Language of document : ECLI:EU:T:2015:435

Kawża T‑305/13

Servizi assicurativi del commercio estero SpA (SACE)

u

Sace BT SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni — Kopertura ta’ riassigurazzjoni mogħtija minn impriża pubblika lis-sussidjarja tagħha — Kontribuzzjonijiet fil-forma ta’ kapital sabiex ikopru t-telf tas-sussidjarja — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Imputabbiltà lill-Istat — Kriterju ta’ investitur privat — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2015

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika — Impriża kkontrollata mill-Istat — Imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna — Inklużjoni — Assjem ta’ indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Artikolu 107(1), TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika — Impriża kkontrollata mill-Istat — Imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna — Inklużjoni — Indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni — Ħatra tal-membri tal-bord tad-diretturi minn diversi ministeri — Natura insuffiċjenti

(Artikolu 107(1), TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika — Impriża kkontrollata mill-Istat — Imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna — Inklużjoni — Nuqqas ta’ eżerċizzju minn din l-impriża tal-attivitajiet tagħha fis-suq skont il-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni mal-operaturi privati differenti — Indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Artikolu 107(1), TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

(Artikoli 108 (2) TFUE u 263 TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest u tal-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ

(Artikolu 107(1) TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Eżami diliġenti u imparzjali — Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi l-iktar sħaħ u affidabbli possibbli — Portata tal-obbligu

(Artikolu 108(2), TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest tagħha — Obbligu tal-Istat Membru li jipprovdi elementi oġġettivi u verifikabbli li juru n-natura ekonomika tal-attività tiegħu

(Artikolu 107(1), TFUE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna — Riferiment għal prassi deċiżjonali preċedenti — Inammissibbiltà

(Artikoli 107(1) TFUE u 296 TFUE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Kriterju ta’ evalwazzjoni — Natura raġonevoli tat-tranżazzjoni għal investitur privat li jsegwi politika fuq bażi medja jew twila ta’ żmien

(Artikolu 107(1), TFUE)

1.      Is-sempliċi fatt li impriża pubblika tkun taħt kontroll tal-istat mhux biżżejjed biex miżuri meħuda minn din tal-aħħar jiġu imputati lill-istat. Barra minn hekk għandu jiġi eżaminat ukoll jekk l-awtoritajiet pubbliċi jistgħux jiġu kkunsidrati li ġew involuti b’xi mod jew ieħor fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ involviment konkret tal-Istat għandu jinftiehem fis-sens li l-miżura inkwistjoni ġiet adottata taħt l-influwenza jew il-kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi jew li ma hijiex probabbli l-assenza ta’ tali influwenza jew ta’ tali kontroll, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi evalwata l-inċidenza ta’ dan l-involviment fuq il-kontenut tal-miżura. B’mod partikolari, ma jistax jiġi rikjest, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ imputabbiltà, li jintwera li l-aġir tal-impriża pubblika kien ikun differenti kieku din aġixxiet b’mod awtonomu. Dwar l-għanijiet segwiti mill-miżura inkwistjoni, għalkemm jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-imputabbiltà, dawn ma humiex deċiżivi.

Barra minn hekk, l-awtonomija kkonferita, mill-forma legali tagħha, lil impriża pubblika ma tostakolax il-possibbiltà tal-Istat li jeżerċita influwenza dominanti għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri. Peress li l-involviment konkret possibbli tal-Istat ma huwiex eskluż mill-awtonomija li, fil-prinċipju, tibbenefika minnha l-impriża pubblika, il-prova ta’ tali involviment tista’ tiġi prodotta abbażi tal-elementi legali u fattwali rilevanti kollha li jistgħu jifformaw firxa ta’ indizji suffiċjentement preċiżi u konverġenti tal-eżerċizzju ta’ influwenza effettiva jew ta’ kontroll effettiv mill-Istat.

