Language of document : ECLI:EU:C:2015:131

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-26 ta’ Frar 2015 (1)

Kawża C‑684/13

Johannes Demmer

vs

Fødevareministeriets Klagecenter

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka)]

“Politika agrikola komuni — Irkupru ta’ għajnuna agrikola allokata indebitament u mħallsa indebitament — Żoni eliġibbli għal għajnuna — ‘Ettaru eliġibbli’ — Attivitajiet agrikoli u mhux agrikoli — Żoni ta’ sigurtà ta’ ajruport — Koltivazzjoni ta’ ħaxix f’dawn iż-żoni għall-produzzjoni ta’ gerbubin veġetali — Użu predominanti — Restrizzjonijiet dwar l-użu ta’ żoni ta’ sigurtà ta’ ajruport — Żball li bidwi seta’ raġonevolment jidentifika — Bona fide”





1.        Bidwi li jikkoltiva u jaħsad ħaxix f’żoni ta’ sigurtà ta’ ajruport igawdi d-dritt għal għajnuna agrikola għal dik l-art? Tilwima bejn bidwi u l-awtoritajiet Daniżi preċiżament dwar din il-kwistjoni wasslet sabiex titressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (qorti reġjonali tal-Punent) (id-Danimarka) tirrigwarda l-interpretazzjoni korretta tal-kliem “ettaru eliġibbli” u, b’mod iktar preċiż, dwar il-parametri għad-determinazzjoni ta’ x’jista’ jikkostitwixxi jew le art eliġibbli għal għajnuna agrikola skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta wkoll dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas lura fil-każ ta’ għajnuna mogħtija indebitament: x’kriterji għandhom jintużaw għad-determinazzjoni taċ-ċirkustanzi fejn benefiċjarju jista’ jinħeles mill-obbligu ta’ ħlas lura?

3.        Iktar ’l isfel, ser insemmi r-raġunijiet għaliex nemmen li żoni ta’ artijiet bħal dawk inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, ma għandhomx, bħala punt ta’ prinċipju, jitqiesu li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-frażi “ettaru eliġibbli”. Kif ser jingħad iktar ’l isfel, il-fatt li art li tinsab f’ajruporti ma hijiex eskluża a priori huwa rilevanti wkoll għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk bidwi professjonali setax raġonevolment jidentifika l-iżball li wassal għal allokazzjoni indebita ta’ drittijiet għal ħlas u l-ħlas sussegwenti ta’ għajnuna.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolamenti bażiċi

4.        Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (2) jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni. Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ir-Regolament Nru 1782/2003 jintroduċi forma ġdida ta’ appoġġ għad-dħul għall-bdiewa.

5.        Skont l-Artikolu 2(b) ta’ dan r-regolament, “azjenda” hija ddefinita bħala bħala “l-‘units’ kollha ta’ produzzjoni mmexxija minn bidwi li jinsab fit-territorju ta’ l-istess Stat Membru” filwaqt li skont l-Artikolu 2(ċ) “attività agrikola” hija ddefinita bħala l-“produzzjoni, trobbija jew tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l-ħsad, produzzjoni tal-ħalib, trobbija ta’ annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skop ta’ biedja, jew il-manteniment tal-art f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba kif stabbilit taħt l-Artikolu 5”.

6.        L-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jgħid li kull dritt għal ħlas akkumpanjat b’ettaru eliġibbli għandu jagħti dritt għal ħlas tal-ammont iffissat mid-dritt għal ħlas. L-Artikolu 44(2) jiddefinixxi “ettaru eliġibbli” bħala kwalunkwe żona agrikola tal-azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief għal żoni kkoltivati bi prodotti tar-raba’ permanenti, foresti jew żoni użati għal attivitajiet mhux agrikoli.

7.        B’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, ir-Regolament Nru 1782/2003 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 73/2009 (3) (iktar ’il quddiem, konġuntament, ir-“Regolamenti bażiċi”).

8.        Il-premessa 2 fil-preambolu tar-Regolament Nru 73/2009 tispjega li waħda mir-raġunijiet għat-tħassir tar-Regolament Nru 1782/2003 kienet li dan kien ġie emendat sostanzjalment diversi drabi. Għalhekk, ir-Regolament Nru 73/2009 kien ġie adottat għal skopijiet ta’ ċarezza. Huwa jipprova jissemplifika, inter alia, il-funzjonament tal-iskema ta’ pagament uniku.

9.        Il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 73/2009 jiddefinixxu, rispettivament, “impriża [azjenda]” u “attività agrikola” bl-istess kliem bħar-Regolament Nru 1782/2003.

10.      Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 73/2009, appoġġ taħt l-iskema ta’ pagament uniku għandu jingħata lil bdiewa malli jiġi attivat id-dritt għal ħlas għal kull ettaru eliġibbli. Skont l-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament, “ettaru eliġibbli” jfisser, b’mod partikolari, kull żona agrikola tal-azjenda “li tintuża għal attività agrikola jew, fejn l-erja hi użata wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, predominantement użata għal attivitajiet agrikoli”.

11.      L-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009 jirregola l-ħlas lura ta’ drittijiet għal ħlas allokati indebitament. L-Artikolu 137(1) jgħid li drittijiet għal ħlas li jkunu ġew allokati lill-bdiewa qabel l-ewwel ta’ Jannar 2009 għandhom jitqiesu li huma legali u regolari mill-1 Jannar 2010. Madankollu, skont l-Artikolu 137(2), dan ma huwiex il-każ meta d-drittijiet għal ħlas ikunu ġew allokati lil bdiewa abbażi ta’ applikazzjonijiet li jkun fihom żbalji fattwali. Iżda din l-eċċezzjoni għandha tapplika biss f’każijiet fejn “l-iżball ma setax ikun raġonevolment misjub mill-bidwi”.

2.      Ir-Regolamenti ta’ implementazzjoni

12.      Fir-rigward tal-perijodu rilevanti (bejn l-2005 u l-2009), ir-Regolament Nru 1782/2003 u r-Regolament Nru 73/2009 ġew implementati, inter alia, mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 (4) u (KE) Nru 796/2004 (5) (flimkien, iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti ta’ Implementazzjoni”).

13.      L-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 795/2004 jiddefinixxi “żona agrikola” — kundizzjoni minn qabel sabiex żona rilevanti tkun tikkostitwixxi “ettaru eliġibbli” — bħala żona totali kollha meħuda, minn art li tinħadem, mergħa permanenti u prodotti tar-raba’ permanenti.

14.      Ir-Regolament Nru 795/2004 ġie emendat, inter alia, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 370/2009 (6) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009. B’hekk, iddaħħal l-Artikolu 3c segwenti fir-Regolament Nru 795/2004:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, fejn żona agrikola ta’ azjenda qiegħda tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli dik iż-żona għandha titqies li hija wżata b’mod predominanti għall-attivitajiet agrikoli, jekk l-attività agrikola tista’ tiġi eżerċitata mingħajr ma tkun imfixkla mill-intensità, min-natura, mit-tul u miż-żmien tal-attività mhux agrikola.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu fit-territorju tagħhom.”

15.      Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 796/2004, “[a]rt li tinħadem” tfisser, inter alia, art ikkoltivata għall-produzzjoni ta’ prodotti tar-raba’, jew miżmuma f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba. Skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, “[m]ergħa permanenti” tfisser art li tintuża għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix li mhux inkluż fir-rotazzjoni tal-prodotti tar-raba tal-azjenda għal ħames snin jew iktar (7).

16.      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 796/2004 (8) huwa rilevanti wkoll hawnhekk. Skont l-Artikolu 12(1)(f), bidwi li japplika għal għajnuna skont l-iskemi ta’ għajnuna rilevanti għandu jipprovdi dikjarazzjoni li huwa konxju mill-kundizzjonijiet marbuta mal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(4) jgħid li, meta jibgħat il-formola tal-applikazzjoni, il-bidwi għandu jikkoreġi l-formola stampata minn qabel jekk xi informazzjoni li tinsab fil-formoli stampati minn qabel tkun inkorretta.

17.      L-Artikolu 73(1) tar-Regolament Nru 796/2004 jgħid li, fil-każ li jsir ħlas indebitu, il-bidwi għandu jħallas lura l-ammont inkwistjoni flimkien mal-interessi.

18.      Madankollu, hemm eċċezzjoni għal din ir-regola stabbilita fl-Artikolu 73(4) u (5) ta’ dan ir-regolament, fejn:

“4.      L-obbligu tal-ħlas lura msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jgħodd jekk il-ħlas ikun sar bi żball tal-awtorità kompetenti jew ta’ xi awtorità oħra u jekk l-iżball ma setgħax jiġi raġonevo[lm]ent skopert mill-bidwi.

