Language of document : ECLI:EU:T:2021:846

Kawża T546/20

Sopra Steria Benelux u Unisys Belgium

vs

Il-Kummissjoni Ewropea


Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal1 ta’ Diċembru 2021

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Servizzi ta’ speċifikazzjoni, ta’ żvilupp, ta’ manutenzjoni u ta’ assistenza tal-pjattaformi informatiċi għad-DĠ ‘Tassazzjoni u Unjoni Doganali’ – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent u għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Obbligu ta’ motivazzjoni – Offerta anormalment baxxa”

1.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(ara l-punt 32)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ – Neċessità li jiġu speċifikati l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti – Assenza

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ))

(ara l-punti 34 sa 37)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ – Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta – Obbligu ta’ komunikazzjoni, wara talba bil-miktub, tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula, tal-prezz imħallas jew tal-valur tal-kuntratt, kif ukoll tal-isem tal-offerent rebbieħ

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1046, Artikolu 170 u Anness I)

(ara l-punti 38 sa 40)

4.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti – Offerta anormalment baxxa – Obbligu tal-awtorità kontraenti li tisma’ lill-offerent – Eżami mill-awtorità kontraenti tan-natura anormalment baxxa tal-offerta – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1046, Anness I)

(ara l-punti 44 sa 49)

5.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti – Offerta anormalment baxxa – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Talba espressa tal-offerent eskluż – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/1046, Artikolu 170(3) u Anness I)

(ara l-punti 50 sa 54, 60, 65)

Sunt

Fis‑6 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż ta’ kuntratt pubbliku dwar sejħa għal offerti intiż għal servizzi għall-ispeċifikazzjoni, l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-assistenza tat-tielet livell tal-pjattaformi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali “Tassazzjoni u Unjoni Doganali” tal-Kummissjoni, kompost minn żewġ lottijiet (1).

