Language of document : ECLI:EU:C:2020:1039

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prodotti kożmetiċi – Regolament (KE) Nru 1223/2009 – Artikolu 19 – Informazzjoni għall-konsumaturi – Ittikkettjar – Indikazzjonijiet li għandhom jidhru fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodotti – Ittikkettjar b’lingwa barranija – ‘Funzjoni tal-prodott kożmetiku’ – Kunċett – Imballaġġ ta’ prodotti kożmetiċi li jinkludi riferiment għal katalogu ddettaljat ta’ prodotti miktub bil-lingwa tal-konsumatur”

Fil-Kawża C‑667/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Okręgowy w Warszawie XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, it-23 Sezzjoni Kummerċjali tal-Appell, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

A. M.

vs

E. M.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Wahl (Relatur), F. Biltgen u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. M., minn A. Chołub, adwokat,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens u P. Cottin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann‑Lindegren, S. Wolff u P. Z. L. Ngo, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn L. Kotroni, S. Charitaki u S. Papaioannou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u K. Juodelytė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Jáuregui Gómez u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1)(f) u tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 342, p. 59, rettifika fil-ĠU 2017, L 191, p. 12).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A. M. u E. M., rigward ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xiri ta’ prodotti kożmetiċi konkluż bejn dawn il-partijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 3, 4, 6, 7, 9 u 46 tar-Regolament Nru 1223/2009 huma fformulati kif ġej:

“(3)      Dan ir-Regolament għandu l-għan li jissimplifika l-proċeduri u t-terminoloġija sabiex b’hekk inaqqas il-piżijiet u l-ambigwitajiet amministrattivi. Barra minn hekk, ir-Regolament isaħħaħ ċerti elementi tal-qafas regolatorju għall-kożmetiċi, bħall-kontrolli fis-suq, bil-għan li jiġi garantit livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

(4)      Dan ir-Regolament jarmonizza b’mod komprensiv ir-regoli fil-Komunità sabiex jinkiseb suq intern għall-prodotti kożmetiċi filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

[…]

(6)      Dan ir-Regolament għandu x’jaqsam biss ma’ prodotti kożmetiċi u mhux ma’ prodotti mediċinali, tagħmir mediku jew prodotti bijoċidali. Id-delimitazzjoni toħroġ b’mod partikolari mid-definizzjoni dettaljata ta’ prodotti kożmetiċi, li tirreferi kemm għall-oqsma ta’ applikazzjoni tagħhom u kemm għall-għanijiet tal-użu tagħhom.

(7)      Il-valutazzjoni dwar jekk prodott huwiex prodott kożmetiku għandha tiġi magħmula fuq il-bażi ta’ valutazzjoni każ b’każ, bil-kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi kollha tal-prodott. […]

[…]

(9)      Il-prodotti kożmetiċi għandhom ikunu sikuri f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew li jistgħu jiġu raġonevolment imbassra. B’mod partikolari raġunament ta’ riskju u benefiċċju ma għandux jiġġustifika riskju għas-saħħa tal-bniedem.

[…]

(46)      Hija meħtieġa trasparenza akbar fir-rigward tal-ingredjenti użati fil-prodotti kożmetiċi. Din it-trasparenza għandha tinkiseb bl-indikazzjoni tal-ingredjenti użati fi prodott kożmetiku fuq l-imballaġġ tiegħu. Fejn għal raġunijiet prattiċi huwa impossibbli li jindikaw l-ingredjenti fuq il-kontenitur jew l-imballaġġ, din l-informazzjoni għandha tkun magħluqa mal-prodott hekk li l-konsumatur jista’ jkollu aċċess għal din l-informazzjoni.”

4        Skont l-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli li kull prodott kożmetiku disponibbli fis-suq għandu jkun konformi magħhom, sabiex is-suq intern jaħdem tajjeb u jkun hemm livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

5        L-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-“prodott kożmetiku” bħala li “[j]fisser kull sustanza jew taħlita intiża biex titqiegħed f’kuntatt ma’ partijiet esterni tal-ġisem tal-bniedem (il-ġilda, sistema tax-xagħar, dwiefer, xuftejn u organi ġenitali esterni) jew mas-snien u l-membrani mukkużi tal-kavità orali bil-ħsieb esklussiv jew prinċipali biex tnaddafhom, tfewwaħhom, tbiddel id-dehra tagħhom, tħarishom, iżżommhom f’kundizzjoni tajba jew tikkoreġi l-irwejjaħ tal-ġisem”.

