Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Marzu 2024 – DF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-153/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: DF (rappreżentanti: A. Guillerme u S. Napolitano, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2023 tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ inġagg tal-Kummissjoni Ewropea li ttemm il-proċess ta’ reklutaġġ tagħha;

tagħti kumpens ta’ EUR 85 000 bħala kumpens għad-dannu morali u materjali mġarrab mir-rikorrenti, li jista’ jiżdied matul il-proċedura u suġġett għall-interessi moratorji, mid-data tal-għoti tas-sentenza u sakemm isir il-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenija tiegħu, miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-opinjoni tal-kumitat mediku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-kumitat mediku naqas milli jwettaq eżami mill-ġdid sħiħ u imparzjali tas-sitwazzjoni tagħha, peress li ma ħax inkunsiderazzjoni d-dokumenti kollha inklużi fil-fajl mediku tagħha.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ inġagg (iktar ’il quddiem l-“AHCC”) dwar il-portata tal-kompetenzi tagħha. Skont ir-rikorrenti, l-AHCC wettqet żball ta’ liġi meta qieset li ma setgħetx, qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, twettaq verifiki addizzjonali dwar il-materjalità tal-elementi fattwali li fuqhom bbaża ruħu l-kumitat mediku, kif ukoll dwar l-eżistenza ta’ rabta li tinftiehem bejn is-sejbiet mediċi tiegħu u l-konklużjoni ta’ inadegwatezza li għaliha wasal.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, bl-imġieba u bid-deċiżjonijiet tagħha, naqset milli tosserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura tagħha. Ir-rikorrenti tinvoka t-tnaqqis mhux iġġustifikat fit-tmexxija tal-proċess ta’ reklutaġġ, l-iżbalji multipli mwettqa u l-imġiba tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-ipproċessar tal-ilment tagħha.

____________