Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Awwissu 2008 - BNP Paribas u BNL vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-335/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: BNP Paribas u Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL) (rappreżentanti: R. Silvestri, avukat, G. Escalar, avukat, M. Todino, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta' Marzu 2008, Nru C(2008)869 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat C-15/2007, (ex Nru 20/2007) li l-Italja eżegwiet, "fir-rigward ta' inċentivi fiskali favur xi istituzzjonijiet ta' kreditu suġġetti għal riorganizzazzjoni tal-kumpannija" għar-raġunijiet esposti.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti jikkontestaw id-dispożizzjoni li permezz tagħha l-liġi Taljana Nru 350/2003, fil-parti fejn tipprovdi skema speċjali ta' bilanċ fiskali (iktar 'il quddiem l-"iskema speċjali") għall-assi ta' tali istituzzjonijiet ta' kreditu li jirriżultaw mir-riorganizzazzjonijiet li saru skond il-liġi Nru 218, tat-30 ta' Lulju 1990, (iktar 'il quddiem il-"Liġi Amato") ġiet iddikjarata bħala mhux kompatibbli ma' l-Artikolu 87 tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat. Skond il-Kummissjoni, l-illegalità ta' l-iskema speċjali skond l-Artikolu 87 tat-Trattat hija bbażata fuq il-premessa li l-leġiżlatur Taljan ikkonċeda, permezz ta' tali skema, benefiċċju fiskali "selettiv" biss lil dawk l-istituzzjonijiet bankarji ikkonċernati mir-riorganizzazzjoni skond il-Liġi Amato, mingħajr ma stabbilixxa benefiċċji simili lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-impriżi in ġenerali.

In sostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni ħadet żball meta qieset li l-iskema speċjali ta' bilanċjar kienet tikkostitwixxi r-rikonoxximent ta' benefiċċju ekonomiku lill-kumpanniji benefiċjarji u għalhekk forma ta' għajnuna illegali. Fir-realtà, l-iskema ma tagħtix benefiċċju fiskali peress li hija sempliċement skema volontarja li ssir applikabbli permezz tal-ħlas antiċipat tat-taxxa abbażi ta' rata ta' taxxa sostitutiva.

Anki jekk jitqies li l-iskema in kwistjoni tikkonferixxi xi forma ta' benefiċċju lill-impriżi li jipparteċipaw fiha, madankollu din ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għalhiex hija nieqes mill-karattru ta' selettività. L-iskema fiskali in kwistjoni tirrappreżenta soluzzjoni koerenti fil-konfront tas-sistema ta' tassazzjoni ġenerali, kif ukoll ibbażata fuq kriterji oġġettivi, jiġifieri l-ħtieġa li dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu milquta mill-privatizzazzjonijiet jiġu permessi li jibbilanċjaw il-kontribuzzjonijiet skond il-Liġi Amato, permezz ta' l-impożizzjoni ta' rata ta' taxxa li tieħu in kunsiderazzjoni kemm it-tassazzjoni parzjali preċedenti fuq il-qliegħ kapitali diġà rrikonoxxut, kif ukoll tat-taxxi l-oħrajn marbuta ma' dawk il-kontribuzzjonijiet; inkonvenjenti li ma kinux jolqtu lill-impriżi l-oħrajn kollha - differenti mill-banek ikkonċernati mill-kontribuzzjonijiet skond il-Liġi 350/2003 - li kienu rċevew kontribuzzjonijiet f'kuntest differenti minn din il-liġi, u li għalihom kienet totalment iġġustifikata skema ta' bilanċjar b'metodi ta' tħaddim differenti.

Fit-tieni lok, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata minn difett kbir ta' motivazzjoni li ġej mill-konvinzjoni żbaljata li l-Liġi Nru 350/2003 ma kienet tipprevedi l-ebda skema ġenerali ta' bilanċjar. Peress li qieset b'mod żbaljat li ma kinitx teżisti skema ġenerali ta' bilanċjar li kellha tiġi pparagunata ma' dik speċjali kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tagħmel xi paragun bejn iż-żewġ sistemi sabiex tevalwa l-elementi kollha li jistgħu jaffetwaw l-obbligi ta' tassazzjoni kumplessivi li jappartjenu lil kull skema.

Skond ir-rikorrenti, anki jekk isir paragun bejn iż-żewġ skemi abbażi ta' tali elementi, jkun jirriżulta b'mod ċar kif, fil-konfront ta' l-iskema ġenerali, l-iskema speċjali prattikament ma tikkonferixxi l-ebda benefiċċju fiskali f'termini ta' rata ta' taxxa applikabbli.

____________