6        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1223/2009, intitolat “Sikurezza”, jipprovdi:

“Prodott kożmetiku li jsir disponibbli fis-suq għandu jkun sikur għal saħħet il-bniedem meta użat f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli, waqt li jiġu kkunsidrati, b’mod partikulari, dawn li ġejjin:

a)      preżentazzjoni […];

b)      it-tikketta;

[…]”

7        Il-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tagħrif għall-Konsumatur”, jinkludi l-Artikoli 19 sa 21 tiegħu. Taħt it-titolu “Tikketti”, l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu, prodotti kożmetiċi jitqiegħdu fis-suq biss jekk il-kontenitur u l-imballaġġ tal-prodotti kożmetiċi jkunu juru t-tagħrif li ġej f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sewwa:

[…]

d)      il-prekawzjonijiet partikulari li għandhom jiġu osservati waqt l-użu, u għallinqas dawk elenkati fl-Annessi III sa VI u kull informazzjoni speċjali prekawzjonarja fuq il-prodotti kożmetiċi għal użu professjonali;

[…]

f)      il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, sakemm din ma tkunx ċara mill-preżentazzjoni tiegħu;

g)      elenku tal-ingredjenti. Din l-informazzjoni tista’ tiġi indikata fuq l-imballaġġ biss. Il-lista għandu jkollha qabilha t-terminu ‘ingredjenti’.

[…]

2.      Fejn ma jkunx possibbli għal raġunijiet prattiċi li l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (g) tal-paragrafu 1 titpoġġja fuq it-tikketta kif previst, japplika dan li ġej:

–        l-informazzjoni għandha tissemma fuq fuljett, tikketta, tejp, lametta jew biljett inkluż jew mehmuż.

–        sakemm ma jkunx imprattiku, din l-informazzjoni għandha tissemma fl-informazzjoni mqassra jew is-simboli fil-punt 1 tal-Anness VII, li għandhom ikunu fuq il-kontenitur jew l-imballaġġ għall-informazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 u fuq l-imballaġġ għall-informazzjoni msemmija fil-punt (g) tal-paragrafu 1.

3.      Fil-każ ta’ sapun, boċċi għall-banju u prodotti żgħar oħra fejn ma jkunx possibbli għal raġunijiet prattiċi għall-informazzjoni msemmija fil-punt (g) tal-paragrafu 1 biex ikunu fuq it-tikketta, lametta, żigarella jew biljett jew f’fuljett magħluq ġewwa, din l-informazzjoni għandha tidher f’avviż jew qrib ħafna tal-kontenitur li fih il-prodott kożmetiku jkun espost għall-bejgħ.

4.      Għall-prodotti kożmetiċi li mhumiex imballati minn qabel, li huma mballati waqt il-ħin tal-bejgħ fuq talba tax-xerrej, jew huma mballati minn qabel għall-bejgħ immedjat, l-Istati Membri għandhom jadottaw regoli dettaljati għall-indikazzjoni tal-informazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1.

5.      Il-lingwa tal-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (c), (d) u (f) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafi (2), (3) u (4) għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istati Membri fejn il-prodott ikun sar disponibbli għall-utent aħħari.

[…]”

8        L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1223/2009, intitolat “Klejms tal-prodotti”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Fl-ittikkettjar, meta jsir disponibbli fis-suq u jsir reklamar tal-prodotti kożmetiċi, it-testi, l-ismijiet, it-trejdmarks, l-istampi u s-sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn ma għandhomx jintużaw biex jimplikaw li dawn il-prodotti għandhom karatteristiċi jew funzjonijiet li ma għandhomx.

2.      Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni dwar l-affermazzjonijiet li jintużaw fil-prodotti kożmetiċi u tfassal prijoritajiet sabiex jiġu stabbiliti kriterji komuni li jiġġustifkaw l-użu ta’ affermazzjoni.

[…]”

9        L-Anness VII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Simboli użati fuq il-pakkett/kontenitur”, jipprovdi:

“1.      Referenza għall-informazzjoni mehmuża

Image not found

[…]”

 Id-dritt Pollakk

10      L-Artikolu 2 tal-ustawa o kosmetykach (il-Liġi dwar il-Prodotti Kożmetiċi), tat‑30 ta’ Marzu 2001 (Dz. U. Nru 42, intestatura 473), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Dz. U. tal-2013, intestatura 475), jipprovdi:

“1.      Fis-sens ta’ din il-liġi, bi prodott kożmetiku għandu jinftiehem kull sustanza kimika jew kull taħlita, intiżi sabiex jitqiegħdu f’kuntatt superfiċjali mal-ġisem uman: ġilda, xagħar u pil, xufftejn, dwiefer, organi ġenitali esterni, snien u membrani mukużi tal-kavità orali bil-ħsieb, esklużivament jew prinċipalment, sabiex tnaddafhom, tieħu ħsiebhom, tipproteġihom, tfewwaħhom, tbiddel id-dehra tal-ġisem jew ittejjeb ir-riħa tiegħu.

2.      Il-Ministru tas-Saħħa jiddefinixxi, permezz ta’ digriet, il-kategoriji ta’ prodotti kożmetiċi l-iktar użati, b’kunsiderazzjoni tal-kriterji ddefiniti fil-paragrafu 1.”

11      L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-imballaġġ ta’ prodott kożmetiku għandu jiġi ttikkettjat b’mod viżibbli u li jinqara permezz ta’ metodu li jiżgura li l-ittikkettjar ma jkunx jista’ jitneħħa faċilment.