Iżda, fejn l-iżball jirrelata ma’ elementi fattwali relevanti għall-kalkolazzjoni tal-ħlas konċernat, l-ewwel subparagrafu għandu jgħodd biss jekk id-deċiżjoni biex jiġi rkuprat ma kienitx notifikata fi żmien 12‑il xahar mill-ħlas.

5.      L-obbligu tal-ħlas [lura] imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jgħodd jekk il-perjodu li jiddekorri bejn id-data tal-ħlas tal-għajnuna u dik tal-ewwel notifikazzjoni tal-benefiċjarju mill-awtorità kompetenti dwar in-natura [i]ndebita tal-ħlas konċernat ikun aktar minn għaxar [snin].

Iżda, l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi limitat għal erba’ snin jekk il-benefiċjarju jkun aġixxa in bona fide.”

19.      L-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004 (9) jipprovdi li, jekk jiġi stabbilit li d-drittijiet għal ħlas ikunu ġew allokati indebitament, il-bidwi għandu jagħti lura dawn id-drittijiet u għadhom jitqiesu li qatt ma ġew allokati ab initio.

B –    Id-dritt Daniż

20.      Skont id-dritt Daniż, ir-rekwiżiti dwar iż-żoni ta’ sigurtà ta’ ajruport huma stabbiliti mit-Trafikstyrelsen (li qabel kienet l-iStatens Luftfartsvæsen, l-Awtorità tat-Trasport) permezz tar-“Regoli tal-Avjazzjoni Ċivili” (Bestemmelser for Civil Luftfart, iktar ’il quddiem il-“BL”).

21.      Il-koltivazzjoni ta’ żoni ta’ sigurtà hija rregolata mill-BL 3‑16 tal-31 ta’ Jannar 2005 dwar miżuri għat-tnaqqis tar-riskju ta’ kolliżjoni bejn l-ajruplani u l-għasafar jew il-mammiferi f’ajruporti. Skont dawk ir-regoli:

“5.2.2 Irqajja’ ta’ artijiet mingħajr wiċċ iebes, li jinsabu ġewwa t-territorju tal-ajruport sar-runway(s) u sa distanza ta’ 150 m mill-konfini tal-ajruport:

a.      L-art għandha titħalla bil-ħaxix [...]

5.2.3 Irqajja’ ta’ artijiet mingħajr wiċċ iebes, li jinsabu ġewwa t-territorju tal-ajruport f’distanza ta’ bejn 150 m u 300 m mill-konfini tar- runway(s):

a.      L-art għandha tintuża għall-koltivazzjoni tal-ħaxix [...]

[...]

b.      L-art tista’ tintuża għall-koltivazzjoni ta’ prodotti tar-raba’ biss wara konsultazzjoni ma’ konsulent. Il-koltivazzjoni ta’ żrieragħ matul is-sena kollha ma hijiex permessa.

5.2.4  Irqajja’ ta’ artijiet mingħajr wiċċ iebes, li jkunu jinsabu ġewwa t-territorju tal-ajruport f’distanza ta’ iktar minn 300 m mill-konfini tar-runway(s), jistgħu jintużaw għall-agrikultura biss wara konsultazzjoni mal-konsulent.

[...]

6.4.1 Għal dak li jirrigwarda l-koltivazzjoni tal-art, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

a.      Il-ħaxix għandu jinżamm b’mod permanenti f’għoli ta’ mhux iktar minn 20 cm fuq ir-runway(s) u l-karreġġjati mingħajr żrar oħxon jew wiċċ iebes [...]

b.      Barra ż-żoni msemmija fil-punt (a) iżda ġewwa ż-żoni koperti mill-Paragrafu 5.2.2, għandhom isiru sforzi permanenti biex il-ħaxix jinżamm f’għoli ta’ mhux inqas minn 20 cm u mhux ogħla minn 40 cm [...]”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

22.      Fil-21 ta’ Diċembru 1999 u fl-10 ta’ Mejju 2000, J. Demmer għamel ftehim mal-ajruport ta’ Aalborg (Aalborg Lufthavn) u mal-bażi tal-ajru Skrydstrup (Flyvestation Skrydstrup), rispettivament, għall-kiri ta’ żoni ta’ sigurtà li jinsabu madwar runways, karreġġjati u żoni ta’ waqfien ta’ dawn l-ajruporti. L-art tintuża għall-koltivazzjoni tal-ħaxix sabiex jiġu prodotti gerbubin veġetali.

23.      Bis-saħħa ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, J. Demmer, bħala persuna li tikri, kiseb id-dritt li jaqta’ u juża l-ħaxix mill-art tal-ajruport billi jħallas kera. J. Demmer kellu jaħsad il-ħaxix tlieta jew erba’ darbiet fis-sena.

24.      Kull ftehim kien fih numru ta’ kundizzjonijiet dwar il-manutenzjoni tal-art inkwistjoni. Fost id-dispożizzjonijiet previsti kien hemm kundizzjonijiet dwar meta u kif għandu jsir il-qtugħ tal-ħaxix; kundizzjonijiet dwar l-użu ta’ fertilizzant; u bi ftehim mal-bażi tal-ajru Skrydstrup, projbizzjoni fuq l-użu ta’ pestiċidi (10).

25.      Skont l-Artikolu 8 tal-ftehim konkluż mal-bażi tal-ajru Skrydstrup, J. Demmer kellu jagħmel ix-xogħol tiegħu b’mod li ma jtellifx l-operazzjonijiet ta’ titjir u skont l-istruzzjonijiet u l-projbizzjonijiet li jistgħu jinħarġu mis-Servizz tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru ta’ Skrydstrup jew mill-amministrazzjoni tal-bażi tal-ajru.

26.      Skont l-Artikolu 6 tal-ftehim ta’ kiri bejn J. Demmer u l-bażi tal-ajru Aalborg, J. Demmer kellu jinforma lil sid il-kera meta kien jeħtieġ aċċess għall-art mikrija. L-istess artikolu ta lill-Forzi Armati drittijiet illimitati li jużaw, jew li jippermettu lil oħrajn jużaw, l-art mikrija biex isiru eżerċizzji militari ta’ kwalunkwe tip.

27.      Mill-2005, J. Demmer ta l-kunsens tiegħu, taħt iż-żewġ ftehimiet, li juża l-art b’mod li kien jiżgura d-dritt li jiġi allokat drittijiet għal ħlas u jissottometti l-applikazzjonijiet rilevanti. Wara applikazzjoni minn J. Demmer, il-FødevareErhverv (l-Aġenzija għas-settur tal-ikel, issa n-NaturEhrverv styrelsen; l-Aġenzija għall-agrikultura u għas-sajd) allokatlu, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2006, drittijiet għal ħlas fir-rigward tal-art inkwistjoni b’effett mis-sena 2005.

28.      Fl-1 ta’ Frar 2006, J. Demmer ittrasferixxa lill-Forzi Armati d-drittijiet għal ħlas relatati mal-art tal-ajruport ta’ Aalborg. Għalhekk, mill-2006 sal-2009, J. Demmer kien qed jikri biss l-art fil-bażi tal-ajru Skrydstrup u tħallas għajnuna biss fir-rigward ta’ din l-art.

29.      Fl-2008, il-FødevareErhverv għamlet eżami u verifika tar-reġistru taż-żoni ta’ produzzjoni. Bħala riżultat ta’ din il-verifika, xi wħud miż-żoni ta’ produzzjoni li fir-rigward tagħhom J. Demmer kien iddikjara art skont l-iskema ta’ pagament uniku kienu tnaqqsu jew tneħħew mir-reġistru. Ir-raġuni kienet li, skont il-FødevareErhverv, żoni ta’ sigurtà fl-ajruporti ma setgħux jitqiesu li huma żoni agrikoli eliġibbli għall-għajnuna. F’dan ir-rigward, J. Demmer ġie nnotifikat li l-applikazzjonijiet għas-snin ta’ qabel kellhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid ukoll u d-drittijiet għal ħlas ikkalkolati mill-ġdid.

30.      Fit-2 ta’ Mejju 2011, il-FødevareErhverv ħadet deċiżjoni li tnaqqas id-drittijiet għal ħlas ta’ J. Demmer u tirkupra l-għajnuna mħallsa indebitament għall-art fl-ajruport ta’ Aalborg fl‑2005 u għall-art fil-bażi tal-ajru Skrydstrup mill-2005 sal-2009.

