Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Ottubru 2008 - Umbach vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-474/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Dieter C. Umbach (rappreżentant: M. Stephani, Rechtsanwalt)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Settembru 2008, Nru SG.E.3/MV/psi D(2008) 6991.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li huwa jkollu aċċess sħiħ u illimitat għal dokumenti relatati ma' programm TACIS u ma' kuntratt TACIS li r-rikorrent kien parti fih. Ir-rikorrent isostni li l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni huwa neċessarju għad-difiża tiegħu fil-kuntest ta' rikors għar-rimbors tal-ammont imħallas lilu, ippreżentat kontrih mill-Kummissjoni wara li ġie xolt il-kuntratt TACIS.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, minn naħa, il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari, il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tad-dritt għal smigħ xieraq, peress li, bħala wieħed mill-partijiet, huwa għandu jkollu aċċess sħiħ u liberu għad-dokumenti li huma neċessarji għad-difiża tiegħu u sabiex ikun jista' jasserixxi validament id-drittijiet tiegħu fil-konfront tal-Kummissjoni.

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent isostni li dritt għall-aċċess sħiħ u liberu għall-atti jirriżulta wkoll mir-Regolament (KE) Nru 1049/20011, safejn il-Kummissjoni, b'mod partikolari, eżerċitat b'mod żbaljat id-diskrezzjoni mogħtija lilha skont l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43)