2.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-ittikkettjar tal-imballaġġ tal-prodott kożmetiku li jinsab fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ, jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

[…]

5)      il-prekawzjonijiet partikolari tal-użu tal-prodott kożmetiku, meta dan ikun maħsub biex jintuża f’kuntest professjonali f’konformità mal-għan previst tiegħu, flimkien ma’ prekawzjonijiet oħra meħtieġa;

[…]

7)      il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, meta din ma tirriżultax b’mod ċar mill-preżentazzjoni tiegħu;

8)      il-lista tal-ingredjenti ddefiniti b’konformità mad-denominazzjonijiet tan-Nomenklatura Internazzjonali tal-Ingredjenti Kożmetiċi (INCI), ippreċeduta mit-terminu “ingredjenti” […]

[…]

4.      Huwa possibbli li l-indikazzjonijiet imsemmija fil-punt 8 tal-paragrafu 2 jidhru biss fuq l-imballaġġ tal-prodott kożmetiku.

[…]

6.      Meta, minħabba dimensjonijiet jew il-forma tal-imballaġġ, ma jkunx possibbli li jintwerew fuqu t-twissijiet jew l-indikazzjonijiet imsemmija fil-punti 5 u 8 tal-paragrafu 2, dawn jistgħu jissemmew fuq fuljett, tikketta, tejp jew biljett mehmuż mal-prodott. F’dan il-każ, fil-kontenitur jew fl-imballaġġ għandu jkun hemm formulazzjoni mqassra jew sinjal grafiku li jindika li din l-informazzjoni hija mehmuża mal-prodott.

7.      Jekk, minħabba d-dimensjonijiet jew il-forma tal-imballaġġ, l-indikazzjonijiet imsemmija fil-punt 8 tal-paragrafu 2 ma jkunux jistgħu jiġu inklużi fuq fuljett, tikketta, tejp jew biljett mehmuż mal-prodott, dawn jidhru direttament fuq il-kontenitur jew fil-post fejn jiġi propost għall-bejgħ il-prodott kożmetiku li jkun aċċessibbli għax-xerrej.

8.      Meta l-prodott kożmetiku ma jkunx imballat minn qabel f’ġabra ta’ oġġetti iżda jiġi imballat fuq il-post ta’ bejgħ fuq it-talba tax-xerrej, jew meta l-prodott huwa imballat minn qabel f’ġabra ta’ oġġetti sabiex jinbiegħ immedjatament, l-informazzjoni indikata fil-punti 1, 2 u 4 sa 8 tal-paragrafu 2, tidher fuq il-kontenitur jew fuq l-imballaġġ li fih il-prodott kożmetiku huwa propost għall-bejgħ.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      A. M., li hija b’mod partikolari proprjetarja ta’ istitut tas-sbuħija, xtrat prodotti kożmetiċi ta’ manifattur Amerikan mingħand E. M., distributur tal-imsemmija prodotti.

13      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod iktar preċiż li A. M. kienet ibbenefikat minn taħriġ mogħti mir-rappreżentant kummerċjali ta’ E. M. dwar il-prodotti li dan tal-aħħar kien jikkummerċjalizza. Waqt dan it-taħriġ, it-tikketta ta’ dawn il-prodotti kienet ġiet ippreżentata lilha u l-proprjetajiet ta’ kull wieħed minnhom kienu ġew spjegati lilha. L-imsemmi rappreżentant kien ippreżentalha dokumentazzjoni miktuba bil-lingwa Pollakka għal dan il-għan, kif ukoll libretti ta’ bejgħ bl-imnut u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn tat-taħriġ. Minbarra dan, A. M. kienet ġiet informata li dawn kienu prodotti kożmetiċi Amerikani, li l-imballaġġ tagħhom ma kienx jinkludi informazzjoni bil-lingwa Pollakka dwar l-azzjoni ta’ dawn tal-aħħar iżda li fuqu kien hemm simbolu li jirrappreżenta id bi ktieb miftuħ, li jirreferi għal katalogu li kien jinkludi l-informazzjoni kollha, bil-lingwa Pollakka, dwar dawn il-prodotti.

14      Wara dan it-taħriġ, A. M. xtrat mingħand E. M., fit-28 u fid‑29 ta’ Jannar 2016, 40 librett ta’ bejgħ bl-imnut bil-prezz ta’ 0.01 zloty Pollakk (PLN) għal kull unità (madwar EUR 0.002) u 10 katalogi tal-impriża bil-prezz ta’ PLN 0.01 għal kull unità kif ukoll diversi prodotti kożmetiċi, jiġifieri kremi, maskri u terra, għal ammont gross ta’ PLN 3 184.25 (EUR 711.61). Fuq l-imballaġġ tal-prodotti kienu jidhru l-isem tal-entità responsabbli, l-isem oriġinali tal-prodott kożmetiku, il-kompożizzjoni tiegħu, id-data ta’ skadenza tiegħu u n-numru tas-serje tiegħu, kif ukoll simbolu li jirrappreżenta id bi ktieb miftuħ, li jirreferi għall-katalogu fil-lingwa Pollakka.

