Language of document : ECLI:EU:T:2015:99

Kawża T‑287/13

Husky CZ s.r.o.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja verbali HUSKY — Użu ġenwin tat-trade mark — Revoka parzjali — Proroga tat-terminu — Regola 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 — Traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Frar 2015

1.      Dritt tal-Unjoni — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Termini — Proroga ta’ terminu stabbilit mill-Uffiċċju — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 2868/95, l-ewwel Artikolu, Regola 71(1) u (2))

3.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Eżami tat-talba — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Traduzzjoni tad-dokumenti prodotti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 51(1)(a); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, l-ewwel Artikolu 22, Regoli 22(2) sa (4) u (6) u 40(5))

4.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Eżami tat-talba — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti — Użu ġenwin — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, l-ewwel Artikolu, Regoli 22(3) u 40(5))

1.      In-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni Ewropea teskludi li dan jitqies separatament f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi uffiċjali kollha.

(ara l-punt 37)

2.      Ir-Regola 71(2) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja għandha tiġi interpretata fis-sens li fejn parti, fi proċedimenti inter partes, titlob proroga ta’ terminu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) jista’, mingħajr ma huwa marbut li jagħmel dan, jitlob il-qbil tal-parti l-oħra u li din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess regola, li twassal għall-konklużjoni li l-Uffiċċju għandu jieħu inkunsiderazzjoni, speċjalment meta jiddeċiedi li ma jitlobx il-qbil tal-parti l-oħra, iċ-ċirkustanzi tat-talba għall-proroga tat-terminu.

(ara l-punt 46)

3.      Ir-Regola 22(6) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità jikkompleta u jippreċiża d-dispożizzjonijiet tar-Regola 22(2) sa (4) tal-istess regolament, applikabbli mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ revoka skont ir-Regola 40(5) tal-istess regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regola 22(6) tar-Regolament Nru 2868/95 huwa applikabbli għal proċedimenti ta’ revoka fuq il-bażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. Mir-Regola 22(6) tar-Regolament Nru 2868/95 jirriżulta li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jista’ jitlob it-traduzzjoni ta’ dokumenti li ma jkunux ġew prodotti fil-lingwa tal-proċedimenti mill-parti li tkun ippreżentat dawn id-dokumenti.

(ara l-punti 55, 56)

4.      Skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, li tapplika mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ revoka skont ir-Regola 40(5) tal-istess regolament, il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark għandha tinkludi, bħala rekwiżiti kumulattivi, il-post, il-ħin, l-estent u n-natura tal-użu li jkun sar mit-trade mark.

L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu li din it-trade mark kienet verament użata kummerċjalment, b’mod partikolari, l-użu meqjus bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex iżomm fis-seħħ jew joħloq sehem fis-suq favur il-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-portata u l-frekwenza tal-użu tat- trade mark.

Sabiex tiġi eżaminata in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meqjusa.

Minkejja li r-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 issemmi indikazzjonijiet tal-post, il-ħin, l-estent u n-natura tal-użu u tagħti eżempji ta’ provi aċċettabbli, bħall-pakketti, tabelli, listi tal-prezzijiet, katalgi, fatturi, ritratti, reklami fuq il-gazzetti u dikjarazzjonijiet bil-miktub, din ir-regola ma tindikax li kull prova għandha neċessarjament tinkludi informazzjoni dwar kull wieħed mill-erba’ elementi li għandhom jiġu koperti mill-provi tal-użu ġenwin, jiġifieri, il-post, il-ħin, t-tul, l-estent u n-natura tal-użu.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li sensiela ta’ provi tippermetti li jiġu stabbiliti l-fatti li għandhom jintwerew, anki jekk kull waħda minn dawn il-provi, meqjusa separatament, ma tkunx biżżejjed sabiex tikkostitwixxi l-prova tal-eżattezza ta’ dawn il-fatti.

Huwa t-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha mressqa għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) li għandu jippermetti li tiġi stabbilita l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata.

(ara l-punti 62-67)