Language of document : ECLI:EU:T:2008:203

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Ġunju 2008 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva Komunitarja BoomerangTV – Trade marks nazzjonali u Komunitarji, verbali u figurattivi, preċedenti BOOMERANG u Boomerang – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Nuqqas ta’ trade mark magħrufa sew fis-sens tal-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi – Nuqqas ta’ preġudizzju għar-reputazzjoni – Nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi dwar l-eżistenza ta’ ċerti trade marks preċedenti u t-traduzzjonijiet tagħhom quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni – Produzzjoni ta’ provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell – Artikolu 8(1)(b) u (2)(ċ), Artikolu 8(5) u Artikolu 74(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Regola 16(2) u (3), Regola 17(2) u Regola 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-kawża T‑420/03,

El Corte Inglés, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Rivas Zurdo u E. López Leiva, avocats,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn I. de Medrano Caballero, bħala aġent,

konvenut,

il-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li huma

José Matías Abril Sánchez u Pedro Ricote Saugar, residenti f’Madrid, irrappreżentati minn J. M. Iglesias Monravá, avocat,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-1 ta’ Ottubru 2003 (każ R 88/2003‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn El Corte Inglés, SA kontra J. M. Abril Sánchez u P. Ricote Saugar,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Wiszniewska-Białecka (Relatur), aġent President, E. Moavero Milanesi u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Diċembru 2003,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ April 2004,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ April 2004,

wara li rat it-talba għall-preżentata tad-dokumenti indirizzat mill-Qorti tal-Prim’Istanza lill-intervenjenti fit-30 ta’ Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Diċembru u fil-25 ta’ Novembru 2004,

wara li rat id-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza lill-partijiet fl-4 ta’ Lulju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Lulju, fit-3 ta’ Awwissu u fis-16 ta’ Settembru 2005,

wara li rat id-digriet ta’ sospensjoni tat-13 ta’ Ottubru 2005,

wara li rat id-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza lill-partijiet fit-13 ta’ Marzu 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Marzu, fit-28 ta’ Marzu u fit-12 ta’ April 2007,

wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-3 ta’ Mejju 1999, l-intervenjenti, José Matías Abril Sánchez u Pedro Ricote Saugar, ippreżentaw talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendata. Din it-talba saret bl-Ispanjol.

2        It-trade mark li għaliha ġiet mitluba r-reġistrazzjoni hija s-segwenti sinjal figurattiv:

Image not found

3        Is-servizzi li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 38 u 41 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, (iktar’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nizza”), u jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet segwenti:

–        klassi 38 : “Telekomunikazzjonijiet; servizzi ta’ programmi radjofoniċi u televiżivi; trażmissjonijiet u xandiriet radjofoniċi u televiżivi”;

–        klassi 41 : “Servizzi ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ divertiment; attivitajiet kulturali; studios ċinematografiċi u tal-irrikordjar; kiri ta’ films; kompetizzjonijiet (ta’ divertiment); editjar ta’ programmi televiżivi u tar-radju; produzzjoni tal-films”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 95/99 tad-29 ta’ Novembru 1999.

5        Fit-18 ta’ Frar 2000, ir-rikorrenti, El Corte Inglés, kumpannija stabbilita fi Spanja, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

6        Il-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni kien l-Ingliż.

7        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq is-segwenti drittijiet preċedenti:

–        it-trade marks figurattivi li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 163 613 (għas-servizzi “telekomunikazzjonijiet” li jaqgħu taħt il-klassi 38) u Nru 2 163 616 (għas-servizzi “edukazzjoni u divertiment” li jaqgħu taħt il-klassi 41), mitluba fit-22 ta’ Mejju 1998, u tar-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 035 514 (għall-prodotti “ħwejjeġ, żraben, kpiepel” li jaqgħu taħt il-klassi 25), Nru 2 035 507 (għall-prodotti “apparat għad-dawl, għas-sħana, għall-ġenerazzjoni tal-fwar, għat-tisjir, għat-tkessiħ, għat-tnixxif, għall-ventilazzjoni u għall-provvista tal-ilma u għall-użu sanitarju” li jaqgħu taħt il-klassi 11), Nru 2 035 505 (għall-prodotti “għodda u strumenti tal-idejn għal użu manwali; pożati, frieket u mgħaref, armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna, għodda għat-tqaxxir tal-leħja” li jaqgħu taħt il-klassi 8) u Nru 2 035 508 sa Nru 2 035 513, mitluba fid-19 ta’ Ġunju 1996, irrappreżentati kif ġej:

Image not found

–        it-trade marks figurattivi li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 1 236 024 (għall-prodotti “ħwejjeġ għall-irġiel, għan-nisa u għat-tfal ; żraben” li jaqgħu taħt il-klassi 25) u Nru 1 236 025 [għall-prodotti “artikli tal-ġinnastika u tal-isport (minbarra ħwejjeġ u żraben); logħob u ġugarelli” li jaqgħu taħt il-klassi 28], mitluba fit-23 ta’ Frar 1988, u ta’ reġistrazzjoni Spanjola Nru 1 282 250 (għall-prodotti “ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta’ dan il-materjal li mhuwiex inkluż fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar, umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti magħmulin minn sarrâġ” li jaqgħu taħt il-klassi 18), mitluba fit-3 ta’ Novembru 1988, irrappreżentati kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark verbali BOOMERANG, li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni Spanjola Nru 456 466 (għall-prodotti “kull tip ta’ ħwejjeġ għall-irġiel, għan-nisa u għat-tfal, tixus, srievet, bjankerija, tessuti, gverti u tvalji” li jaqgħu taħt il-klassijiet 24 u 25), mitluba fil-25 ta’ Settembru 1964;

–        it-trade marks figurattivi li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni Spanjola Nru 2 227 732, mitluba fis-16 ta’ April 1999, u tat-talbiet tar-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 227 731 [għall-prodotti “karti, kartunċin; oġġetti magħmula minn karti u kartunċin, li mhumiex inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat, ġurnali u revisti; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanzi li jwaħħlu (għall-kartolerija); materjali tal-artisti, pniezel; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal tal-istruzzjoni u tat-tagħlim (minbarra l-apparat); karti tal-logħob; tipa tal-printer; inċiżjonijiet tal-istampar” li jaqgħu taħt il-klassi 16] u Nru 2 227 734, ippreżentati fis-16 ta’ April 1999, irrappreżentati kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni tar-Renju Unit Nru 1 494 568 (għall-prodotti “suits tal-irġiel u suits tan-nisa, kowtijiet, raincoats, qliezet, dbielet, qliezet qosra, T-shirts, ġerżijiet, jumpers, ġkieket, sweatshirts, kalzetti, xalpi u xalel, ingwanti, headbands, wristbands; stvali, żraben tal-isports; l-oġġetti kollha inklużi fil-klassi 25” li jaqgħu taħt il-klassi 25), mitluba fit-18 ta’ Marzu 1992, irrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade marks figurattivi li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni Irlandiża Nru 153 228 (għall-prodotti “ħwejjeġ, kpiepel u żraben, kull oġġett inkluż fil-klassi 25” li jaqgħu taħt il-klassi 25), mitluba fit-13 ta’ Marzu 1992, u tar-reġistrazzjoni Griega Nru 109 387 (għall-prodotti “ħwejjeġ, inkluż stvali u papoċċi” li jaqgħu taħt il-klassi 25), mitluba fis-16 ta’ Marzu 1992, irrappreżentat iktar’il quddiem:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva li kienet is-suġġett ta’ talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja Nru 448 514 ippreżentata fit-3 ta’ Frar 1997, għal serje ta’ prodotti inklużi fil-klassijiet 3, 18 u 25, irrappreżentata iktar’il quddiem kif ġej:

Image not found

–        it-trade marks figurattivi li huma magħrufa sew fis-sens tal-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, tal-20 ta’ Marzu 1883, kif riveduta u emendata (iktar’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”) fi Spanja, fl-Irlanda, fil-Greċja u fir-Renju Unit, u li tkopri l-prodotti u servizzi kollha inklużi fil-klassijiet 18, 25, 38 u 41, irrappreżentati kif ġej:

Image not found

Image not found

Image not found

Image not found

8        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

9        Permezz ta’ faks tal-20 ta’ Marzu 2000, l-UASI informa lir-rikorrenti li hija ma kinitx identifikat b’mod korrett il-prodotti u s-servizzi kollha protetti mid-drittijiet preċedenti tagħha. Huwa taha terminu ta’ xahrejn sabiex tirrimedja dawn in-nuqqasijiet.

10      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Marzu 2000 indirizzata lill-UASI, ir-rikorrenti ppreċiżat, bl-Ingliż, il-prodotti u s-servizzi koperti mir-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 035 505, Nru 2 035 507, Nru 2 035 514, Nru 456 466, Nru 1 236 024, Nru 1 236 025, Nru 1 282 250, Nru 2 227 731, Nru 2 163 613 u Nru 2 163 616, ir-reġistrazzjoni Griega Nru 109 387, ir-reġistrazzjoni tar-Renju Unit Nru 1 494 568 u r-reġistrazzjoni Irlandiża Nru 153 228.

