Language of document : ECLI:EU:T:2012:133

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

20 ta’ Marzu 2012

Kawżi magħquda T‑441/10 P sa T‑443/10 P

Christian Kurrer et

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Klassifikazzjoni fi grad — Regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad matul ir-reklutaġġ — Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett: Appelli mis-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tat-8 ta’ Lulju 2010, Magazzu vs Il‑Kummissjoni (F‑126/06), Sotgia vs Il‑Kummissjoni (F‑130/06) u Kurrer vs Il‑Kummissjoni (F‑139/06), u intiżi għall-annullament ta’ dawn is-sentenzi.

Deċiżjoni: L-appelli huma miċħuda. Christian Kurrer, Salvatore Magazzu u Stefano Sotgia għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza. Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(1); Anness XIII, Artikolu 5(4); Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 5(4); Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2004)

3.      Appell — Aggravji — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

1.      Skont id-dispożizzjonijiet espressi u ċari tal-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kemm il-kompetizzjoni għall-mogħdija f’kategorija oħra kif ukoll il-kompetizzjoni interna, għandhom ikollhom l-effett li jippermettu lil kandidat li għadda minn tali kompetizzjoni li jibdel il-kategorija, fatt li normalment ma huwiex possibbli għal min jgħaddi minn kompetizzjoni ġenerali.

Fil-fatt, interpretazzjoni litterali stretta tal-imsemmija dispożizzjoni teħtieġ preċiżament li jiġi kkunsidrat li, minn naħa, din ma tirrigwardax il-membri tal-persunal temporanju li jkunu għaddew minn kompetizzjoni ġenerali, peress li tali kompetizzjoni normalment ma tistax twassal għal reklutaġġ b’mogħdija f’kategorija oħra, u li, min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tagħha ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-amministrazzjoni sabiex tinterpretaha u tapplikaha b’mod differenti.

Barra minn hekk, interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali tal-imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix li din l-evalwazzjoni tiġi invalidata. Fil-fatt, jekk il-benefiċċju ta’ din ir-regola tranżitorja eċċezzjonali kien ġie rriżervat għall-membri tal-persunal temporanju li jkunu għaddew minn kompetizzjoni għall-mogħdija f’kategorija oħra jew minn kompetizzjoni interna, dan huwa bil-għan li dawn il-membri tal-persunal jiġu mħeġġa jikkompetu f’tali kompetizzjoni sabiex jiksbu l-ħatra bħala uffiċjali flimkien ma’ mogħdija f’kategorija oħra. Għall-kuntrarju, il-kompetizzjoni ġenerali hija miftuħa għall-persuni interessati kollha, anki persuni esterni għall-istituzzjonijiet, u għalhekk ma hijiex maħsuba li tgħaqqad ir-reklutaġġ u l-ħatra bħala uffiċjal permanenti ma’ tali mogħdija f’kategorija oħra.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jaħseb li l-leġiżlatur xtaq jestendi l-benefiċċju tas-sistema tal-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-membri tal-persunal temporanju li jkunu għaddew minn kompetizzjoni ġenerali.

(ara l-punti 46, 48 u 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1974, Van Belle vs Il‑Kunsill, 176/76, Ġabra p. 1361, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il‑Parlament, T‑237/00 ĠabraSP p. I‑A‑385 u II‑1731, punt 101

2.      Ikun hemm inugwaljanza fit-trattament meta, fir-rigward ta’ żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkollhomx xi differenzi essenzjali, jiġi applikat trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku. Għalhekk, membri tal-persunal li jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli u l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi oġġettivi ta’ kundizzjonijiet jew ta’ sitwazzjonijiet li fihom jinsabu l-persuni kkonċernati. Barra minn hekk, f’qasam li jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, bħall-istabbiliment ta’ regoli tranżitorji intiżi sabiex jiggarantixxu t-tranżizzjoni ekwa minn sistema tar-Regolamenti tal-Persunal antika għal waħda ġdida, il-prinċipju ta’ ugwaljanza jinkiser meta l-istituzzjoni kkonċernata twettaq distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbla mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jaqa’ taħt kwistjoni ta’ liġi, fatt li jimplika l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tivverifika l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet differenti inkwistjoni. F’dan ir-rigward, sabiex tiġi stabbilita l-paragunabbiltà tal-imsemmija sitwazzjonijiet b’mod korrett, għandu jittieħed kont tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

F’dan ir-rigward, il-membri tal-persunal temporanju li jkunu kandidati f’kompetizzjoni ġenerali organizzata bil-għan li jimtlew impjiegi fil-kategorija li huma diġà jinsabu fiha ma jkunux jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħal dik tal-persuni li għaddew minn kompetizzjoni li għandha bħala għan jew bħala effett li tippermetti l-mogħdija f’kategorija ogħla u għalhekk avvanz deċiżiv fil-karriera tagħhom. Il-fatt li l-leġiżlatur żgura, bl-adozzjoni tal-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li dawn l-aħħar membri tal-persunal ikunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jinħatru, bħala uffiċjali bi prova, fil-grad li kellhom fil-kategorija ta’ qabel, ma kellux ir-riżultat li ssir distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata, fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlatur, meta mqabbla mal-membri tal-persunal temporanju rreklutati bħala uffiċjali, wara kompetizzjoni ġenerali, fil-kategorija li kienu jinsabu fiha.

(ara l-punti 54 sa 56)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il‑Kunsill, C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punt 64; 16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 26; 12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 32

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Bertolete et, T‑359/07 P sa T‑361/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑5 u II‑B‑1‑21, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, 39, 43 et seq

3.      L-obbligu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jagħti motivazzjoni fis-sentenzi tiegħu skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, ma jimponix fuqu li jipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita, bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti tal-appell li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Fil-fatt, dan l-obbligu ma jistax jiġi interpretat b’mod li jimplika li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien marbut li jwieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrent, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma kienx ta’ natura suffiċjentement ċara u preċiża u ma kienx ibbażat fuq provi ddettaljati.

(ara l-punt 72)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Jannar 2010, Iride u Iride Energia vs Il‑Kummissjoni, C‑150/ 09 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 42; 29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 78

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑498/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑35 u II‑B‑1‑197, punt 34

Il-Qorti Ġenerali: 2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il‑Kunsill, T-248/08 P, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata