Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Ġunju 2009 - British Telecommunications vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-226/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: British Telecommunications plc (Londra, l-Ingilterra) (rappreżentanti: G. Robert u M. M. Newhouse, solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annulament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 685 finali tal-11 ta' Frar 2009 li tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Brittaniċi favur ir-rikorrenti permezz tal-garanzija pubblika lill-Fond tal-Pensjoni tal-BT (Għajnuna mill-Istat Nru C 55/2007 (ex NN 63/2007, CP 106/2006)).

Ir-rikorrenti tressaq seba' motivi insostenn tat-talbiet tagħha.

L-ewwel, ir-rikorrenti ssostni li billi kkonkludiet li r-rikorrenti għandha vantaġġ ekonomiku selettiv, il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi u wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 87(1) KE u l-kunċett tal-għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-kuntest sħiħ ekonomiku u fattwali li fih taġixxi r-rikorrenti.

It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li billi kkonkludiet li r-rikorrenti tgawdi minn vantaġġ ekonomiku selettiv peress li t-trustees tal-BT Pension Scheme (BTPS) ma jikkontribwixxux għall-Pension Protection Fund (PPF) fir-rigward tal-pensjonijiet tal-membri tal-BTPS koperti mill-garanzija pubblika, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali billi naqset milli tikkompara sitwazzjonijiet simili. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra differenzi bejn skemi tas-settur privat koperti mill-PPF u skema tat-tip tas-servizz pubbliku li r-rikorrenti kisbet fiż-żmien tal-privatizzazzjoni.

It-tielet, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi u kisret il-prinċipju tal-aspettativi leġittimi meta kklassifikat mill-ġdid miżura li ma kinitx għajnuna, fiż-żmien meta ġiet konċessa bħala r-"raġuni għaliex" għandha tiġi kkunsidrata li hija għajnuna, għoxrin sena wara, għaliex fil-frattemp ġiet introdotta liġi ġdida.

Ir-raba', ir-rikorrenti ssostni li billi eżiġiet lill-BTPS Trustees jikkontribwixxu għall-PPF, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' trattament ugwali u tal-proporzjonalità.

Il-ħames, hija ssosti li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni u naqset milli tinvestiga jekk il-vantaġġ ekonomiku selettiv allegat mill-Kummissjoni jikkawżax distorsjoni għall-kompetizzjoni u jaffettwax il-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Is-sitt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' fatt u ta' liġi meta kkonkludiet li kien jeżisti trasferiment tar-riżorsi tal-istat.

Is-seba', hija ssostni li, billi naqset milli tipprovdi r-raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE.

____________