15      A. M. xoljiet il-kuntratt ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti minħabba difett fl-oġġett mibjugħ, billi sostniet li, fuq l-imballaġġ, ma kienx hemm informazzjoni bil-lingwa Pollakka dwar il-funzjoni tal-prodott, fatt li ma kienx jippermetti li jiġu identifikati u magħrufa l-effetti tiegħu, u li dawn il-karatteristiċi ma kinux jirriżultaw b’mod ċar mill-preżentazzjoni. Hija indikat li l-prodotti kożmetiċi bl-imnut li hija kienet irċeviet matul l-aħħar kunsinna ma kinux jinkludu fuq l-imballaġġi tagħhom ir-riferimenti, bil-lingwa Pollakka, meħtieġa b’mod konformi mad-dritt applikabbli fil-Polonja għall-kummerċ tal-prodotti kożmetiċi, jiġifieri dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 19(1)(f) u mill-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009. Hija sostniet ukoll li l-informazzjoni meħtieġa mil-liġi, bil-lingwa Pollakka, kienet iddaħħlet biss fil-katalogu, li ma kienx marbut mal-prodott.

16      E. M., min-naħa tiegħu, żgura li l-prodotti kienu ġew ittikkettjati b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ u mal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1223/2009. B’hekk huwa indika li s-simbolu li jirrappreżenta id bi ktieb miftuħ kien jidher fuq il-prodotti, li kien jirreferi lill-utent finali tal-prodott għal fuljett, f’dan il-każ katalogu pprovdut bil-lingwa Pollakka ma’ kull prodott. Huwa ppreċiża li dan il-katalogu kien jinkludi preżentazzjoni kompleta bil-lingwa Pollakka tal-prodotti u tal-funzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari l-kontraindikazzjonijiet tagħhom, il-metodu ta’ applikazzjoni tagħhom u l-ingredjenti tagħhom.

17      A. M. adixxiet lis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Varsavja, il-Polonja), b’rikors intiż għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ xiri ta’ dawn il-prodotti. Din il-qorti ċaħdet ir-rikors, minħabba li A. M. ma setgħetx turi li ma kinitx taf li l-prodotti ma kellhomx indikazzjonijiet bil-lingwa Pollakka. Dik il-qorti ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kollaborazzjoni preċedenti tal-partijiet, tal-fatt li A. M. ma kinitx preċedentement irreferiet għal vizzji tal-merkanzija u tal-fatt li, f’dan il-każ, simbolu kien jidher fuq l-imballaġġ individwali estern tal-prodotti b’riferiment għal informazzjoni mehmuża, billi s-simbolu inkwistjoni jservi sabiex itejjeb il-leġibbiltà u l-komunikazzjoni mal-konsumatur.

18      A. M. appellat minn dik is-sentenza quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, it-23 Sezzjoni Kummerċjali tal-Appell, il-Polonja). Hija kkontestat, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti tal-ewwel istanza li l-katalogu li tressaq quddiemha kien jikkostitwixxi ttikkettjar korrett tal-prodotti kożmetiċi li kienu nbiegħu lilha, billi qieset li mill-provi miġbura ma rriżultax b’mod ċar li kien impossibbli li l-informazzjoni meħtieġa tiġi inkluża fuq il-prodotti kkonċernati.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie, XXIII Wydział Gospodarczy Odwoławczy (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, it-23 Sezzjoni Kummerċjali tal-Appell, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Sa fejn l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009, jispeċifika li l-prodotti kożmetiċi b’kontenituri u imballaġġ estern għandu jkun fihom informazzjoni li ma titlaqx, ħafifa biex tinqara u viżibbli dwar il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx tirriżulta b’mod ċar mill-preżentazzjoni tiegħu, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda riferiment għall-funzjonijiet essenzjali tal-prodott kożmetiku fis-sens tal-Artkolu 2(1)(a) tar-Regolament, jiġifieri t-tindif (iż-żamma tal-indafa), il-kura u l-protezzjoni (iż-żamma f’kundizzjoni tajba), l-għoti ta’ riħa tfuħ, it-tisbiħ (il-bidla fid-dehra), jew għandu jinkludi iktar funzjonijiet speċjali li jagħmluha possibbli li l-proprjetajiet ta’ dan il-prodott kożmetiku jiġu identifikati?

