Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta' Frar 2013 minn Diana Grazyte mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-5 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża F-76/11, Grazyte vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-86/13 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Diana Grazyte (Utena, il-Litwanja) (rappreżentant: R. Guarino, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-5 ta' Diċembru 2012, mogħtija fil-Kawża F-76/11 (Grazyte vs Il-Kummissjoni Ewropea);

tannulla d-deċiżjoni meħuda mid-Direttur tad-DĠ HR D, fil-kwalità tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta' reklutaġġ, tad-29 ta' April 2011 u konsegwentement tiddikjara d-dritt tar-rikorrenti għall-allowance tal-espatrijazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur u/jew interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju b'riferiment għat-tekniki ta' interpretazzjoni tad-dritt u għall-ħsieb wara l-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Motivazzjoni vvizzjata.

F'dan ir-rigward jiġi sostnut li, kemm it-test tad-dispożizzjoni (li tirreferi testwalment għal "raġunijiet minbarra l-qadi tad-dmirijiet fis-servizz ta' Stat jew ta' organizzazzjoni internazzjonali"), kif ukoll il-ħsieb wara d-dispożizzjoni jwasslu sabiex jiġi eskluż mill-allowance kull min jitlaq mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu mingħajr ma joħloq rabta durevoli mal-pajjiż li fih huwa ttrasferixxa ruħu proprju għaliex ġie rreklutat ma' organizzazzjoni internazzjonali.

La t-test, la l-loġika u lanqas il-ħsieb ta' wara d-dispożizzjoni ma jistgħu jwasslu sabiex jiġi sostnut, hekk kif għamel it-Tribunal fis-sentenza appellata, li l-perijodi li ġew wara s-servizz f'organizzazzjoni internazzjonali għandhom jixxejnu meta t-trasferiment ikun seħħ, bħal fil-każ preżenti, għal raġunijiet affettivi.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur u/jew interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju b'riferiment għall-klassifikazzjoni tal-Aġenziji bħala organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

F'dan ir-rigward jiġi sostnut li l-kunċett ta' organizzazzjoni internazzjonali kif jinsab fl-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ġie ddefinit b'mod preċiż ħafna mill-ġurisprudenza. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tat-30 ta' Novembru 2006, J vs Il-Kummissjoni (b'mod partikolari l-punti 42 u 43) qieset li sabiex organizzazzjoni tikkwalifika bħala internazzjonali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII, huwa meħtieġ li din tkun ġiet identifikata u tqieset formalment bħala tali mill-Istati l-oħra jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra maħluqa mill-Istati. Fi kwalunkwe każ, sabiex tiġi evalwata n-natura internazzjonali ta' organizzazzjoni jeħtieġ li titqies biss il-kompożizzjoni tagħha u mhux l-appartenenza tagħha għal organizzazzjonijiet li għandhom kompożizzjoni internazzjonali. Fid-dawl ta' dawn il-kriterji rigorużi, la l-EFSA u lanqas l-ETF ma jistgħu jitqiesu bħala organizzazzjonijiet internazzjonali fis-sens mogħti mill-Artikolu 4.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza.

Dwar dan il-punt jiġi sostnut li l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza lid-dispożizzjoni tmur kontra l-loġika u għandha l-effett li toħloq diskriminazzjoni bejn żewġ kategoriji ta' uffiċjali li ma huwa bbażat fuq ebda element oġġettiv, u b'hekk issir ekwiparazzjoni tal-kundizzjoni ta' min kien barra mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu biss għaliex qiegħed jaħdem ma' Stat jew ma' organizzazzjoni internazzjonali (u għaldaqstant mingħajr ma jaqta' l-kuntatt mal-pajjiż tat-twelid) ma' dik ta' min ittrasferixxa ruħu mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu għal għażliet tal-ħajja li kienu jinkludu l-qtugħ mir-rabtiet ma' dan il-pajjiż u kien biss wara illi din il-persuna tkun ħadmet ma' Stat jew ma' organizzazzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, skont is-sentenza appellata, għandha tiġi ttrattata b'mod differenti s-sitwazzjoni ta' żewġ uffiċjali li telqu l-pajjiż tal-oriġini tagħhom għal iktar minn għaxar snin sabiex joħolqu familja ġdida barra minn dak il-pajjiż, għas-sempliċi fatt li wieħed minn dawn, wara snin li kien ilu jgħix fil-pajjiż il-ġdid, ġie rreklutat minn organizzazzjoni internazzjonali.

____________