11      Ma’ din l-ittra, ir-rikorrenti hemżet ukoll kopji taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni jew tat-tiġdid tat-trade marks Spanjoli Nru 2 035 505, Nru 2 035 507, Nru 2 035 514, Nru 1 236 024, Nru 1 236 025 u Nru 1 282 250, bl-Ispanjol, kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom bl-Ingliż; kopja tal-applikazzjoni tat-trade mark Spanjola Nru 456 466 u tal-att ta’ trasferiment ta’ dan id-dritt għall-benefiċċju tagħha, flimkien mat-traduzzjoni tagħhom bl-Ingliż; kopja tal-formola tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni Spanjola Nru 2 227 731, flimkien mat-traduzzjoni bl-Ingliż; kopji taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni tar-Renju Unit Nru 1 494 568 u tal-Irlanda Nru 153 228, bl-Ingliż; kopja tat-tieni paġna taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni Griega Nru 109 387, flimkien mat-traduzzjoni bl-Ingliż taċ-ċertifikat kollu; kopji tal-formoli tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni Spanjola Nru 2 163 613 u Nru 2 163 616, li jirreferu għas-servizzi msemmija bl-Ispanjol, u kopji tad-deċiżjonijiet Spanjoli tar-reġistrazzjoni li huma relatati magħhom, li jagħmlu rispettivament riferiment għall-klassijiet 38 u 41, imma li ma jirreferux għas-servizzi koperti minn dawn ir-reġistrazzjonijiet, kif ukoll it-traduzzjoni bl-Ingliż ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

12      Permezz ta’ faks tas-7 ta’ Awwissu 2000, l-UASI indika lir-rikorrenti, minn naħa, li r-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 035 508 sa Nru 2 035 513, Nru 2 227 732 u Nru 2 227 734 ma kinux se jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li l-prodotti u s-servizzi koperti minn din ma kinux imsemmija fil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li hija kellha sas-17 ta’ Diċembru 2000 sabiex tippreżenta fatti, provi u osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni tagħha. F’dan il-faks, l-UASI nnotifika wkoll li kull dokument kellu jkun ippreżentat fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ikollu mehmuż miegħu traduzzjoni, fejn traduzzjoni hija meħtieġa wkoll għal kull dokument li tqiegħed fil-proċess li ma kienx fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fl-aħħar nett, huwa ppreċiża li d-dokumenti li ma jkunux tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, bħal ma huma t-traduzzjonijiet ippreżentati mingħajr kopja tal-oriġinal.

13      Ma’ dan il-faks kien hemm mehmuża nota ta’ spjegazzjoni intitolata “Informazzjoni dwar il-prova”, li kienet tgħid, b’mod partikolari, li kull prova proċedurali u sostantiva dwar id-drittijiet preċedenti għandha tiġi ppreżentata, b’mod partikolari, rigward l-awtorità li minnha toriġina l-informazzjoni, il-prodotti u s-servizzi koperti, id-data tar-reġistrazzjoni u l-proprjetarju tad-drittijiet. Din in-nota indikat li kellha wkoll issir traduzzjoni tal-kliem standard tad-dokumenti ppreżentati.

14      Fit-3 ta’ Ottubru 2000, l-intervenjenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bħala risposta għall-oppożizzjoni u limitaw is-servizzi li għalihom intalbet it-trade mark BoomerangTV għal dawk tal-klassi 41 u li jikkorrispondu għas-segwenti deskrizzjoni: “studios ċinematografiċi u tal-irrikordjar; kiri ta’ films; kompetizzjonijiet (ta’ divertiment); editjar ta’ programmi televiżi u tar-radju; produzzjoni tal-films”.

15      Permezz ta’ faks tal-20 ta’ Novembru 2000, l-UASI informa lir-rikorrenti b’dan il-limitu, fejn staqsieha jekk riditx tkompli bl-oppożizzjoni, u estenda t-terminu indikat fil-faks tas-7 ta’ Awwissu 2000 sa’ l-20 ta’ Jannar 2001.

16      Permezz ta’ faks tad-19 ta’ Jannar 2001, ir-rikorrrenti informat lill-UASI li kienet ser tkompli bl-oppożizzjoni tagħha, b’mod partikolari, peress li l-limitu tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni mhux dejjem jippermetti li jiġi evitat riskju ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fid-dawl tat-trade mark tagħha Nru 2 163 616. Hija ppreżentat ukoll numru ta’ dokumenti intiżi li juru r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha. Fl-istess ġurnata, l-intervenjenti ppreżentaw osservazzjonijiet ġodda, li b’mod partikolari, isostnu li r-rikorrenti kienet naqset milli tippreżenta prova tal-użu tad-drittijiet preċedenti tagħha.

17      Permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2002, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Hija kkonstatat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti kienet naqset milli tipprovdi l-lista ta’ prodotti u servizzi koperti mit-trade marks Spanjoli Nru 2 035 508 sa Nru 2 035 513, Nru 2 227 732 u Nru 2 227 734, minkejja li kienet intalbet tagħmel dan, u għalhekk ikkunsidrat l-oppożizzjoni bħala inammissibbli safejn din kienet ibbażata fuq dawn it-trade marks. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-oppożizzjoni kienet infondata safejn hija kienet ibbażata fuq id-drittijiet preċedenti Nru 2 163 613, Nru 2 163 616, Nru 456 466 u Nru 109 387, peress li ma ġietx ippreżentata prova tal-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet. Għalhekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sostniet li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat la t-traduzzjoni bl-Ingliż tal-formoli tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni Spanjola Nru 2 163 613 u Nru 2 163 616 – u li għalhekk l-indikazzjonijiet dwar l-awtoritajiet li ħarġu dawn id-dokumenti, il-proprjetarju ta’ dawn ir-reġistrazzjonijiet, id-data u n-numru ta’ dawn l-applikazzjonijiet u r-referenza tas-servizzi koperti minn dawn ir-reġistrazzjonijiet ma kinux ġew tradotti fil-lingwa tal-proċedura ta’ oppożizzjoni – la dokument uffiċjali li jindika d-data ta’ reġistrazzjoni jew id-data tal-bidu tal-validità tar-reġistrazzjoni Spanjola Nru 456 466, u lanqas dokument uffiċjali li jinkludi informazzjoni dwar il-proprjetarju tar-reġistrazzjoni Griega Nru 109 387, id-dati tal-applikazzjoni u tar-reġistrazzjoni ta’ dan id-dritt, il-prodotti koperti minn din ir-reġistrazzjoni u r-rappreżentazzjoni tas-sinjal ikkonċernat.

18      Barra minn hekk, id-diviżjoni tal-oppożizzjoni kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx ressqet dokumenti suffiċjenti li jippermettuha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dawn it-trade marks, li huma magħrufa sew fis-sens tal-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, fi Spanja, fl-Irlanda, fil-Greċja u fir-Renju Unit, u li, fir-rigward ta’ dawn, l-oppożizzjoni kienet ukoll infondata.

19      Fl-aħħar nett, hija qieset li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinux issodisfati, b’mod partikolari peress li d-drittijiet preċedenti ġustifikati mir-rikorrenti (reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 035 505, Nru 2 035 507, Nru 2 035 514, Nru 1 236 024, Nru 1 236 025, Nru 1 282 250 u Nru 2 227 731, tar-Renju Unit Nru 1 494 568 u tal-Irlanda Nru 153 228 u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 448 514) ikopru l-prodotti u s-servizzi li mhumiex simili għal dawk li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV u li l-prova ppreżentata ma kinitx suffiċjenti sabiex tagħti prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

20      Fl-24 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Ma’ l-osservazzjonijiet li jindikaw l-aggravji, hija hemżet, inter alia, estratti mill-bażi ta’ data Sidetex tal-Oficina Española de Patentes y Marcas (l-Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u tat-Trade Marks, iktar’il quddiem l-“OEPM”) li jikkonċernaw ir-reġistrazzjonijiet Spanjoli tiegħu Nru 2 163 613, Nru 2 163 616 u Nru 456 466 u r-reġistrazzjoni Spanjola tal-intervenjenti Nru 2 184 868, flimkien mat-traduzzjoni tagħhom bl-Ingliż, u artikolu tal-istampa dwar l-importanza u d-diversità tan-negozju tagħha fi Spanja.