2)      L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 u l-premessa 46 tal-imsemmi regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa possibbli li jkun hemm informazzjoni, imsemmija fil-paragrafu 1(d), (g) u (f) tal-imsemmi artikolu, bħalma huma prekawzjonijiet, ingredjenti u funzjonijiet, f’katalogu tal-impriża li jkopri wkoll prodotti oħra, billi fuq l-imballaġġ jintwera s-simbolu speċifikat fil-punt 1 tal-Anness VII?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-riferiment għal “funzjoni ta’ prodott kożmetiku” li għandu jidher, skont din id-dispożizzjoni, fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ ta’ tali prodott għandux ikun ta’ natura li jinforma lill-konsumatur biss dwar l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-użu tal-prodott, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament – jiġifieri dawk ta’ tindif, biex ifewwaħ, biex ibiddel id-dehra, ta’ protezzjoni, sabiex iżomm f’kundizzjoni tajba jew sabiex jikkorreġi l-irwejjaħ tal-ġisem – jew ukoll għall-funzjonijiet kollha li jippermettu li jiġu identifikati l-proprjetajiet speċifiċi tal-prodott ikkonċernat.

21      Skont l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009, il-prodotti kożmetiċi jitqiegħdu fis-suq biss jekk il-kontenitur u l-imballaġġ ta’ dawn il-prodotti kożmetiċi juru f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sewwa r-riferiment għal “il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, sakemm din ma tkunx ċara mill-preżentazzjoni tiegħu”.

22      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-espressjoni “funzjoni tal-prodott kożmetiku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hemm lok, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, kunsthaus muerz, C‑20/19, EU:C:2020:273, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tiddefinixxix il-“funzjoni tal-prodott kożmetiku”. Barra minn hekk, din l-espressjoni ma hijiex riprodotta f’dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1223/2009.

24      L-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi dan il-prodott billi jistabbilixxi tliet kriterji. Dan jipprevedi, qabelxejn, kriterju relatat man-natura tal-prodott inkwistjoni, jiġifieri, li din għandha tkun sustanza jew taħlita ta’ sustanzi, sussegwentement, kriterju dwar il-parti tal-ġisem uman li magħha dan il-prodott huwa intiż li jagħmel kuntatt u, fl-aħħar nett, kriterju li jirrigwarda l-għan li għandu jintlaħaq mill-użu tal-imsemmi prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Colena, C‑321/14, EU:C:2015:540, punt 19).

25      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar kriterju, l-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li, sabiex jiġi ddefinit bħala tali, prodott kożmetiku għandu jkollu bħala għan esklużiv jew prinċipali li jnaddaf, li jfewwaħ, li jbiddel id-dehra, li jipproteġi jew li jżomm f’kundizzjoni tajba waħda mill-partijiet tal-ġisem elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni jew li jikkorreġi l-irwejjaħ tal-ġisem.

26      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda kemm il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1223/2009 kif ukoll l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu, li huwa l-ewwel wieħed tal-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tagħrif għall-konsumaturi”, jistabbilixxi r-regoli ta’ ttikkettjar li għandhom jiġu osservati għall-prodotti kożmetiċi kollha mqiegħda fis-suq tal-Unjoni Ewropea.

27      Minn qari tad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 1223/2009, b’mod partikolari tal-Artikolu 1 tiegħu, moqrija fid-dawl tal-premessi 3 u 4 tiegħu, jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż li jarmonizza b’mod eżawrjenti r-regoli fis-seħħ fl-Unjoni sabiex jiġi stabbilit suq intern tal-prodotti kożmetiċi, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, Fédération des entreprises de la beauté, C‑13/17, EU:C:2018:246, punti 23 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, huwa importanti, kif tippreċiża l-premessa 9 tar-Regolament Nru 1223/2009, li l-prodotti kożmetiċi jistgħu jkunu sikuri f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli. Issa, hekk kif dan jirriżulta mill-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, prodott kożmetiku mqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq huwa sikur għas-saħħa tal-bniedem meta jintuża “f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew li jistgħu jiġu raġonevolment imbassra”, b’mod partikolari fid-dawl tal-elementi li jirrigwardaw il-preżentazzjoni tiegħu u l-ittikkettjar tiegħu. B’hekk teżisti relazzjoni mill-qrib bejn, minn naħa, is-sigurtà tal-prodotti kożmetiċi mqiegħda fis-suq u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni tagħhom u l-ittikkettjar tagħhom.

29      Għalhekk, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1223/2009 huwa intiż sabiex jarmonizza b’mod eżawrjenti r-regoli relatati mal-imballaġġ u mal-ittikkettjar tal-prodotti kożmetiċi sa fejn, minbarra l-fatt li tiffaċilita t-twettiq tal-għan ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kożmetiċi fi ħdan l-Unjoni, tali armonizzazzjoni tfittex ukoll għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni fis-sens li informazzjoni li tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar il-karatteristiċi ta’ prodott kożmetiku jista’ wkoll ikollha effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

30      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sewwa fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodotti kożmetiċi dwar il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, previst fl-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009, ma jistax ikun limitat unikament għall-indikazzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-użu tal-prodott, previsti fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dawk ta’ tindif, biex ifewwaħ, biex ibiddel id-dehra, ta’ protezzjoni jew sabiex iżomm f’kundizzjoni tajba waħda mill-partijiet tal-ġisem elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni jew sabiex jikkorreġi l-irwejjaħ tal-ġisem.

