Language of document : ECLI:EU:T:2012:285

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Ġunju 2012

Kawża T‑65/12 P

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Digriet tar-rinviju — Deċiżjoni li ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell — Appell manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Appell mid-Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (it-Tieni Awla), tas-7 ta’ Diċembru 2011, Strack vs Il-Kummissjoni (F-44/05 RENV), u li huwa intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Guido Strack għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

Appell — Suġġett — Annullament ta’ digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiċħad il-kompetenza tiegħu favur il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 9)

Il-kundizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 9, tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar deċiżjonijiet li jistgħu jiġu appellati, ma humiex sodisfatti meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jikkonstatax in-nuqqas ta’ kompetenza ta’ qorti tal-Unjoni Ewropea, iżda jirrinvija l-appell quddiem il-Qorti Ġenerali, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali rinviju ma huwiex ta’ dannu għall-protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni li, f’kull każ, tiddeċiedi l-kwistjonijiet kollha mqajma fir-rikors.

Hija l-qorti li quddiemha jkun ġie rrinvijat l-appell li għandha tevalwa l-kompetenza tagħha u, jekk ikun il-każ, għandha, min-naħa tagħha, skont il-proċeduri stipulati speċifikament għal dan il-għan, tirrinvijah quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, li ma tkunx tista’ tiċħad il-kompetenza tagħha. Dan il-mekkaniżmu partikolari jippermetti li jiġu riżolti l-kwistjonijiet ta’ tqassim ta’ kompetenza bejn il-qrati li jikkostitwixxu l-istituzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’din il-perspettiva, minkejja li jiġi ammess li l-kwistjoni tal-kompetenza ġudizzjarja tista’, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju bejn il-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, li tkun qed tiddeċiedi wara rinviju, jekk titkompla l-proċedura ta’ appell f’tali kawża, dan ikun kuntrarju għas-sistema prevista fl-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Fil-fatt, dan iwassal għad-duplikazzjoni tal-istanzi sa fejn, fl-istess każ, kemm il-kawża rrinvijata u kemm l-appell mid-deċiżjoni tar-rinviju jkunu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 9 sa 13)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 4 ta’ Settembru 2008, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, T‑413/06 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑35 u II‑B‑1‑00253, punti 24, 25 u 27; 8 ta’ Lulju 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑166/09 P punti 28 sa 30