(ara l-punti 41, 48, 51)

2.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat mogħtija permezz ta’ impriza pubblika, iċ-ċirkustanza li, tal-inqas, il-ħatra inizjali tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ tali impriża għandha, skont dispożizzjoni leġiżlattiva speċifika, titwettaq bi qbil ma’ diversi ministeri differenti, tikkonferma rabtiet partikolari bejn din l-impriża u l-awtoritajiet pubbliċi u tista’ tikkostitwixxi indizju tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-attività ta’ din l-impriża. Madankollu, dawn l-indizji organiċi, għalkemm sinjifikattivi sa fejn juru marġni ta’ indipendenza limitata tal-impriża pubblika inkwistjoni fir-rigward tal-Istat, ma humiex waħidhom suffiċjenti sabiex jistabbilixxu involviment konkret tal-Istat fl-adozzjoni tal-miżuri kkontestati, u għandhom jiġu evalwati mal-indizji l-oħra.

(ara l-punti 61, 63)

3.      Fir-rigward tal-eżerċizzju, minn impriża pubblika ta’ assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, tal-attivitajiet fis-suq skont il-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni mal-operaturi privati u l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet pubbliċi jużawx din l-impriża sabiex isostnu s-sistema ta’ impriżi fl-Istat Membru inkwistjoni u jiffavorixxu b’hekk l-iżvilupp ekonomiku ta’ dan tal-aħħar, l-indizji ġenerali segwenti marbuta mal-kuntest li fih ġew adottati l-miżuri kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni, meħuda fl-intier tagħhom, jippermettu li jiġi stabbilit sal-grad rikjest mil-liġi li dawn il-miżuri huma imputabbli lil Stat Membru, fid-dawl tal-importanza tagħhom għall-ekonomija ta’ dan tal-aħħar.

Fl-ewwel lok, l-indizju marbut mal-kopertura tar-riskji ta’ natura politika, tar-riskji ta’ katastrofi, ta’ riskji ekonomiċi, kummerċjali u ta’ kambju, kif ukoll riskji komplementari, direttament jew indirettament, l-operaturi u l-kumpanniji, inklużi dawk barranin, li magħhom huma marbuta jew li huma jikkontrollaw, fl-attività barranija tagħhom u li jikkonċernaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomija tal-Istat inkwistjoni, jaqa’ taħt missjoni ta’ interess ġenerali, li teċċedi l-missjoni waħda ta’ kopertura tar-riskji mhux trasferibbli, li ma jaqgħux taħt is-settur kompetittiv.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-indizju tal-garanzija tal-Istat li tibbenefika minnu l-imsemmija impriża pubblika, anki jekk huwa marbut biss mal-attività ta’ din tal-aħħar fis-settur tal-assigurazzjoni tar-riskji li ma jaqgħux taħt is-settur kompetittiv, dan jikkonferma madankollu li l-attivitajiet ta’ din l-impriża ma kinux dawk li teżerċita kumpannija kummerċjali ta’ assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni fil-kundizzjonijiet tas-suq, iżda huma dawk ta’ kumpannija ta’ assigurazzjoni pubblika li tibbenefika minn statut derogatorju u li ssegwi għanijiet ta’ sostenn għall-ekonomija ddefiniti mill-awtoritajiet pubbliċi, billi sservi bħala strument għall-promozzjoni tal-esportazzjonijiet, bis-saħħa b’mod partikolari għal garanzija mill-Istat.

Fit-tielet lok, l-indizju li huwa marbut mal-kontroll annwali tal-kontijiet tal-imsemmija impriża mill-qorti tal-kontijiet nazzjonali u mal-obbligu tal-ministeru tal-ekonomija u tal-finanzi ta’ dan l-Istat li jippreżenta rapport annwali dwar l-attivitajiet inkwistjoni lill-Parlament tal-Istat Membru kkonċernat, anki jekk ma huwiex determinanti fih innifsu, xorta jagħti prova tal-interess tal-Istat Membru kkonċernat fl-attivitajiet tal-imsemmija impriża u huwa għalhekk rilevanti bħala elementi minn assjem ta’ indizji li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom.

