Language of document : ECLI:EU:T:2017:874

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

7 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Qtil ta’ uffiċjal u tal-konjuġi tiegħu – Regola ta’ konkordanza bejn it-talba, l-ilment u r-rikors għad-danni – Obbligu li tiġi żgurata s-sigurtà tal-persunal fis-servizz tal-Unjoni – Rabta kawżali – Danni materjali – Responsabbiltà in solidum – Teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal – Dannu morali – Responsabbiltà ta’ istituzzjoni fid-dannu morali ta’ uffiċjal deċedut – Responsabbiltà ta’ istituzzjoni fid-dannu morali tal-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut”

Fil-Kawża T‑401/11 P-RENV-RX,

Stefano Missir Mamachi di Lusignano, residenti f’Shanghai (iċ-Ċina), u l-appellanti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness (1), irrappreżentati minn F. Di Gianni, G. Coppo u A. Scalini, avocats,

appellanti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u D. Martin, bħala aġenti,

appellata,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55), intiż għall-annullament ta’ dik is-sentenza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger (Relatur), President, S. Frimodt Nielsen u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza (2)

1        Din il-proċedura ssegwi s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-Ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-eżami mill-ġdid”, EU:C:2015:588), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:T:2014:625), li kellha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (F‑50/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-ewwel istanza”, EU:F:2011:55), kienet tippreġudika l-unità tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, annullat parzjalment is-sentenza tal-appell u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Alessandro Missir Mamachi di Lusignano (iktar ’il quddiem “Alessandro Missir Mamachi”) inqatel fit-18 ta’ Settembru 2006 flimkien mal-konjuġi tiegħu f’Rabat (il-Marokk), fejn kien mistenni jassumi l-funzjonijiet tiegħu bħala konsulent politiku u diplomatiku mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Il-qtil seħħ f’dar mgħammra b’għamara mikrija minn din id-delegazzjoni għal Alessandro Missir Mamachi, għall-konjuġi tiegħu u għall-erba’ wliedhom.

3        Wara dan l-avveniment, l-ulied tqiegħdu taħt il-kustodja tan-nannu paternali tagħhom, Livio Missir Mamachi di Lusignano (iktar ’il quddiem “Livio Missir Mamachi”), u tan-nanna paternali tagħhom.

4        Il‑Kummissjoni ħallset lill-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi, bħala l-eredi tiegħu, b’mod partikolari, is-somma ta’ EUR 414 308.90 bħala somma f’daqqa mħallsa fil-każ ta’ mewt, konformement mal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kif ukoll is-somma ta’ EUR 76 628.40 minħabba l-mewt tal-konjuġi, fuq il-bażi tal-Artikolu 25 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni rrikonoxxiet lil dawn l-ulied id-dritt għall-pensjoni tal-orfni prevista fl-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-allowance tal-edukazzjoni prevista fl-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

5        Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Frar 2008 indirizzata lill-Kummissjoni, Livio Missir Mamachi indika n-nuqqas ta’ qbil tiegħu fir-rigward tal-ammont tas-somom imħallsa lin-neputijiet tiegħu. Peress li qies li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni bi tweġiba għal din l-ittra ma kinitx sodisfaċenti, huwa ppreżenta, permezz ta’ nota tal-10 ta’ Settembru 2008, ilment kontra din id-deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn sostna li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni kienet stabbilita bis-saħħa ta’ nuqqas amministrattiv imwettaq minnha minħabba nuqqasijiet fir-rigward tal-obbligu li tipproteġi lill-persunal tagħha. Huwa invoka wkoll ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-Kummissjoni u, sussidjarjament, in-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-Kummissjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-Komunitajiet Ewropej huma obbligati jikkumpensaw in solidum id-dannu kkawżat minn terz lill-wieħed mill-membri tal-persunal tagħhom.

6        Dan l-ilment ġie miċħud mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009.

 Is-sentenza tal-ewwel istanza

7        Livio Missir Mamachi ppreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fejn sostna li l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tipproteġi lill-persunal tagħha. Dak ir-rikors kien intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009 li tiċħad l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens, l-ewwel nett, tad-dannu materjali mġarrab mill-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi, f’isimhom, it-tieni nett, tad-dannu morali mġarrab minn dawn l-ulied, f’isimhom, it-tielet nett, tad-dannu morali mġarrab minnu bħala missier Alessandro Missir Mamachi, f’ismu, u, ir-raba’ nett, għad-dannu morali mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi, f’isem uliedu, li huma l-aventi kawża ta’ missierhom.

8        Permezz tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli, fir-rigward tad-danni morali allegati, u parzjalment infondat, fir-rigward tad-danni materjali invokati.

9        Fir-rigward tad-danni materjali invokati, l-ewwel nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, permezz tan-nuqqasijiet tagħha fir-rigward tal-obbligu li tiżgura l-protezzjoni ta’ Alessandro Missir Mamachi, il-Kummissjoni kienet wettqet nuqqas ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha. Fir-rigward tar-rabta kawżali bejn dan in-nuqqas u d-dannu patrimonjali allegat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li din kienet stabbilita. It-tieni nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li kien għad irid jiġi ddeterminat is-sehem tar-responsabbiltà tal-qattiel fil-materjalizzazzjoni tad-danni.

10      Filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni ż-żewġ danni invokati minn Livio Missir Mamachi, jiġifieri l-qtil doppju u t-telf ta’ possibbiltà ta’ sopravivenza, kif ukoll il-fatt li dan it-tieni dannu kien inqas estiż mill-ewwel wieħed, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies, fil-punt 197 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li l-Kummissjoni kellha tinżamm responsabbli għal 40 % tad-danni mġarrba.

11      Fir-rigward tal-portata tad-dannu patrimonjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies, fil-punt 200 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li d-dannu materjali marbut mat-telf ta’ dħul li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni f’din it-tilwima kellu jiġi stabbilit fis-somma ta’ EUR 3 miljuni.

12      Fl-aħħar nett, wara li fakkar, fil-punt 201 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li l-Kummissjoni kellha tikkumpensa 40 % ta’ dan id-dannu, jiġifieri EUR 1.2 miljuni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva, fil-punt 202 tal-imsemmija sentenza, li s-somom li l-Kummissjoni kienet diġà ħallset u li hija kienet ser tkompli tħallas lill-aventi kawża, li saħansitra jmorru lil hinn mill-benefiċċji normalment previsti fir-Regolamenti tal-Persunal, kienu qrib EUR 1.4 miljuni, ammont li seta’ jilħaq madwar EUR 2.4 miljuni jekk il-benefiċċji kkonċernati jitħallsu sal-għeluq tas-sitta u għoxrin sena ta’ kull wieħed mill-erba’ wlied. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata, fil-punt 203 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li l-Kummissjoni kienet diġà kkumpensat fl-intier tiegħu d-dannu materjali li fir-rigward tiegħu kellha ġġorr ir-responsabbiltà.

13      Bħala konklużjoni ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, fil-punt 205 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li l-motiv invokat fir-rikors, għalkemm kien fondat, ma kienx jippermettilu jilqa’ t-talbiet ta’ Livio Missir Mamachi intiżi għall-kumpens tad-danni materjali mġarrba.

14      Livio Missir Mamachi appella mis-sentenza tal-ewwel istanza.

 Is-sentenza tal-appell

15      Fis-sentenza tal-appell, il-Qorti Ġenerali eżaminat ex officio l-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza. Il-Qorti Ġenerali għamlet, b’mod partikolari, distinzjoni bejn id-dannu mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi, minn naħa, u d-danni mġarrba minn uliedu kif ukoll minn Livio Missir Mamachi, min-naħa l-oħra.

16      Fir-rigward tad-danni materjali u morali mġarrba minn Livio Missir Mamachi u mill-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien wettaq żball ta’ liġi meta ddikjara li kellu kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikors sa fejn dan kien intiż għall-kumpens ta’ dawn id-danni u kkonkludiet li l-kawża kellha tintbagħat lura quddiemha stess sabiex tiddeċiedi dwar dawn iż-żewġ talbiet bħala qorti tal-ewwel istanza.

17      Fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi, u li għalih Livio Missir Mamachi kien qiegħed jitlob kumpens f’isem l-ulied, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu kompetenza sabiex jieħu konjizzjoni ta’ din it-talba, ikkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta laqa’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tal-imsemmija talba, kien wettaq żball ta’ liġi meta applika b’mod żbaljat ir-regola tal-konkordanza bejn it-talba għal kumpens u l-ilment imressaq kontra r-rifjut ta’ din it-talba.

 Is-sentenza tal-eżami mill-ġdid

18      Fuq proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li teżamina mill-ġdid is-sentenza tal-appell. Permezz tas-sentenza tal-eżami mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, l-ewwel nett, annullat is-sentenza tal-appell sa fejn tikkonċerna t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-tieni nett, iddeċidiet li dik is-sentenza kellha titqies li hija definittiva sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fis-sentenza tal-ewwel istanza, kien wettaq żball ta’ liġi meta laqa’ l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u meta ċaħad, għal din ir-raġuni, bħala inammissibbli t-talba għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi u, it-tielet nett, bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi l-kwistjonijiet li kienu għadhom pendenti.

 Il-proċedura wara li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

19      Kif ġie indikat fil-punt 18 iktar ’il fuq, wara li l-kawża ntbagħtet lura quddiemha, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar il-motivi li ma ġewx eżaminati fil-kuntest tas-sentenza tal-appell.

20      Konformement mal-Artikolu 222(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fit-12 ta’ Ottubru 2015, Livio Missir Mamachi u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-eżami mill-ġdid għas-soluzzjoni tat-tilwima.

21      Livio Missir Mamachi tenna t-talbiet li kienu diġà ġew ifformulati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-appell, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza tal-ewwel istanza;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi s-somma ta’ EUR 3 975 329 bħala kumpens għad-dannu patrimonjali mġarrab;

–        wara li tiddikjara ammissibbli t-talba għall-kumpens tad-dannu mhux patrimonjali, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas;

–        lill-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi, minn naħa, is-somma ta’ EUR 250 000 bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali mġarrab mill-vittma qabel il-mewt tiegħu u, min-naħa l-oħra, is-somma ta’ EUR 1 276 512 bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali mġarrab minnhom bħala l-ulied tal-vittma u xhieda tal-qtil traġiku tiegħu;

–        lilu stess, is-somma ta’ EUR 212 752 bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali mġarrab bħala missier il-vittma;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas interessi kumpensatorji u interessi moratorji akkumulati fil-frattemp;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il‑Kummissjoni wkoll ikkonfermat it-talbiet magħmula fir-risposta li hija kienet ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2011 fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-appell, li permezz tagħhom hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        fir-rigward biss tad-dannu morali mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi bejn il-mument tal-aggressjoni tiegħu u l-mument tal-mewt tiegħu, tibgħat il-kawża lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

–        tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lil Livio Missir Mamachi għall-ispejjeż.

23      Permezz ta’ ittra mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Diċembru 2015, ir-rappreżentant ta’ Livio Missir Mamachi informa lill-Qorti Ġenerali bil-mewt tiegħu u indika li l-eredi tiegħu, jiġifieri Anne Sintobin (il-konjuġi tiegħu), Stefano Missir Mamachi di Lusignano (it-tifel tiegħu), Maria Missir Mamachi di Lusignano (it-tifla tiegħu), Carlo Missir Mamachi di Lusignano (it-tifel ta’ Alessandro Missir Mamachi, li fil-mori tal-kawża sar maġġorenni) kif ukoll Filiberto Missir Mamachi di Lusignano, Tommaso Missir Mamachi di Lusignanou Giustina Missir Mamachi di Lusignano (it-tfal minorenni ta’ Alessandro Missir Mamachi, irrappreżentati minn Anne Sintobin), kellhom l-intenzjoni jkomplu bil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tad-dannu morali mġarrab mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi, ir-rappreżentant ta’ Livio Missir Mamachi speċifika li Carlo Missir Mamachi di Lusignano, li kien sar maġġorenni, kien ser jaġixxi f’ismu stess u li Anne Sintobin kienet ser issir ir-rappreżentant legali tat-tliet ulied minorenni ta’ Alessandro Missir Mamachi minflok Livio Missir Mamachi. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, fit-30 ta’ Lulju 2016, Giustina Missir Mamachi di Lusignano wkoll saret maġġorenni. B’hekk, Anne Sintobin, Stefano Missir Mamachi di Lusignano, Maria Missir Mamachi di Lusignano, Carlo Missir Mamachi di Lusignano, Filiberto Missir Mamachi di Lusignano, Tommaso Missir Mamachi di Lusignano u Giustina Missir Mamachi di Lusignano, l-appellanti, qegħdin jaġixxu taħt diversi kwalitajiet. Is-seba’ eredi ta’ Livio Missir Mamachi qegħdin jaġixxu f’ismu fir-rigward tal-kumpens għad-dannu morali tiegħu. Carlo Missir Mamachi di Lusignano u Giustina Missir Mamachi di Lusignano, li saru maġġorenni fil-mori tal-kawża, qegħdin jaġixxu wkoll f’isimhom stess fir-rigward tal-kumpens għad-danni tagħhom u tal-kumpens għad-dannu morali ta’ missierhom, fil-kwalità tagħhom ta’ eredi ta’ dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, Filiberto Missir Mamachi di Lusignano u Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, minorenni, huma rrappreżentati minn Anne Sintobin fir-rigward tat-talba għall-kumpens tad-danni materjali u morali tagħhom kif ukoll tad-dannu morali ta’ missierhom.

 Id-dritt

24      Insostenn tal-appell, l-appellanti jqajmu tliet aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta ddeċieda li kienet inammissibbli t-talba għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi u minn Livio Missir Mamachi, it-tieni, fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta llimita għal 40 % r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u, it-tielet nett, fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta ddeċieda li d-dannu materjali kien ġie kkumpensat fl-intier tiegħu permezz tal-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal.

[omissis]

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta llimita għal 40 % r-responsabbiltà tal-Kummissjoni

51      Essenzjalment, l-appellanti jikkritikaw lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talli kkundanna lill-Kummissjoni tħallas parti mid-dannu materjali meta kien imissha ġiet ikkundannata tħallas id-dannu kollu, fl-ewwel lok, fuq bażi prinċipali u, fit-tieni lok, fuq bażi in solidum. Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet. L-ewwel tliet partijiet jikkonċernaw ir-responsabbiltà prinċipali tal-Kummissjoni u r-raba’ parti tikkonċerna r-responsabbiltà in solidum tal-Kummissjoni.

52      Għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, l-ewwel tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel tliet partijiet tat-tieni aggravju, ibbażati fuq ir-responsabbiltà prinċipali tal-Kummissjoni

53      Fil-kuntest tal-ewwel parti, l-appellanti jsostnu li r-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jwassal għall-esklużjoni tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni fuq bażi prinċipali huwa illoġiku u kontradittorju. Wara li stabbilixxa, fil-punt 183 tas-sentenza tal-ewwel istanza, l-eżistenza ta’ rabta kawżali “diretta u ċerta” bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u l-qtil doppju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-fatt sostna, fil-punt 192 tal-imsemmija sentenza, li l-imsemmi nuqqas ma kellux bħala konsegwenza “immedjata u inevitabbli” dan il-qtil doppju, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tinżamm responsabbli fuq bażi prinċipali u kompleta.

