporzjonalità tal-limitazzjoni lingwistika kkontestata

78      Skont ir-Repubblika Franċiża, la l-EPSO fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u lanqas il-Kummissjoni ma stabbilixxew kif il-limitazzjoni kontenzjuża hija proporzjonata għall-għan li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni jkunu immedjatament operattivi.

79      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża kif ukoll ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana jsostnu li, għalkemm l-għan li jiġu rreklutati uffiċjali immedjatament operattivi jista’ jaqa’ taħt il-bżonnijiet reali tas-servizz, l-istess japplika għall-għan li tiġi protetta d-diversità lingwistika tal-Unjoni u li jiġi rreklutat persunal bil-profili lingwistiċi varjati minħabba l-varjetà ta’ kompiti u ta’ diversi kuntatti li timplika l-azzjoni tal-Unjoni. In-neċessità li l-uffiċjali tal-Unjoni jkunu jistgħu, permezz ta’ għarfien raġonevoli tal-lingwa tal-Istat Membru li jilqa’ s-sede tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu li jaħdmu fih, li jintegraw ruħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat, taqa’ wkoll taħt il-bżonnijiet reali tas-servizz.

80      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Franċiża, l-għan li jiġu rreklutati kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet operattivi immedjatament għandu jiġi kkwalifikat għal tliet raġunijiet. Qabel kollox, 50 % tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ta’ amministraturi speċjalisti jibqgħu inklużi fil-listi ta’ riżerva 6 xahar wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati u dan il-proporzjon huwa ta’ 35 %, 12 xahar wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati. Sussegwentement, il-kandidati magħżula tal-kompetizzjonijiet għandhom il-possibbiltà li jsegwu taħriġ lingwistiku qabel u wara r-reklutaġġ tagħhom. Fl-aħħar nett, l-imsemmija kandidati li għaddew huma intiżi li jgħaddu diversi snin fis-servizz pubbliku tal-Unjoni u li jokkupaw diversi pożizzjonijiet li jistgħu jippreżentaw rekwiżiti lingwistiċi differenti. Għalhekk, ir-reklutaġġ ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti lingwistiċi speċifiċi għall-ewwel impjieg tagħhom, u lanqas jagħlaqhom immedjatament fi prattika li tiffavorixxi l-monolingwiżmu.

81      Għaldaqstant, l-EPSO kellu jiżgura l-ibbilanċjar ta’ dawn id-diversi għanijiet b’tali mod li jiġu pprivileġġati s-sistemi lingwistiċi li jillimitaw l-inqas possibbli r-reklutaġġ ta’ profili lingwistiċi varjati, ħaġa li ma għamilx f’dan il-każ.

82      Ir-Repubblika Franċiża tiċħad, barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li l-kandidati li għaddew li ma kellhomx għarfien tal-Ingliż fil-livell B2 ma kellhom l-ebda ċans li jiġu rreklutati, u dan irendi l-lista ta’ riżerva parzjalment inutilizzabbli. Għalhekk, minn naħa, mill-inqas 10 % tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ta’ amministraturi speċjalisti inklużi dawk fil-listi ta’ riżerva qatt ma jkunu, fl-aħħar mill-aħħar, irreklutati, jew b’għażla, jew fin-nuqqas li jgħaddu minn intervista ta’ reklutaġġ fit-termini mogħtija jew li jkunu identifikaw offerta ta’ impjieg xierqa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun inqas u inqas iġġustifikat li tiġi applikata sistema lingwistika daqstant restrittiva bħal dik tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat mill-ewwel stadju tar-reklutaġġ. Min-naħa l-oħra, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-parti l-kbira tal-kandidati jafu l-Ingliż f’livell B2, kif tammetti l-Kummissjoni, u dan jillimita r-riskju li tinkiseb lista ta’ riżerva li ma tistax tintuża. Barra minn hekk, kien il-kandidat li għadda mill-kompetizzjoni li ħa r-riskju li jgħaddi mill-kompetizzjoni mingħajr ma jaf l-Ingliż f’dan il-livell li jassumi l-konsegwenzi tagħha.

83      Il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża hija proporzjonata għall-bżonnijiet tas-servizz. Skont il-Kummissjoni, din il-limitazzjoni hija għall-kejl tal-għan imfittex u ma jeżistux possibbiltajiet oħra inqas restrittivi, peress li l-inklużjoni ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni minbarra l-Ingliż ma kinitx konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ma spjegatx liema sistema lingwistika oħra li tissodisfa l-bżonnijiet tas-servizz setgħet tiġi prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat. Il-Kummissjoni żżid li l-Ingliż huwa l-lingwa barranija l-iktar magħrufa fl-Ewropa u li huwa raġonevoli li wieħed jistenna minn kull persuna li tixtieq timpenja ruħha f’karriera internazzjonali li hija tikseb livell ta’ Ingliż B2 qabel il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li billi eżiġa lingwa waħda biss u mhux kombinazzjoni speċifika ta’ lingwi, sejħa għal espressjoni ta’ interess kienet osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2011, Angioi vs Il-Kummissjoni (F-7/07, EU:F:2011:97).

