Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija) fis-27 ta’ Frar 2023 – XXXX

(Kawża C-116/23, Sozialministeriumservice)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: XXXX

Konvenut: Sozialministeriumservice

Domandi preliminari

L-allowance tal-leave għall-kura hija benefiċċju marbut mal-mard fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 1 jew benefiċċju ieħor skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004?

Jekk huwa benefiċċju marbut mal-mard, l-allowance tal-leave għall-kura hija benefiċċju mogħti bħala flus fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 883/2004?

L-allowance tal-leave għall-kura hija benefiċċju għall-persuna li tipprovdi l-kura jew għall-persuna li teħtieġ kura?

Sitwazzjoni fejn applikant għal allowance tal-leave għall-kura fit-tul, li huwa ċittadin Taljan, residenti permanenti fl-Awstrija fil-Bundesland Oberösterreich (il-Land Federali tal-Awstrija ta’ Fuq) mit-28 ta’ Ġunju 2013, li ilu jaħdem kontinwament fl-Awstrija fl-istess Land Federali mill-1 ta’ Lulju 2013 għall-istess persuna li timpjega, u għalhekk ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-applikant huwa ħaddiem fruntalier, u li jieħu leave għall-kura bi ftehim mal-persuna li timpjegah sabiex jieħu ħsieb lill-missieru, li huwa ċittadin Taljan u jgħix b’mod permanenti fl-Italja (Sassuolo), għall-perijodu rilevanti mill-1 ta’ Mejju 2022 sat-13 ta’ Ġunju 2022 u li jitlob l-allowance tal-leave għall-kura mingħand l-awtorità li fil-konfront tagħha tressqet il-proċedura, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004?

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004 jew il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-verżjonijiet varji tad-dritt tal-Unjoni (pereżempju l-Artikolu 18 TFUE, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u simili) jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tagħmel il-ħlas tal-allowance tal-leave għall-kura dipendenti fuq il-fatt li l-persuna li teħtieġ il-kura tirċievi allowance għall-kura Awstrijaka tal-livell 3 jew ogħla?

Il-prinċipju ta’ effettività taħt id-dritt tal-Unjoni jew il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-verżjonijiet varji tad-dritt tal-Unjoni (pereżempju l-Artikolu 18 TFUE, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u simili) jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali jew ta’ ġurisprudenza stabbilita nazzjonali f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li ma tippermetti l-ebda marġni għall-interpretazzjoni mill-ġdid ta’ “applikazzjoni għal allowance tal-leave għall-kura” bħala “applikazzjoni għal leave ta’ solidarjetà mal-familja”, peress li huwa ċar li ġiet użata formola relatata mal-“applikazzjoni għal allowance tal-leave għall-kura” u mhux formola għall-“applikazzjoni għal leave ta’ solidarjetà mal-familja” u huwa wkoll ċar li l-ftehim konkluż mal-persuna li timpjega jirreferi għal “kura ta’ qarib strett” minflok “kura terminali”, għalkemm il-fatti sottostanti kienu wkoll bażikament jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-allowance tal-leave għall-kura taħt it-titolu ta’ leave ta’ solidarjetà mal-familja minħabba li safrattant il-missier li kien jeħtieġ il-kura miet, li kieku biss kien ġie konkluż ftehim ieħor mal-persuna li timpjega u li applikazzjoni oħra ġiet ssottomessa lill-awtorità?

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jew dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni (pereżempju l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali (l-Artikolu 21c(1) tal-Bundespflegegeldgesetz (il-Liġi Federali dwar Allowance għall-Kura)) li tagħmel il-ħlas tal-allowance tal-leave għall-kura dipendenti fuq il-fatt li l-persuna li teħtieġ il-kura tirċievi allowance għall-kura Awstrijaka tal-livell 3 jew ogħla, filwaqt li dispożizzjoni nazzjonali oħra (l-Artikolu 21c(3) tal-Liġi Federali dwar Allowance għall-Kura), meta applikata għall-istess fatti, ma tagħmilx il-ħlas tal-allowance dipendenti fuq kundizzjoni simili?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.