54      Skont il-Kummissjoni, l-appellanti ma humiex jagħmlu distinzjoni bejn in-nuqqas, ir-rabta kawżali u l-konsegwenzi marbuta mar-responsabbiltà tagħha. Fil-punt 175 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stabbilixxa l-eżistenza ta’ nuqqas, li jikkonsisti fl-assenza ta’ implementazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ sigurtà. Fil-punt 183 tal-imsemmija sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sempliċement sostna li l-Kummissjoni kienet ħolqot il-kundizzjonijiet għall-materjalizzazzjoni tad-dannu u li għalhekk ir-rabta kawżali kienet stabbilita. Fil-punti 192 u 193 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li n-nuqqas tagħha ma kellux bħala konsegwenza immedjata u inevitabbli l-qtil doppju, iżda li l-azzjonijiet tal-aggressur ma setgħux madankollu jeżoneraw kompletament lill-Kummissjoni mir-responsabbiltà tagħha. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina b’mod korrett il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni, jiġifieri n-nuqqas u r-rabta kawżali, sabiex imbagħad silet minn dan il-konsegwenzi meta stabbilixxa r-responsabbiltà tagħha fil-livell ta’ 40 % tad-dannu kkawżat.

55      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku evalwa b’mod żbaljat, fil-punt 192 tas-sentenza tal-ewwel istanza, ir-rabta bejn l-aġir illegali tal-Kummissjoni u l-konsegwenzi tiegħu. Id-distinzjoni magħmula f’dan ir-rigward mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fir-rigward tan-nuqqas ta’ sigurtà, bejn il-konsegwenzi “normalment prevedibbli” (is-serq, eventwalment flimkien ma’ theddid fiżiku kontra l-persuni li jkunu jinsabu fil-post) u l-konsegwenzi mhux prevedibbli (il-qtil), fuq il-bażi tal-gravità tagħhom, tmur kontra r-realtà tal-fatti kif ikkonstatati mill-Qorti tal-Appell ta’ Rabat fis-sentenzi tagħha tal-20 ta’ Frar u tat-18 ta’ Ġunju 2007, u hija illoġika, arbitrarja u mingħajr ebda bażi legali, sa fejn, mill-punt 184 tas-sentenza tal-ewwel istanza jirriżulta li r-riskju meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward tas-sigurtà tal-persunal tad-delegazzjoni ta’ Rabat kien it-theddida terroristika, li kienet tikkostitwixxi riskju ħafna ogħla minn dak marbut mal-kriminalità tad-dritt komuni. Għaldaqstant, dan għandu jgħodd ukoll għal-limitazzjoni tal-kumpens dovut mill-Kummissjoni għall-konsegwenzi normalment prevedibbli li jirriżultaw mill-att illegali li għalih hija responsabbli biss, filwaqt li ssir distinzjoni, f’dan ir-rigward, bejn diversi atti ta’ kriminalità tad-dritt komuni. Skont l-appellanti, ladarba ġiet aċċettata l-idea li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet b’mod korrett l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tagħha, għandu jiġi konkluż li kull avveniment li jikkawża dannu huwa konsegwenza diretta u prevedibbli ta’ tali aġir.

56      Skont il-Kummissjoni, it-tieni parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli peress li permezz tagħha l-appellanti qegħdin jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jiġifieri, b’mod partikolari, il-motiv tar-reat kif stabbilit mill-Qorti tal-Appell ta’ Rabat, mingħajr ma jinvokaw l-iżnaturament tal-imsemmija provi.

57      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma żnaturax dawn il-provi meta ddikjara li l-motiv tal-qtil ta’ Alessandro Missir Mamachi u tal-konjuġi tiegħu kien serq. Fir-rigward tal-punt 184 tas-sentenza tal-ewwel istanza, f’dan il-punt it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonferma preċiżament l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq ir-riskju ta’ terroriżmu, sabiex jiċħad l-argumenti tal-Kummissjoni.

58      Mill-bqija, il-Kummissjoni tenfasizza li hija, b’mod evidenti, ma kkawżatx il-mewt ta’ Alessandro Missir Mamachi u tal-konjuġi tiegħu, peress li l-qtil twettaq minn terz. F’dan is-sens, fil-punt 192 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva ġustament li n-nuqqas tal-Kummissjoni ma kellux bħala konsegwenza immedjata u inevitabbli l-qtil doppju. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li l-aġir illegali kkostitwixxa kundizzjoni meħtieġa sabiex jimmaterjalizza d-dannu, fis-sens li d-dannu ma kienx jimmaterjalizza fl-assenza ta’ dan l-aġir, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta kawżali. Il‑Kummissjoni tinvoka, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704, punt 80). Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ responsabbiltà tal-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħa inkunsiderazzjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 181 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li minnha jirriżulta li dannu jista’ jkollu diversi kawżi, il-fatt li l-awtur tal-qtil kien terz.

59      Skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-prevedibbiltà tal-materjalizzazzjoni tad-dannu fir-rigward tal-aġir probabbli ta’ terz, din l-evalwazzjoni tikkonċerna provi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għalhekk ma tistax tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid mill-qorti tal-appell.

60      Sussidjarjament, fir-rigward tal-ewwel żewġ partijiet tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li r-raġunament fis-sentenza tal-ewwel istanza huwa illoġiku u kontradittorju, sostituzzjoni tal-motivi għandha tippermetti li jiġi konkluż li dan l-appell għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka l-punt 134 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, É. R. et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑138/03, EU:T:2006:390), fejn jingħad li l-eżistenza ta’ rabta kawżali teħtieġ li l-aġir li jkun is-suġġett tal-kritika jkun il-kawża ċerta u diretta tad-dannu allegat u li, fil-każ li l-aġir li allegatament ikun ikkawża d-dannu jikkonsisti f’nuqqas li tittieħed azzjoni, huwa meħtieġ b’mod speċjali li jkun hemm iċ-ċertezza li l-imsemmi dannu kien effettivament ikkawżat min-nuqqas li tittieħed azzjoni li jkun is-suġġett tal-kritika u ma setax jiġi pprovokat minn aġir distint minn dak li bih tkun ikkritikata l-istituzzjoni konvenuta. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li r-rabta kawżali bejn in-nuqqas, jiġifieri l-fatt li ma ttieħdux ċerti miżuri ta’ sigurtà, u d-dannu kienet miksura peress li d-dannu kien ikkawżat minn aġir distint minn dak li huwa imputat lilha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li hija bl-ebda mod ma għandha tinżamm responsabbli għall-qtil doppju u li għalhekk dan l-appell għandu jiġi miċħud.

61      Fir-rigward tat-tielet parti, l-appellanti jsostnu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-prinċipji li jistgħu jiġu dedotti mid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 5(4) tagħha, li jipprevedi l-possibbiltà li r-responsabbiltà tal-persuna li timpjega tkun imnaqqsa minħabba fatti dovuti għal ċirkustanzi li ma jkunux taħt il-kontroll tagħha, li ma jkunux normali jew li ma jkunux prevedibbli jew li jkunu dovuti għal avvenimenti eċċezzjonali li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha eżerċitata, setgħu jillimitaw ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma tistax tnaqqas ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni għaliex din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-persuna li timpjega tkun aġixxiet b’diliġenza u li l-konsegwenzi dannużi kienu inevitabbli, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li, anki jekk jiġi aċċettat li ċ-ċirkustanzi kienu eċċezzjonali, il-Kummissjoni hija responsabbli għalihom sa fejn, fil-punt 183 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, li kieku din tal-aħħar kienet ikkonformat mal-obbligu li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tagħha, il-qtil doppju ma kienx iseħħ.

62      Skont il-Kummissjoni, l-argument magħmul fil-punt 192 tas-sentenza tal-ewwel istanza sar għal raġuni esklużivament sussidjarja u ma jikkostitwixxix il-motiv prinċipali tar-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Barra minn hekk, dan jirreferi għall-“prinċipji” tad-Direttiva 89/391, b’tali mod li b’hekk jagħti x’jifhem li din ma tapplikax bħala tali, kif ikkonfermat fil-punt 131 tas-sentenza tal-ewwel istanza, fejn jingħad espliċitament li r-residenza ta’ uffiċjal li jkun meħtieġ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’pajjiż terz “ma tistax tiġi kompletament ipparagunata ma’ post ta’ xogħol, fis-sens tad-Direttiva 89/391”.

63      Permezz tat-tliet partijiet tal-aggravju, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti, b’argumenti differenti, isostnu li, essenzjalment, ladarba ġie stabbilit li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li tiżgura l-protezzjoni ta’ Alessandro Missir Mamachi, kull avveniment dannuż huwa l-konsegwenza diretta u imprevedibbli ta’ tali aġir. B’hekk, id-distinzjoni magħmula bejn l-atti imprevedibbli u l-atti prevedibbli ta’ kriminalità komuni, sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, hija irrilevanti sa fejn in-nuqqas ta’ din tal-aħħar ifisser li l-Kummissjoni hija responsabbli għal kull avveniment dannuż li jimmaterjalizza sussegwentement. Essenzjalment, l-appellanti jikkontestaw il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kkunsidrax in-nuqqas tal-Kummissjoni bħala l-kawża adegwata u determinanti tal-qtil doppju. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu wkoll li d-distinzjoni bejn il-fatti prevedibbli u l-fatti imprevedibbli, kif stabbilita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, hija kontradittorja fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Rabat u hija illoġika sa fejn ir-riskju meħud inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-persunal tad-delegazzjoni ta’ Rabat kien it-theddida terroristika. Fl-aħħar nett, l-appellanti jikkontestaw id-distinzjoni bejn il-fatti prevedibbli u l-fatti imprevedibbli fir-rigward tar-riferiment magħmul mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/391. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konstatazzjoni magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punt 183 tas-sentenza tal-ewwel istanza, fis-sens li r-rabta kawżali bejn in-nuqqas imwettaq minnha u l-qtil doppju kienet stabbilita. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkontesta l-imsemmija rabta biss fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ waħda mill-ewwel żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju.

64      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, bħala prinċipju, żewġ teoriji tal-kawżalità jistgħu jiġu applikati fil-każ li jkun hemm iktar minn kawża waħda tal-istess dannu, jiġifieri t-teorija tal-“ekwivalenza tal-kundizzjonijiet” u dik tal-“kawżalità adegwata”.

65      Fir-rigward tal-ewwel teorija, għall-finijiet ta’ dan l-aggravju, huwa utli li ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet, dik ta’ nuqqasijiet simultanji u dik ta’ nuqqasijiet suċċessivi. Fl-ewwel sitwazzjoni, jista’ jkun hemm nuqqasijiet simultanji mwettqa minn awtur u mill-vittma tad-dannu jew minn żewġ jew iktar awturi, imsejħa koawturi. Fit-tieni sitwazzjoni, in-nuqqasijiet ikunu mifruxa fiż-żmien u, ħafna drabi, ikunu ta’ natura differenti. Madankollu, minkejja din id-differenza, iż-żewġ nuqqasijiet jikkontribwixxu għall-materjalizzazzjoni tal-istess dannu. Fil-fatt, mingħajr l-ewwel wieħed, it-tieni wieħed ma kienx jitwettaq għaliex l-awtur tiegħu ma kienx ikollu l-opportunità jwettqu.

66      Għall-kuntrarju, fir-rigward tat-tieni teorija, dik tal-kawżalità adegwata, huwa neċessarju li l-fatti li wasslu għad-dannu jiġu kklassifikati f’ġerarkija skont l-importanza tagħhom, b’tali mod li għandha ssir distinzjoni bejn dawk li jistħoqqilhom il-klassifikazzjoni legali ta’ kawżi u dawk l-oħra. Din it-teorija timplika li kull koawtur tad-dannu ma jkollux neċessarjament l-istess responsabbiltà.

67      Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, żviluppat tendenza li tiffavorixxi t-teorija tal-kawżalità adegwata. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ddeċidiet li l-Unjoni setgħet tinżamm responsabbli biss għad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir illegali tal-istituzzjoni kkonċernata (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il‑Kummissjoni, T‑178/98, EU:T:2000:240, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnish vs Il-Parlament, T‑42/06, EU:T:2010:102, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Interspeed vs Il‑Kummissjoni, T‑587/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:355, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li r-rikorrent kellu jistabbilixxi li, mingħajr in-nuqqas imwettaq, id-dannu ma kienx jimmaterjalizza u li dan in-nuqqas kien il-kawża determinanti tad-dannu mġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punti 116 sa 121).

68      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta, minn naħa, l-aġir li bih tkun akkużata istituzzjoni jagħmel parti minn proċess usa’ li fih ikunu pparteċipaw terzi u, min-naħa l-oħra, id-dannu allegat ikollu bħala kawża immedjata intervent ta’ wieħed minn dawn it-terzi, il-qorti għandha tivverifika jekk dan l-intervent sarx inevitabbli minħabba s-sempliċi fatt li kien adottat l-aġir inkwistjoni jew jekk, għall-kuntrarju, dan l-intervent kienx l-espressjoni ta’ rieda awtonoma (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2009, CAS Succhi di Frutta vs Il‑Kummissjoni, C‑497/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:273, punti 61 u 62, u tat-18 ta’ Diċembru 2009, Arizmendi et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑440/03, T‑121/04, T‑171/04, T‑208/04, T‑365/04 u T‑484/04, EU:T:2009:530, punti 92 u 93). Fil-każ ta’ rieda awtonoma, il-qorti għandha tikkonstata l-ksur tar-rabta kawżali.

69      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li interpretazzjoni fis-sens li huwa biżżejjed, sabiex ikun hemm rabta kawżali, li l-aġir illegali kkostitwixxa kundizzjoni meħtieġa għall-materjalizzazzjoni tad-dannu, fis-sens li dan ma kienx iseħħ fl-assenza ta’ dan l-aġir, ma tikkorrispondix mal-interpretazzjoni prevalenti fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni daqstant wiesgħa tar-rabta kawżali ma tistax tinstilet mill-ġurisprudenza dwar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tillimita r-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni li jirriżultaw b’mod dirett, jekk mhux ukoll b’mod suffiċjentement dirett, mill-aġir illegali tal-istituzzjoni kkonċernata, u dan jeskludi, b’mod partikolari, li l-imsemmija responsabbiltà tkopri d-danni li ma jkunux ħlief konsegwenza mbiegħda ta’ dan l-aġir (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑113/04, mhux ippubblikat, EU:T:2007:377, punti 39 u 40). F’din il-loġika, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li s-sempliċi fatt li l-aġir illegali kkostitwixxa kundizzjoni meħtieġa għall-materjalizzazzjoni tad-dannu, sa fejn dan ma kienx iseħħ fl-assenza ta’ dan l-aġir, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta kawżali (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑107/08, EU:T:2011:704, punt 80).

70      Madankollu, għandu jitqies li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq ma teskludix b’mod assolut l-applikazzjoni tat-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet u tippermetti biss li jiġi kkonstatat li, jekk in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni jkun imbiegħed mid-dannu u jekk il-qorti tikkonstata l-ksur tar-rabta kawżali, it-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet għandha titwarrab. Għaldaqstant, għall-kuntrarju, fl-eventwalità li d-dannu jirriżulta direttament jew b’mod suffiċjentement dirett min-nuqqas tal-istituzzjoni u għalhekk fl-eventwalità li dan in-nuqqas ma jkunx tant imbiegħed mid-dannu li jwassal għall-ksur tar-rabta kawżali, il-qorti tal-Unjoni tista’ tapplika t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet.

71      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni qieset b’mod espliċitu li dannu seta’ ma jkollux l-oriġini diretta u ċerta tiegħu f’kawża waħda, iżda jista’ jkun ġie pprovokat minn diversi kawżi, li jkunu kkontribwixxew b’mod determinanti għall-materjalizzazzjoni tiegħu. Madankollu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna każijiet fejn ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata kienet attenwata minħabba l-aġir tal-vittma stess, li ma kinitx eżerċitat id-diliġenza kollha meħtieġa sabiex tevita jew tnaqqas id-dannu tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, 229/84, EU:C:1986:241, punti 24 sa 27).