21      Permezz tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2003 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. L-ewwel nett, fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tiegħu u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa qies bħala inammissibbli d-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba li kienu mehmuża mal-osservazzjonijiet li jindikaw l-aggravji. It-tieni nett, huwa kkonferma l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li qieset li l-oppożizzjoni kienet inammissibbli peress li hija kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 035 508 sa Nru 2 035 513, Nru 2 227 732 u Nru 2 227 734, u peress li r-rikorrenti ma kienet ippreżentat ebda argument sabiex tikkontesta l-fatt li ma kinitx ippreċiżat il-prodotti u s-servizzi koperti mir-reġistrazzjonijiet. It-tielet nett, huwa kkunsidra, b’mod partikolari, li r-regola 16(1) sa (3), ir-regola 17(2) u r-regola 20(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, jawtorizzaw lid-diviżjoni tal-oppożizzjoni tirrifjuta l-oppożizzjoni minħabba li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat, fil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni, id-dokumetni neċessarji sabiex turi l-eżistenza tad-drittijiet preċedenti Nru 2 163 613 u Nru 2 163 616. Ir-raba’ nett, huwa kkonferma l-konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li jgħidu li, minn naħa, il-provi tal-eżistenza tar-reġistrazzjoni Griega Nru 109 387 u tar-reġistrazzjoni Spanjola Nru 456 466 ma kinux ġew ippreżentati u li r-rikorrenti ma kienet ressqet ebda argument sabiex tikkontesta dan, u min-naħa l-oħra, li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet rikjesti għall-protezzjoni tat-trade marks magħrufa sew fis-sens tal-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi kienu ssodisfati, u li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jikkontesta dan.

22      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell eżamina l-oppożizzjoni billi bbaża ruħu biss fuq ir-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 035 505, Nru 2 035 507, Nru 2 035 514, Nru 1 236 024, Nru 1 236 025, Nru 1 282 250 u Nru 2 227 731, tar-Renju Unit Nru 1 494 568 u tal-Irlanda Nru 153 228 u fuq l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 448 514. Wara li naqas milli japplika l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, peress li ebda waħda mit-trade marks preċedenti ma kienu identiċi għat-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, huwa kkonstata li ma kien hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, peress li l-prodotti koperti minn dawn id-drittijiet preċedenti ma kinux simili għas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fl-aħħar nett, huwa kkonferma l-evalwazzjoni tad-diviżjoni tal-oppożizzjoni li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx applikabbli, peress li r-rikorrenti ma ppruvatx b’mod suffiċjenti skont il-liġi li r-reputazzjoni tat-trade marks tagħha jinkludu s-sinjal verbali “boomerang”.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

–        tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV ;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

24      Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tieħu inkunsiderazzjoni l-provi ġodda.

25      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      L-intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tilqa’ r-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV għas-servizzi inklużi fil-klassi 41;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27      Fir-risposta tagħhom tat-22 ta’ Marzu 2007 għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li jista’ jkollha f’din il-kawża s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2002, UASI vs Kaul (C-29/05 P, Ġabra p. I‑2213), l-intervenjenti ppreċiżaw li s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni setgħu jkunu limitati għal “studios ċinematografiċi u tal-irrikordjar; kompetizzjonijiet (televiżivi); produzzjoni tal-films”. Bħala risposta għal waħda mid-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta, l-intervenjenti ppreċiżaw li dan il-limitu kien ġie propost biss b’mod sussidjarju, u li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet nota.

28      Barra minn hekk, l-intervenjenti jipproponu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tadotta miżura istruttorja, intiża għall-preżentazzjoni tal-faxxikolu tal-proċedura quddiem l-UASI u ta’ prova tar-reġistru ċentrali tal-kummerċ ta’ Madrid dwar in-negozju tar-rikorrenti.

 Fid-dritt

29      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur mill-Bord tal-Appell tal-obbligu li jeżamina l-provi ppreżentati quddiemu, it-tieni nett, fuq l-iżbalji mwettqa mill-UASI fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi tal-eżistenza ta’ numru mid-drittijiet preċedenti tiegħu, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u r-raba’ nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha preliminarjament tiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti kapijiet tat-talbiet u fuq il-provi l-ġodda proposti mir-rikorrenti.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti kapijiet tat-talbiet

30      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet, ir-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-UASI jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV. Permezz tat-tielet kap tat-talbiet, l-intervenjenti essenzjalment jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-UASI jilqa’ r-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV għas-servizzi inklużi fil-klassi 41 skont il-Ftehim ta’ Nizza.

31      Skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti Komunitarja. Għalhekk, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tindirizza ordni lill-UASI. Huwa dan tal-aħħar, fil-fatt, li għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza [is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II‑433, punt 33, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Flex Equipos de Descanso vs UASI – Leggett & Platt (LURA-FLEX), T-192/04, Ġabra p. II-2411, punt 33]. Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti u t-tielet kap tat-talbiet tal-intervenjenti huma inammissibbli.

 Fuq il-produzzjoni ta’ provi ġodda quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

 L-argumenti tal-partijiet

32      Mar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tehmeż diversi dokumenti intiżi, b’mod partikolari, li juru l-fama u r-reputazzjoni tagħha u dawk tat-trade marks preċedenti tagħha. Hija tipproponi wkoll li tippreżenta ċerti provi addizzjonali.

33      L-UASI jsostni li kemm il-provi l-ġodda ppreżentati mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll il-proposta tagħha li tippreżenta provi ġodda addizzjonali huma inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34      Mill-faxxikolu jirriżulta li, ir-rikorrenti ppreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, is-sentenza mogħtija mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid, Spanja) fil-11 ta’ Settembru 2003 fir-rikors Nru 1118/2000 bejn l-intervenjenti u l-OEPM dwar rifjut ta’ reġistrazzjoni minn dan l-uffiċċju tat-trade mark figurattiva BoomerangTV sabiex jistabbilixxi s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 41 skont il-Ftehim ta’ Nizza (Anness 4 tar-rikors), it-tieni nett, numru ta’ dokumenti li juru l-fama u r-reputazzjoni tagħha kif ukoll tat-trade marks preċedenti tagħha (Annessi 5 sa 8 u 14 tar-rikors) u, it-tielet nett, estratti minn data ta’ Sidetex dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 2 184 869 tat-trade mark figurattiva BoomerangTV għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 41 skont il-Ftehim ta’ Nizza, ippreżentati mill-intervenjenti quddiem l-OEPM (l-aħħar tliet paġni tal-Anness 13 tar-rikors).

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, ir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa intiż għall-kontroll tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ dawn il-provi tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdi li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell. Għalhekk id-dokumenti inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala inammissibbli mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II‑701, punt 18, u tat-23 ta’ Mejju 2007, Henkel vs UASI – SERCA (COR), T-342/05, Ġabra p. II-52, punt 31]. Għall-istess raġuni, offerta ta’ provi ġodda ppreżentati minn waħda mill-partijiet għandha tiġi miċħuda wkoll [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T-183/02 u T-184/02, Ġabra p. II‑965, punt 97].

36      F’dan il-każ, isegwi li l-Annessi 5 sa 8, l-Anness 14 u l-aħħar tliet paġni tal-Anness 13 tar-rikors huma inammissibbli, safejn jinvolvu provi ġodda li ma ġewx ippreżentati matul il-proċedura quddiem l-UASI, u li l-proposta tar-rikorrenti li tipproduċi provi addizzjonali ma tistax tiġi milqugħa.

37      Madankollu, la l-partijiet u lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza m’huma preklużi milli jiġu ispirati, fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, minn elementi bbażati fuq ġurisprudenza Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali. Għalhekk, tali possibbiltà li jsir riferiment għal sentenzi ta’ qrati nazzjonali mhijiex imsemmija mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar’il fuq, peress li mhuwiex allegat li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni elementi ta’ fatt f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda li kiser dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94, u li invoka l-ġurisprudenza insostenn ta’ dan il-motiv [is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T-277/04, Ġabra p. II‑2211, punt 71]. Għalhekk, it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tas-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid ippreżentata fl-Anness 4 tar-rikors, huwa suġġett għar-raġuni għalfejn ġiet invokata din is-sentenza mir-rikorrenti. Għalhekk, il-possibbiltà li l-Qorti tal-Prim’Istanza tieħu din is-sentenza inkunsiderazzjoni għandha tiġi evalwata waqt l-analiżi tal-mertu tal-motiv fil-kuntest li fih ġiet invokata din is-sentenza.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li jiġu eżaminati l-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell

 L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti tosserva li l-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell kienu ammissibbli u li s-sentenza UASI vs Kaul, punt 27 iktar’il fuq, tikkonferma l-possibbiltà li jiġu ppreżentati fatti u provi għall-ewwel darba matul l-appell quddiem l-UASI. Barra minn hekk, skont din is-sentenza, iċ-ċaħda ta’ rikors ma tistax tkun sempliċement ibbażata fuq ir-raġuni li l-fatti u l-provi ma setgħux jiġu ppreżentati iżjed quddiem il-Bord tal-Appell. L-applikazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija f’din is-senteza għandha timplika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

39      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod korrett li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti għall-ewwel darba man-nota li tispjega l-aggravji kienu inammissibbli. Huma jsostnu wkoll li s-sentenza UASI vs Kaul, punt 27 iktar’il fuq, mhijiex rilevanti fil-kawża preżenti peress li l-provi inkwistjoni huma differenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Skont din id-dispożizzjoni, l-UASI jista’ ma jikkunsidrax il-fatti li ma kinux invokati mill-partijiet jew provi li ma kinux ippreżentati fi żmien xieraq.

