Language of document : ECLI:EU:F:2007:117

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

28 ta’ Ġunju 2007

Kawża F-38/06

Irène Bianchi

vs

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal perijodu determinat – Nuqqas ta’ tiġdid – Inkompetenza professjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih I. Bianchi titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-ETF, ta’ l-24 ta’ Ottubru 2005, li tirrifjuta li ġġedded il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju għal perijodu determinat u għad-danni li kkawżatilha d-deċiżjoni kkontestata.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Deċiżjoni li taffettwa l-istat amministrattiv ta’ uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26)

2.      Uffiċjali –Direttiva interna ta’ istituzzjoni

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal perijodu determinat

(Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47(b))

1.      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala għan li jiżgura d-drittijiet tad-difiża ta’ l-uffiċjal, billi jevita li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra u li jaffettwaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u l-karriera tiegħu ma jkunux ibbażati fuq fatti li jirrigwardaw il-kompetenza, ix-xogħol jew l-aġir tiegħu li mhux imsemmija fil-fajl personali. Jirriżulta minn dan li deċiżjoni bbażata fuq dawn l-elementi fattwali tmur kontra l-garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha tiġi annullata għax tkun seħħet in segwitu għal proċeduri vvizzjati b’illegalità.

Madankollu, anki jekk hija ħasra li d-dokumenti indikati fl-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal ma ddaħħlux fil-fajl personali, din iċ-ċirkustanza mhijiex ta’ natura li tiġġustifika l-annullament jekk il-persuna kkonċernata tkun tqegħdet fil-possibbiltà, qabel ma d-deċiżjoni kkontestata tkun ittieħdet, li tressaq effettivament l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-fatti indikati fid-dokumenti u jekk tkun fil-fatt saret taf bil-kontenut tagħhom qabel ma jiskadi t-terminu ta’ kontestazzjoni tagħhom, b’mod li l-kundizzjonijiet li kieku fihom setgħet tiżgura d-drittijiet tad-difiża tagħha ma kinux ikunu sostanzjalment differenti milli kieku d-dokumenti jkunu ddaħħlu fil-fajl personali.

(ara l-punti 45, 46 u 48)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 3 ta’ Frar 1971, Rittweger vs Il-Kummissjoni, 21/70, Ġabra p. 7, punti 29 sa 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Novembru 1993, Perakis vs Il-Parlament, T‑78/92, Ġabra p. II‑1299, punt 27; 9 ta’ frar 1994, Lacruz Bassols vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, ĠabraSP p. I‑A‑31 u II‑105, punt 68; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑7/01, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑239, punt 70

2.      Sempliċi abbozz ta’ gwida għall-persunal ta’ istituzzjoni, li jkun għadu ma ġiex iffinalizzat u lanqas adottat formalment mill-amministrazzjoni, u li l-kontenut tiegħu jkun biss indikattiv, mhuwiex deċiżjoni li tista’ toħloq drittijiet u obbligi għall-persuni li ssemmi. Iċ-ċirkustanza li dan l-abbozz ikun ġie ppubblikat fl-intranet ta’ l-amministrazzjoni u li t-terminu ta’ avviż minn qabel li jipproponi, fil-każ ta’ tkeċċija jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju kien, fil-prattika, qed jiġi applikat mill-amministrazzjoni ma jippermettix li jiġi stabbilit li jikkostitwixxi att ta’ natura vinkolanti għal dawn ta’ l-aħħar, li tista’ toħloq drittijiet suġġettivi favur il-persunal.

(ara l-punti 80 u 81)

3.      L-awtorità kompetenti tgawdi minn setgħa diskrezzjonali kbira għal dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju konklużi għal perijodu determinat u l-istħarriġ tal-Qorti Komunitarja għandha tkun limitata għal verifika ta’ nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ l-interess tas-servizz jew ta’ abbuż ta’ poter.

F’dan ir-rigward, minħabba fid-dmir tagħha ta’ premura, l-awtorità kompetenti hija marbuta, meta tiddeċiedi fuq is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, li tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari fl-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan ikun il-każ meta jkollu l-possibbiltà jesprimi l-interessi tiegħu matul laqgħa ma’ l-awtorità responsabbli qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u li din tittieħed wara li ssir konsultazzjoni mad-dipartimenti li fihom l-persuna kkonċernata tkun ħadmet, kif ukoll dawk li fihom tkun ser taħdem kieku l-kuntratt tagħha jkun ser jiġġedded. Membru tal-persunal temporanju ma għandu, fil-fatt, l-ebda dritt li jiġġeddidlu l-kuntratt tiegħu, peress li din hija sempliċi possibbiltà, suġġetta għall-kundizzjoni li dan it-tiġdid ikun fl-interess tas-servizz.

(ara l-punti 92 sa 94 u 96 sa 98)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Ġunju 1993, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ April 1996, Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑503, punt 52; 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, ĠabraSP p. I‑A‑277 u II‑1267, punti 51 u 53; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑7/01, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑239, punti 51 u 64; 1 ta’ Mejju 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, ĠabraSP p. I‑A‑45 u II‑189, punt 49