31.      J. Demmer ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Fødevare­ministeriets Klagecenter (Ċentru għall-ilmenti tal-Ministeru għall-Ikel, għall-Agrikultura u għas-Sajd). F’Mejju 2012, iċ-Ċentru għall-ilmenti kkonferma d-deċiżjoni tal-Aġenzija għas-settur tal-ikel.

32.      Fit-13 ta’ Novembru 2012, J. Demmer ikkontesta d-deċiżjoni taċ-Ċentru għall-ilmenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti issa ressqet talba għal deċiżjoni preliminari li permezz tagħha għamlet dawn id-domandi:

“1)      Ir-rekwiżit li l-art agrikola ma tiġix ‘użata għall-attivitajiet agrikoli’ (Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003) u r-rekwiżit li l-art agrikola tintuża ‘għal attività agrikola’ jew ‘[...] użata predominatament għal attivitajiet agrikoli’ (Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-għoti ta’ għajnuna hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-użu ewlieni tal-art ikun għal attività agrikola?

a)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-parametri sabiex tiġi ddeterminata l-attività li tikkostitwixxi l-għan ‘ewlieni’ ta’ art meta din, fl-istess ħin, tintuża għal raġunijiet differenti?

b)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dan iffisser li, jekk ikun il-każ, min-natura tagħhom stess u mill-użu tagħhom, il-meded ta’ art li jinsabu madwar ir-runway, il-karreġġjati u ż-żoni ta’ waqfien, li, minn naħa, jifformaw kollha parti mill-ajruport u huma suġġetta għal regoli u restrizzjonijiet partikolari, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li jirregolaw l-użu tagħhom, iżda li, min-naħa l-oħra, huma wkoll użati għall-ġbir tal-ħaxix għall-produzzjoni ta’ gerbubin veġetali, jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna abbażi tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq?

2)      Ir-rekwiżit li l-art agrikola għandha tifforma parti mill-‘azjenda’ tal-bidwi (Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-meded ta’ art li jinsabu madwar ir-runway, il-karreġġjati u ż-żoni ta’ waqfien, li, minn naħa, jifformaw kollha parti mill-ajruport u huma suġġetta għal regoli u restrizzjonijiet partikolari, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li jirregolaw l-użu tagħhom, iżda li, min-naħa l-oħra, huma użati għall-ġbir tal-ħaxix għall-produzzjoni ta’ gerbubin veġetali, jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna abbażi tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq?

3)      Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1(b) u/jew għad-domanda 2 tkun fin-negattiv, minħabba l-fatt li l-artijiet inkwistjoni, minbarra li jintużaw bħala mergħa permanenti għall-produzzjoni ta’ ħaxix għall-produzzjoni ta’ gerbubin veġetali, jikkostitwixxu wkoll meded ta’ art, f’ajruport, madwar ir-runway, il-karreġġjati u ż-żoni ta’ waqfien, hemm,

a)      żbalji li setgħu raġonevolment jiġu identifikati mill-bidwi fis-sens tal-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009, tad-drittijiet għal pagamenti li, minkejja dan, ġew allokati għall-imsemmija artijiet?

b)      żball li seta’ raġonevolment jiġi identifikat mill-bidwi fis-sens tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004, tal-għajnuna li, minkejja dan, ingħatat għall-imsemmija artijiet?

c)       pagament indebitu li fir-rigward tiegħu l-benefiċjarju ma jistax jitqies li aġixxa in bona fide fis-sens tal-Artikolu 73(5) tar-Regolament Nru 796/2004, tal-għajnuna li, minkejja dan, ingħatat għall-imsemmija artijiet?

4)      Liema mument għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi evalwat:

a)      jekk hemmx żbalji li setgħu raġonevolment jiġu identifikati mill-bidwi, fis-sens tal-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009?

b)      jekk hemmx żball li raġonevolment seta’ jiġi identifikat mill-bidwi, fis-sens tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004?

c)      jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jistax jitqies bħala li aġixxa in bona fide fis-sens tal-Artikolu 73(5) tar-Regolament Nru 796/2004?

5)      L-evalwazzjoni msemmija fid-domanda 4(a) sa (c) għandha ssir għal kull sena kkonċernata jew għall-pagamenti kollha kemm huma?”

33.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub f’dawn il-proċeduri minn J. Demmer, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Grieg, mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tagħmilx seduta.

III – Analiżi

A –    Kwistjonijiet preliminari

34.      Il-qorti tar-rinviju għamlet numru ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-problema ewlenija mqajma fil-kawża prinċipali tirrigwarda tliet kwistjonijiet relatati mill-qrib: (i) l-eliġibbiltà għall-għajnuna ta’ żoni ta’ sigurtà tal-ajruport (l-ewwel u t-tieni domandi); (ii) il-parametri għall-evalwazzjoni ta’ jekk benefiċjarju għandux jinħeles mill-obbligu li jħallas lura għajnuna mħallsa u allokata indebitament (it-tielet domanda); u (iii) il-perijodu ta’ żmien li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal din l-evalwazzjoni (ir-raba’ u l-ħames domandi). Qabel ma ngħaddi sabiex nikkunsidra dawn il-kwistjonijiet f’iktar dettall, huwa importanti, madankollu, li jiġu indirizzati tliet kwistjonijiet preliminari li għandhom rilevanza għall-analiżi sussegwenti.

35.      L-ewwel nett, kwalunkwe interpretazzjoni tar-regoli dwar l-għoti tal-għajnuna skont l-iskema ta’ pagament uniku għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-raġuni wara l-għoti ta’ għajnuna agrikola. B’mod partikolari, fir-rigward tal-iskema ta’ pagament uniku, din l-iskema twaqqfet skont ir-Regolament Nru 1782/2003 fil-kuntest tar-riforma tal-politika agrikola tal-UE. Kif jagħmilha ċara l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, l-għan ewlieni tar-Regolament Nru 1782/2003 kien li tiġi introdotta forma ġdida ta’ appoġġ għad-dħul għall-bdiewa. F’dan is-sens, ma hemmx dubju li l-iskema ta’ pagament uniku tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-iskop soċjopolitiku tal-politika agrikola tal-UE, li huwa li jiġi żgurat livell ta’ għixien raġonevoli għal dawk kollha involuti fl-agrikultura (11). Dan l-għan għandu implikazzjonijiet għall-interpretazzjoni tar-Regolamenti bażiċi.

36.      It-tieni nett, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, jeżisti grad ta’ disparità bejn ir-Regolament Nru 1782/2003 u r-Regolament Nru 73/2009 fir-rigward ta’ x’jikkostitwixxi “ettaru eliġibbli” għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 jgħid li kull żona agrikola ta’ azjenda li tkun art li tinħarat u mergħa permanenti, bl-esklużjoni ta’ żoni użati għal attivitajiet li ma humiex agrikoli, għandha titqies li hija “ettaru eliġibbli”, ir-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi definizzjoni kemmxejn differenti. Fil-fatt, l-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009 jgħid li kull żona agrikola tal-azjenda li tintuża għal attività agrikola — jew, meta ż-żona tintuża wkoll għal attivitajiet li ma humiex agrikoli, tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli — għandha titqies li hija ettaru eliġibbli.

37.      It-tibdil magħmul bl-ebda mod ma huwa insinjifikattiv. Fil-fatt, b’interpretazzjoni purament litterali, jista’ jiġi argumentat li, skont ir-Regolament Nru 1782/200, kull użu li ma huwiex agrikolu ta’ żona agrikola awtomatikament jeskludi lil dik iż-żona mill-eliġibbiltà għall-iskema ta’ pagament uniku. Madankollu, kif donnhom jaqblu l-partijiet, id-diskrepanza fit-terminoloġija użata f’dawn l-istrumenti ma għandhiex tingħata importanza partikolari. Fil-fatt, ma jidher li hemm xejn fix-xogħol preparatorju għar-Regolament Nru 73/2009 li jissuġġerixxi li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jiġu emendati r-regoli dwar ettari eliġibbli li bla dubju jikkostitwixxu wieħed mill-pedamenti tal-iskema ta’ pagament uniku.