72      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-punt 70 iktar ’il fuq, fil-każ li istituzzjoni tkun responsabbli għal nuqqas milli twettaq obbligu ta’ protezzjoni li kkontribwixxa sabiex jiġi kkawżat id-dannu speċifiku li l-imsemmi obbligu kien intiż li jevita, għandu jiġi kkunsidrat li dan in-nuqqas, anki jekk ma jistax jitqies li huwa l-unika kawża tad-dannu, jista’ jikkontribwixxi b’mod suffiċjentement dirett għall-materjalizzazzjoni tiegħu. B’hekk, l-azzjonijiet ta’ terz, prevedibbli jew imprevedibbli, jistgħu jitqiesu mill-qorti bħala li la jistgħu jimplikaw ksur tar-rabta kawżali u lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanza li teżonera totalment lill-istituzzjoni mir-responsabbiltà tagħha sa fejn iż-żewġ kawżi, jiġifieri n-nuqqas tal-istituzzjoni u l-azzjonijiet ta’ terz, ikkontribwixxew għall-materjalizzazzjoni tal-istess dannu.

73      Issa, f’dan il-każ, fil-kunsiderazzjonijiet magħmula taħt it-taqsima intitolata “Fuq ir-rabta kawżali u l-eżistenza ta’ raġuni li teżenta r-responsabbiltà (tort tal-vittmi u fatt ta’ terz)” tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li kkonstata, fil-punt 177 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li l-Kummissjoni kienet wettqet ksur suffiċjentement gravi tal-obbligu li tiżgura s-sigurtà tal-persunal tagħha li seta’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha, telaq mill-premessa li kien meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-aġir ta’ Alessandro Missir Mamachi u l-aġir tal-qattiel setgħux jeżoneraw totalment jew parzjalment lill-Kummissjoni mir-responsabbiltà tagħha.

74      Sussegwentement, fir-raġunament tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel riferiment għal sentenzi li japplikaw kemm it-teorija tal-kawżalità adegwata u kemm it-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 179 u 180 tas-sentenza tal-ewwel istanza tidher li xxaqleb favur it-teorija tal-kawżalità adegwata, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrefera, fil-punt 179 tas-sentenza tal-ewwel istanza, għall-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss għad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir illegali tal-istituzzjoni kkonċernata. Fil-punt 180 tal-imsemmija sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrefera wkoll għall-ġurisprudenza li tistabbilixxi li r-rikorrent għandu jistabbilixxi li, mingħajr in-nuqqas imwettaq, id-dannu ma kienx ser jimmaterjalizza u li n-nuqqas huwa l-kawża determinanti tad-dannu tiegħu. Barra minn hekk, fil-punt 192 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, “[g]ħalkemm il-Kummissjoni [kienet] ħolqot il-kundizzjonijiet għat-twettiq tad-dannu, […] dan it-tort ma kellux il-qtil doppju bħala konsegwenza immedjata u inevitabbli”.

75      Mill-banda l-oħra, fil-punt 181 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrefera għas-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni (229/84, EU:C:1986:241, punti 24 sa 27), tat-3 ta’ Frar 1994, Grifoni vs Il‑Kummissjoni (C‑308/87, EU:C:1994:38, punti 17 u 18), u tal-24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il‑Kummissjoni (T‑178/98, EU:T:2000:240, punti 135 u 136), li minnhom jirriżulta li d-dannu jista’ ma jkollux l-oriġini diretta u ċerta tiegħu f’kawża waħda iżda jista’ jkun ipprovokat minn diversi kawżi, li jikkontribwixxu b’mod determinanti għall-materjalizzazzjoni tiegħu.

76      Sussegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddetermina, fil-punti 191 sa 197 tas-sentenza tal-ewwel istanza, is-sehem tar-responsabbiltà tal-qattiel fil-materjalizzazzjoni tad-danni u, għaldaqstant, is-sehem tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

77      Fir-rigward tat-telf ta’ possibbiltà ta’ sopravivenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li r-responsabbiltà diretta u esklużiva ta’ dan id-dannu kienet imputabbli lill-Kummissjoni u li l-possibbiltà ta’ Alessandro Missir Mamachi li jissopravivi l-feriti li ġarrab kienet tant żgħira li setgħet tiġi stmata bħala ta’ 20 %.

78      Fir-rigward tal-qtil doppju, kif ġie osservat iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, fil-punt 192 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi attribwita r-responsabbiltà prinċipali għal dan id-dannu peress li n-nuqqas tagħha ma kellux bħala konsegwenza immedjata u inevitabbli l-qtil doppju. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva li l-omiċidji kienu twettqu minn individwu li l-motiv tiegħu kien is-serq u li l-aġir tiegħu kien imprevedibbli, filwaqt li speċifikat li din l-evalwazzjoni kienet tirreferi għall-prinċipji tad-Direttiva 89/391, li, fl-Artikolu 5(4) tagħha, tipprovdi li r-responsabbiltà ta’ persuna li timpjega tista’ tkun attenwata b’mod partikolari minħabba fatti li ma jkunux taħt il-kontroll tagħha u li la jkunu normali u lanqas prevedibbli. Madankollu, fil-punt 193 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-azzjonijiet ta’ terz ma setgħux jeżoneraw kompletament lill-Kummissjoni mir-responsabbiltà tagħha, filwaqt li kkonstata li soluzzjoni li timplika l-eżonerazzjoni totali ta’ din tal-aħħar mir-responsabbiltà tagħha ma kinitx tkun konkordanti mal-ġurisprudenza li tistabbilixxi li dannu jista’ jkollu l-oriġini tiegħu f’diversi kawżi. B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħa inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li tapplika t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet. Meta għamel hekk, essenzjalment, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kkunsidrax verament l-azzjonijiet tal-qattiel bħala imprevedibbli jew, l-iktar l-iktar, ikkunsidrahom bħala li kellhom, bħala prinċipju, tali natura, iżda ddeċieda li l-ġurisprudenza li tapplika t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet kienet tiġġustifika l-esklużjoni tal-eżonerazzjoni totali tal-Kummissjoni mir-responsabbiltà. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li din kienet responsabbli f’livell ta’ 30 % fir-rigward tal-qtil doppju u f’livell ta’ 40 % fir-rigward tad-danni kollha mġarrba.

79      Minkejja dan ir-raġunament ispirat minn żewġ teoriji differenti ta’ kawżalità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku essenzjalment ipprefera t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet u mhux it-teorija tal-kawżalità adegwata. Fil-fatt, fil-punt 183 tas-sentenza tal-ewwel istanza, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn in-nuqqas u l-qtil doppju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li Livio Missir Mamachi kien stabbilixxa b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi n-natura ċerta u diretta tar-rabta kawżali u li, li kieku l-Kummissjoni kienet wettqet l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tagħha, il-qtil doppju ma kienx iseħħ. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li r-rabta kawżali kienet ġiet miksura, minn naħa, fil-punt 189 tas-sentenza tal-ewwel istanza, minħabba negliġenza ta’ Alessandro Missir Mamachi u, min-naħa l-oħra, fil-punt 193 tal-istess sentenza, minħabba l-azzjonijiet ta’ terz. Fl-aħħar nett, u b’mod partikolari fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ terz, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, fl-istess punt 193, li l-esklużjoni kompleta tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni ma kinitx tkun konkordanti mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 181 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li tirrikonoxxi li dannu jista’ jkollu diversi kawżi. Issa, din il-ġurisprudenza, li tevoka t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ peress li tikkonċerna każijiet fejn ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni kienet attenwata minħabba l-aġir tal-vittma stess. Minkejja dan ir-riferiment żbaljat, għar-raġunijiet indikati fil-punt 70 iktar ’il fuq, jidher li l-ġurisprudenza ma eskludietx b’mod assolut l-applikazzjoni tat-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet, peress li tirrikonoxxi li l-qorti għandha tevalwa jekk in-nuqqas kellux jitqies bħala kawża mbiegħda tad-dannu. Għalhekk, ir-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jwassal għall-konklużjoni li żewġ kawżi kkontribwixxew għall-qtil doppju, jiġifieri n-nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligu ta’ sigurtà tagħha u l-azzjonijiet ta’ terz. Fl-aħħar mill-aħħar, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet.

80      Meta għamel hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi.

81      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq jirriżulta li, bħala prinċipju, in-nuqqas ta’ istituzzjoni ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jitqies li l-aġir tagħha huwa l-kawża ċerta u diretta tad-dannu mġarrab. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza speċifikat ukoll li meta, minn naħa, l-aġir li bih tkun akkużata istituzzjoni jagħmel parti minn proċess ikbar li fih ikunu ħadu sehem terzi u, min-naħa l-oħra, id-dannu allegat ikollu bħala kawża immedjata intervent minn wieħed minn dawn it-terzi, il-qorti għandha tivverifika jekk dan l-intervent kienx sar inevitabbli minħabba s-sempliċi fatt li ġie adottat l-aġir li bih tkun akkużata l-istituzzjoni jew jekk, għall-kuntrarju, dan l-intervent kienx jikkostitwixxi l-manifestazzjoni ta’ rieda awtonoma. B’hekk, il-qorti għandha tikkonstata li kien hemm ksur tar-rabta kawżali u għandha tislet il-konsegwenzi ta’ dan.

82      It-tieni nett, għandu jiġi osservat ukoll li, li kieku t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika t-teorija tal-kawżalità adegwata, dan kien iwassal għaċ-ċaħda tat-talba tal-appellanti. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni mekkanika u stretta tat-teorija tal-kawżalità adegwata timplika, fl-eventwalitajiet kollha, l-assenza ta’ responsabbiltà tal-istituzzjoni sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza dwar l-azzjonijiet ta’ terz iċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq, l-imsemmija azzjonijiet jimplikaw sistematikament il-ksur tar-rabta kawżali, li jwassal għal assenza sostanzjali ta’ responsabbiltà tal-istituzzjoni.

83      It-tielet nett, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li interpretazzjoni fis-sens li huwa biżżejjed, sabiex ikun hemm rabta kawżali, li l-aġir illegali jkun ikkostitwixxa kundizzjoni meħtieġa għall-materjalizzazzjoni tad-dannu, fis-sens li dan ma kienx iseħħ fl-assenza ta’ dan l-aġir, ma tikkorrispondix għall-interpretazzjoni prevalenti fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, kif ġie osservat fil-punt 70 iktar ’il fuq, din il-ġurisprudenza ma teskludix, b’mod assolut, it-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ jekk il-manifestazzjoni tar-rieda awtonoma ta’ terz tistax timplika ksur tar-rabta kawżali jitħalla għall-evalwazzjoni tal-qorti. B’hekk, jista’ jkun li l-intervent ta’ terz, anki jekk dan ikun il-manifestazzjoni ta’ rieda awtonoma, ma jiksirx ir-rabta kawżali bejn in-nuqqas u d-dannu, sa fejn l-istituzzjoni u t-terz jikkontribwixxu, f’din l-ipoteżi, għall-materjalizzazzjoni tad-dannu. F’dan ir-rigward, fl-appell ineżami, ir-rabta kawżali stabbilita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tal-ewwel istanza bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u d-dannu mġarrab ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, ħlief fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ waħda mill-ewwel żewġ partijiet ta’ dan l-aggravju. B’hekk, minbarra f’dan il-każ, il-qorti tal-appell ma tistax tirrevedi l-evalwazzjoni magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li ddeċieda li l-Kummissjoni kienet responsabbli għal nuqqas milli twettaq l-obbligu li tipproteġi l-persunal tagħha li kkontribwixxa sabiex jiġi kkawżat id-dannu speċifiku li l-imsemmi obbligu kien intiż li jevita u li, għalhekk, l-azzjonijiet ta’ terz, prevedibbli jew imprevedibbli, la setgħu jwasslu għal ksur tar-rabta kawżali u lanqas ma setgħu jitqiesu bħala ċirkustanza li teżonera totalment lill-Kummissjoni mir-responsabbiltà tagħha, sa fejn iż-żewġ kawżi, jiġifieri n-nuqqas tal-Kummissjoni u l-azzjonijiet ta’ terz, kienu kkontribwixxew għall-materjalizzazzjoni tal-istess dannu.

84      B’hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi meta ddeċieda li, fil-każ ta’ nuqqas li jikkonsisti fin-nuqqas li jitwettaq obbligu ta’ protezzjoni li kkontribwixxa sabiex jiġi kkawżat id-dannu speċifiku li l-imsemmi obbligu kien intiż li jevita, anki jekk l-istituzzjoni ma setgħetx titqies li kienet responsabbli b’mod prinċipali għad-dannu, din tal-aħħar kellha titqies bħala koawtur tad-dannu.

85      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata permezz tal-argumenti l-oħra li l-appellanti jressqu fil-kuntest tal-ewwel tliet partijiet tal-aggravju.

86      L-ewwel nett, fil-kuntest tal-ewwel parti, l-appellanti jsostnu li r-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku intiż sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tal-Kummissjoni fuq bażi prinċipali huwa illoġiku u kontradittorju sa fejn, wara li stabbilixxa, fil-punt 183 tas-sentenza tal-ewwel istanza, l-eżistenza ta’ rabta kawżali “diretta u ċerta” bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u l-qtil doppju, dan tal-aħħar sostna, fil-punt 192 tal-imsemmija sentenza, li l-imsemmi nuqqas ma kellux bħala konsegwenza “immedjata u inevitabbli” dan il-qtil doppju, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tinżamm responsabbli fuq bażi prinċipali.

87      Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza tal-ewwel istanza. Fl-ewwel lok, fil-punt 183 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex li l-Kummissjoni kienet esklużivament responsabbli għad-dannu, iżda ddeċieda li l-“Kummissjoni [kienet i]kkontribwixxiet direttament għat-twettiq tad-dannu, billi ħolqot il-kundizzjonijiet tal-iżvolġiment tiegħu” minħabba l-ksur tal-obbligu li tipproteġi lill-persunal tagħha. Għalhekk, fis-sentenza segwenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li n-“natura diretta u ċerta tar-rabta kawżali għalhekk [kienet] stabbilita”. Fl-aħħar mill-aħħar, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sempliċement iddeċieda li n-nuqqas tal-Kummissjoni seta’ jitqies li kien suffiċjentement dirett sabiex jimplika r-responsabbiltà tagħha fil-qtil ta’ Alessandro Missir Mamachi, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza li taċċetta li l-istess dannu jista’ jkollu diversi kawżi. Għalkemm din il-ġurisprudenza, iċċitata fil-punt 181 tas-sentenza tal-ewwel istanza, li tevoka t-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet, ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, sa fejn tikkonċerna każijiet fejn ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni tkun attenwata minħabba l-aġir tal-vittma stess, għar-raġunijiet indikati fil-punt 70 iktar ’il fuq, mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta li hija ma eskludietx b’mod assolut l-applikazzjoni tat-teorija tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet fil-każ li l-qorti tistabbilixxi li n-nuqqas ma huwiex kawża mbiegħda tad-dannu.

88      Fit-tieni lok, fil-punt 192 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li ma setax jiġi serjament sostnut li l-Kummissjoni kellha tinżamm responsabbli fuq bażi prinċipali għad-dannu sa fejn, anki jekk din tal-aħħar kienet ħolqot il-kundizzjonijiet għall-materjalizzazzjoni tad-dannu, in-nuqqas tagħha ma kellux bħala konsegwenza immedjata u inevitabbli l-qtil doppju, u dan għaliex il-qtil twettaq minn individwu li l-motiv tiegħu kien is-serq u li l-aġir tiegħu kien imprevedibbli. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku semma l-fatt li din l-evalwazzjoni kienet konformi mal-prinċipji tad-Direttiva 89/391, li tipprevedi, fl-Artikolu 5(4) tagħha, li r-responsabbiltà ta’ persuna li timpjega tista’ tkun attenwata minħabba fatti dovuti għal ċirkustanzi li ma jkunux taħt il-kontroll tagħha u li la jkunu normali u lanqas prevedibbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-imsemmi artikolu jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeżoneraw totalment jew li jnaqqsu r-responsabbiltà tal-persuni li jimpjegaw fir-rigward ta’ fatti imprevedibbli. B’hekk, kien fil-kuntest ta’ dan ir-raġunament li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li n-nuqqas tal-Kummissjoni ma kellux bħala konsegwenza immedjata u inevitabbli l-qtil doppju.