31      Isegwi wkoll li, minkejja li dawn l-għanijiet jippermettu li jiġi stabbilit jekk prodott partikolari, skont l-użu u l-iskop tiegħu, jistax jiġi kklassifikat bħala prodott kożmetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Colena, C‑321/14, EU:C:2015:540, punti 19 u 22), u, għaldaqstant, hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, li jiġi distint minn prodotti oħra li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1223/2009, il-“funzjoni tal-prodott kożmetiku”, fis-sens tal-Artikolu 19(1)(f) ta’ dan ir-regolament, hija relatata mal-indikazzjoni ta’ karatteristiċi iktar speċifiċi ta’ dan il-prodott.

32      Dawn l-aħħar indikazzjonijiet għandhom, fil-każ li dan ma jirriżultax b’mod ċar mill-preżentazzjoni tal-prodott, jippermettu lill-konsumatur li jkollu informazzjoni iktar kompleta fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott fir-rigward tal-użu tiegħu u tal-metodu ta’ użu tiegħu. Dawn l-istess indikazzjonijiet jippermettu, għalhekk, lill-konsumatur li jagħżel il-prodott b’konjizzjoni sħiħa, biex b’hekk jiġi evitat li jiġi mqarraq, u li jintuża b’mod xieraq sabiex l-għan li jikkonsisti li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jiġi żgurat.

33      Il-kunċett ta’ “funzjoni tal-prodott kożmetiku”, fis-sens tal-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009, lanqas ma jista’ jiġi konfuż mal-“[k]lejms tal-prodotti” [allegazzjonijiet dwar il-prodotti], imsemmija fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, li fir-rigward tagħhom huma stabbiliti regoli speċifiċi fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 655/2013 tal‑10 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi kriterji komuni għall-ġustifikazzjoni ta’ pretensjonijiet użati fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi (ĠU 2013, L 190, p. 31), peress li dawn l-“allegazzjonijiet” għandhom bħala għan li jipprovdu kwantità ikbar ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi jew il-proprjetajiet ta’ dawn il-prodotti.

34      Għaldaqstant, bi tweġiba għall-mistoqsijiet speċifiċi fformulati mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi indikat li ma tinsabx fost in-numru ta’ indikazzjonijiet li għandhom jissemmew bħala l-“funzjoni tal-prodott kożmetiku”, prevista fl-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009, l-informazzjoni ddettaljata li tirrigwarda l-proprjetajiet tal-prodott kożmetiku, b’mod partikolari dwar l-effett mixtieq u l-grupp fil-mira tad-destinatarji tal-prodott.

35      Fir-rigward tan-natura u tal-portata tal-informazzjoni dwar il-funzjoni tal-prodott kożmetiku li għandha tidher fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ ta’ dan il-prodott skont din id-dispożizzjoni, din għandha tiġi evalwata, f’kull każ, fir-rigward tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet ta’ kull prodott ikkonċernat, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi preżunti ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder, C‑220/98, EU:C:2000:8, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Ottubru 2002, Linhart u Biffl, C‑99/01, EU:C:2002:618, punt 31).

36      L-imsemmija dispożizzjoni teħtieġ li l-informazzjoni li tinsab fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodott kożmetiku, jekk ikun il-każ imnaqqsa għal sempliċi deskrizzjoni ġenerika tal-prodott inkwistjoni jew għad-deskrizzjoni attwali tiegħu, tkun ta’ natura li tinforma b’mod ċar lill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, bil-funzjoni tal-prodott ikkonċernat, sabiex ma jiġix imqarraq fir-rigward tal-użu tiegħu u tal-metodu ta’ użu tiegħu, u li jagħmel użu minnu li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa tiegħu.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferiment għal “funzjoni ta’ prodott kożmetiku” li għandu jidher, skont din id-dispożizzjoni, fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ ta’ tali prodott għandu jkun ta’ natura li jinforma b’mod ċar lill-konsumatur dwar l-użu u dwar il-metodu ta’ użu tal-prodott sabiex jiġi żgurat li dan ikun jista’ jintuża b’mod sikur mill-konsumaturi mingħajr ma jikkawża ħsara għas-saħħa tagħhom, u ma jistax għalhekk ikun limitat unikament għall-indikazzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-użu tal-prodott, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fir-rigward tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet tal-prodott ikkonċernat kif ukoll tal-aspettattivi ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, in-natura u l-portata tal-informazzjoni li għandha tidher f’dan ir-rigward fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodott sabiex ikun jista’ jsir użu minnu mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem.

 Fuq it-tieni domanda

38      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-riferimenti magħmula fl-Artikolu 19(1)(d), (f) u (g) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri rispettivament dawk relatati mal-prekawzjonijiet partikolari għall-użu tal-prodott kożmetiku, għall-funzjoni ta’ dan il-prodott u għall-ingredjenti tiegħu, jistgħu jidhru f’katalogu tal-impriża li jippreżenta wkoll prodotti oħra, meta fuq l-imballaġġ jew fuq ir-reċipjent tal-prodott kożmetiku jintwera s-simbolu previst fil-punt 1 tal-Anness VII tal-imsemmi regolament.

39      L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 jipprevedi li l-indikazzjonijiet dwar l-informazzjoni dwar il-prekawzjonijiet partikolari ta’ użu u l-ingredjenti, previsti rispettivament fil-punti (d) u (g) tal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, jidhru “fuq fuljett, tikketta, tejp, lametta jew biljett inkluż jew mehmuż” meta jkun impossibbli għal raġunijiet prattiċi li dawn jiġu inklużi fuq it-tikketta. F’dan il-każ, din id-dispożizzjoni timponi li, ħlief fil-każ ta’ impossibbiltà prattika, isir riferiment għal din l-informazzjoni kemm permezz ta’ indikazzjoni mqassra, kemm permezz tas-simbolu riprodott fil-punt 1 tal-Anness VII ta’ dan ir-regolament, li għandu jidher fuq il-kontenitur jew fuq l-imballaġġ għall-indikazzjonijiet imsemmija f’dan il-punt (d) u fuq l-imballaġġ unikament għal dawk imsemmija f’dan il-punt (g).

40      Minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-riferiment għall-funzjoni tal-prodott, kif previst fl-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament Nru 1223/2009, u, min-naħa l-oħra, dawk dwar il-prekawzjonijiet ta’ użu u l-ingredjenti, imsemmija fil-punti (d) u (g) tal-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament, peress li dawn tal-aħħar biss jistgħu jidhru fuq mezz li ma huwiex it-tikketta tal-prodott, fil-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

41      Fit-tieni lok, id-deroga, prevista fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009, għall-obbligi fil-qasam tal-ittikkettjar stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-premessa 46 ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li, “[f]ejn għal raġunijiet prattiċi huwa impossibbli li jindikaw l-ingredjenti fuq il-kontenitur jew l-imballaġġ, din l-informazzjoni għandha tkun magħluqa mal-prodott hekk li l-konsumatur jista’ jkollu aċċess għal din l-informazzjoni”.

42      L‑Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 għalhekk jistabbilixxi sistema derogatorja għas-sistema ġenerali ta’ ttikkettjar u għandu, b’konsegwenza, jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2001, Schwarzkopf, C‑169/99, EU:C:2001:439, punt 31).

43      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina każ b’każ, skont il-fatti tal-kawża pendenti quddiemha, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti. Madankollu, jista’ jiġi rrilevat li r-riferiment għal “katalogu separat ta’ impriża li jippreżenta diversi prodotti”, bħal dak li kien ġie pprovdut waqt il-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni, ma jidhirx li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1223/2009.

44      L-ewwel nett, meta jsir tali riferiment, jistgħu jintużaw biss bħala mezz estern għall-prodott kożmetiku, skont l-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, “fuljett, tikketta, tejp, lametta jew biljett inkluż jew mehmuż”. L-Anness VII tal-imsemmi regolament, li fih jinsabu t-tliet simboli li jistgħu jintwerew fuq l-imballaġġ jew fuq il-kontenitur ta’ dan il-prodott, jipprevedi espressament, hekk kif dan jirriżulta mit-titolu tal-punt 1 tiegħu, ir-“[r]eferenza għall-informazzjoni mehmuża” li għaliha jikkorrispondi s-simbolu li jirrappreżenta id bi ktieb miftuħ. Katalogu ta’ impriża pprovdut separatament, li jinkludi deskrizzjoni tal-prodott kożmetiku jew tal-prodotti kożmetiċi inkwistjoni, iżda wkoll prodotti oħra tal-firxa proposta mill-manifattur, ma huwiex mehmuż ma’ prodott speċifiku.

45      It-tieni nett, mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 jirriżulta li r-riferiment għall-indikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu fuq mezz estern għall-prodott kożmetiku huwa possibbli biss fil-każ ta’ impossibbiltà “għal raġunijiet prattiċi” li jiġu inklużi fuq it-tikketta. Din l-impossibbiltà tirreferi għal ipoteżijiet li fihom ma huwiex materjalment possibbli, minħabba n-natura u l-preżentazzjoni stess tal-prodott, li jiġu inklużi ċerti riferimenti.

46      F’dan il-kuntest, il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li l-prodotti kożmetiċi inkwistjoni huma importati, li, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu inklużi r-riferimenti meħtieġa fil-lingwa indikata skont l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009, huwa ta’ natura li joħloq diffikultajiet ta’ natura organizzattiva u finanzjarja, marbuta man-neċessità li tiġi tradotta ċerta informazzjoni u li jitwettqu operazzjonijiet ta’ ttikkettjar mill-ġdid, jew saħansitra ta’ imballaġġ mill-ġdid, ma jikkaratterizzax fih innifsu impossibbiltà ta’ natura prattika li jiġu inklużi fuq it-tikketta. L-ispejjeż ikkawżati minn ittikkettjar ġdid ta’ dawn il-prodotti b’lingwa oħra, għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fi Stati Membri oħra, fl-ebda każ ma jistgħu jitqiesu bħala raġuni li tiġġustifika l-ittikkettjar mhux komplet tal-prodott fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ.