38.      Fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur kellu pjuttost l-intenzjoni li jikkjarifika r-regoli dwar l-iskemi ta’ appoġġ applikabbli għall-bdiewa. Barra minn hekk, hija ħaġa pjuttost komuni li roqgħa art tintuża għal attivitajiet kemm agrikoli kif ukoll mhux agrikoli. Għalhekk jidher li huwa loġiku li l-eliġibbiltà ta’ dik l-art għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-attività li hija predominanti. Ir-Regolament Nru 73/2006, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 3c tar-Regolament Nru 795/2004, kif emendat, jissodisfa parzjalment il-bżonn għaċ-ċarezza f’dan il-qasam. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw b’mod ċar li l-użu mħallat ta’ roqgħa art ma jeskludix awtomatikament dik l-art mill-għajnuna. Ir-rekwiżit ewlieni għall-eliġibbiltà huwa pjuttost li l-art tintuża predominantement għall-attivitajiet agrikoli (12). Għalhekk, nikkunsidra li huwa xieraq li nevalwa d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju (b’mod partikolari, l-ewwel u t-tieni domanda) fid-dawl tal-kliem tar-Regolament Nru 73/2009 għall-perijodu inkunsiderazzjoni, jiġifieri, mill-2005 sal-2009.

39.      It-tielet nett, nixtieq nindika li l-qorti tar-rinviju tibbaża l-approċċ tagħha fuq l-suppożizzjoni li qegħdin nikkunsidraw żoni użati kemm għal attivitajiet agrikoli kif ukoll għal dawk mhux agrikoli fit-tifsira tar-Regolamenti bażiċi. F’dan ir-rigward, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li J. Demmer ftiehem li juża l-art fil-bażi tal-ajru Skrydstrup b’osservanza tal-operazzjonijiet ta’ titjir u skont l-istruzzjonijiet u l-projbizzjonijiet possibbli. Skont il-ftehim tal-kera li jirrigwarda l-ajruport ta’ Aalborg, il-Forzi Armati rriżervaw għalihom id-dritt illimitat li jużaw, jew li jħallu lil oħrajn jużaw, l-art għaż-żamma ta’ eżerċizzji militari ta’ kull xorta. Barra minn hekk, meta jkun irid aċċess għall-art J. Demmer kellu jinforma lil sid il-kera.

40.      Madankollu, ma huwiex ċar mill-proċess jekk kienx hemm attivitajiet mhux agrikoli fl-art inkwistjoni jew jekk sid il-kera kienx effettivament eżerċita d-drittijiet kuntrattwali tiegħu fir-rigward ta’ dik l-art.

41.      Għalhekk huwa meħtieġ li wieħed joqgħod attent għal dan li ġej. Fil-fehma tiegħi, la l-fatt li jeżistu klawżoli bħal dawk imsemmija iktar ’il fuq u lanqas li r-roqgħa art inkwistjoni qiegħda ġewwa żona ta’ sigurtà tal-ajruport ma jista’ jitqies li huwa prova ta’ attività mhux agrikola. F’dan il-kuntest, jidhirli li l-fatt rilevanti huwa li l-attivitajiet mhux agrikoli (bħal eżerċizzji militari jew operazzjonijiet ta’ titjir) ikunu qegħdin effettivament iseħħu.

42.      Fil-fehma tiegħi, kundizzjoni kuntrattwali fis-sens li l-art għandha tintuża b’osservanza tal-operazzjonijiet ta’ titjir u skont istruzzjonijiet u projbizzjonijiet possibbli fiha nnifisha ma tistax titqies li hija “attività”. L-istess japplika għal dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-iskop ta’ żona ta’ sigurtà ta’ ajruport jew li jistabbilixxu ċerti restrizzjonijiet dwar l-użu tagħha. Fil-fatt, ma hemm xejn inużwali li sid il-kera jirriżerva ċerti drittijiet fir-rigward tal-art li tinkera jew jiddelimita l-marġni ta’ manuvra li għandu l-bidwi fir-rigward tal-art mikrija (pereżempju, dwar l-użu ta’ pestiċidi, il-prodotti tar-raba’ li għandhom jitħawlu, jew inkella ż-żamma tal-art b’mod li jkun ambjentalment tajjeb). L-iktar li nista’ ngħid huwa li nqis r-regoli u r-restrizzjonijiet li jirriżultaw kemm mil-leġiżlazzjoni kif ukoll mill-klawżoli kuntrattwali bħala li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività mhux agrikola.

43.      Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li sabiex tkun eliġibbli għall-għajnuna, l-art inkwistjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tifforma parti mill-azjenda tal-bidwi. Kif ser nispjega fil-punt 60 et seq iktar ’l isfel, ir-regoli u r-restrizzjonijiet speċifiċi għall-użu tal-art inkwistjoni huma ta’ rilevanza fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni (pjuttost milli jiġi deċiż jekk l-art tintużax primarjament għal attività agrikola minflok attività mhux agrikola).

44.      Hu x’inhu l-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-art intużatx għal eżerċizzji militari jew kwalunkwe attività mhux agrikola oħra. Minkejja dawn ir-riżervi u billi l-kwistjoni ma ġietx diskussa b’mod estensiv la mill-qorti tar-rinviju u lanqas mill-partijiet, issa ser neżamina d-domandi preliminari magħmula, billi nibbaża dan l-eżami fuq is-suppożizzjoni li l-irqajja’ ta’ art inkwistjoni huma verament suġġetti għal użu mħallat (kemm attivitajiet agrikoli kif ukoll attivitajiet mhux agrikoli).

B –    “Ettaru eliġibbli”

1.      L-għan primarju u l-użu predominanti fil-każ ta’ użu mħallat ta’ art

45.      Fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf inter alia, jekk, biex żona agrikola tkun eliġibbli għall-għajnuna, il-fattur deċiżiv huwiex li l-għan primarju tal-użu ta’ dik iż-żona tkun agrikola.

46.      Qabel ma nittratta din il-kwistjoni, ninnota bħala punt preliminari li jidher li ftit hemm dubju li ż-żoni inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali jikkostitwixxu żoni agrikoli fit-tifsira tar-Regolamenti Nru 1782/2003 u Nru 73/2009: fil-fatt, iż-żoni inkwistjoni jintużaw sabiex jiġi kkoltivat il-ħaxix għall-produzzjoni ta’ gerbubin veġetali. Għaldaqstant, dawn iż-żoni jistgħu jiġu kklassifikati relattivament b’mod faċli bħala agrikoli għaliex jintużaw bħala art li tinħadem jew mergħa permanenti fit-tifsira tal-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 796/2004 (13). Jidher ukoll li ma hemmx kontestazzjoni li l-attività ta’ J. Demmer, li tikkonsisti fil-koltivazzjoni tal-ħaxix, tikkostitwixxi “attività agrikola” fit-tifsira tar-Regolamenti bażiċi.

47.      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-iskop taż-żoni inkwistjoni, wieħed jista’ jassumi raġonevolment li l-għan oriġinali tagħhom (jew ir-raġuni għall-eżistenza tagħhom) kien li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ajruport u tat-traffiku tal-ajru. Fil-bidu, dawn iż-żoni setgħu ma kinux intiżi għall-użu ta’ art agrikola. Madankollu, din iċ-ċirkustanza għandha tinżamm distinta mill-iskop li għalihom dawn iż-żoni qegħdin fil-fatt jintużaw fil-preżent. Għalkemm, bla dubju, dawn huma kunċetti diffiċli biex tifhem, jidher li huwa diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-għan primarju li għalih qed jintużaw iż-żoni — il-kunċett li l-qorti tar-rinviju qed tirreferi għalih fid-domandi tagħha — u l-użu predominanti ta’ dik l-art fit-tifsira tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 73/2009. Fil-fatt, kif innota diġà l-Avukat Ġenerali Mazák, dak li huwa importanti (għall-finijiet ta’ “ettaru eliġibbli”) huwa l-użu attwali taż-żona, jew forsi x’jiġi effettivament imħawwel fiż-żona, iktar milli l-oġġettivi jew l-għanijiet (ewlenin) li għalihom tintuża l-art (14). Għalhekk jiena tal-fehma, li meta tinqala’ kwistjoni dwar l-eliġibbiltà ta’ roqgħa art, il-kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni huwa l-użu predominanti (u attwali) tal-użu ta’ dik l-art.

48.      Biex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi l-użu predominanti ta’ roqgħa art partikolari, ir-Regolament Nru 370/2009 (li daħħal l-Artikolu 3c fir-Regolament Nru 795/2004) joffri gwida utli dwar il-kriterji li għandhom jintużaw, anki għalkemm dan ir-regolament ma japplikax ratione temporis għall-perijodu kollu bejn l-2005 u l-2009. Fil-fatt, l-Artikolu 3c tar-Regolament Nru 795/2004 jipprovdi li żona li hija suġġetta għal attivitajiet kemm agrikoli kif ukoll mhux agrikoli għandha titqies li hija użata b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli billi l-attività agrikola inkwistjoni tista’ titwettaq mingħajr ma tkun imfixkla b’mod sinjifikattiv mill-intensità, in-natura, it-tul taż-żmien u l-ħin li ssir l-attività mhux agrikola.