89      Madankollu, fil-punt 193 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku speċifika li s-soluzzjoni li tikkonsisti fl-eżenzjoni totali tal-Kummissjoni mir-responsabbiltà tagħha, li kienet tkun il-konsegwenza tal-applikazzjoni stretta ta’ dak li kien indika fil-punt 192 tas-sentenza tal-ewwel istanza, ma kinitx ser tkun konkordanti mal-ġurisprudenza li taċċetta li dannu jista’ jkollu diversi kawżi. Fl-aħħar mill-aħħar, il-konstatazzjoni magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 192 tas-sentenza tal-ewwel istanza hija biss stadju fir-raġunament tiegħu u huwa biss fil-punt 193 tas-sentenza tal-ewwel istanza li huwa jislet il-konsegwenzi tal-analiżi tiegħu meta ddeċieda li ma japplikax il-prinċipju msemmi fil-punt 192, li kieku kien jimplika l-eżonerazzjoni totali tal-Kummissjoni, u meta kkonkluda li din tal-aħħar u t-terz kienu kkontribwixxew għall-materjalizzazzjoni tad-dannu. Barra minn hekk, din il-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija konkordanti mal-interpretazzjoni tas-sentenza tal-ewwel istanza fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas milli jitwettaq l-obbligu ta’ sigurtà li kkontribwixxa sabiex jiġi kkawżat id-dannu speċifiku li l-imsemmi obbligu kien intiż li jevita, l-istituzzjoni għandha titqies li hija koawtur tad-dannu kkawżat, sa fejn l-azzjonijiet ta’ terz ma jistgħux jitqiesu li huma ċirkustanza li teżentaha totalment mir-responsabbiltà tagħha.

90      It-tieni nett, hemm ukoll lok li jiġu miċħuda diversi argumenti tal-appellanti li jinsabu fit-tieni u fit-tielet partijiet u li jikkonċernaw l-evalwazzjonijiet magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar in-natura prevedibbli jew imprevedibbli tal-konsegwenzi tan-nuqqas tal-Kummissjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motiv tat-terz, jiġifieri s-serq u l-qtil. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li d-distinzjoni fir-rigward tan-natura tal-motiv hija, minn naħa, kontradittorja fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Appell ta’ Rabat u, min-naħa l-oħra, illoġika peress li r-riskju li ttieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tas-sigurtà tal-persunal tad-delegazzjoni ta’ Rabat kien it-theddida terroristika. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li huwa żbaljat li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni tiġi llimitata fuq il-bażi tal-prinċipji tad-Direttiva 89/391 li tipprevedi, fl-Artikolu 5(4) tagħha, li r-responsabbiltà ta’ persuna li timpjega tista’ tkun attenwata, b’mod partikolari, minħabba fatti dovuti għal ċirkustanzi li ma jkollha ebda kontroll fuqhom u li la jkunu normali u lanqas prevedibbli, u jsostnu li, fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat li ċ-ċirkustanzi kienu eċċezzjonali, il-Kummissjoni hija responsabbli sa fejn, fil-punt 183 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, li kieku din tal-aħħar kienet wettqet l-obbligu li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tagħha, il-qtil doppju ma kienx iseħħ.

91      Fl-ewwel lok, l-argument fuq in-natura kontradittorja u illoġika dwar in-natura tal-motiv ma jistax jintlaqa’. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, fil-punt 184 tas-sentenza tal-ewwel istanza t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li d-differenza bejn ir-riskju ta’ theddida terroristika u l-kriminalità tad-dritt komuni ma kellha ebda impatt fuq l-evalwazzjoni tan-natura diretta u ċerta tar-rabta kawżali. Barra minn hekk, fl-imsemmi punt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li kien raġonevoli li jitqies li l-miżuri intiżi sabiex jiġi evitat it-twettiq ta’ attentat terroristiku kellhom jiżguraw protezzjoni effettiva, a fortiori, kontra intrużjoni fir-residenza ta’ uffiċjal. Għaldaqstant, anki jekk jiġi aċċettat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel konstatazzjoni kontradittorja u illoġika fir-rigward tal-fatti kkonstatati mill-Qorti tal-Appell ta’ Rabat dwar il-motiv tal-qattiel, din il-konstatazzjoni ma kellha ebda impatt fuq l-evalwazzjoni tiegħu tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

92      Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq kontra r-riferiment magħmul mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/391. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, fil-punt 192 tas-sentenza tal-ewwel istanza t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma bbażax l-evalwazzjoni tiegħu fuq dan l-artikolu. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li kkonstata li l-Kummissjoni kienet ħolqot il-kundizzjonijiet għall-materjalizzazzjoni tad-dannu minħabba li kisret l-obbligu li tipproteġi lill-persunal tagħha, żied li r-responsabbiltà prinċipali għall-qtil doppju ma setgħetx tiġi attribwita lil din tal-aħħar peress li dan il-qtil doppju kien ir-riżultat ta’ avveniment imprevedibbli. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mbagħad ikkonkluda li din il-konstatazzjoni kienet konkordanti mal-prinċipji tad-Direttiva 89/391 u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 5(4) tagħha. B’hekk, bħala tali, l-argument tal-appellanti jikkonċerna raġuni tas-sentenza tal-ewwel istanza espressa għal finijiet ta’ kompletezza u, għalhekk, jista’ jiġi miċħud konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-aggravju li jikkonċerna parti ta’ deċiżjoni mogħtija għal finijiet ta’ kompletezza għandu jiġi miċħud (ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 2015, Walton vs Il‑Kummissjoni, T‑261/14 P, EU:T:2015:110, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, anki jekk jiġi aċċettat li r-riferiment għall-imsemmi artikolu huwa żbaljat minħabba l-fatt li l-aġir tat-terz ma kienx imprevedibbli, dan l-iżball ma għandux impatt fuq ir-riżultat li wasal għalih it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta kkonkluda r-raġunament tiegħu. Fil-fatt, mill-eżami imwettaq iktar ’il fuq jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, ġustament, li l-Kummissjoni u t-terz kienu kkontribwixxew għad-dannu, u dan jimplika li la waħda u lanqas l-ieħor ma setgħu jitqiesu li huma r-responsabbli prinċipali.

94      It-tielet u l-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument li, anki jekk jiġi aċċettat li ċ-ċirkustanzi kienu eċċezzjonali, il-Kummissjoni kien imissha tqieset li hija responsabbli sa fejn, fil-punt 183 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, li kieku din tal-aħħar kienet wettqet l-obbligu li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tagħha, il-qtil doppju ma kienx iseħħ. Permezz ta’ dan l-argument, l-appellanti jsostnu, mill-ġdid, li, peress li l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq l-obbligu li tipproteġi l-persunal tagħha, kull konsegwenza li tirriżulta minn avvenimenti suċċessivi għandha tiġi imputata lilha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, li kieku t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika l-ġurisprudenza dwar it-teorija tal-kawżalità adegwata, huwa kien ikollu jiddeċiedi li n-nuqqas tal-Kummissjoni bħala tali ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hija responsabbli. Għaldaqstant it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi meta, minħabba n-natura tan-nuqqas, jiġifieri l-ksur tal-obbligu ta’ protezzjoni li kkontribwixxa sabiex jiġi kkawżat id-dannu speċifiku li l-imsemmi obbligu kien intiż li jevita, qies, essenzjalment, li l-Kummissjoni u t-terz kienu koawturi tal-istess dannu.

95      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-ewwel tliet partijiet tat-tieni aggravju.

 Fuq ir-raba’ parti, dwar ir-responsabbiltà in solidum tal-Kummissjoni

96      Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li, anki jekk jiġi aċċettat li l-Kummissjoni ma għandhiex titqies li hija r-responsabbli prinċipali għall-fatt dannuż, hija għandha tinżamm responsabbli in solidum għall-kumpens tad-dannu kollu. Essenzjalment, l-appellanti jikkontestaw it-tqassim tar-responsabbiltà stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku billi jsostnu li l-Kummissjoni għandha tinżamm responsabbli in solidum flimkien mal-qattiel.

97      F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li r-responsabbiltà in solidum tal-Kummissjoni tirriżulta, l-ewwel nett, mill-prinċipji komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, it-tieni nett, mill-istruttura tar-Regolamenti tal-Persunal u, it-tielet nett, mid-dritt sekondarju tal-Unjoni.

98      L-ewwel nett, l-appellanti jsostnu li, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi u ta’ preċedenti ġurisprudenzjali, huwa meħtieġ li jsir riferiment għall-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward huwa jiċċitaw il-ġurisprudenza Ġermaniża, Spanjola, Franċiża, Belġjana u Taljana, li tirrikonoxxi li, meta diversi fatti jkunu kkontribwixxew sabiex iseħħ dannu, kull responsabbli għandu jagħmel tajjeb għad-dannu kollu kkawżat, in solidum mal-oħrajn. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li huwa wkoll possibbli li tiġi applikata r-responsabbiltà in solidum fil-każ ta’ sorsi differenti tal-obbligu. Fuq dan il-punt huma jagħmlu riferiment għall-punt 12 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża Spie-Batignolles vs Il‑Kummissjoni (201/86, mhux ippubblikati, EU:C:1989:300), fejn dan tal-aħħar ikkonkluda li “[m]inn studju komparattiv tad-dritt tal-Istati Membri, imwettaq mid-Dipartiment tar-Riċerka u tad-Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, irriżulta li l-parti l-kbira tal-Istati Membri jaċċettaw li, meta jiġi stabbilit li nuqqas kuntrattwali […] u nuqqas mhux kuntrattwali kkawżaw dannu wieħed, l-awturi ta’ dawn iż-żewġ nuqqasijiet jistgħu jiġu ddikjarati responsabbli in solidum għal dan id-dannu”.

99      It-tieni nett, fir-rigward tal-istruttura tar-Regolamenti tal-Persunal, l-appellanti jsostnu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tissuġġerixxi li l-prinċipju ta’ responsabbiltà in solidum għandu japplika iktar u iktar meta l-fatt dannuż ikun sar possibbli minħabba l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet. Fil-fatt, l-appellanti jsostnu li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċerna l-każ partikolari li fih il-Kummissjoni, mingħajr ma tkun stabbilita r-responsabbiltà tagħha stess, minħabba d-dmir ta’ assistenza tagħha fil-konfront tal-persunal tagħha, tagħmel tajjeb in solidum mal-awtur tal-fatt dannuż, li kontrih imbagħad tkun tista’ tressaq azzjoni. F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l-Kummissjoni kienet kompletament responsabbli għall-fatt dannuż. Għaldaqstant, skonthom, huwa kompletament illoġiku li jiġi aċċettat li l-Kummissjoni hija miżmuma responsabbli in solidum meta ma tkunx stabbilita r-responsabbiltà tagħha iżda, għall-kuntrarju, ma hijiex miżmuma responsabbli in solidum f’każ ferm iktar gravi, bħal dak ineżami, fejn tkun ikkontribwixxiet għat-twettiq tal-fatt dannuż.

100    It-tielet nett, fir-rigward tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, l-appellanti jsostnu li l-prinċipji tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kumpens għall-vittmi tal-kriminalità vjolenti, li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65), ixaqilbu lejn ir-responsabbiltà in solidum. L-imsemmija direttiva, ispirata mill-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Kumpens għall-Vittmi ta’ Reati Vjolenti, iffirmata fi Strasbourg fl-24 ta’ Novembru 1983, hija bbażata fuq il-prinċipju li, fil-każ li l-awtur tar-reat ma jkunx jista’ jiżgura l-kumpens sħiħ tad-dannu, l-Istati Membri huma meħtieġa jikkontribwixxu għal dan il-kumpens. L-appellanti jsostnu li jidher illoġiku li tali obbligu ma japplikax għall-Kummissjoni f’każ fejn tkun ikkontribwixxiet hija stess għall-materjalizzazzjoni tal-fatt dannuż. Minkejja li din il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija vinkolanti biss għall-Istati Membri, huma jqisu li l-prinċipju ta’ solidarjetà previst, b’mod partikolari, fid-Direttiva 2004/80 għandu japplika a fortiori għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari f’każ fejn il-fatt dannuż kien sar possibbli minħabba aġir tal-Kummissjoni li jikkostitwixxi nuqqas.

101    Il‑Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tar-regola tar-rabta bejn l-azzjoni ta’ istituzzjoni u l-azzjonijiet ta’ terz, ir-riferiment għall-prinċipji misluta mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri huwa irrilevanti. L-ewwel nett, l-uniku test sabiex tiġi ddeterminata l-eventwali responsabbiltà in solidum tal-istituzzjonijiet huwa r-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn l-Artikolu 270 TFUE jispeċifika li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kull tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha topera “fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolamenti tal-Persunal jirreferu għal responsabbiltà in solidum fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tagħhom biss, li jipprovdi li l-Komunitajiet għandhom jikkumpensaw in solidum id-danni mġarrba mill-uffiċjal sa fejn dan ma jkunx, intenzjonalment jew minħabba negliġenza gravi, il-kawża tad-danni tiegħu u ma jkunx irnexxielu jikseb kumpens mingħand l-awtur. Barra minn hekk, fl-Artikolu 85a tagħhom, ir-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu l-każ fejn l-Unjoni tkun issurrogata minflok il-vittma, l-uffiċjal, jew minflok l-aventi kawża tiegħu fid-drittijiet tagħhom u fl-azzjonijiet tagħhom kontra t-terz responsabbli, bl-eċċezzjoni jekk ikun il-każ ta’ azzjoni mressqa kontra t-terz, fir-rigward ta’ att dannuż ikkawżat minn terz lil uffiċjal li jimplika mewt, inċident jew marda. It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenzi tal-qrati Taljani u Belġjani ċċitati mill-appellanti, ir-responsabbiltà in solidum kienet iġġustifikata minħabba li s-sors tal-obbligu kien identiku, fi kliem ieħor l-“atti dannużi” kienu jaqgħu taħt id-dritt ċivili, filwaqt li, f’dan il-każ, ir-responsabbiltà tal-qattiel toriġina mit-twettiq tar-reat ta’ omiċidju rregolat mid-dritt kriminali, filwaqt li r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, bħala persuna li timpjega, għandha natura “amministrattiva-ċivili”.

102    Għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, l-argument li r-responsabbiltà in solidum tirriżulta mill-istruttura tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-appellanti jsostnu li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċerna l-każ partikolari li fih il-Kummissjoni, mingħajr ma tkun stabbilita r-responsabbiltà tagħha stess, minħabba d-dmir ta’ assistenza tagħha fil-konfront tal-persunal tagħha, tagħmel tajjeb in solidum flimkien mal-awtur tal-fatt dannuż li kontrih imbagħad tkun tista’ tressaq azzjoni, fil-każ ta’ dannu mġarrab minn uffiċjal minħabba l-kwalità jew il-funzjonijiet tiegħu. F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l-Kummissjoni kienet responsabbli għall-fatt dannuż. Għaldaqstant, ikun illoġiku jekk il-Qorti Ġenerali taċċetta li l-Kummissjoni hija responsabbli in solidum meta r-responsabbiltà tagħha ma hijiex stabbilita, iżda ma hijiex responsabbli in solidum, għall-kuntrarju, f’każ ferm iktar gravi fejn ikkontribwixxiet sabiex iseħħ il-fatt dannuż. L-appellanti jipproponu, essenzjalment, interpretazzjoni alternattiva tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ responsabbiltà in solidum ma tiddependix mill-fatt li l-uffiċjal ġarrab dannu minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tiegħu, iżda minn jekk l-istituzzjoni wettqitx jew le nuqqas. Fl-aħħar mill-aħħar, l-appellanti jsostnu li l-fatt li Alessandro Missir Mamachi ġarrab dannu minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tiegħu ma għandu ebda importanza għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà in solidum tal-Kummissjoni. Skonthom, għandu jiġi vverifikat jekk l-istituzzjoni wettqitx jew le nuqqas.