Fis‑27 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti, Sopra Steria Benelux u Unisys Belgium, ippreżentaw offerta komuni fil-forma ta’ konsorzju.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-offerta tagħhom għal-lott A, minħabba li din ma kinitx l-iktar vantaġġuża ekonomikament, kif ukoll bl-għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor. Ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tilqa’ r-rikors tar-rikorrenti u tannulla d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Lulju 2020 fir-rigward tal-lott A minħabba li din ma hijiex suffiċjentement motivata, sa fejn din ma tispeċifikax ir-raġunijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-offerta tal-offerent rebbieħ ma tidhirx anormalment baxxa. Barra minn hekk, hija tagħmel preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-offerenti esklużi li jagħmlu talba f’dan is-sens, meta l-awtorità kontraenti tkun ikkunsidrat li l-offerta magħżula ma kinitx tidher anormalment baxxa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Wara li fakkret il-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-obbligu ta’ motivazzjoni għall-amministrazzjoni u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fl-ewwel lok, li r-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea jipprevedu fil-konfront tal-offerenti esklużi motivazzjoni f’żewġ stadji (2). Qabel kollox, l-awtorità kontraenti għandha tinforma lill-offerenti esklużi biċ-ċaħda tal-offerta tagħhom u bir-raġunijiet għal din iċ-ċaħda. Sussegwentement, jekk offerent eskluż li ma jkunx jaqa’ taħt il-kriterji ta’ esklużjoni u li jkun jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni jagħmel it-talba bil-miktub, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika, kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata minn meta tirċievi din it-talba, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, il-prezz imħallas jew il-valur tal-kuntratt, kif ukoll l-isem tal-offerent rebbieħ (3). Dan l-iżvelar tar-raġunijiet f’żewġ stadji huwa konformi mal-iskop tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa, minn naħa, sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Sussegwentement, fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-awtorità kontraenti meta tikkunsidra li l-offerta magħżula ma tidhirx anormalment baxxa, il-Qorti Ġenerali tfakkar, l-ewwel, li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ offerti anormalment baxxi ssir f’żewġ stadji. L-ewwel nett, l-awtorità kontraenti tevalwa jekk il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta jidhru anormalment baxxi (4). Għalhekk, hija għandha tiddetermina biss jekk l-offerti ppreżentati jinkludux indizji ta’ natura li jqajjmu s-suspett li jistgħu jkunu anormalment baxxi. Jekk l-offerti ppreżentati ma jkunux jidhru anormalment baxxi, l-awtorità kontraenti tista’ tkompli bl-evalwazzjoni ta’ dawn l-offerti u bil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt. Għall-kuntrarju, jekk ikunu jeżistu tali indizji, l-awtorità kontraenti għandha tipproċedi, sussegwentement, għall-verifika tal-kontenut tal-offerta sabiex tiżgura ruħha li din ma hijiex anormalment baxxa. F’dan il-każ, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tagħti lill-offerent inkwistjoni l-possibbiltà li jinika r-raġunijiet għalfejn l-offerta tiegħu ma hijiex anormalment baxxa. L-awtorità kontraenti għandha sussegwentement tevalwa l-ispjegazzjonijiet ipprovduti u tiddetermina jekk l-offerta inkwistjoni hijiex ta’ natura anormalment baxxa. Jekk dan ikun il-każ, hija għandu l-obbligu li tiċħadha.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtorità kontraenti, meta din tqis li l-offerta magħżula ma tidhirx anormalment baxxa, għandu portata ristretta. Dan huwa spjegat b’mod partikolari, mill-fatt li l-awtorità kontraenti, inizjalment, twettaq biss evalwazzjoni prima facie tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta. Fil-fatt, jekk din ikollha tindika b’mod iddettaljat ir-raġunijiet għalfejn offerta ma tkunx tidhrilha anormalment baxxa, dan ikun ifisser li ma titteħidx inkunsiderazzjoni d-distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-analiżi. B’mod partikolari, meta awtorità kontraenti tagħżel offerta, hija ma hijiex obbligata li tindika espliċitament, b’risposta għal kull talba għal motivazzjoni (5), ir-raġunijiet għalfejn l-offerta li tkun għażlet ma tkunx dehritilha bħala anormalment baxxa. Fil-fatt, jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament mill-fatt li ntgħażlet offerta li l-awtorità kontraenti tkukn ikkunsidrat li ma kinux jeżistu indizji li juru li din kienet anormalment baxxa. Għall-kuntrarju, dawn ir-raġunijiet għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-offerent eskluż li jagħmel talba espressa għalihom, peress li motivazzjoni fuq dan il-punt tagħtih informazzjoni dwar aspett importanti tal-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula. Barra minn hekk, ma huwiex biżżejjed għall-awtorità kontraenti li tillimita ruħha tifformula s-sempliċi konstatazzjoni li l-offerta magħżula fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ma hijiex anormalment baxxa u lanqas li tillimita ruħha li tirrileva li hija qieset li dan ma kienx il-każ.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li, meta, minn naħa, tkun teżisti differenza sinjifikattiva bejn il-prezz tal-offerta tal-offerent eskluż u dak tal-offerent rebbieħ, li huma l-uniċi li ppreżentaw offerta, u li, min-naħa l-oħra, il-prezz tal-offerta eskluża huwa l-unika bażi ta’ paragun sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ indizju li l-offerta magħżula tista’ titqies anormalment baxxa, l-awtorità kontraenti għandha tipprovdi, lill-offerent eskluż li jagħmel it-talba f’dan is-sens, l-informazzjoni li jippermettilu li jkollu biżżejjed elementi sabiex jifhem ir-raġunijiet għalfejn l-offerta magħżula ma kinitx tidher anormalment baxxa u li jikkontestesta l-fondatezza eventwali ta’ din l-evalwazzjoni.


1      Il-lott A, intitolat “Servizzi ta’ evoluzzjoni għall-pjattaforma CCN/CSI”, u l-lott B, intitolat “Servizzi ta’ Evoluzzjoni għall-Pjattaformi CCN2(ng), SPEED2(ng), CDCO/TAPSOAP u SSV”.


2      Artikolu 170 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) u punt 31 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.


3      Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju u punt 31.2 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.


4      Punt 23.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju.


5      It-talba għal motivazzjoni hija ppreżentata skont l-Artikolu 170(3) tar-Regolament Finanzjarju.