49.      Għalhekk tqum id-domanda li ġejja: xi tfisser f’dan il-kuntest l-espressjoni “mingħajr ma tkun imfixkla”? Ser ngħaddi issa biex nittratta din il-kwistjoni.

2.      L-użu predominanti ta’ żona

50.      Ċertament, ta’ min iħalli din il-kwistjoni f’idejn il-qorti tar-rinviju billi hija għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti. Madankollu, sabiex jiġi żgurat, sa fejn huwa possibbli, li r-regoli tal-eliġibbiltà jiġu applikati b’mod uniformi fi ħdan l-Unjoni Ewropea kollha (minkejja l-flessibbiltà li għandhom l-Istati Membri għall-implementazzjoni ta’ dawn ir-regoli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3c tar-Regolament Nru 795/2004), ser nipprova nfassal ċerti parametri li jkunu utli fid-determinazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi użu agrikolu predominanti ta’ roqgħa art partikolari (15).

51.      L-ewwel nett, ninnota li l-kunċett ta’ “użu predominanti” fih innifsu jiżvija kemxejn lil dak li jkun. Fil-fatt, kieku ma jitteħidtx inkunsiderazzjoni l-Artikolu 3c tar-Regolament Nru 795/2004, ikun raġonevoli li wieħed jassumi li, sabiex jikkwalifikaw għall-għajnuna, attivitajiet li ma humiex agrikoli li huma purament anċillari jew inċidentali jistgħu jseħħu fir-roqgħa art inkwistjoni. Madankollu, l-Artikolu 3c jbaxxi espliċitament il-limitu għall-eliġibbiltà: il-fatt li l-użu predominanti sempliċement jeħtieġ li l-attività kulturali ma tiġix imfixkla b’mod sinjifikattiv jissuġġerixxi, kif naraha jien, li l-punt fokali tal-evalwazzjoni għandu jkun il-kundizzjonijiet partikolari madwar l-eżerċizzju tal-attività agrikola u, iktar speċifikament, dwar l-attivitajiet attwali tal-eżerċizzju ta’ dik l-attività (16). F’dan ir-rigward, ma hemmx projbizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ żewġ attivitajiet (jew iktar) fuq l-istess roqgħa art, sakemm l-attivitajiet mhux agrikoli ma jfixklux b’mod sinjifikattiv il-prattika tal-attività agrikola.

52.      Peress li huwa impossibbli — u mhux għal kollox mixtieq — li tiġi fformulata lista eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet fejn l-attività agrikola għandha titqies li hija predominanti, huwa partikolarment sinjifikattiv li l-qorti tar-rinviju tqis iċ-ċirkustanzi fattwali kollha fir-rigward tal-użu differenti li jsir meta tagħmel l-evalwazzjoni tagħha. Sa fejn jista’ jiġi osservat li hemm grad ta’ ndħil fir-rigward tal-attività agrikola, il-pass li jmiss huwa jekk l-indħil jilħaqx livell li jista’ jitqies “sinjifikattiv”. Sabiex jintlaħaq dan il-limitu, il-bidwi jkollu jiltaqa’ ma’ diffikultajiet jew xkiel attwali — u mhux mingħajr konsegwenza — meta jwettaq l-attività agrikola.

53.      Biex inkun iktar speċifiku, nimmaġinaw li bidwi jagħmel ftehim ma’ lokalità għall-iskijjar. Skont dak il-ftehim, il-bidwi jikkoltiva l-ħaxix imma juża l-irqajja’ tal-art inkwistjoni għall-mergħa tal-qobla, liema art tifforma parti miż-żona għall-iskijjar matul l-istaġun tax-xitwa. Fi kliem ieħor, l-istess irqajja’ tal-art jintużaw għal attivitajiet differenti. Madankollu, sakemm l-attività mhux agrikola ma tagħmilhiex iktar diffiċli għall-bidwi li jikkoltiva l-art u jaħsad il-prodotti tar-raba’ matul il-perijodi rilevanti tas-sena, l-attività mhux agrikola ma tantx jista’ jingħad li tikkostitwixxi xkiel li jista’ jtellef b’mod sinjifikattiv l-attivitajiet agrikoli tal-bidwi. Hemm xebh ovvju mal-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji militari: sempliċement għaliex l-eżerċizzji militari jiġu organizzati (bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju) fuq l-art inkwistjoni ma jfissirx li dik l-art ma għadhiex koperta bil-kliem “ettari eliġibbli” — sakemm dawn l-eżerċizzji ma jfixklux b’mod sinjifikattiv l-attività agrikola inkwistjoni.

54.      Ma hemmx dubju li l-użu ta’ prerogattivi kuntrattwali kif ukoll restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ attività mhux agrikola (hawnhekk: l-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji militari jew il-funzjonament bla xkiel tal-operazzjonijiet ta’ titjir) ċertament jistgħu joħolqu restrizzjonijiet fuq il-bidwi. Madankollu, dan ma jfissirx awtomatikament li l-attività agrikola hija mfixkla b’mod sinjifikattiv.

55.      Fil-fehma tiegħi, l-eliġibbiltà ta’ roqgħa art għandha titqies li hija affettwata biss meta l-attività mhux agrikola tfixkel ukoll l-użu agrikolu tal-art għal dak li jirrigwarda l-portata temporali u/jew spazjali tagħha (17). F’dan is-sens, li huwa ta’ importanza primarja huwa li l-bidwi jkun jista’ jeżerċita attività agrikola tal-għażla tiegħu minkejja l-eżerċizzju parallel ta’ attività mhux agrikola u, skont il-każ, l-applikazzjoni ta’ regoli u restrizzjonijiet speċjali dwar l-użu tal-art inkwistjoni. Kif naraha jien, l-attività agrikola ma hijiex imfixkla b’mod sinjifikattiv meta l-bidwi fil-fatt jista’ juża l-art inkwistjoni għall-attività agrikola tal-għażla tiegħu (18).

56.      Huwa minnu li, hekk kif isostnu l-Gvern Daniż u l-Kummissjoni, l-għażla ta’ attivitajiet agrikoli potenzjali hija limitata ħafna fil-każ ta’ ajruporti. Huwa veru wkoll li l-qtugħ tal-ħaxix fil-viċinanzi ta’ runways u żoni ta’ waqfien għandu għanijiet oħra (mhux agrikoli), bħas-sigurtà tat-traffiku tal-ajru: sabiex ikun hemm konformità mar-regolamenti tas-sigurtà tal-ajru l-ħaxix xorta jrid jinqata’. Madankollu, skont l-iskema ta’ pagament uniku, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex importanti. Min-naħa l-oħra, li huwa importanti huwa — kif jidher, b’mod partikolari, mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikolu 3c tar-Regolament Nru 795/2004 — li l-bidwi jista’ jkompli l-attività agrikola tal-għażla tiegħu fl-art inkwistjoni.

57.      Fil-każ ta’ J. Demmer, pereżempju, huwa għażel li jkabbar il-ħaxix għall-produzzjoni tal-gerbubin veġetali fl-art inkwistjoni. Dan jikkostitwixxi attività agrikola li tista’ tiġi eżerċitata mingħajr diffikultà kbira f’dik l-art (19). Ma narax għalfejn J. Demmer għandu jiġi ppenalizzat għax għażel attività agrikola li tista’ ssir minkejja r-restrizzjonijiet applikabbli u l-attività mhux agrikola “kompetitriċi”.

58.      Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ osservazzjoni oħra sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-Gvern Daniż. Jiena mhinix tal-fehma li jekk jiġi aċċettat, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-attività agrikola ma tiġix imfixkla b’mod sinjifikattiv minn attività mhux agrikola, wieħed ikun qed iġġebbed iżżejjed il-limiti tal-eliġibbiltà. Fil-fatt, punt li ma għandux jitwarrab huwa li hawnhekk qed nikkunsidraw ajruporti (militari) provinċjali. iktar preċiżament, jidher li ma jkunx loġiku li jingħad li kull punt ċentrali ta’ trasport ewlieni jew żona ħadra madwar l-awtostradi li jintużaw ħafna josservaw il-kriterju identifikat fil-punt 55 iktar ’il fuq. Minħabba l-intensità (imma forsi wkoll in-natura, kemm iddum u meta tiġri) tal-attività mhux agrikola f’dawn iż-żoni, il-bidwi ċertament ikun prekluż milli jagħmel attività agrikola tal-għażla tiegħu matul, skont il-każ, l-istaġun tat-tkabbir jew tal-mergħa.

