Language of document : ECLI:EU:T:2013:521

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Settembru 2013

Kawża T‑31/13 P

Vincent Bouillez

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2007 — Deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix promoss għall-grad AST 7 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 266 TFUE — Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal — Kontradizzjoni ta’ motivi — Eżami komparattiv tal-merti — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tal-14 ta’ Novembru 2012, Bouillez vs Il‑Kunsill (F‑75/11), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Vincent Bouillez għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Motivi — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fil-mertu

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25, 45 u 90(2))

3.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 257(3) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tkun distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, liema kwistjoni taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat. L-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att, għalhekk ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti.

(ara l-punt 20)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 18 ta’ Jannar 2012, Djebel – SGPS vs Il‑Kummissjoni, T‑422/07, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet ta’ nuqqas ta’ promozzjoni. Min-naħa l-oħra, din għandha tagħti motivazzjoni għad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti mressqa, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, minn kandidati mhux promossi, u l-motivazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda titqies li tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li kontriehom kienu tressqu l-ilmenti. Peress li l-promozzjonijiet isiru b’għażla, il-motivazzjoni taċ-ċaħda tal-ilment għandha biss tikkonċerna l-eżistenza tal-kundizzjonijiet legali li għalihom ir-Regolamenti tal-Persunal jissuġġettaw ir-regolarità tal-proċedura. B’mod partikolari, l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata tiżvela lill-kandidat mhux magħżul l-evalwazzjoni komparattiva li hija tkun wettqet dwaru u dwar il-kandidat magħżul għall-promozzjoni. Huwa biżżejjed li, fid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra tindika lill-uffiċjal ikkonċernat il-motiv individwali u rilevanti li jiġġustifika ċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

Barra minn hekk, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra partikolarment ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ konoxxenza fil-fond u, fejn ikun il-każ, il-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati minnhom.

(ara l-punti 23, 24, 26 u 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ April 1978, Ganzini vs Il-Kummissjoni, 101/77, Ġabra p. 915, punt 10

Il-Qorti Ġenerali: 3 ta’ Marzu 1993, Vela Palacios vs ECOSOC, T‑25/92, Ġabra p. II‑201, punt 25; 11 ta’ Ġunju 1996, Anacoreta Correia vs Il-Kummissjoni, T‑118/95, ĠabraSP p. I‑A‑283 u II‑835, punt 82; 29 ta’ Mejju 1997, Contargyris vs Il-Kunsill, T‑6/96, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑357, punt 148; 18 ta’ Diċembru 1997, Delvaux vs Il-Kummissjoni, T‑142/95, ĠabraSP p. I‑A‑477 u II‑1247, punt 84; 19 ta’ Frar 1998, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, T‑3/97, ĠarbaSP p. I‑A‑89 u II‑215, punt 112; 21 ta’ Settembru 1999, Oliveira vs Il-Parlament, T‑157/98, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑851, punt 52

3.      Skont l-Artikolu 257(3) TFUE u l-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ dritt.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem din il-qorti, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fl-appell. Meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti Ġenerali jkollha ġurisdizzjoni biss sabiex teżerċita stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun siltet minnhom.

(ara l-punti 34 u 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Settembru 1997, Koelman vs Il‑Kummisssjoni, C‑59/96 P, Ġabra p. I‑4809, punt 31; 6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punt 47

Il-Qorti Ġenerali: 7 ta’ Diċembru 2011, Mioni vs Il‑Kummissjoni, T‑274/11 P, punt 18; Il‑Qorti Ġenerali 4 ta’ Settembru 2012, Mische vs Il-Parlament, T‑642/11 P, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Sabiex tevalwa l-interess tas-servizz kif ukoll il-kwalifiki u l-merti tal-kandidati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u tal-motivi li setgħu jwasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din baqgħetx f’limiti raġonevoli u għamlitx użu mill-poter tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u tal-merti tal-kandidati mwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra bl-evalwazzjoni tagħha.

(ara l-punt 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C‑277/01 P, Ġabra p. I‑3019, punt 35

Il-Qorti Ġenerali: 16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kunsill vs Stols, T‑175/09 P, punt 23