Language of document : ECLI:EU:T:2014:176





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-2 ta’ April 2014 – Ben Ali vs Il-Kunsill

(Kawża T‑133/12)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar ta’ fondi – Bażi legali – Dritt għall-proprjetà – Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Modulazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Assenza ta’ dannu materjali”

1.                     Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar tal-fondi tal-persuni involuti f’misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-organi assoċjati magħhom – Artikolu 29 TUE – Ammissibbiltà (Artikoli 21(2)(b) u (d) TUE, 24(1) TUE, 25(b) TUE, 28 TUE u 29 TUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72, Artikolu 1(1)) (ara l-punti 46-51)

2.                     Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar tal-fondi tal-persuni involuti f’misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-organi assoċjati magħhom – Deċiżjoni adottata f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fir-rigward tagħha – Motivazzjoni li ma tistax tkun tikkonsisti f’formulazzjoni ġenerali u stereotipata – Riferiment għall-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat l-att ikkontestat – Riferiment għan-natura tar-reat li qed tiġi akkużata bih il-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet Tuneżini – Assenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ); Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/72, 2011/79 u 2012/50) (ara l-punti 55-57, 59-62)

3.                     Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar tal-fondi tal-persuni involuti f’misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-organi assoċjati magħhom – Iffriżar ta’ fondi minħabba ħasil ta’ flus impost b’deċiżjoni ta’ implementazzjoni – Kopertura tal-kunċetti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u ta’ ħasil ta’ flus – Assenza – Preżunzjoni ta’ rabta bejn l-atti ta’ ħasil ta’ flus imwettqa mill-membri tal-familja tal-mexxejja tal-pajjiż u l-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi – Assenza – Annullament (Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/72, Artikolu 1(1), 2011/79 u 2012/50) (ara l-punti 69-74)

4.                     Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar tal-fondi tal-persuni involuti f’misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-organi assoċjati magħhom – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà – Kundizzjonijiet – Osservanza, mid-deċiżjoni ta’ implementazzjoni, tar-rekwiżiti previsti fid-deċiżjoni bażika – Assenza – Ksur tad-dritt għall-proprjetà (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(1) u 52(1); Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/72, Artikolu 1, 2011/79 u 2012/50) (ara l-punti 76, 80)

5.                     Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar tal-fondi tal-persuni involuti f’misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-organi assoċjati magħhom – Riskju ta’ dannu serju u irriversibbli għall-effettività ta’ kull iffriżar ta’ assi li jista’, fil-ġejjieni, jiġi deċiż mill-Kunsill kontra l-persuni kkonċernati mill-att annullat – Żamma tal-effetti tad-deċiżjoni annullata sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell jew sa ma jiġi miċħud (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/72, 2011/79, 2012/50 u 2013/72) (ara l-punti 83, 87-89)

6.                     Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali – Oneru tal-prova (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE) (ara l-punt 91)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/50/PESK, tas-27 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 27, p. 11) sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernah, u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

Dispożittiv

1)

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK, tal-4 ta’ Frar 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72, huwa annullat sa fejn dan l-anness ġie estiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/50/PESK, tas-27 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72, u sa fejn dan isemmi l-isem ta’ Mehdi Ben Tijani Ben Haj Hamda Ben Haj Hassen Ben Ali.

2)

L-effetti tal-Anness tad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/79 u estiża bid-Deċiżjoni 2012/50, fir-rigward ta’ Mehdi Ben Tijani Ben Haj Hamda Ben Haj Hassen Ben Ali, huma miżmuma sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell minn din is-sentenza jew, jekk jitressaq appell f’dan it-terminu, sa ma jiġi miċħud dak l-appell.

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat, minbarra għall-ispejjeż tiegħu, għal dawk ta’ Mehdi Ben Tijani Ben Haj Hamda Ben Haj Hassen Ben Ali.

5)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.