59.      Wara li għamilt din il-kjarifika, nikkonkludi li żoni ta’ sigurtà madwar runways, karreġġjati u żoni ta’ waqfien fl-ajruporti li huma suġġetti għal regoli u restrizzjonijiet speċjali jistgħu jkunu “eliġibbli” għal għajnuna skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 73/2009 bil-kundizzjoni li l-attività agrikola eżerċitata f’dawn iż-żoni ma tiġix imfixkla b’mod sinjifikattiv bl-attività mhux agrikola. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed sabiex iż-żona tikkwalifika għal kollox għall-għajnuna. L-irqajja’ ta’ art inkunsiderazzjoni għandhom, skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 73/2009, jifformaw parti wkoll mill-azjenda tal-bidwi. Issa ser nittratta din il-kwistjoni.

3.      Ir-rekwiżit li ż-żona għandha tkun parti mill-azjenda

60.      L-ewwel punt li għandu jiġi nnotat huwa li, skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 73/2009, kull żona agrikola tal-azjenda hija eliġibbli għall-għajnuna. “Azjenda” hija ddefinita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1782/2003 (u tar-Regolament Nru 73/2009) bħala “l-units kollha ta’ produzzjoni mmexxija minn bidwi li jinsab fit-territorju tal-istess Stat Membru”.

61.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà pprovdiet gwida fuq il-kelma “azjenda” fis-sentenza Landkreis Bad Dürkheim (20). Bħal fil-każ preżenti, il-bidwi f’dik il-kawża ma kellux il-libertà sħiħa li juża ż-żoni inkwistjoni. Għall-kuntrarju, huwa kien marbut b’ċerti istruzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiżgura li jintlaħaq l-għan ta’ konservazzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ ta’ dik l-art. Fis-sentenza tagħha Landkreis Bad Dürkheim, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni jekk żona ta’ art partikolari tifformax parti mill-azjenda tal-bidwi hija li dan tal-aħħar ikun jista’ juża ż-żona inkwistjoni bi grad ta’ awtonomija u jkollu setgħa deċiżjonali suffiċjenti sabiex isiru l-attivitajiet agrikoli inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li tispjega li l-kriterju dwar l-awtonomija ma jfissirx li l-bidwi għandu jgawdi setgħa illimitata fuq iż-żona inkwistjoni meta jużaha għall-finijiet agrikoli (21).

62.      Ma hemmx dubju li s-sentenza Landkreis Bad Dürkheim kienet tirrigwarda l-kuntest speċifiku tal-konservazzjoni tan-natura, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li hija konsistenti mal-għanijiet ġenerali tar-Regolament Nru 73/2009. Minkejja dan il-fatt, nemmen li dak li ngħad iktar ’il fuq dwar il-kriterju tal-awtonomija huwa rilevanti wkoll fil-kuntest taż-żoni tal-art użati għal finijiet li ma għandhom l-ebda rabta immedjata mal-għanijiet tal-iskema ta’ pagament uniku. Kif jingħad ukoll b’mod ċar, l-evalwazzjoni dwar jekk żona ta’ art tifformax parti mill-azjenda tal-bidwi hija marbuta mill-qrib mal-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi l-użu predominanti ta’ dik iż-żona speċifika. Fil-fatt, il-kriterji rilevanti jidhru li b’ċertu mod jikkonverġu (22).

63.      F’dan il-każ partikolari, il-kwistjoni tirrigwarda żoni ta’ sigurtà madwar runways, karreġġjati u żoni ta’ waqfien fl-ajruporti. Ir-regoli u r-restrizzjonijiet applikabbli jirriżultaw, minn naħa, minn dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali intiżi sabiex jiżguraw is-sigurtà tat-traffiku tal-ajru u, min-naħa l-oħra, minn kundizzjonijiet kuntrattwali. Dawn jirrigwardaw, inter alia, iż-żamma tal-art f’kundizzjoni speċifika, il-prodotti tar-raba’ li jistgħu jitkabbru u jinħasdu (fil-prattika, il-ħaxix) u l-għoli aċċettabbli tal-ħaxix. Għalhekk, wieħed ma jistax jiċħad li bidwi fil-pożizzjoni ta’ J. Demmer ma jgawdix minn awtonomija sħiħa fl-użu taż-żoni inkwistjoni.

64.      Madankollu, sakemm il-bidwi jkun jista’ juża art għal attività agrikola tal-għażla tiegħu mingħajr ma dik l-attività tiġi mfixkla b’mod sinjifikattiv mill-attività mhux agrikola li ssir fuq dik l-art (jew, fejn effettivament ma ssir l-ebda attività mhux agrikola, sempliċement bl-applikazzjoni ta’ regoli u restrizzjonijiet), ma hemmx għalfejn li jiġi kkunsidrat li ż-żoni ta’ art inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju ma jifformawx parti wkoll mill-azjenda tal-bidwi fit-tifsira tar-Regolamenti Nru 1782/2003 u Nru 73/2009. Sakemm dan il-kriterju jiġi ssodisfatt, ma narax għalfejn bidwi bħal J. Demmer ma jkollux ukoll grad ta’ awtonomija u setgħa deċiżjonali suffiċjenti sabiex jeżerċita l-attivitajiet agrikoli inkwistjoni, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

65.      Bħala punt finali, niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iskema ta’ pagament uniku hija forma ta’ appoġġ għad-dħul li jista’ jinkoraġġixxi l-biedja f’żoni li altrimenti ma jintużawx għaliha. Il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju huwa każ tipiku. Madankollu, ma nistax insib raġunijiet fil-qafas leġiżlattiv applikabbli, jew x’imkien ieħor, għaliex is-sempliċi fatt li attività agrikola sseħħ fuq art li tinsab ġewwa l-parametri ta’ ajruport awtomatikament jipprekludi dik iż-żona mill-eliġibbiltà għall-għajnuna. Sakemm jiġi ssodisfatt il-kriterju identifikat fil-punt 55 iktar ’il fuq, fejn tkun tinsab l-art huwa irrilevanti.

66.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li art agrikola li tikkonsisti minn żoni ta’ sigurtà madwar runways, karreġġjati u żoni ta’ waqfien fl-ajruporti għandha titqies li hija allokata lil “azjenda” u għalhekk eliġibbli għall-għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 u l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 73/2009; bil-kundizzjoni li, minkejja r-regoli u r-restrizzjonijiet applikabbli, il-bidwi jgawdi minn grad ta’ awtonomija u setgħa deċiżjonali suffiċjenti sabiex jeżerċita attivitajiet agrikoli tal-għażla tiegħu fiż-żoni tal-art inkwistjoni.

67.      Jekk, wara l-evalwazzjoni tal-fatti kollha rilevanti dwar il-kwistjoni pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ż-żoni inkwistjoni ma humiex eliġibbli għall-għajnuna għaliex ir-regoli u r-restrizzjonijiet ifixklu b’mod sinjifikattiv l-attività agrikola ta’ J. Demmer, tqum il-kwistjoni jekk J. Demmer kellux raġonevolment jidentifika l-allokazzjoni żbaljata tad-drittijiet għal ħlas u l-ħlas ta’ għajnuna (it-tielet domanda). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat ukoll il-perijodu ta’ żmien rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni (ir-raba’ u l-ħames domanda). Ser nittratta issa dawn il-kwistjonijiet kollha flimkien.

C –    Żbalji li jistgħu jiġu raġonevolment identifikati mill-bidwi, u l-bona fide

68.      Din il-kawża tqajjem tliet kwistjonijiet: (i) jekk kienx hemm żball li seta jiġi raġonevolment identifikat mill-bidwi fir-rigward tal-allokazzjoni tad-drittijiet għal ħlas għaż-żoni tal-art inkwistjoni; (ii) jekk kienx hemm żball li seta’ raġonevolment jiġi identifikat mill-bidwi fi żmien meta tħallset l-għajnuna għall-art inkwistjoni; u, fl-aħħar nett, (iii) jekk benefiċjarju bħal J. Demmer jistax jitqies li aġixxa bil-bona fide. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta wkoll dwar iż-żmien rilevanti li fil-konfront tiegħu għandha tagħmel din l-evalwazzjoni.

69.      Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, drittijiet allokati indebitament għandhom jiġu rtirati u l-għajnuna mħallsa indebitament għandha tiġi rkuprata. Fundamentalment, l-għan wara l-irkupru ta’ ħlasijiet indebiti huwa bla dubju biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u jiġi prekluż l-arrikkiment indebitu (23). L-idea hija espressa b’mod ċar fl-Artikoli 73(1) u 73a tar-Regolament Nru 796/2004. Iżda hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola.