103    Il‑Kummissjoni ssostni li r-Regolamenti tal-Persunal jirreferu biss għal responsabbiltà in solidum tal-istituzzjonijiet meta l-uffiċjal, minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tiegħu, ikun vittma tal-fatti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tkun responsabbli biss fil-każ li l-uffiċjal iġarrab id-dannu minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eskluda, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-punti 220 sa 225 tas-sentenza tal-ewwel istanza. Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi l-każ tas-surroga tal-Unjoni minflok l-uffiċjal jew l-aventi kawża tiegħu fid-drittijiet tagħhom u fl-azzjonijiet tagħhom kontra t-terz responsabbli u li barra minn hekk hija kienet intervjeniet bħala parti ċivili fil-proċedura kriminali quddiem il-qorti Marokkina.

104    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif tosserva l-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad, fis-sentenza tal-ewwel istanza, motiv ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, kienet meħtieġa tikkumpensa in solidum id-danni mġarrba, sa fejn Alessandro Missir Mamachi ma kienx inqatel minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tiegħu.

105    Minn naħa, għalkemm huwa minnu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrifjuta li japplika l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-każ ineżami, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi artikolu ma għandux l-effett li jeskludi r-responsabbiltà in solidum fir-rigward tad-dannu mġarrab minn uffiċjal ikkawżat mill-aġir ta’ istituzzjoni li jikkostitwixxi nuqqas.

106    Fil-fatt, iż-żewġ paragrafi li jikkostitwixxu l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu interpretati flimkien. Fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal din it-tilwima, dawn jipprevedu li “[i]l-Komunitajiet għandhom jassistu kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew propjetà li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba il-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu” u li “[h]uma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkawżata”. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament ċaħad il-motiv imqajjem fl-ewwel istanza peress li Alessandro Missir Mamachi ma nqatilx fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-premessa meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu hija l-fatt li l-uffiċjal ikun ġarrab dannu minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tiegħu.

107    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li filwaqt li, minn naħa, fil-każ ta’ uffiċjal li jkun ġarrab dannu minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tiegħu, il-Komunitajiet għandhom jikkumpensaw in solidum id-danni mġarrba, irrispettivament minn jekk ikunux wettqu nuqqas jew le, u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ responsabbiltà in solidum ma huwiex intiż li jiġi invokat jekk uffiċjal ikun ġarrab dannu f’kuntest li ma jkunx dak tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u jekk ebda aġir illegali b’rabta kawżali mal-imsemmi dannu ma jkun jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ istituzzjoni, għall-kuntrarju, fil-każ li istituzzjoni tkun ikkontribwixxiet bin-nuqqas tagħha għal dannu mġarrab minn uffiċjal f’kuntest li ma jkunx dak tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, is-silenzju tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi interpretat, kif issostni l-Kummissjoni, fis-sens li għandu l-effett li jeskludi r-responsabbiltà in solidum tal-istituzzjoni.

108    F’dan ir-rigward, fil-punt 13 tas-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li argument ma jistax ikun ibbażat fuq l-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni espliċita fir-Regolamenti tal-Persunal u fil-leġiżlazzjoni sabiex jiġi eskluż id-dritt tal-uffiċjal u tal-aventi kawża tiegħu li jitolbu kumpens komplementari meta l-istituzzjoni tkun responsabbli għall-inċident taħt id-dritt komuni u meta l-benefiċċji previsti fis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab. Għalkemm huwa minnu li dik is-sentenza tikkonċerna każ fejn in-nuqqas tal-istituzzjoni twettaq fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-uffiċjal, hija tistabbilixxi l-prinċipju li s-silenzju tar-Regolamenti tal-Persunal ma jimplikax l-esklużjoni ta’ dak kollu li ma jkunx espliċitament previst fihom. Dan il-prinċipju għalhekk jista’ jiġi applikat għaċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

109    Barra minn hekk, l-argument imqajjem mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax idaħħal inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, l-imsemmi artikolu jikkonċerna s-surroga tal-Unjoni fil-każ ta’ dannu imputabbli lil terz meta, f’dan il-każ, hija għandha titqies li hija koawtur tad-dannu kkawżat. Għaldaqstant, il-fatt li hija intervjeniet bħala parti ċivili fil-proċedura kriminali quddiem il-qorti Marokkina huwa irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk hemmx lok li tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà in solidum tagħha flimkien mal-qattiel.

110    Wara li ġie stabbilit li s-silenzju tar-Regolamenti tal-Persunal ma jeskludix ir-responsabbiltà in solidum fir-rigward tad-dannu mġarrab minn uffiċjali u kkawżat minn aġir li jikkostitwixxi nuqqas ta’ istituzzjoni u qabel ma tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija responsabbiltà tistax tkun ibbażata fuq il-prinċipji komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, għandhom jiġu eżaminati żewġ oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni.

111    Din tal-aħħar issostni, l-ewwel nett, li, fir-rigward tar-regola tar-rabta bejn l-azzjoni ta’ istituzzjoni u l-azzjonijiet ta’ terz, ir-riferiment għall-prinċipji li jirriżultaw mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri huwa irrilevanti sa fejn, konformement mal-Artikolu 270 TFUE, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kull tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha għandha tiġi eżerċitata fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal u, it-tieni nett, li, peress li s-sors tal-obbligu tad-dmir ta’ kumpens huwa differenti, fejn dak tal-qattiel joriġina mit-twettiq tar-reat ta’ omiċidju rregolat mid-dritt kriminali Marokkin u dak tal-Kummissjoni, bħala persuna li timpjega, għandu natura “amministrattiva-ċivili”, ir-responsabbiltà in solidum ma tistax tiġi aċċettata minħabba li s-sors ta’ dawn iż-żewġ obbligi ma hijiex identika.

112    Fir-rigward tal-ewwel oġġezzjoni, din għandha tiġi miċħuda fuq il-bażi tar-raġunament żviluppat fil-punti 106 u 107 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal ma fihomx regoli dwar ir-responsabbiltà in solidum ta’ istituzzjoni li kkontribwixxiet għall-materjalizzazzjoni tad-dannu mġarrab minn uffiċjal f’kuntest li ma jkunx dak tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ma jwassalx għall-esklużjoni awtomatika ta’ tali responsabbiltà fuq livell ta’ prinċipju.

113    Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni, din ukoll għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, għalkemm ma jistax jiġi kkontestat li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-ħtija tal-qattiel, li hija kwistjoni rregolata mid-dritt kriminali Marokkin, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni meta din tkun ikkawżat, waħedha jew flimkien ma’ terz, dannu lil uffiċjal. Ir-Regolamenti tal-Persunal stess joffru interpretazzjoni li tippermetti li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni. Fil-fatt, li kieku Alessandro Missir Mamachi nqatel minħabba l-funzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni kienet tkun responsabbli in solidum flimkien mal-qattiel, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Filwaqt li huwa minnu li l-fatt li Alessandro Missir Mamachi ma nqatilx minħabba l-funzjonijiet tiegħu jipprekludi l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu, il-formulazzjoni tiegħu madankollu turi li n-natura tar-responsabbiltà ta’ terz ma għandha ebda impatt fuq l-obbligu in solidum tal-istituzzjoni li tkun koawtur ta’ dannu. Fil-fatt, l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal juri li l-qorti tal-Unjoni tista’ tintalab tieħu konjizzjoni ta’ tilwima li tikkonċerna l-kwistjoni tar-responsabbiltà in solidum ta’ istituzzjoni minħabba l-azzjonijiet ta’ terz, fejn in-natura tar-responsabbiltà tat-terz ma għandha ebda impatt fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà in solidum ta’ istituzzjoni.

114    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika li l-Komunitajiet għandhom jikkumpensaw in solidum id-danni mġarrba jekk l-uffiċjal ma jkunx irnexxielu jikseb kumpens mingħand l-awtur. Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata mill-Qorti Ġenerali fis-sens li tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni ppreżentat minn uffiċjal għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali, sakemm dawn jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u jistgħu jwasslu għall-kumpens tad-dannu allegat (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 67). Issa, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata b’analoġija fil-każ ineżami. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tfasslet fil-każ li l-istituzzjoni ma tkun wettqet nuqqas filwaqt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqet nuqqas li kkontribwixxa għall-materjalizzazzjoni tad-dannu. Għalhekk, għalkemm, fil-każ li l-istituzzjoni ma tkunx wettqet nuqqas, il-Qorti Ġenerali ssuġġettat il-possibbiltà, għall-uffiċjal, li jitlob lil din l-istituzzjoni tikkumpensa d-dannu kkawżat minn terz għall-fatt li l-uffiċjal ikun għamel dak li jkun meħtieġ sabiex jikseb il-kumpens dovut quddiem qorti nazzjonali, sabiex jiġi evitat li dan idur immedjatament kontra l-istituzzjoni mingħajr ma jkun ipprova jikseb il-kumpens dovut mingħand it-terz, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għaċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami la hija sodisfaċenti u lanqas ekwa, u dan b’mod kunsiderevoli, peress li l-Kummissjoni hija koawtur, flimkien mat-terz, tal-fatt li kkawża d-dannu mġarrab. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura kriminali kontra t-terz li wettaq il-qtil, l-insolvenza ta’ dan tal-aħħar ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Appell ta’ Rabat, li kkundannatu jħallas dirham (MAD) simboliku lill-Unjoni, li intervjeniet bħala parti ċivili fil-proċedura. B’hekk, f’dan il-każ, peress li t-terz huwa insolventi, jidher li huwa saħansitra inqas sodisfaċenti li jiġi konkluż li r-rikors tal-appellanti ma huwiex ammissibbli minħabba li dawn ma użawx ir-rimedji kollha previsti fl-ordinament ġuridiku Marokkin.

115    Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkontestata permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il‑Kummissjoni (5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, mhux ippubblikata, EU:C:1967:31), iċċitata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:290, punt 106), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali in solidum tal-Unjoni u ta’ Stat Membru, l-individwi allegatament leżi kellhom l-ewwel jersqu quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti jekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri kienu prinċipalment jew essenzjalment responsabbli għall-ksur allegat. Fil-fatt, dan il-każ ta’ responsabbiltà in solidum jikkonċerna sitwazzjoni ta’ amministrazzjoni konġunta bejn l-Unjoni u Stat Membru filwaqt li, f’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi fattwali huma differenti.

116    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri joħroġx prinċipju ġenerali li jirrikonoxxi r-responsabbiltà in solidum tal-koawturi tal-istess dannu u li jista’ jiġi applikat fil-każ ineżami, fil-każ li istituzzjoni tkun ikkontribwixxiet għall-materjalizzazzjoni tad-dannu mġarrab minn uffiċjal f’kuntest li ma jkunx dak tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

117    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jipprovdi li, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”.

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mid-drittijiet tal-Istati Membri joħroġ prinċipju ġenerali komuni li jipprovdi li, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-każ ineżami, il-qorti nazzjonali għandha tirrikonoxxi r-responsabbiltà in solidum tal-koawturi tal-istess dannu, filwaqt li jitqies li huwa ġust il-fatt li l-persuna leża ma tkunx meħtieġa, minn naħa, tiddetermina s-sehem tad-dannu li kull wieħed mill-koawturi huwa responsabbli għalih u, min-naħa l-oħra, iġġorr ir-riskju li l-koawtur li hija tressaq kawża kontrih jirriżulta li jkun insolventi.

119    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta llimita għal 40 % is-sehem dovut mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kumpens tad-dannu materjali mġarrab minn ulied Alessandro Missir Mamachi. B’hekk, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq id-dritt sekondarju tal-Unjoni, ir-raba’ parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta ddeċieda li d-dannu materjali kien ġie kkumpensat kompletament permezz tal-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal

120    Preliminarjament, l-appellanti jsostnu li, kif tindika t-tabella 2 prodotta fl-Anness A.2 tal-appell, l-ammont imsemmi fil-punt 202 tas-sentenza tal-ewwel istanza jirrappreżenta t-total tal-benefiċċji li għalihom ulied Alessandro Missir Mamachi huma intitolati sakemm jagħlqu tmintax-il sena, jiġifieri EUR 1 381 077, u ta’ dawk li għalihom jistgħu jkunu intitolati, bil-kundizzjoni li jibqgħu dipendenti fuq il-familja u li jkomplu jistudjaw sakemm jagħlqu sitta u għoxrin sena, jiġifieri EUR 1 097 298. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu wkoll li, fil-pajjiż ta’ residenza tal-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi, ir-Renju tal-Belġju, wieħed normalment itemm l-istudji universitarji fl-età ta’ bejn tnejn u għoxrin u tliet u għoxrin sena. Għaldaqstant, jekk wieħed jinjora n-natura purament ipotetika tal-ammont ta’ EUR 1 097 298, li l-ħlas tiegħu huwa suġġett għal sensiela ta’ kundizzjonijiet li hemm ċans tajjeb li ma jkunux issodisfatti, l-appellanti jqisu, fi kwalunkwe każ, li dawn l-ammonti ma jistgħux jitnaqqsu mill-ammont tal-kumpens dovut lill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi.

121    Sussegwentement, l-appellanti jsostnu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-benefiċċji kollha previsti fir-Regolamenti tal-Persunal, inklużi dawk distinti mis-somma f’daqqa mħallsa bħala kumpens prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-dannu kkawżat mill-Kummissjoni kienx diġà ġie kkumpensat.

122    Insostenn ta’ dan l-aggravju, fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), invokata mill-Kummissjoni u ċċitata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 204 tas-sentenza tal-ewwel istanza, ma tistax tiġi applikata għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Fil-fehma tagħhom, dik is-sentenza ma tikkonċernax il-benefiċċji kollha previsti fir-Regolamenti tal-Persunal iżda biss is-somma f’daqqa mħallsa bħala kumpens prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

123    Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-benefiċċji tal-pensjoni mħallsa lill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jitnaqqsu mill-kumpens tad-dannu imputabbli lill-Kummissjoni, minħabba l-fatt li l-benefiċċji li għandhom in-natura ta’ pensjoni jingħataw fuq il-bażi ta’ dritt li l-uffiċjal ikun kiseb bis-saħħa tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu u li, bħala dritt li jappartjeni lill-uffiċjal, jiġi ttrasferit awtomatikament lill-eredi. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li konklużjoni differenti twassal għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi, peress li dawn tal-aħħar b’hekk jirċievu, fil-prattika, l-istess ammont bħall-ulied ta’ uffiċjal li miet b’kawżi naturali. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li, fl-assenza ta’ regoli li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), fil-punt 22, tirreferi għad-dritt eżistenti fil-parti l-kbira tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni fil-konfront ta’ uffiċjal.

124    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fatt li, kif osserva t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 111 tas-sentenza tal-ewwel istanza, Livio Missir Mamachi “ma [kien i]ppreżenta ebda talba fir-rigward tat-telf ta’ drittijiet għall-pensjoni li t-tifel tiegħu seta’ kiseb”, l-appellanti jsostnu li huma “ikkwantifikaw id-dannu patrimonjali mġarrab mill-eredi ta’ Missir Mamachi mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji soċjali li għalihom l-uffiċjal deċedut kien ikun intitolat filwaqt li qiesu li d-drittijiet għall-pensjoni akkwistati mill-mejjet [kienu] kkumpensati mill-pensjoni tal-orfni li [kienet] ingħatat” lill-ulied ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, l-appellanti jqisu li l-benefiċċji mħallsa taħt l-assigurazzjoni għall-pensjoni lill-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi jikkorrispondu għas-somom li dan tal-aħħar kien probabbilment jirċievi wara li jilħaq l-età tal-pensjoni prevista fir-Regolamenti tal-Persunal. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-appellanti jenfasizzaw li, jekk id-drittijiet għall-pensjoni jitnaqqsu mill-kumpens, l-ammonti marbuta ma’ dawn id-drittijiet ikunu mnaqqsa darbtejn. Minn naħa, dawn l-ammonti jkunu esklużi mill-kwantifikazzjoni tad-dannu materjali. Min-naħa l-oħra, huma jkunu mnaqqsa mir-rimbors dovut lill-eredi tal-uffiċjal maqtul.

