Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Settembru 2008 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-356/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: K. Chalkias u E. Leftheriotou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tilqa' r-rikors tar-Repubblika Ellenika u tannulla fl-intier tagħha d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, fin-nuqqas ta' dan, temendaha skont dak li ġie speċifikament espost, tordna li ebda korrezzjoni ma sseħħ fis-settur tar-raba' maħdum għas-snin ta' ħsad 2004 u 2005 jew, fi kwalunkwe każ, li l-korrezzjoni tkun limitata għal 5% u fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-qamħ tal-Awstralja biss;

tnaqqas is-somma ta' EUR 609 833.96 mill-korrezzjoni imposta ta' EUR 127 714 520.73 kif ukoll minn kull korrezzjoni oħra li tiġi imposta, skont il-każ, wara l-preżentazzjoni ta' dan ir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'dan ir-rikors, li huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3411 tat-8 ta' Lulju 2008, ippubblikata taħt in Nru 2008/582/KE, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju infiq li jammonta għal EUR 127 714 520.73, inkors mir-Repubblika Ellenika, abbażi tal-verifikazzjoni tal-kontijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), ir-rikorrenti tinvoka s-segwenti motivi għal annullament:

Permezz tal-ewwel motiv għal annullament, li jikkonċerna l-korrezzjoni applikabbli għall-uċuħ tal-qamħ tal-Awstralja imma wkoll barra l-qamħ tal-Awstralja, hija tinvoka żball ta' interpretazzjoni u ta' implementazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3508/921, tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1593/20002, tal-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 445/20023 u tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1782/20034, peress li huwa possibbli, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet applikabbli, li ssir l-identifikazzjoni tal-biċċiet tar-raba' permezz ta' mapep oħra imma li jixbhu lil mapep ortofotografiċi; fin-nuqqas ta' dan, evalwazzjoni zbaljata tal-fatti u nuqqas ta' motivazzjoni tal-korrezzjonijiet imposti. Barra minn hekk, hija tinvoka nuqqas ta' bażi legali sabiex jiġu imposti korrezzjonijiet, peress li, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma interpretatx b'mod korrett il-fatti u marret lilhinn mill-limiti tas-setgħa ta' diskrezzjoni tagħha fir-rigward tal-fatt li l-ispezzjonijiet fuq il-post ma seħħewx fil-ħin.

Permezz tat-tieni motiv għal annullament tagħha, ir-rikorrenti ssostni nuqqas ta' bażi legali u motivazzjoni insuffiċjenti rigward l-allegata reċidività u l-ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità u tal-aspettattivi leġittimi, peress li, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ġiet infurmata bl-inċidenti legali li ttardjaw il-konklużjoni tas-sistema ta' spezzjoni tagħha filwaqt li, skont ir-rakkommandazzjonijiet tal-Kummissjoni u inkollaborazzjoni ma' din tal-aħħar, ir-rikorrenti kienet issuġġettat ruħha għall-pjan ta' azzjoni għal dan il-għan.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta' Novembru 1992 li jistabbilixxi sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta' għajnuna Komunitarja (ĠU L 355, 5.12.1992, p. 1)

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1593/2000 tas-17 ta' Lulju 2000 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3508/92 li jistabbilixxi sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll għal xi skemi ta'għajnuna Komunitarja (ĠU L 182, 12.07. 2000, p. 4)

3 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 445/2002 tas-26 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU L 74, 15.03.2002, p. 1)

4 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1)