70.      Dawn l-eċċezzjonijiet huma espressi fl-Artikolu 137(2) tar-Regolament Nru 73/2009 (allokazzjoni indebita ta’ drittijiet għal ħlas) u l-Artikolu 73(4) u (5) tar-Regolament Nru 796/2004 (ħlas indebitu ta’ għajnuna). Huwa minnu li, kif josserva l-Gvern Daniż, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jiżguraw li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jiġi osservat (24). Iżda tibqa’ l-mistoqsija jekk dawn l-eċċezzjonijiet japplikawx jew le fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

71.      Qabel ma nindirizza din il-kwistjoni, ninnota bħala punt preliminari li skont l-approċċ adottat iktar ’il fuq, l-eliġibbiltà ta’ żoni ta’ art li tinsab fil-parametri ta’ ajruporti tiddependi fuq analiżi minn każ għal każ. Fil-fatt, l-eliġibbiltà ma tistax tiġi eskluża mill-bidu. L-eliġibbiltà tista’ tvarja wkoll minn sena ta’ għajnuna għal oħra. Fil-fatt, żoni ta’ sigurtà madwar runways, karreġġjati, u żoni ta’ waqfien fl-ajruporti jistgħu jikkostitwixxu ettari eliġibbli sakemm il-bidwi jkun jista’ effettivament jeżerċita attività agrikola tal-għażla tiegħu fuq l-art inkwistjoni. Punt ieħor li wieħed għandu jżomm f’moħħu huwa li l-biedja tikkostitwixxi attività professjonali. Fil-fehma tiegħi, dan il-fatt għandu jingħata sinjifikat partikolari fl-identifikazzjoni tal-grad ta’ attenzjoni li l-bidwi għandu jkollu meta japplika għall-għajnuna skont l-iskema ta’ pagament uniku.

72.      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, niġbed l-attenzjoni għall-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 796/2004, u b’mod partikolari għall-Artikolu 12(1)(f) u (4) ta’ dan ir-regolament. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa l-bidwi li għandu jivverifika l-preċiżjoni tal-informazzjoni fuq il-formola stampata minn qabel użata sabiex ssir applikazzjoni għall-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku. Jirriżulta wkoll minn dawn id-dispożizzjonijiet li s-sistema ta’ appoġġ għad-dħul li r-Regolamenti bażiċi jistabbilixxu hija bbażata fuq il-premessa li l-bdiewa huma konsapevoli tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ għajnuna skont l-iskemi inkwistjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet fihom l-idea li l-bdiewa, bħala professjonisti, huma mistennija li jużaw attenzjoni speċjali meta japplikaw għall-għajnuna u li jkunu jafu bil-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-għoti tal-għajnuna.

73.      Barra minn dan, kif tindika l-Kummissjoni, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti allokaw drittijiet għal ħlas lil żoni speċifiċi ta’ art jew li tkun tħallset għajnuna fir-rigward ta’ dawn iż-żoni ma “jeżonerax” lill-bidwi mill-obbligi tiegħu. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju tidentifika fid-domandi tagħha, partikolarment l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004, jirrigwardaw sitwazzjonijiet fejn diġà jkun sar ħlas indebitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 73a ta’ dan ir-regolament, il-bidwi għandu jagħti lura drittijiet allokati indebitament u għandhom jitqiesu daqslikieku qatt ma ġew allokati. Għaldaqstant, sempliċement għaliex ikunu ġew allokati drittijiet għal ħlas (jew tabilħaqq jekk ikunu saru ħlasijiet) ma jfissirx li l-benefiċċju rċevut indebitament għandu jitqies l regolari. Pjuttost, jeżisti riskju — li l-bdiewa għandhom ikunu jafu bih — li jkunu jridu jsiru korrezzjonijiet anki wara l-ħlas.

74.      Għaldaqstant, bidwi professjonali bħal J. Demmer għandu jkun jaf il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-“ettari eliġibbli” fit-tifsira tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2004 u tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 73/2009. Għalhekk, ma jidhirx li jkun partikolarment sever li bidwi jkun meħtieġ li — b’mod partikolari fid-dawl tal-esperjenza professjonali tiegħu (25) — ikun konsapevoli tar-regoli speċjali li japplikaw fir-rigward ta’ żoni ta’ art suġġetti għal użu mħallat (26). B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-kwistjoni tal-bona fide u tal-għajnuna li tkun tħallset diġà, ninnota sempliċement li l-fatt li jkun sar ħlas ftit li xejn huwa rilevanti fl-evalwazzjoni jekk benefiċjarju jistax jitqies li aġixxa bil-bona fide. Fil-kuntest partikolari ta’ skema ta’ għajnuna intiża sabiex tipprovdi appoġġ għad-dħul għal grupp ta’ professjonisti, l-evalwazzjoni tal-bona fide għandha — bħall-kriterju tan-natura raġonevoli msemmi iktar ’il fuq — tistrieħ fuq elementi oġġettivi.

75.      Fir-rigward taż-żmien rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni, ngħid dan li ġej.

76.      L-ewwel nett, l-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009 jistabbilixxi r-regola li d-drittijiet għal ħlas allokati indebitament qabel l-1 ta’ Jannar 2009 għandhom jiġu rregolarizzati sal-1 ta’ Jannar 2010. Madankollu, din ir-regola tapplika biss sa fejn l-iżball li wassal għall-ħlas indebitu ma setax jiġi raġonevolment identifikat mill-bidwi. F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-irqajja’ ta’ art inkwistjoni tneħħew mir-reġistru tal-art fl-2008. F’dak il-mument, din l-informazzjoni — imma anki l-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li tikkunsidra mill-ġdid l-applikazzjonijiet minn snin preċedenti u tikkalkola mill-ġdid id-drittijiet għall-ħlas — ġiet ikkomunikata lil J. Demmer. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, nikkunsidra li l-Artikolu 137(2) tar-Regolament Nru 73/2009 ma japplikax fiċ-ċirkustanzi tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

77.      B’mod iktar ġenerali, sabiex tapplika din id-dispożizzjoni, l-iżball għandu jkun tali li l-bidwi ma setax raġonevolment jidentifikah qabel l-1 ta’ Jannar 2010. Meta l-bidwi jkun ġie mfixkel b’mod sinjifikattiv fl-attività agrikola tiegħu b’attività mhux agrikola (fi kwalunkwe mument qabel l-1 ta’ Jannar 2010), ma narax kif wieħed jista’ jargumenta serjament li bidwi, fil-kapaċità professjonali tiegħu, ma setax jidentifika l-iżball li wassal għall-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ ħlas.

78.      It-tieni nett, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004 jirrigwarda ħlasijiet li saru diġà. Fid-dawl tal-informazzjoni li J. Demmer kellu fl-2008, l-eċċezzjonijiet għall-irkupru li jistabbilixxu l-Artikolu 73(4) u (5) jistgħu, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, jiġu applikati biss fir-rigward tal-perijodu qabel dak iż-żmien.

79.      Meta jiġi evalwat jekk bidwi setax raġonevolment jidentifika żball li jwassal għal ħlas indebitu għall-finijiet tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004, fil-fehma tiegħi, il-mument rilevanti għandu jkun iż-żmien tal-ħlas — kif inhu wkoll indikat b’mod ċar minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, għaliex bidwi għandu jiġi prekluż milli japplika għal għajnuna f’ċirkustanzi meta ż-żoni tal-art jistgħu, wara kollox, jikkostitwixxu ettari eliġibbli?

80.      Fil-każ ta’ użu mħallat tal-art, b’mod partikolari, huwa għal kollox konċepibbli li l-impatt tar-restrizzjonijiet kemm kuntrattwali kif ukoll leġiżlattivi dwar l-użu tal-art inkwistjoni jista’ ma jsirx evidenti sas-sena tal-għajnuna inkwistjoni. Pereżempju, jista’ ma jkunx possibbli li wieħed jipprevedi, qabel ma ssir l-applikazzjoni, jekk (u jekk ikun hekk, sa fejn) sid l-art de facto jużax il-prerogattivi kuntrattwali tiegħu (fil-każ preżenti, l-eżerċizzji militari) jew jekk il-bidwi jistax effettivament juża l-art inkwistjoni għall-attività agrikola tal-għażla tiegħu. Sa fejn l-għajnuna titħallas sena b’sena għal kull sena tal-għajnuna, l-evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004 għandha, fil-fehma tiegħi, issir b’mod separat fir-rigward ta’ kull sena ta’ għajnuna individwali. Dan għaliex, kif spjegat iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanzi jistgħu jinbidlu maż-żmien.