41      Minn dan isegwi li, bħala regola ġenerali u bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja, il-preżentata ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tal-perijodu li għalih hija suġġetta tali preżentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94, u l-UASI bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew ippreżentati tard b’dan il-mod. Madankollu, tali invokazzjoni jew preżentata tardiva ta’ fatti u ta’ provi ma tikkonferixxix lill-parti li tinvoka jew tippreżenta fatti jew provi tard, dritt inkundizzjonat li fatti jew provi bħal dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-UASI. Billi jippreċiża li dan tal-aħħar “jista’”, f’każ bħal dan, ma jqisx fatti u provi bħal dawn, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 effettivament jagħti lill-UASI setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti l-motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jqishom (sentenza UASI vs Kaul, punt 27 iktar’il fuq, punti 42 u 43).

42      Il-fatt li l-UASI jieħu inkunsiderazzjoni l-preżentata tardiva ta’ fatti jew ta’ provi, meta jiġi mitlub jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’, b’mod partikolari, ikun iġġustifikat meta dan jikkunsidra, minn naħa, li l-elementi ppreżentati b’mod tardiv jistgħu prima facie jkollhom rilevanza vera għal dak li jirrigwarda l-eżitu tal-oppożizzjoni magħmula quddiemu u, min-naħa l-oħra, li l-istadju tal-proċedura li fih isseħħ din il-produzzjoni tardiva ta’ fatti jew ta’ provi u ċ-ċirkustanzi relatati ma jkunux jipprekludu dan it-teħid inkunsiderazzjoni (sentenza UASI vs Kaul, punt 27 iktar’il quddiem, punt 44).

43      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut jieħu inkunsiderazzjoni l-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu. Madankollu, peress li naqas milli jieħu din il-prova inkunsiderazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk il-Bord tal-Appell kisirx l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, billi qies lilu nnifsu nieqes minn kull marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-UASI u l-intervenjenti, mhemmx lok, bħala prinċipju, li tiġi limitata l-applikazzjoni tal-prinċipji esposti fil-punti 40 sa 42 iktar’il fuq minħabba l-fatti u l-provi inkwistjoni, peress li tali limitu mhuwiex previst fl-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, in-natura tal-fatti u tal-provi inkwistjoni hija element li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju mill-UASI tas-setgħa diskrezzjonali li hija mogħtija lilu minn dan l-artikolu.

44      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell indika fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata li kien konformi mal-prattika tal-Bord tal-Appell li jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli d-dokumenti mehmuża għall-ewwel darba man-nota li tindika l-aggravji. Huwa żied jgħid li tali dokumenti kellhom jiġu ppreżentati lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fiż-żmien stabbilit u li waħda mill-partijiet ma setgħetx validament tibbenefika minn rikors sabiex tintroduċi provi ġodda li ma kinux ġew ippreżentati fit-terminu stabbilit. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għaż-żewġ deċiżjonijiet preċedenti tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS) (T-388/00, Ġabra p. II‑4301).

45      Għalhekk, biex jasal għal konklużjoni li d-dokumenti li kienu ġew ippreżentati quddiemu għall-ewwel darba kienu ammissibbli, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq il-fatt li r-rikorrenti kienet diġà ngħatatilha l-possibbiltà li tipproduċi d-dokumenti kollha inkwistjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għalhekk, hija kkunsidrat impliċitament li ċ-ċirkustanzi li fihom id-dokumenti inkwistjoni kienu ġew ippreżentati kienu jipprekludu li dawn jiġu kkunsidrati. Minbarra hekk, mill-proċess jirriżulta li t-terminu li kien ingħata lir-rikorrenti sabiex tippreżenta d-dokumenti inkwistjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kien suġġett għall-proroga u li r-rikorrenti b’ebda mod ma sostniet li hija ma setgħetx tippreżenta d-dokumenti inkwistjoni quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni meta din tal-aħħar tatha terminu addizzjonali sabiex tippreżentahom.

46      Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax bħala regola li d-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba mir-rikorrenti kienu inammissibli, imma huwa ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ u mmotiva d-deċiżjoni tiegħu rigward dan il-punt. Huwa minnu li din il-motivazzjoni hija qasira u li l-provi li għalihom jirreferi l-Bord tal-Appell mhumiex eżattament dawk imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza UASI vs Kaul, punt 27 iktar’il fuq. Madankollu, dan ma jwassalx għall-konklużjoni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94.

47      Minn naħa, is-sentenza UASI vs Kaul, punt 27 iktar’il fuq (ara, f’dan is-sens il-punti 42 u 43), timponi bħala rekwiżit essenzjali li l-Bord tal-Appell ma jqisx bħala impossibbli li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi li jiġu ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu. Għalhekk, kif ġie espost fil-punti 44 u 45 iktar’il fuq, dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża. Min-naħa l-oħra, l-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat bħala li jistgħu jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell tal-fatti u tal-provi ppreżentati b’mod tardiv huma biss eżempji, kif tindika l-espressjoni “b’mod partikolari” (ara l-punt 42 iktar’il fuq). Għalhekk, f’din il-kawża, ir-referenza għall-provi li mhumiex identiċi għal dawk indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ma jistgħux jikkostitwixxu nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-istess sentenza. Dan jgħodd aktar peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni biss fir-rigward tal-provi li jistgħu jippermettu li jiġi ġġustifikat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti u provi ppreżentati b’mod tardiv, minkejja li, kif ġie kkonstatat fil-punt 41 iktar’il fuq, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jippermetti wkoll, skont il-każ, li jiġu miċħuda tali fatti u provi.

48      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma ċaħadx ir-rikors li ġie mressaq quddiemu mir-rikorrenti għar-raġuni waħdanija li hija kienet ippreżentat il-fatti u l-provi b’mod tardiv u li huwa ma qiesx li kien nieqes minn setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-possibbiltà li jieħu inkunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu mir-rikorrenti. Kuntrarjament, huwa eżerċita s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, safejn kien biss wara li ġew analizzati ċ-ċirkustanzi fil-kawża u s-sitwazzjoni fid-dritt li huwa ddeċieda li jiċħad bħala inammissibbli d-dokumenti inkwistjoni.

49      Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward, il-ksur tal-Artikolu 74(2) mhuwiex stabbilit. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, dwar l-iżbalji li twettqu mill-UASI fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-provi u l-eżistenza ta’ ċerti drittijiet preċedenti

 L-argumenti tal-partijiet

50      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li permezz tal-ittra tal-21 ta’ Marzu 2000, hija ppreżentat fit-terminu stabbilit it-traduzzjonijiet rikjesti għar-reġistrazzjonijiet Spanjoni Nru 2 163 613 u Nru 2 163 616 kif ukoll d-data bażika dwar ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 456 466. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell aċċettawhom fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet Nru 2 163 613 u Nru 2 163 616, billi ammettew li l-oppożizzjoni kienet ammissibbli safejn din kienet ibbażata fuq dawn id-drittijiet. Għalhekk, peress li naqsu milli jqisu dawn id-drittijiet bħala l-bażi tal-oppożizzjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell segwew raġunament kontradittorju.

51      Sussegwentement, hija ssostni li, bi ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, l-UASI ma talabhiex tippreżenta traduzzjonijiet li kienu nieqsa mir-reġistrazzjonijiet Nru 2 163 613 u Nru 2 163 616. Il-faks tal-UASI tas-7 ta’ Awwissu 2000 ifisser li t-traduzzjonijiet dwar ir-reġistrazzjonijiet li ma kinux imsemmija fih kienu ġew ikkunsidrati bħala ammissibbli.

52      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti nnifishom, billi wettqu paragun bejn ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 2 163 616 u t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, qablu mal-validità ta’ din ir-reġistrazzjoni, li għalhekk għandha tiġi milqugħa.

53      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell, bħad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, żbaljatament ma ħax inkunsiderazzjoni ċerti drittijiet preċedenti, b’mod partikolari, ir-reġistrazzjoni Spanjola Nru 2 163 616, li wasslitu sabiex jippreġudika d-drittijiet li r-rikorrenti għandha skont l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 40/94.

54      Dan huwa minnu wkoll fir-rigward tat-trade marks magħrufa sew tar-rikorrenti. Il-provi li ġew ippreżentati lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, issupplimentati minn dawk ippreżentati quddiem il-Bord tal-Appell, huma insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-eżistenza tat-trade marks magħrufa sew fis-sens tal-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

55      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tehmeż estratti mill-bażi ta’ data Sitadex mal-Annessi 10 sa 12 tar-rikors tagħha, dwar ir-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 163 613, Nru 2 163 616 u Nru 456 466 u tenfasizza l-fatt li, b’mod partikolari, l-ewwel żewġ reġistrazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala bażi tal-oppożizzjoni tagħhom u li, fir-rigward tar-reġistrazzjoni Nru 456 466, l-estratt rilevanti tal-bażi ta’ data Sitadex kien diġà ġie ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, hija tinsisti fuq il-fama tagħha stess, li hija wriet quddiem il-Bord tal-Appell.