125    Il‑Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies ġustament li l-qorti, meta tevalwa jekk id-dannu mġarrab kienx ikkumpensat jew le mill-istituzzjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji kollha previsti fir-Regolamenti tal-Persunal. Insostenn ta’ din il-kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), u tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402), li fihom ġie speċifikat li d-dritt tal-uffiċjal għal kumpens taħt id-dritt komuni huwa biss komplementari u jeżisti biss jekk l-uffiċjal juri li l-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal ma humiex biżżejjed sabiex jiġi żgurat il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab. Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li, li kieku l-benefiċċji mogħtija taħt l-assigurazzjoni għall-pensjoni ma tnaqqsux mill-kumpens, l-aventi kawża kienu jirċievu kumpens doppju, jiġifieri l-pensjonijiet tal-orfni u l-ammont dovut għall-kumpens tad-dannu.

126    Il‑Kummissjoni ssostni li, kif enfasizza t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 202 tas-sentenza tal-ewwel istanza, hija diġà tat lill-aventi kawża somom li jmorru lil hinn mill-benefiċċji normalment previsti fir-Regolamenti tal-Persunal. Dan juri, skont il-Kummissjoni, li hija ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-mewt ta’ Alessandro Missir Mamachi fl-għoti tal-benefiċċji, b’tali mod li hija eskluża sitwazzjoni diskriminatorja.

127    Fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-appellanti għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), il-Kummissjoni tosserva li, fil-punt 22 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmilx riferiment għad-dritt eżistenti fil-parti l-kbira tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni fil-konfront tal-uffiċjal inkwistjoni, iżda għall-kumpens tal-konsegwenzi tal-inċident għall-konjuġi u għall-ulied tas-Sur Leussink, kumpens li, fi kwalunkwe każ, kien eskluż mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi n-natura komplementari tal-azzjoni għad-danni minħabba nuqqas taħt id-dritt komuni, ma jistax jiġi sostnut, għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tal-appellanti, li ma hemmx dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni li jirregolaw id-dritt għall-kumpens ta’ dannu mġarrab mill-uffiċjali. Għaldaqstant, ir-riferiment għall-ġurisprudenza tal-Istati Membri huwa, skont il-Kummissjoni, kompletament irrilevanti.

128    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riskju ta’ tnaqqis doppju, il-Kummissjoni tosserva li l-affermazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 111 tas-sentenza tal-ewwel istanza hija “kompletament inċidentali u sussidjarja u, għaldaqstant, ineffettiva”.

129    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm fit-talbiet tagħhom l-appellanti jitolbu l-kumpens ta’ dannu materjali ta’ EUR 3 975 329, fl-appell huma ma jikkontestawx l-ammont ta’ EUR 3 miljuni ddefinit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq il-bażi tar-remunerazzjoni li Alessandro Missir Mamachi kien ser jirċievi sad-data tal-irtirar tiegħu, imnaqqsa bis-somma li dan tal-aħħar u l-konjuġi tiegħu kienu ser jonfqu għall-bżonnijiet tagħhom. Fil-fatt, permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti qegħdin jikkontestaw biss il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-benefiċċji kollha previsti fir-Regolamenti tal-Persunal, inklużi dawk distinti mis-somma f’daqqa mħallsa bħala kumpens prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kumpens tad-dannu materjali. Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li meta jitolbu l-kumpens ta’ dannu materjali ta’ EUR 3 975 329, l-appellanti qegħdin jikkontestaw id-determinazzjoni tal-ammont ta’ EUR 3 miljuni magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun ikkonstata l-eżistenza ta’ dannu, huwa għandu kompetenza esklużiva sabiex jevalwa, fil-limiti tat-talba, il-mod u l-portata tal-kumpens ta’ dan id-dannu, bil-kundizzjoni li, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn għandhom ikunu mmotivati suffiċjentement u, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dannu, dawn għandhom jindikaw il-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont deċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Thomé, T‑669/13 P, EU:T:2014:929, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, peress li l-appellanti ma spjegawx b’liema mod it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball fl-applikazzjoni tal-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ EUR 3 miljuni, għandu jiġi konkluż li dan l-ammont jikkorrispondi għall-kumpens tad-dannu materjali mġarrab mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi.

130    Sussegwentement, għandha tiġi kkjarifikata l-portata, minn naħa, tas-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), li għaliha jagħmel riferiment it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 204 tas-sentenza tal-ewwel istanza u li l-appellanti jqisu li ma hijiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, u, min-naħa l-oħra, tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402), li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha.

131    Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986. Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet meħtieġa tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kopertura tar-riskji ta’ inċident prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u fil-leġiżlazzjoni kinitx tikkostitwixxi skema ta’ kumpens eżawrjenti li, fil-każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, kienet teskludi kull pretensjoni oħra fir-rigward ta’ danni bbażata fuq il-prinċipji tad-dritt komuni. Fil-fatt, is-Sur Leussink, il-konjuġi tiegħu u l-erba’ wliedhom kienu ressqu talba għal kumpens komplementari, fejn sostnew li l-kumpens previst fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal kien ikopri biss il-konsegwenzi ekonomiċi tal-inċident u mhux id-dannu morali tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi ddeċidiet, fil-punt 11 tas-sentenza, li l-kopertura prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ibbażata fuq skema ġenerali ta’ assigurazzjoni kontributtiva kontra r-riskji ta’ inċident kemm fil-kuntest tas-servizz u kemm lil hinn minn dan il-kuntest u li d-dritt għall-benefiċċju kien indipendenti mill-awtur tal-inċident u mir-responsabbiltà tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi ddeċidiet, fil-punt 13 ta’ dik is-sentenza, li, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni espliċita fil-leġiżlazzjoni li tikkonċerna talbiet komplementari kontra l-istituzzjoni, din il-leġiżlazzjoni ma tistax isservi ta’ bażi għal argument fis-sens li huwa eskluż id-dritt tal-uffiċjal u tal-aventi kawża tiegħu li jitolbu kumpens komplementari meta l-istituzzjoni tkun responsabbli għall-inċident taħt id-dritt komuni u meta l-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux biżżejjed sabiex jiġi żgurat il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab.

132    Wara li stabbilixxiet li kien involut inċident fuq il-post tax-xogħol u li l-inċident inkwistjoni kien dovut għal negliġenza ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, EU:C:1986:371, punti 15 sa 17), il-Qorti tal-Ġustizzja tat lis-Sur Leussink kumpens komplementari ta’ 2 miljuni franki Belġjani (BEF). Fir-rigward tal-konjuġi u tal-erba’ wlied ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-konsegwenzi tal-inċident fuq il-ħajja tal-familja kienu l-konsegwenza tad-dannu mġarrab mis-Sur Leussink u li ma kinux fost dawk li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni setgħet tinżamm responsabbli bħala persuna li timpjega.

133    Fir-rigward tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402), iċċitata mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, fil-punt 23 tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-benefiċċji rċevuti taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal sussegwentement għal inċident jew għal mard ikkaġunat mix-xogħol kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat minn uffiċjal fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni li timpjegah.

134    B’hekk, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), u tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402), ikkjarifikaw ir-relazzjoni bejn il-benefiċċji rċevuti taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal sussegwentement għal inċident jew għal mard ikkaġunat mix-xogħol u l-iskema ta’ kumpens taħt id-dritt komuni.

135    Fl-ewwel lok, l-iskema prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dik tad-dritt komuni huma komplementari, b’tali mod li huwa possibbli li titressaq talba għal kumpens komplementari meta l-istituzzjoni tkun responsabbli għall-inċident taħt id-dritt komuni u meta l-benefiċċji mħallsa taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi żgurat il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, EU:C:1986:371, punt 13).

136    Fit-tieni lok, b’applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, il-ġurisprudenza kkjarifikat ukoll il-fatt li l-benefiċċji rċevuti taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, sussegwentement għal inċident jew għal mard ikkaġunat mix-xogħol, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat minn uffiċjal fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni li timpjegah. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, kien ikun hemm kumpens doppju (sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 22).

137    Madankollu, dawn iż-żewġ sentenzi ma jieħdux pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-benefiċċji ta’ assigurazzjoni soċjali kollha għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat. Madankollu, f’dan il-każ, meta fil-punt 204 tas-sentenza tal-ewwel istanza rrefera għas-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaqx żball ta’ liġi.

138    Fil-fatt, għalkemm is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), tikkonċerna r-relazzjoni bejn il-kumpens dovut konformement mal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u dak dovut fuq il-bażi tad-dritt komuni, minn dik is-sentenza ma jirriżultax li kull benefiċċju ieħor previst fir-Regolamenti tal-Persunal ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont dovut bħala kumpens għad-dannu mġarrab. Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, li kieku l-benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-pensjoni, jiġifieri l-pensjonijiet tal-orfni, ma kinux imnaqqsa mill-ammont dovut bħala kumpens għad-dannu, l-aventi kawża kienu jirċievu kumpens doppju, l-ewwel ikkostitwit mill-pensjonijiet tal-orfni u t-tieni dovut fir-rigward tal-kumpens għad-dannu. Barra minn hekk, il-pensjonijiet tal-orfni rċevuti mill-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi huma ekwivalenti għall-benefiċċji li dan kien jirċievi li kieku baqa’ ħaj u, għaldaqstant, bħala tali, għandhom jitnaqqsu mill-ammont tal-kumpens għad-dannu materjali. Fl-aħħar nett, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-kumpens dovut fil-każ ta’ mewt jista’ jiġi akkumulat ma’ dawk previsti fil-Kapitolu 3 tagħhom u, għalhekk, mal-pensjoni tal-orfni prevista fl-Artikolu 80 tagħhom. B’hekk, l-argument tal-appellanti fis-sens li l-prinċipju stabbilit fis-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), ma japplikax għall-każ ineżami ma jistax jintlaqa’.

139    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-appellanti fis-sens li jkun diskriminatorju jekk jitqies li l-pensjonijiet tal-orfni mħallsa lill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jitnaqqsu mill-kumpens tad-dannu imputabbli lill-Kummissjoni, sa fejn dan jimplika li l-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi qegħdin jiġu ttrattati bħall-ulied ta’ uffiċjal li miet minħabba kawżi naturali. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti u kif ġie kkonstatat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 204 tas-sentenza tal-ewwel istanza, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ferm partikolari tal-każ ineżami meta tat lill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi somom li jmorru lil hinn mill-obbligi tagħha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal previsti fir-rigward tal-aventi kawża ta’ uffiċjal li jkun miet minħabba raġunijiet naturali. Fil-fatt, il-Kummissjoni tat promozzjoni post mortem lil dan tal-aħħar u, fuq il-bażi ta’ din il-promozzjoni, ikkalkolat il-benefiċċji dovuti lill-aventi kawża tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal, tat lil kull wild somma mensili li tikkorrispondi għal żewġ allowances għal ulied dipendenti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-appellanti qegħdin jibbażaw ruħhom fuq premessa żbaljata sa fejn l-ulied ta’ uffiċjal li ma jkunx miet minħabba inċident jew mard ikkaġunat mix-xogħol, iżda minħabba raġunijiet naturali, ma jirċevux il-kumpens imħallas, konformement mal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-ulied ta’ uffiċjal li jkun miet minħabba inċident jew mard ikkaġunat mix-xogħol. Għalhekk, l-appellanti ma jistgħux isostnu b’mod validu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi, sa fejn dan ma jistax jiġi akkużat li kkonstata li l-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi kienu ġew ittrattati bħala l-ulied ta’ uffiċjal li miet minħabba kawżi naturali.

140    Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-appellanti fis-sens li, fl-assenza ta’ regoli li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, is-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), tirreferi għad-dritt eżistenti fil-parti l-kbira tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni fil-konfront ta’ uffiċjal. Fil-fatt, fil-punt 22 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilx riferiment għad-dritt eżistenti fil-parti l-kbira tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali fil-konfront tal-uffiċjal, u b’mod iktar partikolari għan-natura deduċibbli tal-benefiċċji soċjali mħallsa, iżda għall-kumpens tal-konsegwenzi tal-inċident fuq il-ħajja tal-familja, kumpens li fi kwalunkwe każ ġie eskluż mill-Qorti tal-Ġustizzja.

141    Għandu jiġi miċħud ukoll bħala ineffettiv l-argument tal-appellanti fis-sens li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi, fil-punt 111 tas-sentenza tal-ewwel istanza, meta ddeċieda li ma kinux ressqu talba fir-rigward tat-telf ta’ drittijiet għall-pensjoni. Fil-fatt, l-appellanti jsostnu li huma ma kinux meħtieġa jitolbu kumpens għal dawn id-drittijiet peress li ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens għad-dannu materjali. Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, fil-punt 111 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sempliċement ikkonstata li ma kienet tressqet ebda talba fir-rigward tat-telf ta’ drittijiet għall-pensjoni, minkejja l-fatt li l-ġurisprudenza, u b’mod iktar partikolari s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni (T‑45/01, EU:T:2004:289, punt 167), u tat-12 ta’ Lulju 2007, Sanders et vs Il‑Kummissjoni (T‑45/01, EU:T:2007:221, punti 87 sa 90), taċċetta li dawn id-drittijiet jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ dannu materjali. Għaldaqstant, il-fatt li l-appellanti jqisu li ma kinux meħtieġa jressqu talba fir-rigward tat-telf ta’ drittijiet għall-pensjoni huwa irrilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni korretta, u li barra minn hekk ma ġietx ikkontestata, magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li kkonstata li ma kienet tressqet ebda talba f’dan ir-rigward.

142    Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li s-somma dovuta lill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi, fl-eventwalità li jkomplu jistudjaw sakemm jagħlqu sitta u għoxrin sena, hija ta’ natura ipotetika sa fejn il-ħlas tagħha huwa suġġett għal sensiela ta’ kundizzjonijiet li hemm ċans tajjeb li ma jkunux issodisfatti u għalhekk ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bħala benefiċċju rċevut minnhom.

143    Fil-punt 202 tas-sentenza tal-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-ammont tas-somom diġà mħallsa mill-Kummissjoni jew li hija kienet ser tkompli tħallas kien jilħaq EUR 1.4 miljuni u li dan l-ammont seta’ jilħaq madwar EUR 2.4 miljuni jekk il-benefiċċji kkonċernati jitħallsu sakemm kull wieħed mill-erba’ wlied jagħlaq is-sitta u għoxrin sena. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tax deċiżjoni espliċita dwar il-prinċipju tan-natura deduċibbli ta’ dawn is-somom tal-aħħar mill-ammont dovut bħala dannu li jista’ jiġi kkumpensat.

144    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tan-natura ipotetika tal-ammont rċevut mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi fl-eventwalità li jkomplu jistudjaw sakemm jagħlqu sitta u għoxrin sena għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, u t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

145    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, is-sentenza tal-ewwel istanza għandha tiġi annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad bħala inammissibbli t-talbiet għall-kumpens tad-dannu morali ta’ Livio Missir Mamachi u tal-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi u llimita r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għal 40 % tad-dannu materjali mġarrab mill-aventi kawża ta’ Alessandro Missir Mamachi, meta kien imissu kkundannaha in solidum għall-kumpens tad-dannu.

 Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

[omissis]

 Fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu materjali mġarrab mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi

148    Mill-punti 118 u 119 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija kkundannata in solidum għall-kumpens tad-dannu materjali mġarrab mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi. L-ammont tal-kumpens ta’ dan id-dannu ġie ffissat bħala EUR 3 miljuni.

149    Għandu jiġi osservat li, fil-punti 138 u 139 iktar ’il fuq, huwa deċiż ukoll li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda ġustament li l-pensjonijiet tal-orfni kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kumpens tad-dannu materjali.

150    F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru r-regoli previsti fir-Regolamenti tal-Persunal li jista’ jkollhom impatt fuq din il-kawża fir-rigward tal-benefiċċji li, minħabba li jistgħu jitqiesu li huma modalità ta’ kumpens tad-dannu materjali, jiġifieri t-telf ta’ remunerazzjoni ta’ Alessandro Missir Mamachi, għandhom jitnaqqsu mill-ammont ta’ EUR 3 miljuni.

151    L-ewwel nett, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li, fil-każ ta’ mewt ta’ uffiċjal, l-ulied dipendenti għandhom jibbenefikaw mir-remunerazzjoni globali tad-deċedut sal-aħħar tat-tielet xahar wara x-xahar tal-mewt. It-tieni nett, l-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li, fil-każ ta’ mewt, il-membri tal-familja indikati f’din id-dispożizzjoni għandhom jirċievu somma f’daqqa ekwivalenti għal ħames darbiet is-salarju bażiku annwali tal-persuna kkonċernata kkalkolata fuq il-bażi tas-salarji mensili mogħtija fit-tnax-il xahar preċedenti. It-tielet nett, l-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li donazzjonijiet, self jew avvanzi jistgħu jingħataw lill-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli minħabba raġunijiet diversi, inkluża s-sitwazzjoni tal-familja tagħhom. Ir-raba’ nett, l-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li, meta uffiċjal imut mingħajr ma jħalli konjuġi intitolat għal pensjoni tas-superstiti, l-ulied irrikonoxxuti li huma dipendenti fuqu fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Anness VII fil-mument tal-mewt għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-orfni, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 21 tal-Anness VIII. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(2) tal-Anness VIII jipprevedi li l-orfni għandu jkun intitolat għal allowance tal-edukazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tal-Anness VII. Il-ħames nett, mill-Artikolu 67(2) u (4) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta l-allowances għal ulied dipendenti jistgħu jingħataw lil persuna li ma tkunx l-uffiċjal.

152    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, l-ewwel nett, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni ħallset lill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi r-remunerazzjoni globali ta’ dan tal-aħħar mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru 2006. It-tieni nett, il-Kummissjoni ħallsithom is-somma globali ta’ EUR 414 308.90, bħala somma f’daqqa li titħallas fil-każ ta’ mewt, konformement mal-Artikolu 73(2)(a) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll is-somma globali ta’ EUR 76 628.40, minħabba l-mewt tal-konjuġi, taħt l-Artikolu 25 tal-Anness X tagħhom. It-tielet nett, il-Kummissjoni rrikonoxxiet lill-erba’ wlied, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, id-dritt għall-pensjoni tal-orfni prevista fl-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri ammont globali ta’ EUR 4 376.82 fix-xahar, u għall-allowance tal-edukazzjoni prevista fl-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri ammont globali ta’ EUR 2 287.19 fix-xahar. Ir-raba’ nett, konformement mal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni tat lil kull wieħed mill-erba’ wlied, sal-età ta’ dsatax-il sena, għajnuna mensili straordinarja għal raġunijiet soċjali, ekwivalenti għall-ammont ta’ allowance għal ulied dipendenti, għal ammont globali ta’ EUR 1 332.76 fix-xahar. B’deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2008, din is-somma ġiet irdoppjata b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2008. Il-ħames nett, mill-Anness 4 tal-proċess fl-ewwel istanza jirriżulta li Livio Missir Mamachi kien jirċievi allowance għal ulied dipendenti ta’ ammont globali ta’ EUR 1 453.84 fix-xahar u tnaqqis fiskali wara applikazzjoni ta’ erba’ deduzzjonijiet marbuta mal-ulied dipendenti li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa dovuta mingħajr ulied dipendenti u dik effettivament imħallsa, kien jimplika l-ħlas mill-Kummissjoni ta’ ammont ta’ EUR 1 015.78.

153    Għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-ammont ta’ EUR 76 628.40, imħallas minħabba l-mewt tal-konjuġi taħt l-Artikolu 25 tal-Anness X, li ma jistax jitqies li huwa modalità li permezz tagħha l-Kummissjoni għandha twettaq l-obbligu tagħha li tikkumpensa d-dannu materjali li jikkonsisti fit-telf ta’ remunerazzjoni ta’ Alessandro Missir Mamachi, l-ammont imħallas konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-somma f’daqqa mħallsa fil-każ ta’ mewt mogħtija taħt l-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-pensjonijiet tal-orfni dovuti fuq il-bażi tal-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowances tal-edukazzjoni previsti fl-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-għajnuna mensili straordinarja mogħtija konformement mal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowances għal ulied dipendenti kif ukoll l-ammont marbut mad-deduzzjonijiet fiskali għandhom jitnaqqsu mill-ammont ta’ EUR 3 miljuni.

154    Fir-rigward tal-pensjonijiet tal-orfni, fil-punt 138 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li, jekk dawn ma jitnaqqsux mill-ammont dovut bħala kumpens għad-dannu materjali mġarrab, l-aventi kawża jirċievu kumpens doppju. Fir-rigward tal-ammont imħallas konformement mal-Artikolu 70 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan jikkorrispondi għal tliet salarji mensili ta’ Alessandro Missir Mamachi u, għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-ħlas tal-kumpens marbut mat-telf ta’ remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Fir-rigward tas-somma f’daqqa mħallsa fil-każ ta’ mewt mogħtija taħt l-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-punt 136 iktar ’il fuq ġie indikat li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-kumpens għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu dovut (sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, EU:C:1986:371, punt 13, u tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 22). L-istess konklużjoni tapplika għall-għajnuna straordinarja mogħtija konformement mal-Artikolu 76 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 139 iktar ’il fuq, din l-għajnuna hija marbuta mill-qrib mal-kumpens mogħti taħt l-Artikolu 73(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allowances tal-edukazzjoni, tal-allowances għal ulied dipendenti kif ukoll mal-ammont rċevut minħabba d-deduzzjonijiet fiskali, għandu jiġi kkonstatat li, li kieku Alessandro Missir Mamachi ma mietx, huwa kien jirċevihom mas-salarju tiegħu. Għaldaqstant, huma għandhom jitqiesu wkoll li huma pagament għat-telf tar-remunerazzjoni tiegħu.

155    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li huwa minnu li, kif isostnu l-appellanti, ċerti benefiċċji dovuti lill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi huma suġġetti għal kundizzjonijiet futuri, jiġifieri li dawn jibqgħu dipendenti u li jkomplu jistudjaw sakemm jagħlqu sitta u għoxrin sena, kundizzjonijiet li jistgħu ma jkunux issodisfatti minn wieħed, tnejn, tlieta jew anki l-erba’ wlied. Barra minn hekk, kif isostnu wkoll l-appellanti, jista’ jirriżulta wkoll li l-erba’ wlied isegwu studji universitarji li jispiċċaw qabel ma jagħlqu sitta u għoxrin sena. Madankollu, f’dawn il-każijiet, jekk il-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal li jkunu effettivament imħallsa ma jilħqux l-ammont ta’ EUR 3 miljuni, il-Kummissjoni ser tkun meħtieġa tħallas id-differenza meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-ammont, sa fejn id-dannu materjali mġarrab jikkorrispondi għal dan il-kumpens. Fil-fatt, il-ħlas tal-ammont tal-benefiċċji dovuti jekk l-erba’ wlied jibqgħu dipendenti u jkomplu jistudjaw sakemm jagħlqu sitta u għoxrin sena jew jispiċċaw dawn l-istudji qabel jilħqu din l-età huwa modalità li permezz tagħha l-Kummissjoni għandha twettaq l-obbligu ta’ kumpens tagħha, peress li l-ammont ta’ EUR 3 miljuni dovut bħala kumpens għad-dannu materjali mġarrab huwa ffissat b’mod definittiv.

[omissis]

 Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi, mill-erba’ wlied tiegħu u minn Livio Missir Mamachi

171    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha l-elementi neċessarji kollha sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-kumpens tad-danni morali mġarrba minn Alessandro Missir Mamachi, mill-erba’ wlied tiegħu u minn Livio Missir Mamachi. Għandu jiġi speċifikat, preliminarjament, li, bħal fil-każ tad-danni materjali, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tipproteġi l-persunal tagħha u għandha titqies li hija koawtur tad-danni morali mġarrba.

 Fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi

172    L-appellanti jsostnu li, minħabba l-aġir illegali tal-Kummissjoni, Alessandro Missir Mamachi ġarrab dannu morali reali u effettiv. Skont l-appellanti, dan id-dannu jikkonsisti fis-sofferenza fiżika li huwa ġarrab mill-mument tal-aggressjoni sal-mument tal-mewt tiegħu, li probabbilment seħħet minħabba d-demm li tilef wara li l-qattiel ħallieh fuq il-post tar-reat. Ma’ dan għandu jiġi inkluż l-istat ta’ skonvolġiment u ta’ trawma psikoloġika dovut għall-fatt li assista, mingħajr ma seta’ jagħmel xejn, għall-aggressjoni u għall-qtil barbaru tal-konjuġi maħbuba tiegħu, l-għarfien traġiku li kien wasal sabiex imut kif ukoll is-sens ta’ nuqqas ta’ sigurtà, ta’ inkwiet u ta’ dieqa dwar il-futur tal-erba’ wlied żgħar tiegħu li kienu ser jibqgħu orfni mingħajr missier u mingħajr omm fil-każ li jirnexxielhom jeħilsuha mill-aggressjoni. Skont l-appellanti, dan id-dritt għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u mid-dritt Taljan.

173    Il‑Kummissjoni ssostni li r-rikonoxximent ta’ dan it-tip ta’ dannu huwa speċifiku għas-sistema legali Taljana, konformement mal-Artikolu 2059 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u mal-ġurisprudenza dwar il-beni protetti taħt il-kostituzzjoni skont il-Kostituzzjoni Taljana. Skont il-Kummissjoni, fid-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni ma hemm ebda bażi legali li tippermetti li jiġi invokat dan it-tip ta’ dannu.

174    Preliminarjament, l-oġġezzjoni mqajma mill-Kummissjoni, fis-sens li fid-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni ma hemm ebda bażi legali li tippermetti li jiġi invokat dan it-tip ta’ dannu, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif diġà ġie osservat fil-punt 107 iktar ’il fuq, is-silenzju tar-Regolamenti tal-Persunal ma jimplikax l-esklużjoni ta’ dak kollu li ma huwiex previst espliċitament fihom, filwaqt li eventwali bażi legali tista’ tirriżulta mill-prinċipji li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

175    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri joħroġx prinċipju ġenerali li jirrikonoxxi lill-vittma dritt għall-kumpens tad-dannu morali tagħha li jikkonsisti fis-sofferenza fiżika u psikoloġika li tkun esperjenzat sal-mument tal-mewt tagħha stess.

176    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, mid-drittijiet tal-Istati Membri ma jirriżultax prinċipju ġenerali komuni li jindika li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, qorti nazzjonali kienet ser tikkumpensa dan it-tip ta’ dannu morali.

177    Għaldaqstant, it-talba għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fir-rigward tagħha mill-Kummissjoni.

 Fuq it-talbiet għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi

178    Skont l-appellanti, minħabba l-mewt ta’ Alessandro Missir Mamachi, l-erba’ wlied tiegħu ġarrbu in jure proprio dannu mhux patrimonjali reali u effettiv, kemm morali u kemm eżistenzjali, flimkien mad-dannu tat-telf tar-relazzjoni parentali, u li d-dritt għall-kumpens tiegħu għandu bażi fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt Taljan.

179    L-appellanti jsostnu li d-dannu morali allegat huwa marbut mal-avvenimenti traġiċi tal-lejl tat-18 ta’ Settembru 2006 u jikkorrispondi għat-trawma psikoloġika u emozzjonali terribbli mġarrba mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi minħabba l-fatt li kellhom jassistu għax-xena orribbli u skonvolġenti tal-agonija u tal-mewt tal-ġenituri tagħhom u li mbagħad kellhom joqogħdu għassa mal-kadavri tagħhom matul il-lejl kollu minħabba li, fid-dawl tal-età żgħira tagħhom, ma kinux kapaċi jagħmlu mod ieħor. Din it-trawma hija wkoll l-oriġini tad-dannu eżistenzjali mġarrab mill-erba’ wlied minorenni, li ser jibqgħu affettwati għall-ħajjithom kollha minħabba l-esperjenza terribbli u ta’ dieqa li esperjenzaw fi tfulithom, esperjenza li fil-futur jista’ jkollha konsegwenzi gravi fuq il-kwalità tar-relazzjonijiet umani tagħhom u tar-relazzjonijiet soċjali tagħhom. Fl-aħħar nett, id-dannu tat-telf tar-relazzjoni parentali hija in re ipsa u tikkonsisti fit-tbatija u fis-sofferenza inġusti dovuti għall-fatt li kienu tilfu għal dejjem, u barra minn hekk f’età żgħira ħafna, iż-żewġ ġenituri maħbuba tagħhom.

180    Fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dannu morali mġarrab mill-erba’ wlied, l-appellanti jirreferu, b’mod prudenti, għall-ġurisprudenza Taljana u b’mod partikolari għall-aħħar aġġornament tat-tabelli stabbiliti għal dan il-għan mit-Tribunale de Milano (il-Qorti ta’ Milano, l-Italja). Dawn it-tabelli jindikaw, fir-rigward tal-każijiet standard ta’ likwidazzjoni tad-dannu ta’ kull wieħed mill-ġenituri jew tal-ulied superstiti, marġni ta’ bejn EUR 106 376 u EUR 212 752, b’tali mod li l-kumpens ikun jista’ jiġi aġġustat għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ċirkustanzi li jikkonsistu, b’mod partikolari, fis-sopravivenza jew le ta’ qraba oħra, fil-ħajja komuni jew le magħhom, fil-kwalità u fl-intensità tar-relazzjoni familjali affettiva li jkun baqa’ u fil-kwalità u fl-intensità tar-relazzjoni affettiva li kienet tikkaratterizza r-relazzjoni parentali mal-persuna deċeduta.

181    L-appellanti jżidu li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Taljani, is-somom imsemmija fil-punt 180 iktar ’il fuq huma madankollu purament indikattivi u jistgħu jiżdiedu fid-diskrezzjoni tal-qrati f’każijiet partikolarment gravi. F’dan ir-rigward, l-appellanti josservaw li, meta wild minorenni superstiti jitlef iż-żewġ ġenituri tiegħu, l-ammont tal-kumpens normalment jiżdied b’25 %. Skont l-appellanti, fid-dawl tan-natura unika u assolutament eċċezzjonali tal-każ ineżami kif ukoll taċ-ċirkustanzi partikolarment atroċi u traġiċi li fihom Alessandro Missir Mamachi tilef ħajtu, is-somma hekk iddeterminata għandha terġa’ tiżdied b’25 %.

182    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-appellanti jitolbu, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi, ammont ta’ EUR 319 128 għal kull wieħed minnhom, jiġifieri total ta’ EUR 1 276 512.

183    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni l-fatt li hija ma hijiex l-awtur tad-dannu mġarrab minn Alessandro Missir Mamachi. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza Taljana ċċitata mill-appellanti ma hijiex rilevanti sa fejn tikkonċerna każijiet ta’ kumpens għad-dannu morali mill-awturi ta’ reati li kkawżaw il-mewt tal-vittmi, filwaqt li, fil-każ ineżami, hija ssostni li għandha responsabbiltà eventwalment sussidjarja minħabba nuqqas imwettaq fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ miżuri ta’ sigurtà adegwati.

