Language of document : ECLI:EU:T:2018:723

Kawża T334/16 P

FN et

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanji – Trasferiment tas-sede taċ-CEPOL minn Bramshill (ir-Renju Unit) għal Budapest (l-Ungerija) – Assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà tar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tal‑25 ta’ Ottubru 2018

1.      Proċedura ġudizzjarja – Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio mill-qorti – Osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 129; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni ta’ aġenzija tal-Unjoni dwar it-trasferiment tas-sede tagħha – Bidla tas-sitwazzjoni legali tal-membri tal-persunal u tal-uffiċjali – Assenza – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

1.      Adita b’appell skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali tista’, skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura, fi kwalunkwe mument, teżamina ex officio l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubblika. Peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ta’ natura pubblika, hija, jekk ikun il-każ, il-Qorti Ġenerali li għandha teżaminahom ex officio, suġġett li tkun stiednet minn qabel lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

(ara l-punt 49)

2.      L-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kundizzjoni indispensabbli għall-ammissibbiltà ta’ kull rikors magħmul mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal tal-Unjoni kontra l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li magħha huma impjegati. F’dan ir-rigward, huma miżuri li jikkawżaw preġudizzju biss dawk il-miżuri li joħorġu mill-awtorità kompetenti u li jkun fihom teħid ta’ pożizzjoni definittiva tal-amministrazzjoni li tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu, b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni legali tagħha.

B’dan il-mod, it-trasferiment tas-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni jirriżulta minn ftehim tal-Istati Membri u minn att tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Konsegwentement, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ fid-deċiżjoni dwar it-trasferiment tas-sede tagħha sempliċement fakkret il-prinċipju tal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-persunal tagħha kif kien deċiż bi ftehim komuni tal-Istati Membri. Meta għamlet dan, hija ma biddlitx b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, li rriżultat f’dan ir-rigward mill-ftehim komuni tal-Istati Membri.

Fir-rigward tad-drittijiet finanzjarji statutorji tal-appellanti, id-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għall-persunal ta’ aġenzija ma titħalliex għall-evalwazzjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tagħha, iżda hija l-konsegwenza tal-kundizzjonijiet ta’ ħajja tal-post ta’ impjieg. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni għall-appellanti tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni previst għas-sede l-ġdid huwa biss il-konsegwenza mekkanika tal-ftehim komuni tal-Istati Membri, minn naħa, u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa l-oħra.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kontenzjuża tipprevedi l-possibbiltà ta’ negozjati individwali dwar id-data ta’ bidu ta’ qadi ta’ karigi fis-sede l-ġdid tal-aġenzija u dwar il-preavviz ta’ riżenja bejn id-Direttur tal-aġenzija u l-membri tal-persunal li ma jixtiqux jingħaqdu mal-imsemmi sede ġdid. B’dan il-mod, billi adottat din id-deċiżjoni, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ iddefinixxiet linja ta’ aġir ġenerali li abbażi tiegħu hija kien fi ħsiebha, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti, tadotta sussegwentement deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw, skont il-każ, ir-riżenja tal-membri tal-persunal li ma jkunux bdew jaqdu l-karigi tagħhom fiż-żmien mitlub fis-sede l-ġdid, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari ta’ kull wieħed minnhom.

(ara l-punti 49, 50, 60, 61, 64, 69, 72 u 75)