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-indizju marbut mal-approvazzjoni mill-kumitat interministerjali tal-programmazzjoni ekonomika ta’ pjan ta’ previżjoni tal-impenji ta’ assigurazzjoni tal-impriża inkwistjoni u tal-bżonnijiet finanzjarji marbuta ma’ riskji ddeterminati, u mad-definizzjoni minn dan il-kumitat tal-limiti globali tal-impenji marbuta mar-riskji mhux trasferibbli li l-impriża inkwistjoni tista’ tassumi, l-approvazzjoni tal-pjan ta’ previżjoni mill-imsemmi kumitat, li huwa l-organu superjuri ta’ koordinazzjoni u ta’ direzzjoni tal-politika ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat, turi li din l-impriża ma teżerċitax l-attivitajiet tagħha fil-kundizzjonijiet ta’ awtonomija totali ta’ ġestjoni u tista’ tiġi kkunsidrata bħala li taġixxi taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, tal-inqas fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet importanti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-portata u tas-suġġett tal-miżuri kklassifikati mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat, dawn l-indizji kollha flimkien juru l-ma hijiex probabbli l-assenza tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni tal-miżuri kkontestati.

(ara l-punti 66, 67, 71-74, 76, 77, 81, 82)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 83, 94, 133)

5.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq hija intiża li jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġ mogħti lil impriża, fi kwalunkwe forma, permezz tar-riżorsi tal-Istat hijiex, minħabba l-effetti tagħha, ta’ natura li twassal għal jew li thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn il-kawżi jew l-għanijiet tal-intervent ta’ entità pubblika, iżda jiddefinixxi lil dan tal-aħħar skont l-effetti tiegħu.

Sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat Membru jew l-entità pubblika kkonċernata adottawx jew le l-aġir ta’ investitur prudenti li jopera fl-ekonomija tas-suq, huwa neċessarju li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest tal-perijodu li fih il-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju ttieħdu sabiex tiġi vvalutata r-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat Membru jew l-entità pubblika, u għaldaqstant ma għandha tingħata l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni suċċessiva. Il-paragun bejn l-aġir tal-operaturi pubbliċi u privati għandha b’hekk tiġi stabbilita b’kont meħud tal-attitudni li kien ikollu f’ċirkustanzi simili, waqt l-adozzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni, operatur privat fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u l-evoluzzjonijiet prevedibbli f’dak il-mument. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tat-tranżazzjoni mwettqa mill-Istat Membru jew l-entità pubblika kkonċernata ma hijiex rilevanti. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, meta il-Kummissjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat meta mqabbla ma’ miżura li ma ġietx innotifikata lilha u li diġà ġiet implementata mill-entità pubblika kkonċernata fil-mument meta din twettaq l-eżami tagħha.

(ara l-punti 92-94)

6.      Skont il-prinċipji marbuta mal-oneru tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill-Istat, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova ta’ tali għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija obbligata li tmexxi proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali, bil-għan li tikseb, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, fejn xieraq, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompluti u affidabbli possibbli.

Konsegwentement, meta jkun jidher li l-kriterju tal-investitur privat jista’ jkun applikabbli, hija l-Kummissjoni li għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat li jipprovdiha bl-informazzjoni rilevanti kollha li jippermettulha li tivverifika jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà u ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kriterju. Jekk l-Istat Membru jipprovdiha bl-elementi tan-natura rikjesta, il-Kummissjoni hija obbligata li twettaq evalwazzjoni globali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti, li jippermettulha li tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli minn operatur privat.

(ara l-punti 95, 96, 112, 184-186)

7.      Matul il-proċedura amministrattiva ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat, u b’mod iktar partikolari waqt l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-elementi oġġettivi u verifikabbli li juru li d-deċiżjoni tiegħu hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi preliminari paragunabbli ma’ dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, operatur privat razzjonali li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik li jinsab fiha dak l-Istat jew dik l-entità, kien jistabbilixxi, qabel jadotta l-miżura inkwistjoni, bil-għan li jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ din il-miżura.

Għal dan l-għan, il-provvista waqt il-proċedura amministrattiva ta’ studji ta’ kumpanniji konsultattivi indipendenti mitluba qabel l-adozzjoni tal-miżura kkunsidrata tista’ tikkontribwixxi sabiex turi li l-Istat Membri jew l-entità pubblika implementa/t din il-miżura fil-kwalità tagħha ta’ operatur fis-suq.