56      Preliminarjament, l-UASI jsostni li peress li l-ewwel argument tar-rikorrenti, li jgħid li t-traduzzjonijiet neċessarji kienu ġew ippreżentati permezz tal-ittra tal-21 ta’ Marzu 2000, ma ġiex imqajjem quddiem il-Bord tal-Appell huwa jmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Fir-rigward tal-mertu, l-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

57      Billi l-argumenti tar-rikorrenti jikkonċernaw biss it-trade marks Nru 2 163 613, Nru 2 163 616 u Nru 456 466 kif ukoll it-trade marks magħrufin sew, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li l-prova tal-eżistenza tar-reġistrazzjoni ma kinitx ġiet ippreżentata għandha tiġi kkunsidrata bħala definittiva.

58      Fir-rigward tad-drittijiet preċedenti li fil-konfront tagħhom ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti hija intiża sabiex turi li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra, minn naħa, b’mod ġenerali, li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kellha raġun li tikkonkludi li l-prova tal-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet preċedenti ma ġietx ippreżentata u, min-naħa l-oħra, b’mod speċifiku, li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza tat-trade marks magħrufa sew fis-sens tal-Artiklu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

–       Fuq il-prova tal-eżistenza tad-drittijiet preċedenti

59      L-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 40/94, jipprovdi li l-oppożizzjoni għandha ssir bil-miktub u tkun motivata, u titqies li saret biss wara ħlas tat-taxxa tal-oppożizzjoni u li l-parti li topponi tista’ tippreżenta insostenn tagħha fatt, provi u osservazzjonijiet f’terminu stabbilit mill-UASI. Skont ir-Regola 18(1) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, jekk l-UASI jikkonstata li l-att tal-oppożizzjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu jew li l-att tal-oppożizzjoni ma jindikax b’mod partikolari, it-trade mark preċedenti jew id-dritt preċedenti li abbażi tagħha jew tiegħu saret l-oppożizzjoni, huwa għandu jiċħad l-oppożizzjoni minħabba inammissibbiltà, sakemm dawn in-nuqqasijiet ma jkunux rimedjati qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni.

60      Skont ir-Regola 15(2)(b)(vii) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, l-att tal-oppożizzjoni għandu jinkludi, fir-rigward tat-trade mark preċedenti jew id-dritt preċedenti, li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni, il-prodotti u s-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata jew mitluba, hija magħrufa sew jew tgawdi minn reputazzjoni. Skont ir-Regola 18(2) tal-istess regolament, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, jekk l-att tal-oppożizzjoni ma jissodisfax id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 minbarra l-Artikolu 42 jew tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2868/95 minbarra dawk indikati fir-Regola 18(1) u, għalhekk, b’mod partikolari, jekk l-att tal-oppożizzjoni ma jissodisfax ir-Regola 15(2)(b)(vii) tar-Regolament Nru 2868/95, l-UASI għandu jinforma b’dan lill-parti li topponi billi jitlobha tirrettifika dan f’terminu ta’ xahrejn, u fin-nuqqas ta’ dan, l-UASI għandu jiċħad l-oppożizzjoni bħala inammissibbli.

61      Barra minn hekk, bis-saħħa tar-Regola 16(2) u (3) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, l-att tal-oppożizzjoni għandu jkollu provi tal-eżistenza tad-drittijiet preċedenti, u jekk tali provi ma jkunux ġew ippreżentati mal-att tal-oppożizzjoni, dawn jistgħu jiġu ppreżentati f’terminu wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni, li l-UASI jistabbilixxi skont ir-Regola 20(2) tal-istess Regolament.

62      Skont ir-Regola 17(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, jekk il-provi li għandhom jiġu ppreżentati insostenn tal-oppożizzjoni skont ir-Regola 16(2,) mhumiex ippreżentati fil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni, il-parti li topponi għandha tippreżenta traduzzjoni f’din il-lingwa fi żmien xahar mill-iskadenza tat-terminu tal-oppożizzjoni jew, jekk ikun il-każ, fit-terminu stabbilit mill-UASI bis-saħħa tar-Regola 16(3) tal-istess regolament.

63      Fl-aħħar nett, skont ir-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, meta l-att ta’ oppożizzjoni ma jkunx fih id-dettalji tal-informazzjoni deskritti iktar’il fuq, b’mod partikolari, il-provi li huma msemmija fir-Regola 16(2), l-UASI għandu jistieden lill-parti li topponi biex tippreżentahom fit-terminu stabbilit.

64      Għalhekk, mill-qari tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 flimkien mar-Regoli 16, 17, 18 u 20 tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, jirriżulta li l-leġiżlatur jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet li l-att ta’ oppożizzjoni għandu jissodisfa, li huma kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-oppożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-produzzjoni tal-fatti, provi u osservazzjonijiet kif ukoll ta’ dokumenti insostenn tal-oppożizzjoni, li jaqgħu taħt l-iskop tal-eżami ta’ din tal-aħħar [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI – Massagué Marín (Chef), T-232/00, Ġabra p. II‑2749, punt 31, u tal-15 ta’ Mejju 2007, Black & Decker vs UASI – Atlas Copco (Rappreżentazzjoni tridimensjonali ta’ għodda elettronika safra u sewda et), T-239/05, T-240/05, T-245/05 sa T-247/05, T-255/05 u T-274/05 sa T-280/05, Ġabra p. II-43, punt 84].

65      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom fl-att tal-oppożizzjoni jimplika r-rifjut tal-oppożizzjoni minħabba inammissibbiltà, ir-Regola 18 tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, tiddistingwi bejn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà li jaqgħu taħt il-paragrafu 1 u dawk li jaqgħu taħt il-paragrafu 2. Kif jirriżulta mill-punt 60 iktar’il quddiem, huwa biss fil-każijiet li fihom l-att tal-oppożizzjoni ma jissodisfax waħda jew uħud mill-kundizzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-oppożizzjoni minbarra dawk imsemmija espliċitament fir-Regola 18(1) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, l-UASI għandu, skont ir-Regola 18(2), jinforma b’dan lill-parti li topponi u jitlobha tirrettifikaha fi żmien xahrejn qabel ma jiċħad l-oppożizzjoni minħabba inammissibbiltà (sentenza Chef, punt 64 iktar’il fuq, punti 33 sa 36).

66      Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti legali fuq il-preżentata tal-fatti, tal-provi, u tal-osservazzjonijiet, kif ukoll tad-dokumenti ppreżentati insostenn tal-oppożizzjoni, u t-traduzzjonijiet tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni, ma jikkonstitwixxux kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-oppożizzjoni, imma kundizzjonijiet li jolqtu l-mertu tagħha. Għalhekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni mhijiex marbuta tinforma lill-parti li topponi bin-nuqqas li jikkonsisti fl-omissjoni min-naħa tagħha li tipproduċi dawn il-provi insostenn tal-oppożizzjoni u t-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Chef, punt 64 iktar’il fuq, punti 37, 52 u 53, u LURA-FLEX, punt 31 iktar’il fuq, punti 55 u 56).

67      Jekk il-parti li topponi ma tipproduċix il-provi u d-dokumenti insostenn tal-oppożizzjoni kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit inizjalment għal dan il-għan mill-UASI jew qabel l-iskadenza tal-proroga eventwali skont ir-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95, l-UASI jista’ leġittimament jirrifjuta l-oppożizzjoni bħala infondata, sakemm ma jistax jiddeċiedi fuqha billi jibbaża ruħu fuq provi li huma eventwalment għad-dispożizzjoni tiegħu, skont ir-Regola 20(3) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti. Ir-rifjut tal-oppożizzjoni jikkostitwixxi f’dan il-każ il-konsegwenza tan-nuqqas li tkun issodisfata kundizzjoni sostantiva tal-oppożizzjoni, u għalhekk, il-parti li topponi, billi tonqos milli tipproduċi fit-terminu previst il-provi u d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti, ma jirnexxiliex turi l-eżistenza tal-fatti u tad-drittijiet li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni [is-sentenza Chef, punt 64 iktar’il fuq, punt 44, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Novembru 2003, Strongline vs UASI – Scala (SCALA), T-235/02, Ġabra p. II‑4903, punt 39].

68      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, permezz tal-faks tal-20 ta’ Marzu 2000, l-UASI informa lir-rikorrenti bil-fatt li, b’mod partikolari, hija ma kinitx identifikat b’mod korrett il-prodotti u s-servizzi kollha protetti mid-drittijiet preċedenti u tatha terminu ta’ xahrejn, li kien jiskadi fl-20 ta’ Mejju 2000, sabiex tirrettifika dawn in-nuqqasijiet.