184    It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li, fid-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, ma hemmx dritt għall-kumpens tad-dannu mhux patrimonjali tal-membri tal-familja ta’ uffiċjal. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), fejn, fil-fehma tagħha, ir-rabta bejn l-aġir tal-istituzzjoni u l-avveniment li kkonċerna lill-uffiċjal kienet manifestament iktar diretta milli fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konsegwenzi li jaffettwaw lill-membri tal-familja kienu biss is-sempliċi konsegwenza tad-dannu mġarrab mill-uffiċjal u li l-istituzzjoni ma setgħetx titqies li hija responsabbli fir-rigward tagħhom.

185    It-tielet nett, u b’mod sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, fir-rigward tat-trawma psikoloġika mġarrba mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi minħabba li assistew għal spettaklu atroċi u skonvolġenti bħalma huwa l-mewt tal-ġenituri tagħhom, li mill-atti fil-proċess ma jirriżultax li l-ulied kienu assistew għall-qtil tal-ġenituri tagħhom u, għalhekk, li l-imsemmi dannu ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi.

186    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dannu eżistenzjali kkawżat mit-trawma li, skont l-appellanti, jista’ jkollu, fil-futur, konsegwenzi gravi fuq il-kwalità tar-relazzjonijiet umani u tar-relazzjonijiet soċjali tal-erba’ wlied, il-Kummissjoni tosserva li, minn naħa, skont il-ġurisprudenza Taljana ċċitata mill-appellanti, id-dannu eżistenzjali bħala tali ma jeżistix bħala kategorija awtonoma u, min-naħa l-oħra, dan id-dannu jista’ jiġi kkumpensat biss meta jkun imġarrab direttament mill-vittma, li tkun is-suġġett tar-reat imwettaq mill-awtur tar-reat, li, f’dan il-każ, ma huwiex il-Kummissjoni.

187    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dannu li jirriżulta mit-telf tar-relazzjoni parentali li, skont l-appellanti, huwa in re ipsa, il-Kummissjoni tosserva, preċiżament fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, l-Italja) iċċitata mill-appellanti, li din it-talba għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, tali talba tiżnatura l-funzjoni tal-kumpens, li ma jingħatax wara l-verifika effettiva ta’ dannu, iżda bħala miżura ta’ natura privata għal aġir li jikkawża dannu. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi dannu kien diġà s-suġġett ta’ kumpens fil-forma ta’ benefiċċji mogħtija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi preċiżament kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa fil-każ tal-mewt ta’ uffiċjal.

188    Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tat-tabelli stabbiliti mit-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milano), għall-finijiet li jiġi ddeterminat l-ammont tad-dannu morali allegatament imġarrab mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi. L-ewwel nett, dawn it-tabelli jikkonċernaw il-każ tal-kumpens għad-dannu li huwa responsabbli għalih l-awtur tar-reat, ipoteżi din li manifestament ma tapplikax għall-każ ineżami sa fejn il-Kummissjoni ma hijiex l-awtur tar-reat. It-tieni nett, dawn it-tabelli jindikaw tendenza segwita fi Stat Membru wieħed biss u, f’dan l-Istat Membru, minn qorti waħda biss. Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni tat-tabelli stabbiliti mit-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milano) proposta mill-appellanti tkun tikkontradixxi l-ġurisprudenza stabbilita Taljana, iċċitata mill-appellanti, fir-rigward tad-dannu bijoloġiku, iżda li tista’ tiġi trasposta għad-dannu morali, li minnha jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ tabelli teħtieġ dejjem individwalizzazzjoni adegwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

189    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li t-talba għall-kumpens tad-danni morali tal-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi għandha tiġi miċħuda.

190    Għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, iż-żewġ oġġezzjonijiet imqajma, essenzjalment, mill-Kummissjoni, li ssostni, kif ġie indikat fil-punti 183 u 184 iktar ’il fuq, minn naħa, li hija responsabbli biss b’mod sussidjarju għad-dannu morali mġarrab mill-erba’ wlied u, min-naħa l-oħra, li s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986 Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), turi li l-konsegwenzi li jaffettwaw lill-membri tal-familja ta’ uffiċjal huma biss is-sempliċi konsegwenza tad-dannu mġarrab minn dan tal-aħħar u li l-istituzzjoni ma tistax titqies li hija responsabbli fir-rigward tagħhom.

191    Fir-rigward tal-ewwel oġġezzjoni, għandu jitfakkar li mill-punt 84 iktar ’il fuq jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, mingħajr ma wettaq żball ta’ liġi, li, fil-każ ta’ nuqqas li jikkonsisti fin-nuqqas li jitwettaq obbligu ta’ protezzjoni li jkun ikkontribwixxa sabiex jiġi kkawżat id-dannu speċifiku li dan l-obbligu kien intiż li jevita, anki jekk l-istituzzjoni ma tistax titqies li kienet ir-responsabbli prinċipali għad-dannu, din tal-aħħar għandha titqies li hija koawtur tad-dannu. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li hija responsabbli b’mod sussidjarju għad-dannu għandu jiġi miċħud.

192    Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipju stabbilit fis-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), jiġifieri li l-konsegwenzi li jaffettwaw lill-membri tal-familja ta’ uffiċjal huma biss is-sempliċi konsegwenza tad-dannu mġarrab minn dan tal-aħħar u li l-istituzzjoni ma tistax titqies li hija responsabbli fir-rigward tagħhom, huwa applikabbli, a fortiori, fil-każ ineżami.

193    L-ewwel nett, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni (169/83 u 136/84, EU:C:1986:371), fejn l-uffiċjal li kien il-vittma ta’ inċident fil-kuntest tax-xogħol kien baqa’ ħaj u kien irċieva kumpens komplementari, fil-każ ineżami, Alessandro Missir Mamachi miet mingħajr ma kellu dritt għal tali kumpens, kif jirriżulta mill-punt 177 iktar ’il fuq, u, għalhekk, il-konsegwenzi fuq il-membri tal-familja ta’ uffiċjal deċedut ma jistgħux ikunu identiċi għall-konsegwenzi fuq il-membri tal-familja ta’ uffiċjal li baqa’ ħaj.

194    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li mid-drittijiet tal-Istati Membri joħroġ prinċipju ġenerali komuni fis-sens li, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-każ ineżami, il-preżenza ta’ skema li tiggarantixxi l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċji lill-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut ma hijiex ostakolu għall-fatt li l-imsemmija aventi kawża, jekk iqisu li d-danni mġarrba ma humiex koperti jew ma humiex kompletament koperti mill-imsemmija skema, jiksbu wkoll kumpens għad-dannu morali tagħhom permezz ta’ rikors quddiem qorti nazzjonali.

195    F’dan ir-rigward, mid-drittijiet tal-Istati Membri joħroġ ukoll prinċipju ġenerali komuni fis-sens li d-dannu morali mġarrab ma jistax ikun is-suġġett ta’ kumpens doppju. Għaldaqstant, il-qorti għandha tivverifika sa fejn skema li tiggarantixxi l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċji tkopri kompletament, parzjalment jew bl-ebda mod id-dannu morali mġarrab mill-aventi kawża qabel ma tiddetermina l-ammont tal-kumpens għall-imsemmi dannu. Fl-aħħar nett, mid-drittijiet tal-Istati Membri jirriżulta li l-prinċipju ta’ responsabbiltà in solidum applikabbli għad-dannu materjali f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-każ ineżami japplika wkoll għad-dannu morali.

196    Għaldaqstant, it-tieni oġġezzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.

197    Fir-rigward tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens għad-dannu morali mġarrab mill-erba’ wlied ta’ Alessandro Missir Mamachi, l-appellanti jsostnu li l-imsemmi ammont għandu jiġi stabbilit filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, it-trawma psikoloġika u emozzjonali li l-erba’ wlied ġarrbu minħabba li assistew għall-ispettaklu orribbli u skonvolġenti tal-agonija u tal-mewt tal-ġenituri tagħhom u minħabba li mbagħad kellhom joqogħdu għassa mal-kadavri tagħhom matul il-lejl kollu sa fejn, minħabba l-età żgħira ħafna tagħhom, ma kinux kapaċi jagħmlu xi ħaġa oħra, it-tieni nett, id-dannu eżistenzjali mġarrab mill-erba’ wlied, li ser jibqgħu affettwati ħajjithom kollha mill-esperjenza terribbli u ta’ dieqa li għaddew minnha fi tfulithom, u, it-tielet nett, id-dannu dovut għat-telf tar-relazzjoni parentali, li tikkonsisti fit-tbatija u fis-sofferenza inġusti li tilfu għal dejjem, u barra minn hekk f’età tant żgħira, iż-żewġ ġenituri tagħhom.

198    Mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar id-diversi kriterji invokati mill-appellanti, li barra minn hekk jirreferu għal prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza Taljana, għandu jiġi kkonstatat li mid-drittijiet tal-Istati Membri joħroġ prinċipju ġenerali komuni fis-sens li, f’ċirkustanzi simili għal dawk ta’ dan il-każ, huwa rrikonoxxut li l-aventi kawża, b’mod partikolari l-ulied u l-ġenituri tal-persuna deċeduta, ikunu ġarrbu dannu morali li jista’ jiġi kkumpensat, li jikkonsisti fit-tbatija morali kkawżata mill-mewt ta’ persuna qrib tagħhom, prinċipju dan li miegħu huma relatati d-diversi kriterji msemmija mill-appellanti.

199    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dannu morali mġarrab mill-erba’ wlied ma kienx diġà s-suġġett ta’ kumpens fil-forma ta’ benefiċċji mogħtija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa fil-każ tal-mewt ta’ uffiċjal. Fil-fatt, mill-punt 153 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ttieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kumpens tad-dannu materjali biss, li jikkonsisti fit-telf ta’ remunerazzjoni ta’ Alessandro Missir Mamachi. Għall-kuntrarju, id-dannu morali kkawżat mill-mewt ta’ Alessandro Missir Mamachi huwa marbut mat-tbatija li sofrew l-erba’ wlied u, għaldaqstant, ma huwiex kopert mill-benefiċċji mogħtija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

200    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dannu morali, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, it-tabelli stabbiliti mit-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milano) ma jistgħux jintużaw f’dan il-każ. Fil-fatt, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tuża tabelli stabbiliti fi Stat Membru wieħed sabiex tiddetermina l-ammont tal-kumpens għad-dannu mġarrab mill-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni għandha tiffissa l-ammont ex æquo et bono (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79, EU:C:1980:145, punt 15), filwaqt li tesponi l-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens, C‑259/96 P, EU:C:1998:224, punti 32 u 33; tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 35, u tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 51).

201    Filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami kif ukoll il-prinċipji stabbiliti fil-punti 194 u 195 iktar ’il fuq u fid-dawl tal-kriterju msemmi fil-punt 198 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata in solidum sabiex tħallas lil kull wieħed mill-ulied ta’ Alessandro Missir Mamachi, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minħabba t-telf tal-ġenituri tagħhom u minħabba l-preżenza tagħhom fil-post tal-qtil doppju, l-ammont, stmat ex æquo et bono, ta’ EUR 100 000.

 Fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Livio Missir Mamachi

202    L-appellanti jsostnu li l-ġenituri ta’ Alessandro Missir Mamachi wkoll għandhom jingħataw kumpens ġust għad-dannu morali kkostitwit mit-tbatija u mis-sofferenza inġusti li jirriżultaw mit-telf ta’ binhom f’ċirkustanzi daqstant traġiċi u atroċi. Ma’ din is-sofferenza għandhom jiġu miżjuda, bħala dannu eżistenzjali, l-għajja fiżika u psikoloġika kif ukoll l-inkwiet u t-tħassib li jirriżultaw mill-bżonn li jieħdu ħsieb, minkejja l-età avvanzata tagħhom, il-manteniment u l-edukazzjoni tal-erba’ neputijiet tagħhom li spiċċaw orfni. B’hekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi uniċi tal-każ ineżami u tan-natura partikolarment terribbli u traġika tal-każ, l-appellanti jitolbu li Livio Missir Mamachi jingħata l-ammont ta’ EUR 212 752, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnu.

203    Il‑Kummissjoni tqajjem biss eċċezzjoni ta’ inammissibbli fir-rigward ta’ din it-talba, eċċezzjoni li ġiet eżaminata u miċħuda fil-punt 170 iktar ’il fuq.

204    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif ġie osservat fil-punt 198 iktar ’il fuq, li, mid-drittijiet tal-Istati Membri, joħroġ prinċipju ġenerali komuni fis-sens li, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-każ ineżami, dannu morali li jista’ jiġi kkumpensat għandu jiġi rrikonoxxut fir-rigward tal-ġenituri tal-persuna deċeduta, li jikkonsisti fit-tbatija morali kkawżata mill-mewt ta’ persuna qrib tagħhom.

205    Filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ u l-prinċipji msemmija fil-punti 194 u 195 iktar ’il fuq u fid-dawl tal-kriterju indikat fil-punt 198 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata in solidum sabiex tħallas lill-appellanti kollha, bħala eredi ta’ Livio Missir Mamachi u bħala kumpens għad-dannu mġarrab minnu minħabba t-telf ta’ ibnu, Alessandro Missir Mamachi, l-ammont globali, stmat ex æquo et bono, ta’ EUR 50 000.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs IlKummissjoni (F50/09), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea laqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni Ewropea fil-konfront tat-talba għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Carlo Missir Mamachi di Lusignano, Giustina Missir Mamachi di Lusignano, Filiberto Missir Mamachi di Lusignano u Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, bit-tnejn tal-aħħar irrappreżentati minn Anne Sintobin.

2)      Is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs IlKummissjoni (F50/09), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tat-talba għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Livio Missir Mamachi di Lusignano.

3)      Is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs IlKummissjoni (F50/09), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku llimita r-responsabbiltà tal-Kummissjoni fil-livell ta’ 40 % tad-dannu materjali mġarrab minn Carlo Missir Mamachi di Lusignano, Giustina Missir Mamachi di Lusignano, Filiberto Missir Mamachi di Lusignano u Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, bit-tnejn tal-aħħar irrappreżentati minn A. Sintobin.

4)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

5)      IlKummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 3 miljuni, wara li jitnaqqsu l-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal li huma meqjusa li jagħmlu parti minn dan l-ammont u li tħallsu jew li għandhom jitħallsu lil Carlo Missir Mamachi di Lusignano, Giustina Missir Mamachi di Lusignano, Filiberto Missir Mamachi di Lusignano u M. Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, bit-tnejn tal-aħħar irrappreżentati minn A. Sintobin, fir-rigward tad-dannu materjali mġarrab minnhom.

6)      IlKummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 100 000 lil Carlo Missir Mamachi di Lusignano, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minnu.

7)      IlKummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 100 000 lil Giustina Missir Mamachi di Lusignano, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minnha.

8)      IlKummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 100 000 lil Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, irrappreżentat min A. Sintobin, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minnu.

9)      IlKummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 100 000 lil Filiberto Missir Mamachi di Lusignano, irrappreżentat min A. Sintobin, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minnu.

10)    IlKummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont globali ta’ EUR 50 000 lil Stefano Missir Mamachi di Lusignano u lill-appellanti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness, bħala eredi ta’ Livio Missir Mamachi di Lusignano, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minn dan tal-aħħar.

11)    Il-kumpens imsemmi fil-punti 6 sa 10 iktar ’il fuq għandhom jiżdiedu b’interessi moratorji, b’effett mill-għoti ta’ din is-sentenza u sal-pagament sħiħ tiegħu, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

12)    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

13)    IlKummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell.

14)    IlKummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza.

Jaeger

Frimodt Nielsen

Papasavvas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Diċembru 2017.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1      Il-lista tal-appellanti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.


2      Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.