Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2009 - Centraal bureau voor de statistiek vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-361/09)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Centraal bureau voor de statistiek (L-Aja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: R. van den Tweel, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ESTAT\E-1\ME\ykl\eb D(2009) 10188, tas-7 ta' Lulju 2009, dwar ħlas finali tal-kontribuzzjoni għall-ispejjeż inkorsi fil-kuntest tat-twettiq tal-istħarriġ strutturali tal-2005, fl-ammont ta' EUR 546 818.77;

b'mod sussidjarju, tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ammont ta' EUR 38 295.55, flimkien mal-interessi mill-45 ġurnata wara d-data tad-Deċiżjoni tas-7 ta' Lulju 2009 sad-data li fiha jsir il-ħlas tal-ammont;

f'kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija inkonsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 571/88, tad-29 ta' Frar 1988, dwar l-organizzazzjoni tal-istħarriġ tal-Komunità dwar l-istruttura tal-impriżi agrikoli bejn l-1988 u l-1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 03 Volum 08 p. 10), kif emendat, mal-ftehim milħuq bejnu u l-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjoni Komunitarja għall-ispejjeż tal-istħarriġ strutturali tal-2005 fil-Pajjiżi l-Baxxi (Kuntratt Nru 62102.2005.001-2005.055), mal-prinċipji ta' ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u mal-obbligu ta' motivazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kontribuzzjoni mitluba mir-rikorrent hija kkonstata b'mod inkorrett fid-deċiżjoni kkontestata.

Bl-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jargumenta li l-Kummissjoni żbaljat meta ma tat ebda kontribuzzjoni taħt l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 571/88, u minflok ippruvat tobbliga lir-rikorrent jipprovdi iktar dettalji għall-ispejjeż inkorsi minbarra n-numru ta' impriżi agrikoli koperti mill-istħarriġ ippreżentat. Peress li l-Artikolu 14 tar-Regolament jipprovdi espressament għal ammont fiss ta' kontribuzzjoni għal kull impriża agrikola mistħarrġa, sa massimu ta' EUR 700 000, kull interpretazzjoni differenti tkun barra minn hekk inkompatibbli mal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali.

Bit-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu II.14.3 tal-ftehim milħuq bejnu u l-Kummissjoni ma japplikax għall-ispejjeż iffatturati mill-Ministerie van landbouw (Ministeru tal-Agrikoltura). Il-Kummissjoni kienet żbaljata meta ma kkunsidratx kompletament dawn il-fatturi bħala spejjeż diretti li ġew attwalment inkorsi u li huma eleġibbli għal sussidju. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tonqos milli tipprovdi ġustifikazzjonijiet raġonevoli.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jinvoka, b'mod sussidjarju, li, jekk l-Artikolu II.14.3 tal-ftehim huwa fil-fatt applikabbli, l-ispejjeż eliġibbli għal sussidju kienu kkalkulati b'mod inkorrett jew b'mod li ma jinftiehemx mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, billi l-Kummissjoni b'mod żbaljat tikkunsidra biss is-sigħat indirettament produttivi meta tikkalkula r-rata applikabbli għal kull siegħa. L-argumentazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata mhijiex ċara u inekwivoka. B'hekk, id-deċiżjoni kienet ċertament adottata bi ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni.

____________