Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Ottubru 2009 - 1. garantovaná vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-392/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: 1. garantovaná a.s. (Bratislava, Ir-Repubblika tas-Slovakja) (rappreżentanti: M. Powell, Solicitor, A. Sutton u G. Forwood, Barristers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta' Lulju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE fil-Każ COMP/F/39.396 - Reaġenti abbażi ta' karbur tal-kalċju u ta' manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass, totalment jew parzjalment, safejn din hija indirizzata lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE fil-Każ COMP/F/39.396 - Reaġenti abbażi ta' karbur tal-kalċju u ta' manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta' Lulju 2009, li tikkonstata l-eżistenza ta' akkordju fis-setturi tal-karbur tal-kalċju u tal-manjejsu, li jwassal għal ksur tal-Artikolu 81 KE li r-rikorrenti nstabet responsabbli għalih in solidum mal-kumpannija Novácke chemické závody a.s. ("NCHZ").

Ir-rikors huwa bbażat fuq żewġ motivi wiesa'.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żbalji ta' liġi u ta' fatt meta imputat l-aġir ta' NCHZ lir-rikorrenti, kemm billi illegalment dawret l-oneru tal-prova fuq ir-rikorrenti kif ukoll billi naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova hija stess. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-preżunzjoni applikabbli għal kumpanniji parent b'sussidjarji li jkunu kompletament proprjetà tagħhom fir-rigward tar-rikorrenti, li kienet azzjonista maġġuri f'kumpannija li kienet direttament invoulta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli turi li r-rikorrenti attwalment u effettivament eżerċitat influwenza deċiżiva fuq NCHZ matul il-perijodu tal-ksur.

It-tieni nett, u sussidjarjament, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonferma l-attribuzzjoni ta' responsabbiltà lir-rikorrenti, din tal-aħħar titlob tnaqqis tal-multa imposta fuqha, in solidum ma' NCHZ, skont il-ġurisdizzjoni assoluta tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 229 KE moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1/20031, abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-limitu ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħl li jinsab fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni manifestament żbaljat meta użat is-sena 2007 bħala sena ta' referenza sabiex tikkalkola l-limitu ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħl, minflok is-sena 2008.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titbiegħed mir-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tammonta għal ksur ta' rekwiżit proċedurali sostanzjali, peress li l-Kummissjoni kellha obbligu tirrispetta d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti qabel ma tagħmel hekk.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet għalfejn tbegħdet mir-regola ġenerali li tieħu s-sena kummerċjali preċedenti sabiex tikkalkola l-limitu ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħl.

Fir-rigward tal-limitu tal-multa, ir-rikorrenti ssostni li dan huwa sproporzjonat meta mqabbla mal-għan leġittimu intiż, jiġifieri, li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Skont ir-rikorrenti, il-livell tal-multa jnaqqas in-numru ta' kompetituri u jirrinforza s-saħħa fis-suq tal-kumpannija maġġuri, Akzo Nobel, u għalhekk imur kontra l-għan stabbilit fl-Artikolu 3 KE.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni il-Linji Gwida2 tagħha stess fir-rigward tal-kapaċità tar-rikorrenti li tħallas il-multa. Ir-rikorrenti ssostni, b'mod partikolari, li ċ-ċaħda tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nuqqas ta' kapaċità tagħha li tħallas hija vvizzjata bil-fatt li ma nagħtawx biżżejjed raġunijiet għaliha u hija manifestament irraġonevoli, peress li l-Kummissjoni allegatament naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi oġġettivi li tressqulha, li l-impożizzjoni tal-multa kienet se tipperikola mingħajr rimedju l-vijabbiltà ekonomika tar-rikorrenti u twassal sabiex l-assi tagħha jitilfu l-valur tagħhom.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1)

2 - Linji Gwida għall-kalkolu ta' multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU C 210, p. 2)