69      Huwa paċifiku wkoll li, permezz tal-ittra tal-21 ta’ Marzu 2000, ir-rikorrenti, minn naħa, identifikat il-prodotti u s-servizzi koperti b’mod partikolari mir-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 163 613, Nru 2 163 616 u Nru 456 466. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-reġistrazzjoni Spanjola Nru 456 466, hija bagħtet lill-UASI kopja tat-trade mark ippubblikata fil-Bullettin Uffiċjali tal-Proprjetà Industrijali Spanjol fl-1964 u ta’ att tat-trasferiment ta’ dan id-dritt għall-benefiċċju tagħha, bit-traduzzjonijiet tagħhom bl-Ingliż u, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 163 613 u Nru 2 163 616, kopji tal-formoli tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni Spanjola, li jirreferu għas-servizzi msemmija, u kopji tad-deċiżjoni Spanjoli ta’ reġistrazzjoni, li jirreferu għall-klassijiet 38 u 41 rispettivament, imma li ma jsemmux il-lista tas-servizzi kkonċernati speċifikament, kif ukoll tat-traduzzjoni bl-Ingliż ta’ dawn id-deċiżjonijiet biss.

70      Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li permezz ta’ faks tas-7 ta’ Awwissu 2000, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni indikat lir-rikorrenti li r-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 035 508 sa Nru 2 035 513, Nru 2 227 732 u Nru 2 227 734 ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li l-prodotti u s-servizzi koperti minnhom ma kinux imsemmija fil-lingwa tal-proċedimenti, u tatha terminu ta’ erba’ xhur, li kienu jiskadu fis-17 ta’ Diċembru 2000, sabiex tippreżenta fatti, provi u osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, filwaqt li indikat li kull dokument kellu jiġi ppreżentat fil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni jew ikollu traduzzjoni. Permezz ta’ faks tal-20 ta’ Novembru 2000, dan it-terminu ġie estiż għall-20 ta’ Jannar 2001. Mill-faxxikolu jirriżulta li fid-19 ta’ Jannar 2001, bħala risposta għal dan il-faks, ir-rikorrenti ppreżentat biss dokumenti li huma intiżi li juru r-reputazzjoni tat-trade marks tagħha preċedenti.

71      Minn dan isegwi, l-ewwel nett li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, hija ma ppreżentatx quddiem id-diviżjoni tal-oppożizzjoni, il-provi neċessarji sabiex tagħti prova tal-eżistenza tat-trade marks Spanjoli Nru 2 163 613, Nru 2 163 616 u Nru 456 466. Jekk huwa minnu li, permezz tal-ittra tal-21 ta’ Marzu 2000, hija rreferiet, fil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni, għal-lista ta’ prodotti u servizzi msemmija minn dawn it-trade marks, minn dan jidher li hija ddeċidiet fuq l-oppożizzjoni tagħha skont id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regolament Nru 2868/95 imsemmija mir-Regola 18(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti.

72      Fil-fatt, kif kien indikat fil-punti 10 u 11 iktar’il fuq, f’din l-ittra, ir-rikorrenti la pproduċiet iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni Spanjola tat-trade mark Nru 456 466 u lanqas dokument uffiċjali ieħor, u skont il-każ it-traduzzjoni bl-Ingliż, li seta’ jsemmi l-elementi sostantivi u proċedurali kollha dwar dan id-dritt u li seta’ jippermetti lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tikkunsidra l-eżistenza tiegħu, minkejja li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet espliċitament indikat li dawn l-elementi u t-traduzzjoni eventwali tagħhom kellhom jiġu ppreżentati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-drittijiet preċedenti inkwistjoni (ara l-punti 12 u 13 iktar’il fuq). Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma ppreżentatx dokument uffiċjali, u skont il-każ, it-traduzzjoni bl-Ingliż, li kien ikun prova tal-prodotti u s-servizzi li għalihom it-trade marks Nru 2 163 613 u Nru 2 163 616 kienu ġew irreġistrati u hija lanqas ma ppreżentat dokument intiż li jistabbilixxi l-karattru magħruf sew tat-trade marks preċedenti kkonċernati. Barra minn hekk, id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti fid-19 ta’ Jannar 2001 ma setgħux jirrettifikaw in-nuqqasijiet tal-provi tal-eżistenza tat-trade marks Nru 2 163 613, Nru 2 163 616 u Nru 456 466, fid-dawl tal-fatt li huma sempliċement intiżi li jistabbilixxu r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u li ebda dokument uffiċjali ieħor dwar it-trade marks Nru 2 163 613, Nru 2 163 616 u Nru 456 466 ma ġie ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

73      Ir-referenza, fil-lingwa tal-proċedimenti, tal-prodotti u servizzi msemmija mit-trade marks preċedenti ma tikkostitwixxix traduzzjoni tal-provi tal-eżistenza tad-drittijiet preċedenti inkwistjoni u lanqas tista’ tiġi mqabbla magħha (ara, f’dan is-sens is-sentenza Chef, punt 64 iktar’il quddiem, punt 64) u, fin-nuqqas tat-traduzzjoni, fil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni, tal-provi tal-eżistenza tad-drittijiet preċedenti, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni setgħet tikkunsidra legalment li l-oppożizzjoni kienet infondata safejn din ma kinitx ibbażata fuq id-drittijiet li l-eżistenza tagħhom ma kinitx ġiet ippruvata (ara punt 67 iktar’il fuq, u f’dan is-sens, is-sentenza Chef, punt 64 iktar’il fuq, punti 44 u 57).

74      Barra minn hekk, peress li l-prova tal-eżistenza tad-drittijiet preċedenti taqa’ taħt il-mertu tal-oppożizzjoni, il-fatt li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat li l-oppożizzjoni kienet ammissibbli anke safejn din kienet fondata fuq id-drittijiet preċedenti li l-eżistenza tagħhom kienet sussegwentement ikkunsidrata bħala mhux stabbilita mid-dispożizzjoni tal-oppożizzjoni ma timplika ebda kontradizzjoni fl-argumentazzjoni ta’ din tal-aħħar.

75      It-tieni nett, mill-fatti kontinwament imfakkra fil-punti 68 sa 70 iktar’il fuq, jirriżulta li billi bagħtet faks fl-20 ta’ Marzu 2000 fejn talbet ir-rikorrenti tirrettifika n-nuqqasijiet tal-oppożizzjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni applikat b’mod korrett l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti. Minbarra hekk, billi bagħtet il-faks tas-7 ta’ Awwissu 2000 fejn talbet ir-rikorrenti tippreżenta, fi żmien erba’ xhur, li kien estiż b’xahar, il-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni applikat b’mod korrett ir-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti.

76      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma kellhiex l-obbligu li titlobha tippreżenta t-traduzzjonijiet nieqsa jew li tavżaha bil-fatt li l-provi ppreżentati ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-drittijiet inkwistjoni u li tagħtiha terminu sabiex tirrettifika dawn in-nuqqasijiet. Fil-fatt, dan l-obbligu huwa impost fuq l-UASI fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-oppożizzjoni pprovduti fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti. Għalhekk, il-ksur tar-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, mhuwiex stabbilit.

77      It-tielet nett, jekk jitqies li l-intervenjenti kienu effettivament irrikonoxxew il-“validità” tar-reġistrazzjoni Spanjola Nru 2 163 616, jiġifieri tad-drittijiet preċedenti l-oħra inkwistjoni, quod non, din iċ-ċirkustanza ma tobbligax id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell jikkunsidra li l-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet kienet stabbilita. L-Artikolu 8 tar-Regolament 40/94 essenzjalment jipprovdi li ma jistax ikun hemm raġuni relattiva għal rifjut għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja sakemm it-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tmur kontra t-trade mark preċedenti. Skont il-ġurisprudenza, huwa l-UASI li għandu jivverifika, abbażi ta’ provi li għandha tippreżenta l-parti li topponi, l-eżistenza tat-trade marks invokati insostenn tal-oppożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 2005, PepsiCo vs UASI – Intersnack Knabber-Gebäck (RUFFLES), T-269/02, Ġabra p. II‑1341, punt 26). Għalhekk, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ trade mark Komunitarja mhijiex element li jista’ jitħalla għad-diskrezzjoni tal-partijiet. Għaldaqstant, l-argument li r-rikorrenti tibbaża fuq l-approvazzjoni allegata tal-intervenjenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ waħda, jew anke numru ta drittijiet preċedenti, għandha tiġi miċħuda.

78      Minn dak li ntqal, jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta qabel mad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li kkonkludiet li l-prova tal-eżistenza tat-trade marks preċedenti Nru 2 163 613, Nru 2 163 616 u Nru 456 466 ma ġietx ippreżentata u l-oppożizzjoni kienet infondata safejn din kienet ibbażata fuq dawn id-drittijiet. Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel argument invokat mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C-233/02, Ġabra p. I‑2759, punt 26).

–       Fuq il-prova tal-eżistenza tat-trade marks preċedenti magħrufa sew

79      Peress li l-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jirreferi għal trade marks “magħrufa sew f’xi Stat Membru, fis-sens li l-kliem ‘magħrufa sew’ huma użati fl-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi”, hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat kif il-prova tal-eżistenza ta’ trade mark magħrufa sew tista’ tiġi ppreżentata, li ssir referenza għad-direttivi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 6 bis.

