Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ottubru 2013 – Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-561/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: N. Díaz Abad, Abogado del Estado)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din teskludi l-ispejjeż sostnuti mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-għajnuna mill-ICDN tal-programm ta’ żvilupp rurali ta’ Galicia 2007-2013, għall-ammont ta’ EUR 757 968.97, li jikkorrispondu mal-kunċett ta’ “żvantaġġi naturali”, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jirrigwarda d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni 2013/433/UE, tat-13 ta’ Awwissu 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 10(2) u (4), u 14(2) tar-Regolament Nru 1975/2006.

F’dan ir-rigward ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-obbligu ta’ ċensiment tal-bhejjem matul il-verifiki fuq il-post abbażi tal-għajnuna ICDN imur kontra n-natura ta’ kontinwità tal-kriterju tal-fattur tat-tagħbija u kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament; huwa jallega wkoll li l-Kummissjoni interpretat l-imsemmija dispożizzjonijiet b’mod żbaljat meta qieset li s-sistema Spanjola ma kinitx xierqa sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-fattur ta’ tagħbija.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1082/2003 u tal-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament Nru 796/2004.

F’dan ir-rigward ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq sa fejn din teżiġi t-twettiq taċ-ċensiment tal-annimali meta ssir verifika fuq il-post sabiex jiġi vverifikat il-kriterju tal-fattur ta’ tagħbija.