Madankollu, l-elementi ta’ evalwazzjoni ekonomika rikjesti min-naħa tal-entità pubblika li tqassam l-għajnuna għandhom jiġu evalwati b’mod konkret u jvarjaw skont in-natura u l-portata tar-riskji ekonomiċi assunti. Huma għandhom, b’mod partikolari, ikunu fformulati skont in-natura u l-kumplessità tat-tranżazzjoni inkwistjoni, il-valur tal-assi, tal-beni jew tas-servizzi kkonċernati u ċ-ċirkustanzi tal-każ.

(ara l-punti 97, 98, 121, 122, 178)

8.      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tagħmel riferiment għall-prassi deċiżjonali tagħha. Hija obbligata li twettaq analiżi diliġenti u imparzjali, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli, tal-elementi oġġettivi kollha disponibbli għaliha. Dan jgħodd ukoll meta l-Kummissjoni tiddetermina l-ammont tal-għajnuna li hija tordna l-irkupru tagħha. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tordna l-irkupru ta’ ammont iddeterminat, hija għandha tiddetermina, b’mod daqstant preċiż daqs kemm jippermettu ċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-valur tal-għajnuna li bbenefikat minnhom l-impriża.

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tillibera ruħha mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi sempliċement tagħmel riferiment għall-metodoloġija żviluppata f’kawża oħra, mingħajr ebda spjegazzjoni marbuta mar-rilevanza ta’ din il-metodoloġija sabiex tevalwa miżurali possibbilment tinvolvi għajnuna mill-Istat f’kuntest fattwali differenti.

(ara l-punti 149, 152-154)

9.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, sabiex jiġi evalwat jekk l-intervent ta’ investitur pubbliku fil-kapital ta’ impriża huwiex konformi mal-kriterju tal-investitur privat, l-aġir tal-investitur privat li miegħu għandu jiġi pparagunat dak tal-investitur pubbliku ma huwiex neċessarjament dak tal-investitur ordinarju li jpoġġi kapitali bil-għan li dawn jirrendu bejn wieħed u ieħor fi żmien qasir. Dan l-aġir għandu, tal-inqas, ikun dak ta’ holding privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwu politika strutturali, globali jew settorjali, u jkun iggwidat minn perspettivi ta’ profittabbiltà fuq bażi itwal ta’ żmien.

Sa fejn ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni ekonomika preliminari huwa intiż unikament sabiex jipparaguna l-aġir tal-impriża pubblika kkonċernata ma’ dak ta’ investitur privat razzjonali li jinsab f’sitwazzjoni simili, dan ir-rekwiżit huwa konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-settur pubbliku u privat, li jimplika li l-Istati Membri jistgħu jinvestu fl-attivitajiet ekonomiċi u li l-kapitali ipprovduti għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament, mill-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.

Barra minn hekk, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-investitur pubbliku ma tistax teżentah milli jwettaq evalwazzjoni ekonomika preliminari adegwata. Ċertament tista’ ssir distinzjoni bejn l-istima tal-profittabbiltà probabbli ta’ proġett, fejn l-investitur pubbliku għandu ċerta marġni ta’ diskrezzjoni, u l-eżami li dak l-investitur jagħmel biex jiddetermina jekk il-profittabbiltà tidhirx li hija suffiċjenti biex iwettaq l-investiment inkwistjoni, fejn il-marġni ta’ diskrezzjoni hija inqas wiesgħa, peress li t-tranżazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi mqabbla ma’ possibbiltajiet oħrajn ta’ investiment tal-kapital. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-investitur pubbliku fir-rigward tal-istima ta’ profittabbiltà probabbli tal-proġett ma jistax jeżenta lil dan l-investitur mill-obbligu li jwettaq evalwazzjoni ekonomika bbażata fuq analiżi tal-elementi disponibbli u tal-evoluzzjonijiet prevedibbli, li tkun adegwata fid-dawl tan-natura, tal-kumplessità, tal-importanza u tal-kuntest tat-tranżazzjoni.

(ara l-punti 181, 187, 188)