Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Dortmund (il-Ġermanja) fl-20 ta’ April 2023 – ASG 2 Ausgleichsgesellschaft für die Sägeindustrie Nordrhein-Westfalen GmbH vs Land Nordrhein-Westfalen

(Kawża C-253/23, ASG)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Dortmund

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ASG 2 Ausgleichsgesellschaft für die Sägeindustrie Nordrhein-Westfalen GmbH

Konvenut: Land Nordrhein-Westfalen

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-punt 4 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea 1 , għandu jiġi interpretat b’tali mod li jipprekludi interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li jipprevjeni lil persuna li setgħet ġarrbet ħsara bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ibbażat fuq l-Artikolu 9 tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponuh u jagħtuh effett vinkolanti, milli jeżerċita l-pretensjonijiet tiegħu, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ħsara tal-massa jew ħsara mifruxa, lil fornitur ta’ servizzi legali awtorizzat fuq bażi fiduċjarja sabiex dan il-fornitur ikun jista’ jiġi magħqud ma’ pretensjonijiet ta’ partijiet oħra li allegatament sofrew dannu permezz ta’ azzjoni ta’ segwitu, jekk ma jeżistux għażliet oħra legali jew kuntrattwali ekwivalenti sabiex talbiet għad-danni jiġu miġbura flimkien, b’mod partikolari għaliex ma jwasslux għal sentenzi ta’ kundanna jew ma humiex prattikabbli għal raġunijiet proċedurali oħra, jew huma oġġettivament irraġonevoli għal raġunijiet ekonomiċi, u għalhekk b’mod partikolari l-prosekuzzjoni ta’ danni minuri tkun prattikament impossibbli jew għall-inqas eċċessivament diffiċli?

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’dan il-mod fi kwalunkwe każ jekk it-talbiet għad-danni inkwistjoni jkunu saru mingħajr deċiżjoni minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-ksur allegat li jkollha effett vinkolanti fis-sens tad-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104 (l-hekk imsejħa “azzjoni awtonoma”), jekk ma jeżistux għażliet legali jew kuntrattwali ekwivalenti oħra sabiex talbiet għad-danni jiġu miġbura flimkien għall-prosekuzzjoni ċivili għar-raġunijiet diġà msemmija fl-ewwel domanda, u b’mod partikolari, jekk ma jkun hemm l-ebda prosekuzzjoni għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE, jiġifieri la permezz ta’ “infurzar pubbliku” u lanqas permezz ta’ “infurzar privat”?

Fil-każ li għall-inqas waħda miż-żewġ domandi tingħata risposta fl-affermattiv, l-istandards korrispondenti tad-dritt Ġermaniż għandhom, fil-każ li tiġi eskluża interpretazzjoni konformi mad-dritt Ewropew, jibqgħu mhux applikati, bil-konsegwenza li l-assenjazzjonijiet ikunu effettivi għall-inqas minn din il-perspettiva u l-infurzar effettiv tal-liġi jsir possibbli ?

____________

1     ĠU 2014, L 349, p. 1.