81.      It-tielet u l-aħħar nett, skont l-Artikolu 73(5) tar-Regolament Nru 796/2004, l-obbligu tal-ħlas lura huwa limitat għal erba’ snin meta l-benefiċjarju jkun aġixxa bil-bona fide. Kif ingħad iktar ’il fuq, ma nemminx li bidwi li jkollu ġenwinament l-intenzjoni juża l-art inkwistjoni għal attività agrikola partikolari għandu jiġi ppenalizzat għax japplika għall-għajnuna. Dan għaliex il-bidwi ma jkunx jista’ jiddetermina ħlief wara li jgħaddi ċertu żmien jekk ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-art humiex ta’ tali natura li jipprekluduh milli juża ż-żoni inkwistjoni għall-attività agrikola tal-għażla tiegħu.

82.      Minkejja dan, sabiex jibbenefika mill-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 73(5), il-bidwi għandu — minħabba, b’mod partikolari, il-bżonn li jiġi evitat l-arrikkiment indebitu — jaġixxi bil-bona fide (jiġifieri, fit-twemmin ġenwin li l-attività agrikola tal-għażla tiegħu tista’ effettivament tiġi eżerċitata fuq l-art) f’kull mument, minn meta jiġu allokati d-drittijiet għal ħlas sal-mument tal-ħlas tal-għajnuna. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-bona fide għall-finijiet tal-Artikolu 73(5) tar-Regolament Nru 796/2004 għandha ssir fir-rigward ta’ kull sena ta’ għajnuna separatament u l-bona fide għandha tibqa’ sal-mument tal-ħlas.

IV – Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Vestre Landsret kif ġej:

(1)      Żoni ta’ sigurtà madwar runways, karreġġjati u żoni ta’ waqfien fl-ajruporti jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, bil-kundizzjoni li, minkejja r-regoli u r-restrizzjonijiet applikabbli, il-bidwi jkun jista’ effettivament juża l-art inkwistjoni għall-attività agrikola tal-għażla tiegħu.

(2)      Meta bidwi japplika għal għajnuna għal attività agrikola eżerċitata f’żoni ta’ sigurtà madwar runways, karreġġjati u żoni ta’ waqfien:

(a)      ikun hemm żball li seta’ ġie raġonevolment identifikat mill-bidwi għall-finijiet tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn għall-bdiewa (kif emendat), jekk — fil-mument tal-ħlas — il-bidwi kien konsapevoli li ma setax effettivament juża l-art inkwistjoni għall-attività agrikola tal-għażla tiegħu matul is-sena ta’ għajnuna rilevanti, u

(b)      il-benefiċjarju ma jistax jitqies li aġixxa bil-bona fide għall-finijiet tal-Artikolu 73(5) tar-Regolament Nru 796/2004 jekk — fil-mument tal-ħlas — il-bidwi kien konsapevoli li effettivament ma setax juża l-art inkwistjoni għall-attività agrikola tal-għażla tiegħu matul is-sena ta’ għajnuna rilevanti.

(3)      L-evalwazzjoni fir-rigward tal-punti 2(a) u 2(b) għandha ssir għal kull sena ta’ għajnuna individwalment.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ [skemi ta’ appoġġ dirett] fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), kif emendat.


3 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16), kif emendat.


4 – Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni [skema ta’ pagament uniku] li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226), kif emendat.


5 – Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2184/2005, tat-23 ta’ Diċembru 2005, li jemenda Regolamenti (KE) Nru 796/2004 u (KE) Nru 1973/2004 li jwaqqaf regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ [skemi ta’ appoġġ dirett] fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU L 319M, 29.11.2008, p. 408), kif emendat.


6 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 370/2009, tas-6 ta’ Mejju 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 795/2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-ħlas waħdieni [skema ta’ pagament uniku] li hemm provvediment dwarha fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 114, p. 3).


7 – Ara wkoll l-Artikolu 2(b) u (e) tar-Regolament Nru 795/2004.


8 – Kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2184/2005, tat-23 ta’ Diċembru 2005, li jemenda Regolamenti (KE) Nru 796/2004 u (KE) Nru 1973/2004 li jwaqqaf regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU L 319M, 29.11.2008, p. 408).


9 – Kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 239/2005, tal-11 ta’ Frar 2005, li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 796/2004 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-konformità, modulazzjoni u l-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u jistabbilixxi ċertu skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU L 348M, 24.12.2008, p. 61).


10 – Artikoli 4 sa 8 tal-ftehim bejn J. Demmer u l-bażi tal-ajru Skrydstrup u l-Artikoli 4, u 6 sa 8 tal-ftehim bejn J. Demmer u l-ajruport ta’ Aalborg.


11 – Ara l-Artikolu 39(1)(b) TFUE. Għal diskussjoni, ara J. Hartig Danielsen, EU Agricultural Law, Kluwer Law International, Alphen An den Rijn: 2013, p. 17 et seq.


12 – Ara wkoll l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009, tal-29 ta’ Ottubru 2009, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (ĠU L 316, p. 1) u l-Artikoli 32(2)(a) u 3 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013 L 347, p. 608), li ma japplikawx, ratione temporis, fil-kawża preżenti.


13 – Ara s-sentenza Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punt 37. Il-klassifikazzjoni bħala żona agrikola ma teħtieġx li l-art tintuża esklużivament għal finijiet agrikoli.


14 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:265, punt 26. Din l-opinjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Landkreis Bad Dürkheim, EU:C:2010:606, punt 49.


15 – Skont il-premessa 3 fil-preambolu tar-Regolament 370/2009, għandu jiġi stabbilit qafas ta’ kriterji għall-Istati Membri kollha. Jiena ninterpreta din l-istqarrija bħala li tirrifletti x-xewqa tal-leġiżlatur li jiżgura, sa fejn huwa possibbli, l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-għoti tal-għajnuna.


16 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Wree, C‑422/13, EU:C:2014:2108, punti 38 sa 41. Fil-fehma tiegħu, għandha tingħata importanza partikolari lill-karatteristiċi oġġettivi taż-żona, kif ukoll l-għan tal-attività agrikola inkwistjoni.


17 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Wree, EU:C:2014:2108, punti 36 sa 38.


18 – Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Landkreis Bad Dürkheim, EU:C:2010:265, punt 58, fejn jiddiskuti l-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat jekk żona hijiex allokata lill-azjenda ta’ bidwi. Ara, għal dak li jirrigwarda kif il-kriterji jidħlu f’xulxin, il-punt 62 iktar ’l isfel.


19 – L-analiżi kienet twassal ċertament għal konklużjoni differenti kienu l-bidwi fis-sitwazzjoni ta’ J. Demmer xtaq ikabbar prodotti bħal ħafur li, sa fejn naf jien, irid jinħasad f’kundizzjonijiet speċifiċi, jew jieħu għall-mergħa l-qobla fiż-żoni tas-sigurtà tal-ajruport inkwistjoni.


20 – Ara s-sentenza Landkreis Bad Dürkheim, EU:C:2010:606.


21 – Ibid., punti 59 sa 66 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għalkemm mhux rilevanti direttament f’din il-kawża, ta’ min jinnota li, flimkien mal-kriterju tal-awtonomija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex żona tiġi allokata lil azjenda, iż-żoni eliġibbli għall-għajnuna għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-bidwi għal perijodu ta’ mill-inqas 10 xhur. Barra minn hekk, l-ebda terz ma għandu jagħmel xi attività agrikola fiż-żoni kkontestati matul dak il-perijodu.


22 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Wree, EU:C:2014:2108, punt 40. Huwa jemmen li l-kriterju ta’ “awtonomija suffiċjenti” msemmija fis-sentenza Landkreis Bad Dürkheim jista’ jiġi applikat mutatis mutandis fl-evalwazzjoni dwar jekk attività agrikola hijiex imfixkla b’mod sinjifikattiv.


23 – Ara s-sentenza Strawson and Gagg & Sons, C‑304/00, EU:C:2002:695, punt 41.


24 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 52. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:35, punt 47 et seq.


25 – Ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-irkupru ta’ dazji ta’ importazzjoni wara l-isdoganament, sentenza Ilumitrónica, C‑251/00, EU:C:2002:655, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti importanza speċjali lill-esperjenza professjonali tan-negozjant fl-evalwazzjoni dwar jekk il-persuna aġixxietx bil-bona fide, jew, fi kliem ieħor, jekk in-nuqqas ta’ ġbir kienx dovut għal żball li l-persuna inkwistjoni ma setgħetx raġonevolment tidentifika.


26 – Ara, mutatis mutandis, is-sentenza Schilling u Nehring, C‑63/00, EU:C:2002:296, punt 41.