47      Ir-rekwiżit stabbilit f’din l-aħħar dispożizzjoni, li l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 19(1)(b) sa (d) u (f) kif ukoll fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu tissemma fil-lingwa stipulata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utent finali, jippermetti li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem ma tistax, fil-fatt, tiġi żgurata b’mod sħiħ jekk il-konsumaturi ma jkunux f’pożizzjoni li jieħdu konjizzjoni sħiħa u li jifhmu b’mod partikolari r-riferiment għall-funzjoni tal-prodott kożmetiku kkonċernat u dwar il-prekawzjonijiet partikolari li għandhom jiġu osservati waqt l-użu tiegħu. L-informazzjoni li l-produtturi jew id-distributuri tal-prodotti kożmetiċi previsti fir-Regolament Nru 1223/2009 għandhom l-obbligu li juru fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodott, ħlief meta din tista’ tiġi trażmessa b’mod effettiv permezz tal-użu ta’ pittogrammi jew ta’ sinjali oħra għajr kliem, hija nieqsa minn kull utilità prattika jekk ma tkunx ifformulata f’lingwa li tinftiehem għall-persuni li għalihom hija intiża (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2001, Schwarzkopf, C‑169/99, EU:C:2001:439, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Bl-istess mod, il-fatt li l-ittikkettjar tal-prodotti kożmetiċi jaqa’ fuq terzi fil-kuntratt ta’ bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-manifattur ta’ dawn il-prodotti, u mhux fuq id-distributur ta’ dawn tal-aħħar lanqas ma jikkaratterizza impossibbiltà prattika li jiġu inklużi r-riferimenti meħtieġa fuq it-tikketta tal-imsemmija prodotti. F’dan ir-rigward, hekk kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rieda tal-manifattur jew tad-distributur ta’ tali prodotti li jiġi ffaċilitat il-moviment tagħhom ġewwa l-Unjoni ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex jiġi ġġustifikat riferiment mhux komplet għall-informazzjoni obbligatorja. Peress li l-kunċett ta’ “impossibbiltà” jagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għal informazzjoni ta’ fatt li fuqha min jinvokaha ma jkollux kontroll, dan ma jistax jinftiehem bħala li jippermetti lill-manifattur jew lid-distributur ta’ prodotti kożmetiċi, minħabba n-numru ta’ lingwi, tal-Unjoni jew mhux, li huwa jagħżel li juża, li jinvoka għall-konvenjenza tiegħu każ ta’ “impossibbiltà prattika”, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2001, Schwarzkopf, C‑169/99, EU:C:2001:439, punt 35).

49      Għaldaqstant, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferimenti msemmija fl-Artikolu 19(1)(d), (f) u (g) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri rispettivament dawk dwar il-prekawzjonijiet partikolari ta’ użu tal-prodott kożmetiku, il-funzjoni ta’ dan il-prodott u l-ingredjenti tiegħu, ma jistgħux jidhru f’katalogu ta’ impriża li għalih jirreferi s-simbolu previst fil-punt 1 tal-Anness VII tal-imsemmi regolament muri fuq l-imballaġġ jew fuq il-kontenitur tal-imsemmi prodott.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 19(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferiment għal “funzjoni ta’ prodott kożmetiku” li għandu jidher, skont din id-dispożizzjoni, fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ ta’ tali prodott għandu jkun ta’ natura li jinforma b’mod ċar lill-konsumatur dwar l-użu u dwar il-metodu ta’ użu tal-prodott sabiex jiġi żgurat li dan ikun jista’ jintuża b’mod sikur mill-konsumaturi mingħajr ma jikkawża ħsara għas-saħħa tagħhom, u ma jistax għalhekk ikun limitat unikament għall-indikazzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-użu tal-prodott, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fir-rigward tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet tal-prodott ikkonċernat kif ukoll tal-aspettattivi ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, in-natura u l-portata tal-informazzjoni li għandha tidher f’dan ir-rigward fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodott sabiex ikun jista’ jsir użu minnu mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem.

2)      L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1223/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferimenti msemmija fl-Artikolu 19(1)(d), (f) u (g) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri rispettivament dawk dwar il-prekawzjonijiet partikolari ta’ użu tal-prodott kożmetiku, il-funzjoni ta’ dan il-prodott u l-ingredjenti tiegħu, ma jistgħux jidhru f’katalogu ta’ impriża li għalih jirreferi s-simbolu previst fil-punt 1 tal-Anness VII tal-imsemmi regolament muri fuq l-imballaġġ jew fuq il-kontenitur tal-imsemmi prodott.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Pollakk.