80      Skont l-Artikolu 2 tar-rakkomandazzjoni komuni rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tat-trade marks magħrufa, adottata mill-Assemblea tal-Unjoni ta’ Pariġi u l-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) fl-34 laqgħa tal-assemblea tal-Istati Membri tal-WIPO (tal-20 sad-29 ta’ Settembru 1999), sabiex jiġi ddeterminat jekk trade mark hijiex magħrufa sew fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li minnha jista’ jiġi dedott li t-trade mark hija magħrufa sew, b’mod partikolari, il-grad ta’ għarfien jew rikonoxximent tat-trade mark fis-settur rilevanti tal-pubbliku; iż-żmien, l-importanza u l-firxa ġeografika ta’ kull użu tat-trade mark; iż-żmien, l-importanza u l-firxa ġeografika ta’ kull promozzjoni tat-trade mark, inkluż ir-reklamar jew it-tixrid u l-preżentazzjoni, f’fieri jew wirjiet, tal-prodotti jew servizzi li għalihom tapplika t-trade mark; it-tul u l-firxa ġeografika ta’ kull reġistrazzjoni, jew ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark, safejn jirriflettu l-użu jew ir-rikonoxximent tat-trade mark; il-każijiet ta’ nfurzar effettiv tad-drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark, partikolarment safejn it-trade mark tkun ġiet rikonoxxuta bħala magħrufa sew mill-awtorità kompetenti; il-valur assoċjat mat-trade mark.

81      F’din il-kawża, jirriżulta mill-proċess li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tat-trade marks preċedenti magħrufa sew fi Spanja, fl-Irlanda, fil-Greċja u fir-Renju Unit, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, l-ewwel nett, estratti mill-katalgi tal-prodotti tagħha, u wriet li d-denominazzjoni “boomerang” hija użata għall-ħwejjeġ, għall-aċċessorji u għat-tagħmir sportiv, it-tieni nett, ritratt ta’ żewġ blalen diriġibbli meħud waqt avveniment sportiv u, it-tielet nett, numru ta’ artikli ta’ ġurnali Spanjoli dwar klabb tal-futbol magħruf bħala “Boomerang Interviú” imbagħad “Boomerang”, sponsorjat mir-rikorrenti.

82      Għaldaqstant, għandu jingħad, kif indikat b’mod korrett id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u kif ġie kkonfermat mill-Bord tal-Appell fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn huwa qies bħala tiegħu l-motivi esposti mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li dawn id-dokumenti ma jagħtux prova li t-trade marks inkwistjoni kienu ġew użati jew kienu magħrufa jew rikonoxxuti fl-Irlanda, fil-Greċja u fir-Renju Unit. Barra minn hekk, minkejja li dawn id-dokumenti jistabbilixxu mill-inqas li ċerti trade marks inkwistjoni kienu użati mir-rikorrenti fi Spanja, dawn m’għandhom ebda informazzjoni dwar iż-żmien u l-firxa ta’ dan l-użu, il-grad ta’ għarfien jew rikonoxximent tat-trade marks inkwistjoni fi Spanja jew kull element ieħor li minnu jista’ jingħad li t-trade marks inkwistjoni huma magħrufa sew fi Spanja jew f’parti sostanzjali tat-territorju Spanjol.

83      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkunsidra li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ikkonkludiet skont il-liġi li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 kienu ssodisfati.

84      Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv u kif jirriżulta mill-punt 76 iktar’il quddiem, il-Bord tal-Appell irrifjuta d-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu mir-rikorrenti u kkunsidra li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma kinitx marbuta tinformaha bin-nuqqas tal-provi ppreżentati sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tat-trade marks magħrufa sew fis-sens tal-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

85      Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud, kif ukoll it-tieni motiv fl-intier tiegħu, mingħajr ma huwa neċessarju, fid-dawl ta’ dak li ntqal, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti deċiżjoni, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, fuq id-dokumenti li jidhru fl-Annessi 10 sa 12 tar-rikors.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

86      Qabel xejn, ir-rikorrenti ssostni li hija tirrepeti l-argumenti li għamlet waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI. Hija tikkunsidrahom “riprodotti fl-intier tagħhom” u, fuq din il-bażi, titlob ir-rifjut tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata mill-intervenjenti.

87      Sussegwentement, hija tenfasizza li l-kelma “boomerang” hija element dominanti tal-familja tat-trade marks preċedenti tagħha u li n-natura dominanti tagħha ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-preżenza tal-kelma “aventura” f’uħud minnhom. Peress li b’mod ġenerali, il-konsumaturi jirreferu għat-trade mark bil-fomm, għalhekk l-elementi figurattivi mhumiex rilevanti. Barra minn hekk, l-element “tv” tat-trade mark li għaliha tintalab ir-reġistrazzjoni, li huwa ġeneriku u deskrittiv, m’għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti. Għalhekk, it-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija komposta minn element dominanti tat-trade marks preċedenti. Il-Bord tal-Appell ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni dan l-aspett.

88      Barra minn hekk, is-servizzi msemmija mit-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni u dawk imsemmija mit-trade mark Nru 2 163 616 huma identiċi jew simili, minkejja li l-lista tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV kienet limitata waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI. Għalhekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija stabbilita fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ trade marks. Fir-rigward tal-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti, uħud minnhom, bħal ma huma l-basktijiet u l-ħwejjeġ, jistgħu jsaħħu l-promozzjoni tal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-klassi 41 u li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV. Is-settur li fih huma ppreżentati t-trade marks preċedenti, jiġifieri s-settur sportiv, huwa barra minn hekk marbut ma’ dak tal-ispettaklu u l-produzzjonijiet televiżivi. Minn din ir-rabta u mill-element “boomerang”, li huma komuni għat-trade marks inkwistjoni, hija wkoll stabbilita l-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tat-trade marks preċedenti l-oħra.

89      Il-karattru distintiv ħafna tat-trade marks preċedenti, li huma magħrufa sew u rinomati fis-settur tal-ħwejjeġ u tal-moda fi Spanja, mill-inqas bħala trade marks ta’ impriża li hija stess rinomata fi Spanja, isaħħaħ il-probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ.

90      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-intervenjenti ppruvaw jiksbu r-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV fi Spanja għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 38 u 41 iżda kien għalxejn – l-estratti tal-bażi ta’ data Sitadex irrigwardaw dawn id-deċiżjonijiet ta’ rifjut li huma mehmużin mal-Anness 13 tar-rikors – u li l-OEPM irrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħhom minħabba l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade marks Spanjoli preċedenti. L-UASI kellu jieħu inkunsiderazjoni dan l-aspett. Barra min hekk, l-eżistenza tad-deċiżjonijiet kontradittorji tippreġudika l-armonizzazzjoni tas-suq intern. Sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid tal-11 ta’ Settembru 2003, li tidher fl-Anness 4 tar-rikors, li hija bejn l-istess partijiet u rigward l-istess trade marks, imma limitata għall-klassi 41, setgħet barra minn hekk tistabbilixxi l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

91      F’din il-kawża, l-UASI kif ukoll l-intervenjenti jikkontestaw l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

92      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli fir-rigward ta’ proprjetà intellettwali skont l-Artikolu 130(1) u l-Artikolu 132(1) tal-istess Regoli, jipprovdi li jekk is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi elaborat u komplut, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ referenzi għall-estratti ta’ dokumenti li huma mehmużin magħhom, riferiment globali għal dokumenti oħra m’għandux jikkumpensa għan-nuqqas ta’ argumenti essenzjali fid-dritt li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors stess [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, MLP Finanzdienstleistungen vs UASI (bestpartner), T 270/02, Ġabra p. II 2837, punt 16, u tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II-449, punt 14].

93      Barra minn hekk, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tfittex fil-proċess tal-proċedimenti quddiem l-UASI l-argumenti li għalihom tista’ tirreferi r-rikorrenti u lanqas mhija marbuta li teżaminahom, peress li dawn l-argumenti huma inammissibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istana tal-21 ta’ April 2004, Concept vs UASI (ECA), T 127/02, Ġabra p. II 1113, punt 21, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T 209/01, Ġabra p. II 5527, punt 57]. Għaldaqstant, ir-rikors, safejn jagħmel referenza għall-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI, huwa inammissibbli u huwa biss fir-rigward tal-argumenti ppreżentati fir-rikors li għandu jiġi eżaminat il-mertu ta’ dan il-motiv.