84      B’risposta għall-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li, minn naħa, l-għan li jiġu rreklutati kandidati li għaddew minn kompetizzjonijiet immedjatament operattivi għandu jiġi kkwalifikat, peress li l-kandidati kollha magħżula ma humiex irreklutati immedjatament u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kandidati magħżula jkollhom il-possibbiltà li jsegwu taħriġ lingwistiku, il-Kummissjoni tenfasizza li, kieku kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà għall-kandidati li jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom wara l-kompetizzjoni, dan iwassal sabiex jiġi miċħud l-interess li tiġi organizzata kompetizzjoni, li l-għan tagħha huwa li tagħżel l-aħjar kandidati.

85      Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argument tar-Repubblika Franċiża li s-sistema lingwistika prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat tieħu inkunsiderazzjoni biss ir-rekwiżiti lingwistiċi dwar l-ewwel funzjonijiet li l-kandidati magħżula tal-imsemmija kompetizzjoni ser ikollhom jeżerċitaw u jdaħħluhom fi prattika li tiffavorixxi l-monolingwiżmu. Skont il-Kummissjoni, is-sistema lingwistika prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat ma tipprekludix ir-reklutaġġ ta’ kandidati li għaddew li jitkellmu lingwi oħra minbarra l-Ingliż, u lanqas li dawn il-persuni jużaw dawn il-lingwi l-oħra matul skambji informali wara r-reklutaġġ tagħhom.

86      F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika Franċiża li kien ikun iktar għaqli li jitnaqqas gradwalment in-numru ta’ lingwi kkonċernati mill-għażla tat-tieni lingwa pjuttost milli wieħed jgħaddi minn 24 lingwa għal waħda biss, il-Kummissjoni ssostni li tali tnaqqis ma jikkorrispondix mal-istat tad-dritt attwali, peress li l-ġurisprudenza timponi li tiġi ġġustifikata kull limitazzjoni lingwistika u tiċċensura l-inklużjoni ta’ kull lingwa oħra li għaliha ma jistax jiġi pprovat li dan huwa neċessarju għat-twettiq tal-kompiti.

87      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li hija ma wettqitx ibbilanċjar bejn interessi differenti, il-Kummissjoni tfakkar li kompetizzjoni sservi qabel kollox sabiex jintgħażlu kandidati bl-għan ta’ reklutaġġ.

88      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 iktar’ il fuq, hija l-istituzzjoni li tillimita s-sistema lingwistika ta’ proċedura tal-għażla għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi li tali limitazzjoni hija tabilħaqq xierqa sabiex tindirizza l-ħtiġijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni reklutati se jkunu mitluba jwettqu u li hija proporzjonata għal dawn il-bżonnijiet.

89      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li huma l-istituzzjonijiet li għandhom jibbilanċjaw l-għan leġittimu li jiġġustifika l-limitazzjoni tan-numru ta’ lingwi tal-kompetizzjonijiet u l-possibbiltajiet ta’ tagħlim mill-uffiċjali rreklutati, fi ħdan l-istituzzjonijiet, tal-lingwi neċessarji għall-interess tas-servizz (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punt 97).

90      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssostnix li wettqet tali bbilanċjar, iżda sempliċement, minn naħa, issostni li ma kinux jeżistu soluzzjonijiet oħra inqas restrittivi għas-sistema lingwistika prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat peress li l-inklużjoni ta’ lingwa oħra minbarra l-Ingliż ma kinitx konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-piż predominanti tal-Ingliż fid-direttorati ġenerali kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li tirreferi għall-punti 98 u 99 tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2011, Angioi vs Il-Kummissjoni (F‑7/07, EU:F:2011:97).

91      Madankollu, minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punt 77 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-limitazzjoni tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għal-lingwa Ingliża biss kienet konformi mal-ġurisprudenza.

92      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet ir-Repubblika Franċiża li, fil-punti 98 u 99 tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2011, Angioi vs Il-Kummissjoni (F‑7/07, EU:F:2011:97), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni kienx jippermetti li avviż ta’ kompetizzjoni jillimita għal lingwa waħda ċerti eżamijiet, kif tipprevedi s-sistema lingwistika tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, iżda qies li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għat-tliet lingwi ta’ komunikazzjoni interna, minkejja li kandidat kien jagħżel lingwa ta’ komunikazzjoni interna fl-ewwel lingwa, kienet proporzjonata għall-għan imfittex f’dan il-każ mill-EPSO.

93      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni baqgħet ma wrietx li l-limitazzjoni lingwistika kontenzjuża kienet proporzjonata għall-bżonnijiet tas-servizz fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq.

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv imqajjem mir-Repubblika Franċiża għandu jintlaqa’.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat għandu jiġi annullat, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-Repubblika Franċiża.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-Repubblika Franċiża, kif mitlub minn din tal-aħħar.

97      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/400/22, intitolat “Amministraturi (AD 7) u esperti (AD 9) fl-oqsma tal-industrija tad-difiża u l-ispazju” huwa annullat.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-Repubblika Franċiża.

3)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Costeira

Kancheva

Tichy-Fisslberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Mejju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.