Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Awwissu 2008 - Melli Bank vs Il-Kunsill

(Kawża T-332/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Melli Bank plc (Londra, Ir-Renju Unit) (rappreżentanti: R. Gordon QC, M. Hoskins, Barrister, u T. Din, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara null il-punt 4 tat-taqsima B ta' l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran safejn jikkonċerna lil Melli Bank plc.

fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill 423/2007/KE dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran huwa fil-fatt obbligatorju, tiddikjara dan l-artikolu inapplikabbli.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża r-rikorrent qed jitlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE, tat-23 ta' Ġunju 2008, li timplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran1 safejn ir-rikorrent huwa inkluż fil-lista ta' persuni, entitajiet u korpi legali li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu ffriżati skond din id-dispożizzjoni. Ir-rikorrent ikkontesta l-istess deċiżjoni fil-kawża T-246/08, Melli Bank vs Il-Kunsill2.

In sostenn tar-rikors tiegħu f'din il-kawża, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser l-obbligu ta' motivazzjoni tiegħu peress li ma ta ebda raġunijiet individwali u speċifiċi sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista. Ir-rikorrent jallega li huwa ma ġiex inkluż fil-lista minħabba li kien involut huwa stess fl-għoti ta' appoġġ lill-attivitajiet nukleari ta' l-Iran iżda għas-sempliċi raġuni li huwa bank sussidjarju ta' kumpannija parent li hija ssuspettata li kienet involuta f'attivitajiet bħal dawn.

Ir-rikorrent isostni wkoll li, jekk l-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/20073 għandu jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu fuq il-Kunsill li jinkludi fil-lista kull kumpannija sussidjarja miżmuma jew ikkontrollata minn kumpannija parent li tkun inkluża fil-lista ta' persuni, entitatjiet u korpi legali li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom ikunu ffriżati, din id-dispożizzjoni għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli safejn tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.

Ir-rikorrent jikkunsidra li l-inklużjoni obbligatorja tal-kumpannija sussidjarja fil-lista mhijiex meħtieġa u mhijiex adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament peress li l-inklużjoni fil-lista tal-kumpannija parent tipprekludi lil kumpannija sussidjarja bbażata fl-Unjoni Ewropea milli tieħu ordnijiet mill-kumpannija parent tagħha li jistgħu jġibu fix-xejn, direttament jew indirettament, l-effett ta' l-inklużjoni fil-lista tal-kumpannija parent.

Fl-aħħar, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 7(2)(d) tar-regolament imsemmi għandu jiġi interpretat b'tali mod li jagħti lill-Kunsill setgħa diskrezzjonali li jinkludi fil-lista kumpannija sussidjarja ta' kumpannija parent inklużi fil-lista u mhux b'mod li jimponi obbligu fuq il-Kunsill f'dan is-sens.

____________

1 - ĠU 2008 L 163, p. 29.

2 - ĠU 2008 C 197, p. 34.

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta' April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007 L 103, p. 1)