94      Għandu jiġi mfakkar ukoll li r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li l-eżistenza tar-reġistrazzjoni Griega Nru 109 387 ma ġietx stabbilita. Minbarra hekk, kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel u t-tieni motivi, il-Bord tal-Appell kien fondat, minn naħa, meta kkunsidra li l-eżistenza tat-trade marks Nru 2 163 613, Nru 2 163 616 u Nru 456 466 u tat-trade marks preċedenti magħrufa sew ma kinitx tqajmet quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li ma jiħux inkunsiderazzjoni d-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemu. Barra minn hekk, id-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huma inammissibbli (ara l-punt 36 iktar’il fuq). Fl-aħħar nett, minkejja li d-dokumenti ppreżentati fl-Annessi 10 sa 12 tar-rikors (ara l-punt 55 iktar’il fuq) kienu diġà ġew ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, għandhom jiġu miċħuda wkoll. Fil-fatt, safejn il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta liġi meta ddikjara dawn id-dokumenti bħala inammissibbli (ara l-punt 49 iktar’il fuq), li tiġi ammessa l-ammissibbiltà tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tbiddel is-suġġett tal-kawża kif ġie evalwat mill-Bord tal-Appell, li jmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punt 35 iktar’il fuq).

95      Konsegwentement, huwa biss fid-dawl tad-drittijiet preċedenti li l-eżistenza tagħhom ġiet stabbilita fid-dritt matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, jiġifieri r-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 2 035 505, Nru 2 035 507, Nru 2 035 514, Nru 1 236 024, Nru 1 236 025, Nru 1 282 250 u Nru 2 227 731, tar-Renju Unit Nru 1 494 568 u tal-Irlanda Nru 153 228 u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 448 514, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tevalwa l-mertu tal-ewwel motiv.

96      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark hija miċħuda jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti jew minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih hija protetta t-trade mark. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(i) u (ii) u l-Artikolu 8(2)(b), trade marks preċedenti għandhom ifissru t-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, meta d-data ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiġi qabel dik ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji, bla ħsara għar-reġistrazzjoni tagħhom.

97      Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi kemm identiċità jew xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti kif ukoll identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti. Il-kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI, C 106/03 P, Ġabra p. I 9573, punt 51). Għalhekk, peress li waħda mill-kundizzjonijiet indispensabbli sabiex japplika l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex issodisfata, ma jistax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

98      F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-Bord tal-Appell sempliċement ibbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ xebh tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni sabiex jikkonkludi favur nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont ġurisprudenza kostanti, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-rapport bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, punt 23 u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2007, Mülhens vs UASI – Minoronzoni (TOSCA BLU), T-150/04, Ġabra p. II-2353, punt 29], fejn il-prodotti u s-servizzi komplementari jkunu dawk li bejniethom teżisti rabta stretta, fis-sens li wieħed huwa indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li r-responsabbiltà tal-manifattura ta’ dawn il-prodotti taqa’ fuq l-istess impriża [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Marzu 2005, Sergio Rossi vs UASI – Sissi Rossi (SISSI ROSSI), t-169/03, Ġabra p. II‑685, punt 60, u tal-15 ta’ Marzu 2006, Eurodrive Services and Distribution vs UASI – Gómez Frías (euroMASTER), T-31/04, Ġabra p. II-27, punt 35].

99      Mid-deskrizzjonijiet tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, li tidher fil-punti 7 u 14 iktar’il fuq, jirriżulta li l-prodotti koperti mid-drittijiet preċedenti jvarjaw minħabba n-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom u l-użu tagħhom mis-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV. Barra minn hekk, dawn il-prodotti u servizzi m’għandhom ebda karattru kompetittiv jew komplementari fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li mhemmx xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, u konsegwentement, li hemm nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

100    Il-fatt li ċerti prodotti koperti mid-drittijiet preċedenti jistgħu, quod non, jintużaw għall-promozzjoni tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV, jew li s-settur sportiv, li taħtu jistgħu jaqgħu numru ta’ drittijiet preċedenti, jista’ jkun marbut ma’ dak tal-produzzjonijiet televiżivi, li taqa’ taħtu t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, ma jistax jippreġudika din il-konklużjoni. Tali rabtiet, peress li mhumiex eżatti u huma inċerti, ma jistgħux jwasslu għall-konklużjoni li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma komplementari fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar’il fuq.

101    Minn dan jirriżulta li, l-argumenti tar-rikorrenti dwar ix-xebh tat-trade marks inkwistjoni u dwar il-karattru distintiv ħafna tat-trade marks preċedenti tagħha ma japplikawx u għandhom jiġu miċħuda. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-OEMP dwar ir-rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV fi Spanja, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 94 iktar’il fuq. Fir-rigward tas-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid li ċaħdet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV fi Spanja, li tinsab fl-Anness 4 tar-rikors, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II‑3829, punt 47, u TOSCA BLU, punt 98 iktar’il fuq, punt 40]. Għalhekk, din is-sentenza mhijiex rilevanti u għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 78 iktar’il fuq, punt 26).

102    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, dan il-motiv għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-talba sussidjarja tal-intervenjenti li tiġi limitata l-lista tas-servizzi li għalihom huma talbu r-reġistrazzjoni tat-trade mark BoomerangTV.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

103    Ir-rikorrenti ssostni li t-trade marks preċedenti tagħha, irreġistrati, inter alia, għall-prodotti marbuta mas-settur tal-ħwejjeġ, tal-moda sportiva u tal-isport, li prinċipalment jaqgħu taħt il-klassijiet 18, 24, 25 u 28, huma magħrufa sew. Ir-reputazzjoni ta’ dawn it-trade marks, bħar-reputazzjoni tagħha stess, kienet diġà ġiet stabbilita waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirreferi għas-sit Internet u għall-Annessi 5 sa 8 u 14 tar-rikors u tipproponi li tippreżenta provi addizzjonali.

104    L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 japplika fil-każ preżenti. L-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni mill-intervenjenti jagħtihom il-possibbiltà li jibbenefikaw indebitament minn profitt jew jippreġudika l-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti. B’mod partikolari, il-karattru distintiv jiddgħajjef, il-preġju tagħhom jista’ jonqos fil-każ ta’ kwalita’ fqira tas-servizzi koperti mit-trade mark BoomerangTV u l-proprjetarji tat-trade mark BoomerangTV jkunu f’pożizzjoni li jnaqqsu ċertu reklamar. Barra minn hekk, mhuwiex eskluż li r-rikorrenti tvarja l-operat tagħha fil-qasam li taqa’ taħtu t-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni.

105    L-UASI u l-intervenjenti jirribattu li, peress li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ma ġietx stabbilita, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod korrett li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinux issodisfati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

106    Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, “malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti [...], it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata t-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru [k]konċernat, u dan meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”.

107    Skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi ssodisfata l-kundizzjoni tar-reputazzjoni, trade mark preċedenti għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti u s-servizzi koperti minnha, jiġifieri, mill-prodott jew is-servizz ikkummerċjalizzat, kemm mill-pubbliku normali kif ukoll mill-pubbliku speċjalizzat bħal settur professjonali partikolari. Fl-eżami ta’ din il-kundizzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi kollha rilevanti tal-kwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq li għandha t-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha, kif ukoll l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tirreklamahom, mingħajr ma jkun neċessarju li din it-trade mark tkun magħrufa minn perċentwali partikolari tal-pubbliku msemmi jew li r-reputazzjoni tkun testendi fit-territorju kollu kkonċernat, sakemm ir-reputazzjoni teżisti f’parti sostanzjali tat-territorju kkonċernat [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2004, El Corte Inglés vs UASI – Pucci (EMILIO PUCCI), T-8/03, Ġabra p. II‑4297, punt 67].

108    F’dan il-każ, għall-istess raġunijiet esposti fil-punt 94 iktar’il fuq, huma biss il-provi ppreżentati mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u d-drittijiet preċedenti msemmija fil-punt 95 iktar’il fuq, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tevalwa dan il-motiv.

109    F’dan ir-rigward, mill-faxxikolu jirriżulta li d-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex tistabbilixxi r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha huma dawk li rreferiet għalihom id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni bħala li huma intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza tat-trade marks magħrufa sew tar-rikorrenti. Mill-punt 81 iktar’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda informazzjoni dwar l-intensità, il-firxa ġeografika, it-tul ta’ żmien tal-użu tad-drittijiet preċedenti, l-investimenti mwettqa sabiex jiġu reklamenti, jew dwar kull element ieħor li juri li d-drittijiet preċedenti tagħha huma magħrufa fost parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat minnhom.

110    Minn dan isegwi li, minkejja li l-grad ta’ rikonoxximent li għandu jiġi stabbilit huwa inqas għoli fir-rigward tat-trade marks magħrufa skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 minn dak tat-trade marks magħrufa sew skont l-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkonferma l-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li ddeċidiet li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ma kinitx ġiet stabbilita u billi kkunsidra, konsegwentement, li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma japplikax għall-każ preżenti. Għaldaqstant, kemm ir-raba’ motiv, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal miżura istruttorja ppreżentata mill-intervenjenti.

 Fuq l-ispejjeż

111    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      El Corte Inglés, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Wahl

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Ġunju 2008.

E. Coulon

 

      I. Wiszniewska-Białecka

Reġistratur

 

       Aġent President


* Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol.